Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-kontroll ta’ għajnuniet mill-Istat fl-Unjoni Ewropea (UE): kwistjoni ewlenija ta’ kompetizzjoni

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 - regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (għajnuna mill-Istat)

SOMMARJU

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprojbixxi l-għajnuna mill-Istat sakemm ma tkunx iġġustifikata minn raġunijiet ta' żvilupp ekonomiku ġenerali. Il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli biex tiżgura li l-għajnuna mill-Istat tikkonforma mar-regoli tal-Unjoni Ewropea.

Biex jiġi evitat li negozji fis-Suq Intern tal-UE jibbenefikaw minn vantaġġi selettivi li jfixklu l-kompetizzjoni, bħala regola ġenerali, l-għajnuniet mill-Istat huma pprojbiti. Madankollu, f’ċerti każijiet, l-intervent mill-Istat huwa neċessarju biex jikkumpensa għall-falliment tas-suq. Il-Kummissjoni tiżgura li dawn ir-regoli jiġu rispettati u l-eżenzjonijiet jiġu applikati bl-istess mod madwar l-UE. Il-proċeduri huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 u fl-atti ta’ emenda u fil-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu.

Skemi differenti ta’ għajnuna eżaminati mill-Kummissjoni

Bħala regola ġenerali, il-pajjiżi tal-UE għandhom jinnotifikawmiżuri ġodda ta’ għajnuna lill-Kummissjoni qabel ma jimplimentawhom. F’notifika, il-pajjiżi tal-UE għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tieħu deċiżjoni.

Il-Kummissjoni għandha teżamina wkoll informazzjoni li tirċievi dwar allegata għajnuna illegali, jiġifieri għajnuna li tingħata mingħajr awtorizzazzjoni preċedenti. Jekk l-allegazzjoni tkun fondata sew, tiftaħ investigazzjoni preliminari, bħal fil-każijiet ta’ għajnuna nnotifikata.

Il-Kummissjoni tirrevedi wkoll skemi eżistenti ta’ għajnuna sabiex tiżgura li dawn ikunu għadhom kompatibbli mas-suq intern.

Eżami preliminari

Kull notifika tiskatta investigazzjoni preliminari. Hekk kif tirċievi notifika kompluta, il-Kummissjoni għandha xahrejn biex tiddeċiedi jekk:

m’hemm l-ebda għajnuna fis-sens tar-regoli tal-UE; jew

l-għajnuna hija kompatibbli mar-regoli tal-UE, minħabba li l-effetti pożittivi tagħha jegħlbu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni; jew

għad hemm dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

Fl-ewwel 2 każijiet, il-miżura tista’ tiġi implimentata immedjatament, iżda, fit-tielet każ, il-Kummissjoni tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni fil-fond.

Proċedura ta’ investigazzjoni formali

Id-deċiżjoni biex tinbeda din il-proċedura tintbagħat lill-pajjiż relevanti tal-UE. Fiha r-raġunijiet fattwali u legali għall-investigazzjoni, inkluż il-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni. Il-pajjiżi tal-UE u l-partijiet terzi interessati għandhom xahar biex jippreżentaw il-kummenti. Il-pajjiż tal-UE kkonċernat jiġi mistieden ukoll jikkummenta dwar l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet interessati.

Deċiżjoni finali

Il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni finali fl-aħħar tal-investigazzjoni formali. Hemm 3 eżiti possibbli:

Deċiżjoni pożittiva (jiġifieri l-miżura mhijiex għajnuna jew l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern),

Deċiżjoni kondizzjonali (il-miżura hija kompatibbli, iżda l-implimentazzjoni tagħha hija soġġetta għal kundizzjonijiet),

Deċiżjoni negattiva (il-miżura hija inkompatibbli u ma tistax tiġi implimentata).

Il-każ jista’ wkoll jingħalaq jekk il-pajjiż tal-UE jirtira n-notifika.

Irkupru ta’ għajnuna

Jekk il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni negattiva dwar għajnuna li tkun diġà tħallset, normalment titlob lill-pajjiż tal-UE biex jirkupra l-għajnuna (flimkien ma’ imgħax) mingħand il-benefiċjarju. Jekk il-pajjiż tal-UE ma josservax id-deċiżjoni fi żmien dovut, il-Kummissjoni tista’ tirreferih lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-irkupru huwa ta’ 10 snin.

ATT

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 108 tat-Trattat tal-KE

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999

16.4.1999

-

ĠU L 83, 27.3.1999, pp. 1-9

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (UE) Nru 734/2013

20.8.2013

-

ĠU L 204, 31.7.2013, pp. 15-22

Emendi u korrezzjonijiet suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 659/1999 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata hija għal għanijiet ta' referenza biss.

ATTI RELATATI

Atti ta’ implimentazzjoni

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat (ĠU L 140, 30.4.2004, pp. 1-134)

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 372/2014 tad-9 ta’ April 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 f’dak li jirrigwarda l-kalkolu ta’ ċerti limiti ta’ żmien, it-trattament tal-ilmenti, u l-identifikazzjoni u l-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali (ĠU L 109, 12.4.2014, pp. 14-22)

Avviż tal-Kummissjoni

Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti tipi ta’ Għajnuna mill-Istat (ĠU C 136, 16.6.2009, pp. 3-12)

l-aħħar aġġornament 21.09.2015

Top