Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Monitoraġġ taż-żoonożi u tal-aġenti żoonotiċi

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2003/99/KE rigward il-monitoraġġ tal-mard u l-infezzjonijiet tal-annimali

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Tistipula r-rekwiżiti minimi li jridu jiġu ssodisfati fil-pajjiżi kollha tal-UE għat-tisħiħ tas-sistemi eżistenti tagħhom li jimmonitorjaw il-mard u l-infezzjonijiet li jistgħu jiġu trażmessi bejn l-annimali u l-bnedmin b’mod dirett jew indirett.

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva tagħti spinta lill-monitoraġġ, mill-pajjiżi tal-UE, ta’:

  • żoonożi (mard u infezzjonijiet trażmissibbli b’mod naturali, direttament jew indirettament, bejn l-annimali u l-bnedmin);
  • aġenti żoonotiċi (kwalunkwe vajrus, batterju, fungus, parassita jew entità bijoloġika oħra li hija probabbli li tikkawża ż-żoonożi); u
  • r-reżistenza għall-antimikrobiċi* relatata.

Aktar monitoraġġ taż-żoonożi u tar-reżistenza għall-antimikrobiċi

Il-pajjiżi tal-UE huma responsabbli għall-istabbiliment u għaż-żamma ta’ sistemi ta’ monitoraġġ. Il-monitoraġġ isir fil-livell tal-produzzjoni primarja* jew fi stadji oħrajn tal-katina tal-ikel, kemm rigward l-għalf tal-annimali kif ukoll rigward l-ikel maħsub għall-konsum mill-bniedem.

Bħala prijorità, il-monitoraġġ jikkonċerna ż-żoonożi li ġejjin:

  • il-bruċellożi,
  • il-kampilobatterjożi,
  • l-ekinokokkożi,
  • il-listerjożi,
  • is-salmonellożi,
  • it-trikinellożi,
  • it-tuberkulożi minħabba Mycobacterium bovis,
  • Escherichia coli li tipproduċi l-verotossina.

Skont is-sitwazzjoni epidemjoloġika, il-monitoraġġ jikkonċerna wkoll:

  • iż-żoonożi virali (calicivirus, il-vajrus tal-epatite A, il-vajrus tal-influwenza, ir-rabja u l-vajrusijiet trażmessi mill-artropodi),
  • iż-żoonożi batterjali (il-borreljożi, il-botuliżmu, il-leptospirożi, il-psittakożi, it-tuberkulożi apparti dik speċifikata hawn fuq, il-vibrijożi, il-jersinjożi, u l-aġenti tagħhom),
  • iż-żoonożi parassitika (l-anisakjażi, il-krittosporidjożi, iċ-ċistiċerkożi u t-tossoplażmożi).

Metodi ta’ monitoraġġ

F’xi każijiet, id-dejta miġbura permezz tal-monitoraġġ b’rutina mhix suffiċjenti. Programmi koordinati ta’ monitoraġġ għal waħda jew aktar żoonożi jistgħu jkunu meħtieġa għall-valutazzjoni ta’ riskji speċifiċi jew l-istabbiliment tal-valuri bażali.

Il-pajjiżi tal-UE huma responsabbli biex jiżguraw li l-monitoraġġ jipprovdi dejta komparabbli dwar l-okkorrenza tar-reżistenza għall-antimikrobiċi fl-aġenti żoonotiċi u, fejn ikun meħtieġ, f’aġenti importanti oħrajn.

Il-monitoraġġ taż-żoonożi, tal-aġenti żoonotiċi u tar-reżistenza għall-antimikrobiċi fl-ikel, fl-għalf u fl-annimali jissupplimenta l-monitoraġġ tal-iżolati umani b’konformità mad-Deċiżjoni 1082/2013/UE rigward l-indirizzar tat-theddid transkonfinali serju għas-saħħa.

L-investigazzjoni tat-tifqigħat ikkawżati mill-ikel

L-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom jinvestigaw it-tifqigħat ikkawżati mill-ikel filwaqt li jiġbru dejta dwar il-profil epidemjoloġiku, l-oġġetti tal-ikel potenzjalment implikati u l-kawżi potenzjali.

Il-kondiviżjoni tal-informazzjoni

  • Il-kondiviżjoni tal-informazzjoni hija meħtieġa għall-ksib ta’ dejta eżawrjenti fil-livell tal-UE. F’kull pajjiż tal-UE, awtorità jew awtoritajiet kompetenti jikkooperaw mal-awtoritajiet responsabbli għas-saħħa tal-annimali, l-għalf u l-iġjene tal-ikel. B’mod partikolari f’każijiet ta’ tifqigħat ikkawżati mill-ikel, l-iskambju rapidu tal-informazzjoni permezz ta’ netwerks ta’ twissija (pereżempju, is-Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf) huwa essenzjali biex wieħed jimminimizza l-impatt ta’ tali tifqigħa fuq is-saħħa pubblika u l-ekonomija. Il-laboratorji ta’ referenza tal-UE u dawk nazzjonali huma wkoll maħtura bil-għan li jiżguraw analiżijiet ta’ kwalità għolja tal-kampjuni.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jivvalutaw it-tendenzi u s-sorsi taż-żoonożi, tal-aġenti żoonotiċi, u tar-reżistenza għall-antimikrobiċi u għandhom jissottomettu rapport lill-Kummissjoni Ewropea sal-aħħar ta’ Mejju ta’ kull sena. Il-Kummissjoni tibgħat dawn ir-rapporti lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, li teżaminahom u tippubblika rapport sommarju sal-aħħar ta’ Novembru ta’ kull sena.

MINN META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-12 ta’ Diċembru 2003. Kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-12 ta’ April 2004.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Reżistenza għall-antimikrobiċi: l-abbiltà ta’ mikroorganiżmu li jibqa’ ħaj jew li jikber f’konċentrazzjoni partikolari ta’ aġent antimikrobiku li normalment tkun suffiċjenti biex twaqqaf jew toqtol il-mikroorganiżmi tal-istess speċi.
Produzzjoni primarja: il-produzzjoni, it-tkabbir jew il-kultivazzjoni ta’ prodotti primarji, inklużi t-trobbija l-ipproċessar u l-produzzjoni ta’ annimali tar-razzett qabel il-qtil. Tkopri wkoll il-kaċċa, is-sajd u l-ħsad ta’ prodotti selvaġġi.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 rigward il-monitoraġġ taż-żoonożi u tal-aġenti żoonotiċi, temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE u tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/117/KEE (ĠU L 325, 12.12.2003, pp. 31-40)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2003/99/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, pp. 1-15)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 fuq il-kontroll tas-salmonella u aġenti żoonotiċi oħra speċifiċi li jkun hemm ġewwa l-ikel (ĠU L 325, 12.12.2003, pp. 1-15)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, pp. 1-24)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 29.01.2018

Top