Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri: il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar (Brussell IIa)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 magħruf bħala “R-Regolament Brussell IIa” huwa strument legali uniku bl-għan li jgħin lill-koppji internazzjonali jsolvu t-tilwim, li jinvolvi aktar minn pajjiż wieħed, dwar id-divorzju tagħhom u l-kustodja tat-tfal tagħhom.

Dan jistabilixxi:

  • regoli li jiddeterminaw liema qorti hija responsabbli biex tittratta kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri f’tilwimiet li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed;
  • regoli li jagħmluha aktar faċli sabiex s-sentenzi maħruġa f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) jiġu rikonoxxuti u infurzati f’pajjiż ieħor;
  • proċedura sabiex jiġu riżolti każijiet fejn wieħed mill-ġenituri jaħtaf wild minuri minn Stat Membru wieħed u jieħdu miegħu f’ieħor.

Dan ma jittrattax kwistjonijiet sostantivi tal-liġi tal-familja. Dawn jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri individwali.

PUNTI EWLENIN

Ir-Regolament japplika għal każijiet tal-liġi ċivili li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed li jkunu relatati ma’:

  • divorzju
  • separazzjoni legali
  • l-annullament ta’ żwieġ
  • kwalunkwe aspett tar-responsabbiltà tal-ġenituri (bħal drittijiet ta’ kustodja u ta’ aċċess).

Wieħed mill-objettivi ewlenin tiegħu huwa li jħares id-dritt tat-tfal sabiex iżommu il-kuntatt maż-żewġ ġenituri, anke jekk dawn ikunu sseparati jew jgħixu f’pajjiżi differenti tal-Istati Membri.

Ir-Regolament ma japplikax għal każijiet li jikkonċernaw:

  • raġunijiet għad-divorzju jew il-liġi applikabbli f’każijiet ta’ divorzju
  • kwistjonijiet relatati mad-divorzjubħall-manteniment
  • l-istabbiliment u l-kontestazzjoni tal-paternità
  • sentenzi dwar l-adozzjoni u l-miżuri ta’ tħejjija assoċjati
  • l-annullament jew ir-revoka ta’ adozzjoni
  • l-isem u l-kunjom ta’ wild minuri
  • l-indipendenza tal-ulied minuri mill-ġenituri jew mill-kustodji tagħhom
  • fondi fiduċjarji u wirt
  • miżuri meħuda b’reazzjoni għal atti kriminali mwettqa minn ulied minuri.

Kwistjonijiet matrimonjali

Ma hemm ebda regola ġenerali dwar il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet matrimonjali. Sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru fejn il-qrati għandhom id-dritt li jiddeċiedu fuq kawża, ir-Regolament minflok jistabbilixxi 7 raġunijiet alternattivi għal ġurisdizzjoni abbażi tan-nazzjonalità tal-konjuġi jew fejn normalment jgħixu.

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri

Din tapplika għal:

  • id-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ aċċess
  • il-kustodja, il-kurazija u arranġamenti legali simili
  • in-nomina u l-funzjonijiet ta’ kwalunkwe persuna jew korp responsabbli mill-wild minuri jew mill-proprjetà tal-wild minuri, jew li jirrappreżentaw jew jassistu lill-wild minuri
  • it-tqegħid tal-wild minuri ma’ familja tar-rispett jew f’kura istituzzjonali
  • il-miżuri li jipproteġu lill-wild minuri u li jkopru l-amministrazzjoni, il-konservazzjoni jew l-użu tal-proprjetà tiegħu.

Tali kwistjonijiet ġeneralment jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati fl-Istat Membru fejn normalment jgħix il-wild minuri. Jekk ikun impossibbli li jiġi stabbilit fejn normalment jgħix wild minuri (bħal fil-każ tar-rifuġjati), l-Istat Membru fejn huwa preżenti l-wild minuri awtomatikament jassumi l-ġurisdizzjoni.

Ħtif ta’ wild minuri

Ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli sabiex jissolvew każijiet fejn l-ulied minuri jitneħħew jew jinżammu b’mod illegali.

Il-qrati tal-Istat Membru fejn normalment kien jgħix il-wild minuri immedjatament qabel il-ħtif jibqgħu jkollhom ġurisdizzjoni sakemm il-wild minuri ikun qiegħed jgħix primarjament fi Stat Membru ieħor.

Rikonoxximent

Skont ir-Regolament, kwalunkwe Stat Membru għandu jirrikonoxxi awtomatikament is-sentenzi mogħtija fi Stat Membru ieħor fuq kwistjonijiet matrimonjali jew ta’ responsabbiltà tal-ġenituri. Ir-rikonoxximent jista’ jiġi rrifjutat jekk, pereżempju:

  • ir-rikonoxximent imur b’mod ċar kontra l-politika pubblika
  • il-konvenut ma jirċevix id-dokument li jagħti bidu għall-proċedimenti fil-ħin sabiex ikunu jistgħu jsiru l-arranġamenti għal difiża legali (fil-każijiet fejn is-sentenza tkun ingħatat fl-assenza tal-konvenut)
  • ir-rikonoxximent ikun inkompatibbli ma’ sentenza oħra mogħtija bejn l-istess partijiet.

Għal sentenzi li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri, ir-rikonoxximent jista’ jiġi rrifjutat ukoll jekk:

  • il-wild minuri ma jkunx ingħata opportunità li jinstema’
  • fuq it-talba ta’ persuna li ssostni li s-sentenza tikser ir-responsabbiltà tagħha bħala ġenitur, is-sentenza tkun inħarġet mingħajr ma din il-persuna tkun ingħatat opportunità li tinstema’.

Infurzar

Sentenza dwar l-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri infurzabbli fl-Istat Membru fejn tkun inħarġet tista’ tiġi infurzata f’pajjiż ieħor tal-UE meta tkun ġiet iddikjarata bħala infurzabbli hemmhekk fuq talba ta’ kwalunkwe parti interessata. Madankollu, ma hija meħtieġa ebda dikjarazzjoni għal sentenzi li jagħtu drittijiet ta’ aċċess jew li jikkonċernaw ir-ritorn ta’ wild minuri li jkunu ġew iċċertifikati mill-imħallef oriġinali b’konformità mar-Regolament.

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali f’kawżi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri

Kull Stat Membru jinnomina awtorità ċentrali (jew aktar minn waħda), li d-doveri tagħha jinkludu:

  • li tgħin lill-ġenituri li jkunu qed ifittxu ir-ritorn ta’ wild minuri maħtuf minn ġenitur ieħor u meħud f’pajjiż ieħor tal-UE
  • li tippromwovi l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-proċeduri u l-liġi nazzjonali
  • li tgħin lill-qrati jikkomunikaw ma’ xulxin
  • li tgħin lill-ġenituri jew lill-kustodji li jkunu qed ifittxu li d-deċiżjonijiet jiġu rikonoxxuti u infurzati
  • li tfittex li tirriżolvi kwalunkwe nuqqas ta’ ftehim bejn il-ġenituri jew il-kustodji permezz ta’ mezzi alternattivi bħal medjazzjoni.

L-awtoritajiet ċentrali jiltaqgħu regolarment bħala membri tan-Network Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali.

Ftehimiet eżistenti

Bħala regola ġenerali, dan ir-Regolament jissostitwixxi l-konvenzjonijiet eżistenti dwar l-istess kwistjonijiet li jinvolvu 2 Stati Membri jew aktar. Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, dan jieħu preċedenza fuq ċerti konvenzjonijiet multilaterali:

Fir-rigward tal-Konvenzjoni tal-Aja tad-19 ta’ Ottubru 1996 dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u l-miżuri għall-protezzjoni tal-minuri (ara s-sommarju), ir-Regolament huwa kompletament applikabbli jekk il-wild minuri normalment ikun jgħix f’pajjiż tal-UE.

Eżenzjonijiet u dispożizzjonijiet speċjali

Id-Danimarka mhijiex parti minn dan ir-Regolament u għalhekk, mhijiex marbuta bih.

Huma applikabbli regoli speċjali għal:

  • ir-relazzjonijiet tal-Finlandja u tal-Iżvezja mad-Danimarka, mal-Iżlanda u man-Norveġja fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni Nordika dwar iż-Żwieġ tas-6 ta’ Frar 1931
  • ir-relazzjonijiet bejn is-Santa Sede u l-Portugall, l-Italja, Spanja u Malta.

Tħassir

Ir-Regolament Brussell IIa ġie rivedut mar-Regolament (UE) 2019/1111 (ir-Regolament ta’ Riformulazzjoni ta’ Brussell IIa), li se jkun applikabbli mill-1 ta’ Awwissu 2022 (ara s-sommarju).

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Marzu 2005.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, 23.12.2003, pp. 1–29)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/405/UE tat-12 ta’ Lulju 2010 li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi li tapplika għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (ĠU L 189 22.7.2010, pp. 12–13)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (ĠU L 343, 29.12.2010, pp. 10–16)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/714/UE tal-21 ta’ Novembru 2012 li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Litwanja f’kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali (ĠU L 323, 22.11.2012, pp. 18–19)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/39/UE tas-27 ta’ Jannar 2014 li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Greċja fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali (ĠU L 23, 28.1.2014, pp. 41–42)

l-aħħar aġġornament 03.09.2021

Top