This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Id-Direttiva 2002/53/KE dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli
Id-Direttiva 66/401/KEE dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf
Id-Direttiva 66/402/KEE dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież
Id-Direttiva 2002/57/KE fuq il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra
Id-Direttiva 2002/56/KE dwar il-bejgħ fis-suq tal-patata taż-żerriegħa
Id-Direttiva 2002/54/KE dwar il-bejgħ fis-suq ta’ żerriegħa tal-pitravi
Id-Direttiva 2002/53/KE tikkonċerna l-aċċettazzjoni għall-inklużjoni f’ Katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċijiet ta’ pjanti agrikoli ta’ dawk il-varjetajiet ta’ pjanti tal-pitravi, pjanti għall-għalf, ċereali, patata u pjanti taż-żejt u l-fibra, li ż-żerriegħa tagħhom tista’ tiġi kkummerċjalizzata madwar l-Unjoni Ewropea (UE).
Id-direttivi li ġejjin jistabbilixxu regoli għar-reġistrazzjoni ta’ varjetajiet ta’ żerriegħa u għall-produzzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ żrieragħ ta’ diversi speċijiet ewlenin (speċijiet regolati tal-UE) qabel ma jitħallew jiġu kkummerċjalizzati fl-UE.
Id-Direttiva 2002/53/KE tistabbilixxi r-regoli għall-inklużjoni ta’ speċijiet ta’ pjanti agrikoli fil-katalgu komuni tal-UE.
Żerriegħa tal-pjanti tal-għalf (Id-Direttiva 66/401/KEE)
Din id-Direttiva tkopri diversi ħxejjex, legumi, xnien, ġulbiena, kolza u kaboċċ, kif identifikat fil-leġiżlazzjoni. Iż-żrieragħ ma jistgħux jiġu kkumerċjalizzati sakemm ma jkunux ġew uffiċjalment iċċertifikati jew iċċertifikati taħt superviżjoni uffiċjali bħala żrieragħ prebażiċi (il-ġenerazzjoni ta’ qabel żrieragħ bażiċi), żrieragħ bażiċi jew żrieragħ iċċertifikati (ara l-Artikolu 2 tad-Direttiva, fejn dawn il-kategoriji huma definiti). Ċerti speċijiet ta’ pjanti jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiġu kkummerċjalizzati wkoll bħala żrieragħ kummerċjali. Dan ma japplikax għaż-żrieragħ tal-pjanti tal-għalf maħsuba għall-esportazzjoni lejn pajjiżi li mhumiex fl-UE.
Iż-żrieragħ għandhom jikkonformaw mal-istandards rigward l-identità, is-saħħa u l-kwalità (ġerminazzjoni, purità analitika u kontenut taż-żrieragħ ta’ speċijiet oħra ta’ pjanti).
Żerriegħa tal-ġwież (Id-Direttiva 66/402/KEE)
Iż-żrieragħ tal-ġwież ma jistgħux jiġu kkumerċjalizzati sakemm ma jkunux ġew uffiċjalment iċċertifikati jew iċċertifikati taħt superviżjoni uffiċjali bħala żrieragħ prebażiċi, żrieragħ bażiċi jew żrieragħ iċċertifikati (tal-ewwel jew tat-tieni ġenerazzjoni) u sakemm ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ġenerali l-oħra.
Iż-żrieragħ iridu jissodisfaw kriterji bħall-identità, is-saħħa u l-kwalità (ġerminazzjoni minima, purità analitika minima u kontenut massimu skont l-għadd ta’ żrieragħ ta’ speċijiet ta’ pjanti oħra, inklużi żrieragħ ħomor tar-ross u l-preżenza ta’ fungu fil-kampjuni).
Żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (Id-Direttiva 2002/57/KE)
Din tkopri ż-żrieragħ għall-produzzjoni agrikola iżda mhux għal skopijiet ornamentali. Jistgħu jiġu kkumerċjalizzati biss żrieragħ iċċertifikati uffiċjalment jew iċċertifikati taħt superviżjoni uffiċjali bħala żrieragħ prebażiċi, żrieragħ bażiċi, żrieragħ iċċertifikati jew żrieragħ kummerċjali (ara l-Artikolu 2 tad-Direttiva, fejn dawn il-kategoriji huma definiti), bl-eċċezzjoni tal-ġidra, il-lift, il-kannabis, il-karwija, il-qoton, l-għosfor, il-ġirasol, il-kittien u ż-żerriegħa tal-kittien, li ma jistgħux jiġu kkummerċjalizzati bħala żrieragħ kummerċjali.
Iż-żrieragħ iridu jissodisfaw kriterji bħall-identità, is-saħħa u l-kwalità.
Patata taż-żerriegħa (Id-Direttiva 2002/56/KE)
Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jbigħu fis-suq biss patata taż-żerriegħa li tissodisfa l-kriterji ta’ din id-direttiva. Il-patata taż-żerriegħa hija uffiċjalment iċċertifikata bħala patata taż-żerriegħa bażika jew patata taż-żerriegħa ċċertifikata li tissodisfa l-kundizzjonijiet minimi għal kull kategorija (ara l-Artikolu 2 tad-Direttiva, fejn dawn il-kategoriji huma definiti) waqt l-ispezzjonijiet tal-pjanti.
Il-patata taż-żerriegħa fis-suq għandha:
Ma għandux ikun hemm aktar minn erba’ ġenerazzjonijiet ta’ patata bażika u żewġ ġenerazzjonijiet ta’ patata taż-żerriegħa ċċertifikata.
Pitravi (Id-Direttiva 2002/54/KE)
Din tirreferi għall-pitravi taz-zokkor u tal-għalf tal-ispeċi Beta vulgaris L.
Iż-żrieragħ tal-pitravi ġeneralment ma għandhomx jiġu kkumerċjalizzati sakemm ma jkunux uffiċjalment iċċertifikati jew iċċertifikati taħt superviżjoni uffiċjali bħala żrieragħ prebażiċi, żrieragħ bażiċi jew żrieragħ iċċertifikati (ara l-Artikolu 2 tad-Direttiva, fejn dawn il-kategoriji huma definiti), u għandhom ikunu konformi mar-regoli dwar l-identità, is-saħħa u l-kwalità.
Żrieragħ monogerm u żrieragħ multigerm (ara l-Artikolu 2 tad-Direttiva, fejn dawn il-kategoriji huma definiti) għandhom jissodisfaw rekwiżiti dwar l-identità, is-saħħa u l-kwalità (purità analitika, ġerminazzjoni minima u regoli dwar il-kontenut massimu ta’ umdità (kemm għall-pitravi taz-zokkor kif ukoll għall-pitravi tal-għalf). Iż-żrieragħ monogerm u ż-żrieragħ ta’ preċiżjoni għandhom jilħqu wkoll il-miri għall-proporzjon tan-nebbieta singoli li jipproduċu.
Iż-żrieragħ monogerm u ż-żrieragħ ta’ preċiżjoni jridu jiġu ttikkettati bħala tali.
Leġiżlazzjoni mħassra
Ilhom japplikaw mid-9 ta’ Awwissu 2002, minbarra d-Direttiva 66/401/KEE u d-Direttiva 66/402/KEE, li ilhom japplikaw mill-15 ta’ Ġunju 1966.
Ġew adottati diversi atti ta’ implimentazzjoni fir-rigward ta’ kull waħda mis-sitt direttivi, u huma elenkati fil-paġna tal-Kummissjoni Ewropea dwar leġiżlazzjoni speċifika rigward il-materjal riproduttiv tal-pjanti.
Għal aktar informazzjoni, ara wkoll:
Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-katalgu komuni tal-varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli (ĠU L 193, 20.7.2002, pp. 1-11)
L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2002/53/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
Id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf (verżjoni kodifikata) (ĠU 125, 11.7.1966, pp. 2298-2308)
Id-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież (verżjoni kodifikata) (ĠU L 125, 11.7.1966, pp. 2309-2319)
Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (ĠU L 193, 20.7.2002, pp. 74-97)
Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/56/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-bejgħ fis-suq tal-patata taż-żerriegħa (ĠU L 193, 20.7.2002, pp. 60-73)
Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/54/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-bejgħ fis-suq ta’ żerriegħa tal-pitravi (ĠU L 193, 20.7.2002, pp. 12-32)
Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex (ĠU L 193, 20.7.2002, pp. 33-59)
Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, pp. 1-112)
l-aħħar aġġornament 18.02.2021