Suq intern u għajnuna mill-Istat — servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq
SOMMARJU TA’:
Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?
- Ir-regolament li huwa magħruf bħala r-regolament dwar l-obbligu ta’ servizz pubbliku (OSP), jistabbilixxi kundizzjonijiet skont liema l-operaturi tat-trasport jistgħu jiġu kkumpensati jew jingħataw drittijiet esklużivi mill-awtoritajiet pubbliċi biex jipprovdu servizzi ta’ trasport pubbliku li huma fl-interess ġenerali iżda altrimenti ma jkunux kummerċjalment vijabbli. Billi jistabbilixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, l-awtoritajiet għandhom l-għan li jiżguraw li l-passiġġieri jista’ jkollhom aċċess għal servizzi ta’ trasport pubbliku sikuri, effiċjenti, attraenti u ta’ kwalità għolja għall-passiġġieri.
- Huwa jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u (KEE) Nru 1107/70. Huwa ġie mmodifikat l-aħħar mir-Regolament (UE) 2016/2338.
PUNTI EWLENIN
Ir-regolament OSP jistabbilixxi:
- obbligu għall-awtoritajiet li jikkonkludu kuntratti ta’ servizz pubbliku meta huma
- jagħtu drittijiet esklużivi li jintitolaw lil operatur tat-trasport pubbliku jipprovdi ċerti servizzi ta’ trasport pubbliku ta’ passiġġieri fuq rotta jew netwerk partikolari jew f’żona partikolari, esklużi l-operaturi l-oħra kollha u/jew
- jagħtu kumpens lill-operaturi tat-trasport pubbliku biex ikopru l-ispejjeż li jsiru biex jipprovdu obbligi ta’ servizz pubbliku;
- regoli dwar kif għandhom jingħataw kuntratti ta’ servizz pubbliku;
- regoli dwar kif jiġi kkalkulat l-ammont ta’ kumpens.
Kamp ta’ applikazzjoni
Ir-regolament japplika għas-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-karozza tal-linja u bil-ferrovija. Madankollu, il-pajjiżi tal-UE jistgħu wkoll japplikawh għat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-passaġġi fuq l-ilma interni u l-ilmijiet tal-baħar nazzjonali.
Kuntratti għal servizzi pubbliċi u regoli ġenerali
- L-awtorità li hija kompetenti għal qasam partikolari trid tikkonkludi kuntratt ta’ servizz pubbliku li jagħti lill-operatur dritt esklużiv u/jew kumpens bi skambju biex jipprovdi OSP.
- Jistgħu jiġu imposti wkoll obbligi li jiġu applikati tariffi massimi għall-kategoriji kollha ta’ passiġġieri jew uħud minnhom permezz ta’ regoli ġenerali, li japplikaw għall-operaturi kollha mingħajr diskriminazzjoni.
- L-awtorità tagħti kumpens biex tibbilanċja l-impatt tal-obbligi tas-servizz pubbliku fuq l-ispejjeż u d-dħul tal-operatur.
- Il-kuntratti tas-servizz pubbliku (u r-regoli ġenerali) jiddefinixxu:
- l-obbligi tas-servizz pubbliku li għandhom jitwettqu;
- ir-regoli għall-kalkolu tal-kumpens u n-natura u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kwalunkwe dritt esklużiv;
- kumpens żejjed għandu jiġi evitat;
- kif għandhom jiġu allokati l-ispejjeż marbuta mal-provvista tas-servizz (spejjeż tal-persunal, enerġija, infrastruttura, materjal fuq ir-roti, manutenzjoni, eċċ);
- kif għandu jiġi allokat d-dħul mill-bejgħ tal-biljetti (kemm jekk huwa miżmum mill-operatur, imħallas lura lill-awtorità, jew maqsum).
- It-tul ta’ żmien ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku ma għandux ikun aktar minn 10 snin għal servizzi ta’ karozza tal-linja u kowċ, u 15-il sena għal trasport bil-ferrovija jew forom oħra ibbażati fuq linji ferrovjarji.
Għoti ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku
- Il-kuntratti ta’ servizz pubbliku għandhom jingħataw skont ir-regoli ta’ dan ir-regolament. Madankollu, għall-għoti ta’ ċerti servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri bil-karozza tal-linja jew bit-tram, il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku tad-Direttivi 2014/25/KE (ara s-sommarju Xiri pubbliku — regoli għas-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u dak postali) u 2014/24/KE japplikaw (ara s-sommarju Kuntratti pubbliċi — stipular ta’ regoli bażi ċari).
- Bħala regola ġenerali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu kuntratti ta’ servizz pubbliku permezz ta’ proċeduri kompetittivi trasparenti u mhux diskriminatorji.
- Madankollu, l-obbligu li jingħataw kuntratti permezz ta’ proċedura kompetittiva ma japplikax:
- fejn awtorità lokali tipprovdi servizzi tat-trasport pubbliku hi stess jew tassenjahom lil operatur tat-trasport intern (korp separat, li l-awtorità lokali tikkontrolla b’mod simili għal wieħed mid-dipartimenti tagħha stess);
- fejn il-volum tal-kuntratt huwa modest
- valur annwali medju stmat ta’ inqas minn EUR 1 miljun jew
- inqas minn 300 000 kilometru ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri;
- fejn jittieħdu miżuri ta’ emerġenza jew jiġu imposti kuntratti bħala rispons għal interruzzjonijiet attwali jew potenzjali tas-servizz.
Kuntratti ta’ servizz pubbliku fis-settur ferrovjarju
Ir-Regolament (UE) 2016/2338 emenda dan ir-regolament billi introduċa l-prinċipju ta’ għoti kompetittiv anke għal kuntratti ta’ servizz pubbliku fis-settur tal-ferrovija, li qabel kien eskluż. Ġew permessi perjodi twal ta’ tranżizzjoni sabiex l-awtoritajiet u l-operaturi jkunu jistgħu jadattaw għar-regoli l-ġodda.
L-għoti dirett ta’ kuntratti ferrovjarji jibqa’ possibbli f’ċirkostanzi eċċezzjonali u f’dawk definiti sew, l-aktar fejn:
- huwa ġġustifikat minn karatteristiċi strutturali u ġeografiċi tas-suq u tan-netwerk (daqs, karatteristiċi tad-domanda, kumplessità tan-netwerk, iżolament tekniku u ġeografiku, tip ta’ servizzi); u
- jirriżulta f’titjib fil-kwalità tas-servizzi jew fil-kosteffiċjenza, jew it-tnejn, meta mqabbel mal-kuntratt preċedenti;
- il-volum tal-kuntratt huwa modest
- valur annwali medju stmat inqas minn EUR 7.5 miljun fis-sena jew
- inqas minn 500 000 kilometru.
Perjodu ta’ tranżizzjoni
Għotjiet diretti inkondizzjonati ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku bil-ferrovija mhux se jibqgħu jkunu possibbli mill-25 ta’ Diċembru 2023.
MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Dan ilu japplika mit-3 ta’ Diċembru 2009, ħlief għall-Artikolu 5 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku, li ilu japplika mit-3 ta’ Diċembru 2019.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
DOKUMENT EWLIENI
Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, pp. 1-13)
Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, pp. 1-64)
Ara l-verżjoni konsolidata.
Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, pp. 65-242)
Ara l-verżjoni konsolidata.
Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, pp. 243-374)
Ara l-verżjoni konsolidata.
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-linji gwida interpretattivi li jikkonċernaw ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq (ĠU L 92, 29.3.2014, pp. 1-21)
l-aħħar aġġornament 01.10.2019