EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Titjib fis-saldu tat-titoli fl-UE

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Huwa għandu l-għan li jarmonizza ż-żmien u l-kondotta tas-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea (UE) u r-regoli applikabbli għad-depożitorji ċentrali tat-titoli(CSDs)*.
  • Huwa mfassal biex iżid is-sikurezza u l-effiċjenza tas-sistema, b’mod partikolari għat-tranżazzjonijiet fl-UE.
  • Ir-regolament ġie emendat diversi drabi, l-aktar riċenti bir-Regolament (UE) 2022/2554, l-Att dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali Diġitali (magħrufa bħala DORA) li jimmira li jiżgura li s-settur finanzjarju jkun kapaċi jibqa’ reżiljenti għal taqlib sever operattiv (ara s-sommarju).

PUNTI EWLENIN

  • Ir-regolament jintroduċi notevolment l-elementi li ġejjin.
    • Perijodi ta’ saldu iqsar, li għandhom, b’mod ġenerali, isiru mhux aktar tard mit-tieni jum ta’ xogħol wara li jseħħ in-negozjar.
    • Obbligazzjoni li tirreġistra fl-entrata fil-kotba* jiddaħħlu t-titoli trasferibbli kollha ammessi għan-negozju jew li ġew innegozjati f’ċentri ta’ negozjar.
    • Rekwiżiti stretti organizzattivi, kondotta ta’ negozju u rekwiżiti prudenzjali għal CSDs.
    • Reġim ta’ saldu dixxiplinarju li jittratta fallimenti ta’ saldu. Is-CSDs jeħtieġ li joperaw sistema ta’ penali fi flus kontanti u huma suġġetti għal rekwiżiti ta’ rapportar rigward fallimenti tas-saldu. Il-parteċipanti huma suġġetti għal xiri mandatorju.
    • Sistema ta’ passaport li tħalli CSDs awtorizzati jipprovdu s-servizzi tagħhom minn madwar l-UE, skont ċertu rekwiżiti dwar il-passaporti.
    • Iktar rekwiżiti prudenzjali u superviżorji għas-CSDs u istituzzjonijiet oħra li jipprovdu servizzi ta’ tip bankarju li jgħinu fis-saldu tat-titoli.
  • L-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE:
    • jawtorizzaw u jissorveljaw is-CSDs, u jirreveduhom u jevalwawhom tal-inqas fuq bażi annwali;
    • jiskambjaw l-informazzjoni u jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA).
  • Is-CSDs jeħtieġu li notevolment:
    • ikollhom arranġamenti ta’ governanza b’saħħithom, struttura organizzattivi ċara, kontrolli interni u proċeduri amministrattivi u tal-kontabbiltà sodi;
    • jiżguraw li l-maniġment superjuri jkollu reputazzjoni u esperjenza tajbin biżżejjed;
    • jistabbilixxu kumitati tal-utenti għal kull sistema ta’ saldu tat-titoli li joperaw;
    • iżommu r-rekords kollha tas-servizzi u l-attivitajiet tagħhom għal mill-inqas 10 snin;
    • jibqgħu responsabbli bis-sħiħ għal kwalunkwe xogħol li jesternalizzaw;
    • juru t-trasparenza billi jiżvelaw pubblikament il-prezzijiet u t-tariffi involuti fis-servizzi ewlenin li jipprovdu;
    • ikollhom biżżejjed kapital biex ikunu protetti b’mod adegwat kontra riskji operazzjonali, legali, tal-kustodja, tal-investiment u tan-negozju;
    • jiżguraw awtorizzazzjonijiet addizzjonali qabel jipprovdu kull servizz anċillari tat-tip bankarju;
    • barra mill-adozzjoni ta’ DORA (Regolament emendatorju (UE) 2022/2554), jidentifikaw sorsi ta’ riskju operattiv, sew fl-intern kif ukoll esternament, u jimminizzaw l-impatt tagħhom anki permezz ta’ skjerament ta’ għodda tal-ICT, proċessi u politiki xierqa.
  • Is-CSDs f’pajjiż mhux tal-UE jistgħu joperaw permezz ta’ fergħa bbażata fl-UE, sakemm jissodisfaw ċerti rekwiżiti.
  • L-ESMA żżomm reġistru pubblikament disponibbli ta’ kull CSD awtorizzat.
  • ESMA ser tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika r-riskji operattivi, barra minn riskji tal-ICT, li CSDs jiffaċċjaw.
  • L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-UE għandhom il-poter li japplikaw sanzjonijiet amministrattivi xierqa u miżuri oħrajn għal ksur.
  • Biex ikun hemm qafas leġiżlattiv ċar u koerenti għan-negozju u għas-saldu, ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jiddependi fuq ħafna mid-definizzjonijiet u l-kunċetti tat-direttiva 2014/65/UE (swieq fid-direttiva dwar l-istrumenti finanzjarji (MiFID) II — ara s-sommarju). Ir-Regolament kien emendat biex iqis il-bidla fid-data tal-applikazzjoni tal-MiFID II. Dan ifisser li r-regoli stipulati fl-MiFID (Direttiva 2004/39/KE) applikat sad-data ġdida fis-seħħ f’applikazzjoni ta’ MiFID II.
  • Il-Kummissjoni Ewropea adottat ukoll bosta atti delegati biex tissupplementa r-Regolament (UE) Nru 909/2014:
    • Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/389 fir-rigward tal-parametri għall-kalkolu ta’ penali fi flus għal fallimenti tas-saldi u l-operazzjonijiet tas-CSDs fliStati Membri ospitanti;
    • Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/390 fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar ċerti rekwiżiti prudenzjali għal depożitorji ċentrali tat-titoli u għal istituzzjonijiet ta’ kreditu maħtura li joffru servizzi anċillari ta’ tip bankarju;
    • Ir-Regolament Delegat (UE) 2017/391 fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ulterjorment il-kontenut tar-rappurtar dwar saldi internalizzati;
    • Ir-Regolament delegat (UE) 2017/392 fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar ir-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni, superviżorji u operazzjonali għal depożitorji ċentrali tat-titoli;
    • Ir-Regolament delegat (UE) 2018/1229 fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar dixxiplina tas-saldu, li minn naħa tiegħu ġie emendat mir-Regolament Delegat (UE) 2020/1212, (UE) 2021/70.u (UE) 2022/1930.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

  • Ir-rekwiżiti għall-format ta’ entrata fil-kotba (l-Artikolu 3(1)) ilhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2023 għat-titoli trasferibbli maħruġa wara dik id-data u ser japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2025 għat-titoli trasferibbli kollha.
  • Ir-regoli tad-data tas-saldu tar-regolament (Artikolu 5(2)) ilhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2015.
  • Ir-reġim ta’ dixxiplina tas-saldu (l-Artikoli 6(1) sa (4) u 7(1) sa (13)) ilu japplika mill-1 ta’ Frar 2022.

SFOND

  • Tradizzjonalment, is-CSDs ġew irregolati fuq il-livell nazzjonali.
  • Is-saldu minn naħa għal oħra tal-fruntieri jinvolvi riskji u spejjeż ogħla għall-investituri mill-operazzjonijiet domestiċi. Fl-istess ħin, din il-forma ta’ tranżazzjoni qed tiżdied.
  • L-għan ewlieni tar-regolament huwa li jżid is-sigurtà u l-effiċjenza tas-saldu tat-titoli u l-infrastrutturi tas-saldu fl-UE. Huwa jagħmel dan billi jipprovdi sett komuni ta’ standards prudenzjali, organizzazzjonali u ta’ kondotta tan-negozju biex jintużaw mal-UE kollha, li għandhom jaqdu rwol kruċjali fil-finanzjament tal-ekonomija.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Depożitorji ċentrali tat-titoli. Persuni ġuridiċi li joperaw sistema ta’ saldu tat-titoli u li tal-inqas jipprovdu servizzi għar-reġistrar inizjali ta’ titoli trasferibbli f’sistemi ta’ entrati fil-kotba u/jew għall-provvediment u għall-manteniment ta’ kontijiet tat-titoli f’livell ta’ grad għoli.
Entrata fil-kotba. Fejn is-sjieda ta’ titolu tiġi rreġistrata f’format elettroniku minflok f’format ta’ ċertifikat.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 ĠU L 257, 28.8.2014, pp. 1–72).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 909/2014 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (ĠU L 333, 27.12.2022, pp. 1–79).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1229 tal-25 ta’ Mejju 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar id-dixxiplina tas-saldu (ĠU L 230, 13.9.2018, pp. 1–53).

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/389 tal-11 ta’ Novembru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-parametri għall-kalkolu ta’ penali fi flus għal fallimenti tas-saldu u l-operazzjonijiet tas-CSDs fi Stati Membri ospitanti (ĠU L 65, 10.3.2017, pp. 1–8).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/390 tal-11 ta’ Novembru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar ċerti rekwiżiti prudenzjali għal depożitorji ċentrali tat-titoli u istituzzjonijiet ta’ kreditu maħtura li joffru servizzi anċillari ta’ tip bankarju (ĠU L 65, 10.3.2017, pp. 9–43).

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/391 tal-11 ta’ Novembru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ulterjorment il-kontenut tar-rappurtar dwar is-saldi internalizzati (ĠU L 65, 10.3.2017, pp. 44–47).

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/392 tal-11 ta’ Novembru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar ir-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni, superviżorji u operazzjonali għal depożitarji ċentrali tat-titoli (ĠU L 65, 10.3.2017, pp. 48–115).

Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE and d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, pp. 349–496).

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 28.11.2023

Top