EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kura tas-saħħa f’pajjiżi oħra tal-UE — id-drittijiet tal-pazjenti

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2011/24/UE dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom pazjent jista’ jivvjaġġa lejn pajjiż ieħor tal-UE biex jirċievi kura medika sikura u ta’ kwalità għolja u jkollu l-ispiża rimborsata bl-iskema ta’ assigurazzjoni tas-saħħa tiegħu stess.
  • Hija tinkoraġġixxi wkoll kooperazzjoni bejn is-sistemi tal-kura tas-saħħa nazzjonali.

PUNTI EWLENIN

  • Il-pajjiż tal-UE li jipprovdi t-trattament għandu jiżgura li:
    • l-informazzjoni kollha meħtieġa tkun disponibbli għall-pazjenti biex jagħmlu għażla infurmata inkluż dwar għażliet ta’ trattament, disponibbiltà, kwalità u sikurezza tal-kura tas-saħħa pprovduta, prezzijiet, status ta’ awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni;
    • jeżistu proċeduri ta’ preżentazzjoni ta’ lmenti trasparenti;
    • assigurazzjoni ta’ responsabbiltà professjonali jew garanziji simili huma fis-seħħ;
    • il-privatezza tad-data personali tiġi rrispettata;
    • il-pazjenti jkollhom aċċess għal rekord bil-miktub jew elettroniku tat-trattament li jirċievu;
    • l-iskala ta’ miżati tal-kura tas-saħħa mitluba hija l-istess bħal dik tal-pazjenti domestiċi li jinsabu f’sitwazzjoni medika komparabbli, jew il-prezz mitlub huwa kkalkulat skont kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji jekk ma jkun hemm l-ebda prezz komparabbli għall-pazjenti domestiċi.
  • Il-pajjiż tal-UE fejn il-pazjent huwa assigurat irid jiżgura li:
    • l-ispiża tal-kura tas-saħħa pprovduta tiġi rimborsata;
    • informazzjoni dwar id-drittijiet tal-pazjent u intitolamenti hija disponibbli;
    • il-pazjenti jkollhom aċċess għal kwalunkwe trattament ta’ segwitu mediku meħtieġ;
    • il-pazjenti jkollhom aċċess għar-rekords mediċi tagħhom.
  • Jeżistu punti ta’ kuntatt nazzjonali biex jipprovdu informazzjoni u biex jikkonsultaw mal-organizzazzjonijiet tal-pazjenti u mal-fornituri u mal-assiguraturi tal-kura tas-saħħa.
  • Il-fornituri tal-kura tas-saħħa jagħtu t-tagħrif kollu meħtieġ lill-pazjenti sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata, inkluż:
    • għażliet ta’ trattament;
    • disponibbiltà;
    • il-kwalità u s-sikurezza tal-kura tas-saħħa li jipprovdu;
    • prezzijiet;
    • status ta’ awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni.
  • Il-pajjiż tal-pazjent għandu jirrimborsa l-ispejjeż tat-trattament skont l-iskali li japplika domestikament.
  • Pazjent jista’ jintalab awtorizzazzjoni minn qabel minn pajjiżu stess qabel ma jmur għat-trattament barra. Dan jista’ jkun meħtieġ jekk il-kura medika tinvolvi minn tal-inqas lejl wieħed l-isptar u/jew l-użu ta’ tagħmir mediku speċjalizzat ħafna u kost-intensiv, jew jekk hija ta’ riskju partikolari għall-pazjent jew għall-popolazzjoni.
  • Awtorità nazzjonali tista’ tirrifjuta li tagħti awtorizzazzjoni minn qabel jekk tikkunsidra li tkun tista’ tipprovdi lill-pazjent bil-kura tas-saħħa meħtieġa f’limitu ta’ żmien ġustifikabbli medikament.
  • Talbiet għal kura medika f’pajjiż ieħor fl-UE għandhom jiġu indirizzati f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.
  • Riċetti minn tobba maħruġa f’pajjiż partikolari tal-UE huma validi f’ieħor.
  • L-awtoritajiet tas-saħħa nazzjonali għandhom jikkooperaw flimkien fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u fl-iżvilupp ta’ networks ta’ referenza Ewropej bejn il-fornituri tal-kura tas-saħħa u ċ-ċentri ta’ ħila esperta.
  • Il-kooperazzjoni testendi għall-indirizzar ta’ mard rari, l-iżvilupp ta’ e-Saħħa u l-evalwazzjoni ta’ teknoloġija tas-saħħa ġdida.
  • Il-leġiżlazzjoni ma tkoprix kura fit-tul jew allokazzjoni ta’, u aċċess għall-organi jew tilqim.
  • Id-direttiva ma taffettwax kif il-pajjiżi tal-UE jorganizzaw u jiffinanzjaw is-sistemi ta’ saħħa nazzjonali tagħhom għaċ-ċittadini tagħhom stess.
  • Il-Kummissjoni Ewropea tipproduċi rapport kull 3 snin dwar il-mod ta’ kif is-sistema qed taħdem u kif topera d-direttiva. L-ewwel rapport ġie adottat f’Settembru 2015 u wieħed sussegwenti ġie adottat f’Settembru 2018.

Il-Kummissjoni adottat għadd ta’ atti ta’ implimentazzjoni u delegati relatati mad-Direttiva 2011/24/UE. Dawn jinkludu:

  • Id-Direttiva ta’ Implimentazzjoni 2012/52/UE dwar ir-rikonoxximent ta’ preskrizzjonijiet mediċi maħruġa f’pajjiż ieħor tal-UE;
  • Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/329/UE dwar it-twaqqif, il-maniġment u l-funzjonament trasparenti tan-Netwerk tal-awtoritajiet nazzjonali jew il-korpi responsabbli għall-evalwazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa;
  • Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/286/UE dwar il-kriterji u l-kundizzjonijiet li jridu jissodisfaw in-Netwerks Ewropej ta’ Referenza u l-provdituri tal-kura tas-saħħa li jixtiequ jingħaqdu ma’ dawn in-Netwerks Ewropej ta’ Referenza;
  • Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/287/UE dwar kriterji għall-istabbiliment u l-evalwazzjoni tan-Netwerks Ewropej ta’ Referenza u l-Membri tagħhom u biex jiġi faċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ għarfien espert dwar l-istabbiliment u l-evalwazzjoni ta’ netwerks bħal dawn;
  • Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/1765 dwar l-istabbiliment, il-ġestjoni u l-funzjonament tan-netwerk ta’ awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-Saħħa elettronika, li sussegwentement ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1023, dwar l-iskambju transfruntier ta’ data bejn l-applikazzjonijiet nazzjonali għall-apparati mobbli għat-traċċar tal-kuntatti u għat-twissija fir-rigward tal-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, l-emenda tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1023 iżżid żewġ annessi ġodda mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/1765, li rispettivament jittrattaw ir-responsabbiltajiet ta’:
    • il-pajjiżi parteċipanti tal-UE bħala kontrolluri konġunti għall-gateway tal-federazzjoni għall-ipproċessar transkonfinali bejn applikazzjonijiet nazzjonali għall-apparati mobbli għat-traċċar tal-kuntatti u għat-twissija; u
    • il-Kummissjoni bħala proċessur tad-data għall-gateway tal-federazzjoni għall-ipproċessar transkonfinali bejn applikazzjonijiet nazzjonali għall-apparati mobbli għat-traċċar tal-kuntatti u għat-twissija.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mill-24 ta’ April 2011 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-25 ta’ Ottubru 2013.

SFOND

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, 4.4.2011, pp. 45-65)

L-Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2011/24/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Ara l-verżjoni konsolidata.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1023 tal-15 ta’ Lulju 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1765 fir-rigward tal-iskambju transfruntier ta’ data bejn l-applikazzjonijiet nazzjonali għall-apparati mobbli għat-traċċar tal-kuntatti u għat-twissija fir-rigward tal-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 227I, 16.7.2020, pp. 1-9)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2019/1765 tat-22 ta’ Diċembru 2019 li tipprovdi r-regoli għall-istabbiliment, għall-ġestjoni u għall-funzjonament tan-netwerk ta’ awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-Saħħa elettronika, u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/890/UE (ĠU L 270, 24.10.2019, pp. 83-93)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tħaddim tad-Direttiva 2011/24/UE dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (COM(2018) 651 final, 21.9.2018)

Id-Deċiżjoni ta’ Delega tal-Kummissjoni 2014/286/UE tal-10 ta’ Marzu 2014 li tistabbilixxi l-kriterji u l-kundizzjonijiet li jridu jissodisfaw in-Netwerks Ewropej ta’ Referenza u l-provdituri tal-kura tas-saħħa li jixtiequ jingħaqdu ma’ dawn in-Netwerks Ewropej ta’ Referenza (ĠU L 147, 17.5.2014, pp. 71-78)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/287/UE tal-10 ta’ Marzu 2014 li tistipula kriterji għall-istabbiliment u l-evalwazzjoni tan-Netwerks Ewropej ta’ Referenza u l-Membri tagħhom u biex jiġi faċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ għarfien espert dwar l-istabbiliment u l-evalwazzjoni ta’ netwerks bħal dawn (ĠU L 147, 17.5.2014, pp. 79-87)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/329/UE tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tipprevedi r-regoli għat-twaqqif, il-maniġment u l-funzjonament trasparenti tan-Netwerk tal-awtoritajiet nazzjonali jew il-korpi responsabbli għall-evalwazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa (ĠU L 175, 27.6.2013, pp. 71-72)

Id-Direttiva ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/52/UE tal-20 ta’ Diċembru 2012 li tistabbilixxi miżuri li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent ta’ preskrizzjonijiet mediċi maħruġa fi Stat Membru ieħor (ĠU L 356, 22.12.2012, pp. 68-70)

l-aħħar aġġornament 14.09.2020

Top