EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Linji gwida dwar il-politiki dwar l-impjiegi

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1512 dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-pajjiżi tal-UE

X’INHU L-GĦAN TAL-LINJI GWIDA?

Dawn jipprovdu gwida għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) meta jabbozzaw il-politiki dwar l-impjiegi tagħhom u jistabbilixxu miri nazzjonali, sabiex jiġu żgurati politiki kkoordinati tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Il-linji gwida tal-2020 jiffokaw fuq dan li ġej.

Nagħtu spinta lid-domanda għax-xogħol

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jieħdu għadd ta’ passi, inkluż:

  • il-promozzjoni attiva ta’ ekonomija soċjali tas-suq sostenibbli u l-iffaċilitar u l-appoġġ tal-investiment fil-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità;
  • it-trasferiment tat-tassazzjoni lil hinn mix-xogħol lejn sorsi oħra li jappoġġaw aktar l-impjiegi u t-tkabbir inklużiv u li huma konformi mal-objettivi klimatiċi u dawk ambjentali;
  • l-iżgurar li l-ħaddiema kollha jkollhom pagi adegwati u ġusti billi jibbenefikaw, direttament jew indirettament, minn ftehimiet kollettivi jew pagi minimi statutorji adegwati.

It-tisħiħ tal-provvista ta’ ħaddiema u t-titjib tal-aċċess għall-impjiegi, il-ħiliet u l-kompetenzi

Il-pajjiżi tal-UE għandhom:

  • jippromwovu s-sostenibbiltà, il-produttività, l-impjegabbiltà u l-kapital uman, billi jrawmu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi rilevanti tul ħajjet in-nies u jwieġbu għall-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol;
  • irawmu opportunitajiet indaqs għal kulħadd billi jindirizzaw l-inugwaljanzi fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ;
  • jipprovdu assistenza effettiva, f’waqtha, ikkoordinata u mfassla apposta lil persuni qiegħda u inattivi;
  • jappoġġaw ambjent tax-xogħol adattat għall-persuni b’diżabbiltà;
  • jindirizzaw id-differenzi bejn il-ġeneri fl-impjiegi u fil-pagi.

It-tisħiħ tal-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u l-effettività tad-djalogu soċjali

Il-pajjiżi tal-UE għandhom:

  • jaħdmu mas-sħab soċjali dwar kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, trasparenti u prevedibbli, waqt li jibbilanċjaw id-drittijiet u l-obbligi;
  • iħeġġu u jsostnu b’mod effettiv lil dawk li jistgħu jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol;
  • jipprovdu benefiċċji tal-qgħad adegwati ta’ tul taż-żmien raġonevoli, skont il-kontribuzzjonijiet u r-regoli ta’ eliġibbiltà nazzjonali tagħhom;
  • jappoġġaw b’mod adegwat il-mobilità tal-istudenti u l-ħaddiema bl-għan li jtejbu l-ħiliet u l-impjegabbiltà u jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tas-suq tax-xogħol Ewropew;
  • jiżguraw l-involviment f’waqtu u sinifikanti tas-sħab soċjali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ riformi u politiki dwar l-impjiegi, soċjali u, fejn rilevanti, ekonomiċi.

Il-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs għal kulħadd, billi titrawwem l-inklużjoni soċjali u jiġi miġġieled il-faqar

Il-pajjiżi tal-UE għandhom:

  • jippromwovu swieq tax-xogħol inklużivi, miftuħa għal kulħadd, billi jdaħħlu fis-seħħ miżuri effettivi għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni u jippromwovu opportunitajiet indaqs għal kulħadd;
  • jiżguraw trattament indaqs għall-gruppi sottorappreżentati fir-rigward ta’:
    • l-impjiegi
    • il-protezzjoni soċjali
    • is-saħħa u l-kura fit-tul
    • l-edukazzjoni u
    • l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi;
  • jimmodernizzaw is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali;
  • jiżviluppaw u jintegraw it-tliet elementi ta’ inklużjoni attiva, li huma:
    • l-appoġġ ta’ dħul adegwat
    • swieq tax-xogħol inklużivi u l-aċċess għal servizzi ta’ sostenn ta’ kwalità u
    • li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet individwali;
  • jiżguraw li kulħadd, inklużi t-tfal, ikollu aċċess għas-servizzi essenzjali;
  • jiżguraw l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom.

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Din ilha tapplika mill-20 ta’ Ottubru 2020.

SFOND

Il-linji gwida huma konsistenti mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u ma’ liġijiet u inizjattivi oħra tal-UE, inkluż dawk dwar:

Dawn l-inizjattivi huma kkombinati fis-semestru Ewropew, li jimplimenta l-istrateġija Ewropea dwar l-impjiegi u li jappoġġa t-twettiq tal-SDGs.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1512 tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (ĠU L 344, 19.10.2020, pp. 22-28)

DOKUMENTI RELATATI

Il-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ĠU C 428, 13.12.2017, pp. 10-15)

Verżjoni Konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tielet Parti — Politika u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VIII — Politika ekonomika u monetarja — Kapitolu 1 — Politika ekonomika — Artikolu 121 (ex Artikolu 99 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 97-98)

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewopea —It-Tielet Parti — Politiki u azzjonijiet interni tal-Unjoni— Titolu IX — L-Impjieg — Artikolu 148 (ex Artikolu 128 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 112-113)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 tal-14 ta’ Lulju 2015 dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 192, 18.7.2015, pp. 27-31)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 308, 24.11.2010, pp. 46-51)

l-aħħar aġġornament 12.02.2021

Top