EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Bilanċ bejn is-sessi fit-tmexxija tan-negozji

Madwar l-UE, in-nisa huma ferm inqas irrappreżentati fil-karigi ta' tmexxija ta' negozju. Wara bosta tentattivi sabiex titħeġġeġ l-awtoregolamentazzjoni bħala mezz kif tiġi indirizzata din il-kwistjoni, u filwaqt li ma ġewx osservati riżultati mifruxin, il-Kummissjoni Ewropea, fl-2012, ħarġet komunikazzjoni u proposta għal liġi ġdida.

SOMMARJU

F'Jannar 2012, 14 % biss tal-membri tal-bordijiet ta' kumpaniji maġġuri tal-UE elenkati pubblikament u 3 % biss taċ-chairpersons ta' dawn il-kumpaniji kienu nisa.

Għalkemm ilha fuq l-aġenda politika tal-UE għal bosta snin, hemm impetus imġedded fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-bordijiet tal-akbar kumpaniji elenkati. Fl-2010, il-Kummissjoni Ewropea adottat l-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tagħha stess. Din kienet segwita, fl-2011, bit-tnedija tagħha ta' “Women on the Board Pledge for Europe” (Impenn għall-Ewropa għal Nisa fuq il-Bordijiet) li saħqet sabiex kumpaniji elenkati pubblikament fl-Ewropa jimpenjaw ruħhom volontarjament sabiex iżidu l-preżenza tan-nisa fil-bordijiet tagħhom sa 30 % sal-2015 u b'40 % sal-2020.

Minħabba li ma tantx rat progress, għajr fi ftit pajjiżi li kienu introduċew il-liġijiet (jew li kienu kkunsidraw li jagħmlu dan), fl-2012, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni fejn iddefinixxiet kif inhuma l-affarijiet fil-qasam, akkumpanjata minn proposta għal liġi mifruxa mal-UE kollha li tistabbilixxi kwoti proċedurali.

Il-komunikazzjoni tħares lejn raġunijiet għala n-nisa mhumiex irrappreżentati biżżejjed fil-karigi ta' tmexxija tan-negozji u l-ostakoli ewlenin għall-progress fil-karriera tagħhom:

  • rwoli tradizzjonali allokati għas-sessi: id-diviżjoni tax-xogħol, għażliet edukattivi differenti (ftit nisa fix-xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika) u konċentrazzjoni ta' nisa fi ftit setturi okkupazzjonali;
  • nuqqas ta' appoġġ biex jiġu bbilanċjati r-responsabilitajiet ta' kura max-xogħol li għandu impatt żbilanċjat fuq it-tendenzi tax-xogħol tan-nisa u tal-irġiel;
  • Saqaf tal-ħġieġ: in-nisa jeħtieġ li jegħlbu l-prekonċezzjonijiet dwar ir-rekwiżiti għal karigi ta' tmexxija, diskriminazzjoni jew stereotipar. Jistgħu jeżistu ostakoli 'sottili' bħall-perċezzjoni li n-nisa jew mhumiex interessati jew mhumiex kapaċi jwettqu ċerti kompiti jew li dawn il-karigi huma xogħlijiet tal-'irġiel;
  • nuqqas ta' trasparenza fil-prattika tar-reklutaġġ u tal-promozzjoni: in-nuqqas ta' nisa f'karigi għoljin jinfluwenza d-deċiżjonijiet tal-kumpaniji, inkluż l-attitudni tagħhom lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ħatra ta' aktar nisa bħala membri f'bordijiet. Il-ħatriet f'bordijiet jiddependu bil-kbir fuq kuntatti personali u professjonali tal-membri tal-bord attwali.

Huwa mistenni li l-ftuħ tal-bibien għal karigi għoljin sejjer iħeġġeġ lin-nisa jidħlu u jibqgħu fil-forza tax-xogħol, b'hekk dan għandu jgħin biex tintlaħaq il-mira ta' 75 % ta' impjiegi stabbilita mill-istrateġija Ewropa 2020 tal-UE għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv.

Il-komunikazzjoni tissuġġerixxi li l-liġi proposta tiġi kkumplimentata b'approċċ komprensiv li jikkombina l-miżuri politiċi u l-appoġġ finanzjarju sabiex itejjeb il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fil-karigi ta' tmexxija. Eżempji ta' azzjonijiet li sejrin ikunu appoġġati:

  • inizjattivi biex jiġġieldu r-rappreżentazzjonijiet stereotipati ta' rwoli fis-soċjetà, suq tax-xogħol u tmexxija;
  • ħolqien ta' ambjent soċjali, ekonomiku u kummerċjali li jappoġġa l-parteċipazzjoni bilanċjata fil-karigi ta' tmexxija;
  • il-promozzjoni tal-każ kummerċjali u ekonomiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi u r-rappreżentazzjoni bbilanċjata fit-teħid tad-deċiżjonijiet;
  • appoġġ għal u l-monitoraġġ tal-progress lejn parteċipazzjoni bbilanċjata tan-nisa u l-irġiel fil-karigi ta' teħid ta' deċiżjonijiet madwar l-UE.

SFOND

ATT

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-bilanċ bejn is-sessi fit-tmexxija tan-negozju: kontribuzzjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (COM(2012)615 final tal-14.11.2012)

ATTI RELATATI

Proposta għal Direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati (COM(2012) 614 final tal-14.11.2012)

l-aħħar aġġornament 30.10.2015

Top