Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Espożizzjoni għal radjazzjoni ottika artifiċjali

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2006/25/KE dwar il-ħtiġijiet minimi ta’ saħħa u sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jirriżultaw mill-aġenti fiżiċi (radjazzjoni ottika artifiċjali)

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • L-espożizzjoni tal-ħaddiema għal radjazzjoni ottika artifiċjali bħal radjazzjoni ultravjola, radjazzjoni laser jew radjazzjoni non-koerenti* matul ix-xogħol tagħhom jista’ jkollha effetti dannużi kroniċi fuq l-għajnejn u l-ġilda tagħhom. Id-direttiva għandha l-għan li telimina jew tnaqqas għal minimu l-livell ta’ espożizzjoni tal-ħaddiema għal din ir-radjazzjoni billi tintroduċi miżuri preventivi.
  • Din tistabbilixxi wkoll valuri ta’ limitu għal ħaddiema esposti għal radjazzjoni non-koerenti u radjazzjoni laser (Annessi I u II).

PUNTI EWLENIN

Obbligi ta’ min iħaddem

  • Valutazzjoni tal-livell ta’ radjazzjoni. Min iħaddem għandu l-ewwel jivvaluta jew ikejjel il-livelli ta’ radjazzjoni ottika li għaliha huma esposti l-impjegati sabiex ikunu jistgħu jitnaqqsu jekk jaqbżu l-limiti applikabbli. Jekk meħtieġ, għandhom ikejlu jew jikkalkulaw il-livelli ta’ espożizzjoni fuq il-bażi tal-istandards tal-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (IEC), il-Kummissjoni Internazzjonali fuq id-Dwal (CIE) u l-Kumitat Ewopew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), jew fin-nuqqas ta’ dan, bl-użu ta’ linji gwida nazzjonali jew internazzjonali disponibbli bbażati fuq ix-xjenza.
  • Tnaqqis tar-riskji. It-tieni, min iħaddem għandu jnaqqas il-livell ta’ radjazzjoni jekk il-valutazzjoni tindika xi possibilità li l-valuri ta’ limitu ta’ espożizzjoni inqabżu, pereżempju, billi jagħżel tagħmir differenti jew jillimita t-tul tal-espożizzjoni.
  • Informazzjoni u taħriġ għall-ħaddiema. Min iħaddem għandu jipprovdi lill-ħaddiema tagħhom jew lir-rappreżentanti tagħhom bl-informazzjoni u t-taħriġ meħtieġa, pereżempju fil-miżuri meħuda biex tiġi implimentata d-direttiva jew fl-użu ta’ tagħmir protettiv.
  • Konsultazzjoni u parteċipazzjoni tal-ħaddiema. Min iħaddem għandu jikkonsulta mal-ħaddiema jew mar-rappreżentanti tagħhom minn qabel fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jipproponu miżuri biex itejbu din il-protezzjoni u l-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom jistgħu saħansitra jappellaw lill-awtoritajiet kompetenti jekk iqisu li l-protezzjoni tas-saħħa offruta minn min iħaddem mhix adegwata (skont id-Direttiva qafas 89/391/KEE — ara s-sommarju u t-taqsima tal-isfond hawn taħt).

Sorveljanza tas-saħħa

  • F’każ ta’ espożizzjoni għal radjazzjoni ottika artifiċjali, is-saħħa tal-ħaddiema hija soġġetta għal sorveljanza xierqa mwettqa minn tabib, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti.
  • Issir dokumentazzjoni medika għal kull ħaddiem u din tiġi aġġornata wara kull viżta ta’ kontroll tas-saħħa. Ħaddiema individwali għandu jkollhom aċċess għad-dokumentazzjoni medika personali tagħhom stess fuq talba.

Qbiż ta’ valuri ta’ limitu u/jew effetti ta’ ħsara

Fil-każ ta’ espożizzjoni li taqbeż il-valuri ta’ limitu, eżami mediku għandu jkun disponibbli għall-ħaddiema. Jekk il-valuri tal-limitu jkunu nqabżu u/jew il-ħaddiema sofrew minn effetti ħżiena fuq is-saħħa tagħhom:

  • il-ħaddiema jridu jiġu infurmati mit-tabib jew persuna kwalifikata bir-riżultati li għandhom x’jaqsmu magħhom personalment u b’kull sorveljanza tas-saħħa li għandhom jgħaddu minnha wara t-tmiem tal-espożizzjoni;
  • min iħaddem irid jirrevedi l-valutazzjoni tar-riskju u l-miżuri meħudin, jimplimenta l-miżuri rakkomandati mill-persuni kompetenti u jirranġa sistema ta’ sorveljanza tas-saħħa kontinwa.

Penali

L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) għandhom jipprevedu penali xierqa jekk ir-regoli nazzjonali adottati skont din id-direttiva jkunu nkisru.

Atti delegati

  • Ir-Regolament (UE) 2019/1243 li jemenda d-Direttiva 2006/25/KE (l-Artikolu 10) li jagħti lill-Kummissjoni Ewropea setgħat biex tadotta atti delegati mis-26 ta’ Lulju 2019.
  • Dawn l-atti delegati jkunu relatati ma’ emendi strettament tekniċi għall-annessi tad-direttiva, biex jitqiesu l-armonizzazzjoni teknika u l-istandardizzazzjoni fir-rigward tad-disinn, il-bini, il-manifattura jew il-kostruzzjoni ta’ tagħmir tax-xogħol jew postijiet tax-xogħol, progress tekniku, bidliet fl-istandards armonizzati tal-UE jew speċifikazzjonijiet internazzjonali u sejbiet xjentifiċi ġodda li jikkonċernaw l-espożizzjoni okkupazzjonali għar-radjazzjoni ottika. Madankollu, dawk l-emendi ma jistgħux jirriżultaw f’modifika tal-valuri ta’ limitu ta’ espożizzjoni stabbiliti fl-annessi.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mis-27 ta’ April 2006 u l-Istati Membri kellhom jittrasponuha sas-27 ta’ April 2010.

SFOND

TERMINI EWLENIN

Radjazzjoni non-koerenti. Kwalunkwe radjazzjoni ottika minbarra radjazzjoni laser.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2006/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar il-ħtiġijiet minimi ta’ saħħa u sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jirriżultaw mill-aġenti fiżiċi (radjazzjoni ottika artifiċjali) (id-19-il Direttiva individwali fit-tifsira ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 114, 27.4.2006, pp. 38-59)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2006/25/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2002/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ħtiġijiet minimi tas-saħħa u tas-sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jinħolqu mill-aġenti fiżiċi (il-vibrazzjoni) (is-sittax-il Direttiva individwali fit-tifsira ta’ Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) — Dikjarazzjoni Konġunta mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill (ĠU L 177, 6.7.2002, pp. 13-20)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, pp. 1-8)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 15.11.2021

Top