Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti (PRTR Ewropew)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 dwar il-ħolqien ta’ Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Ir-Regolament jistabbilixxi r-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferment ta’ Inkwinanti (PRTR Ewropew).
  • Din hija bażi tad-data elettronika aċċessibbli għall-pubbliku ta’ data ambjentali ewlenija mill-faċilitajiet industrijali fl-Ewropa.
  • Fl-2019, ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 ġie emendat bir-Regolament (UE) Nru 1010/2019 biex jallinja u jissimplifika r-rekwiżiti tar-rappurtar fil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE. Fost affarijiet oħra, ir-regolament emendatorju ta setgħat lill-Kummissjoni Ewropea biex tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw it-tip, il-format u l-frekwenza tal-informazzjoni li għandha tiġi rrappurtata skont ir-Regolament (KE) Nru 166/2006.
  • Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1741 introduċiet bidliet speċifiċi għall-PRTR Ewropew b’segwitu għar-Regolament (UE) Nru 1010/2019.

PUNTI EWLENIN

Il-PRTR Ewropew huwa disponibbli għall-pubbliku b’xejn fuq l-internet. L-informazzjoni li jinkludi tista’ tiġi mfittxija bl-użu ta’ kriterji differenti (tip ta’ inkwinant, il-post ġeografiku, l-ambjent affettwat, il-faċilità tas-sors, eċċ.)

Kontenut tal-PRTR Ewropew

  • Ir-reġistru jinkludi informazzjoni dwar ir-rilaxxi ta’ inkwinanti fl-arja, fl-ilma u fl-art, kif ukoll trasferimenti ta’ inkwinanti barra mis-sit preżenti f’ilma mormi u skart. Ir-reġistru jkopri 91 inkwinant kif elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 166/2006, inklużi gassijiet serra, metalli tqal, pestiċidi, u sustanzi organiċi klorinati.
  • Ir-rilaxxi huma meħtieġa li jiġu rrappurtati meta jaqbżu ċertu limitu u joriġinaw minn waħda mill-65 attività elenkata fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 166/2006. Il-maġġoranza ta’ dawn l-attivitajiet huma rregolati wkoll mid-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali (ara s-sommarju) u jinkludu, b’mod partikolari, il-faċilitajiet koperti mis-setturi li ġejjin:
    • il-produzzjoni tal-enerġija,
    • il-produzzjoni u l-ipproċessar ta’ metalli,
    • l-industrija tal-minerali,
    • l-industrija tal-kimika,
    • l-immaniġġjar tal-iskart u tal-ilma mormi,
    • il-produzzjoni u l-ipproċessar tal-karti u tal-injam,
    • il-produzzjoni intensiva tal-bhejjem u l-akkwakultura,
    • il-prodotti tal-annimali u dawk veġetali mis-settur tal-ikel u tax-xorb, u
    • attivitajiet oħra eż. il-produzzjoni tat-tessuti, il-konzar.
  • Fejn disponibbli, ir-reġistru jipprovdi wkoll informazzjoni dwar rilaxxi minn sorsi diffużi ta’ arja u sorsi diffużi ta’ ilma.

Kif jaħdem il-PRTR Ewropew

  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2019/1010 jirrikjedi li:
    • l-operaturi ta’ kull faċilità industrijali jibagħtu l-informazzjoni lill-awtorità nazzjonali kompetenti tagħhom dwar ir-rilaxxi u t-trasferimenti ta’ inkwinanti tagħhom kull sena. Din l-informazzjoni tkopri inkwinanti fl-arja, fl-ilma u fl-art, kif ukoll trasferimenti ta’ inkwinanti barra mis-sit preżenti f’ilma mormi u skart;
    • il-pajjiżi tal-UE fil-livell nazzjonali jiġbru u jivverifikaw din l-informazzjoni;
    • l-awtoritajiet nazzjonali jibagħtu din l-informazzjoni permezz ta’ trasferiment elettroniku lill-Kummissjoni fi żmien 11-il xahar mit-tmiem tas-sena tar-rapportar;
    • il-Kummissjoni, megħjuna mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, tinkorpora l-informazzjoni rrapportata mill-pajjiżi tal-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, is-Serbja u l-Iżvizzera fil-PRTR Ewropew fi żmien xahar.
  • Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1741:
    • tispeċifika l-format elettroniku li għandu jiġi żviluppat mill-pajjiżi tal-UE għal dan il-proċess ta’ rapportar, kif ukoll l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-pajjiżi tal-UE;
    • sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fl-Anness għad-deċiżjoni, l-informazzjoni kellha tiġi ppreżentata għall-ewwel darba għas-sena tar-rapportar 2019;
    • l-informazzjoni fit-Taqsimiet 1 sa 4 tal-Anness għandha tasal għand il-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru tas-sena tar-rapportar ta’ wara;
    • l-informazzjoni fit-Taqsimiet 5 sa 10 tal-Anness għandha tasal għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru tas-sena tar-rapportar ta’ wara;
    • għandha tiġi riveduta sal-31 ta’ Diċembru 2024 biex tiġi vvalutata l-fattibbiltà tal-progress lejn l-għan ta’ disponibbiltà pubblika aktar bikrija tad-data tal-PRTR Ewropew.
  • Dawn l-emendi jnaqqsu minn 16-il xahar għal 12-il xahar l-inkorporazzjoni tal-informazzjoni rrappurtata mill-pajjiżi tal-UE fil-PRTR Ewropew, u b’hekk jippermettu l-aċċess aktar mgħaġġel għall-pubbliku għal din l-informazzjoni.

Il-parteċipazzjoni pubblika

Ir-Regolament huwa strument prinċipali biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-konvenzjoni ta’ Aahrus minħabba li jipprovdi lill-pubbliku l-opportunità li jkun involut fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-24 ta’ Frar 2006.

SFOND

Għal aktar tagħrif ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar il-ħolqien ta’ Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE (ĠU L 33, 4.2.2006, pp. 1-17)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 166/2006 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1741 tal-23 ta’ Settembru 2019 li tistabbilixxi l-format u l-frekwenza tad-data li għandhom jagħmlu disponibbli l-Istati Membri għall-finijiet tar-rapportar skont ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħolqien ta’ Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti u li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 91/689/KEE u 96/61/KE (ĠU L 267, 21.10.2019, pp. 3-8)

Ir-Regolament (UE) 2019/1010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar l-allinjament tal-obbligi ta’ rapportar fil-qasam tal-leġislazzjoni relatata mal-ambjent u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 166/2006 u (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 2002/49/KE, 2004/35/KE, 2007/2/KE, 2009/147/KE u 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 u (KE) Nru 2173/2005, u d-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE (ĠU L 170, 25.6.2019, pp. 115-127)

Protokoll dwar Reġistri dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti (ĠU L 32, 4.2.2006, pp. 56-79)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/61/KE tat-2 ta’ Diċembru 2005 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll UN-ECE dwar ir-Reġistri dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti (ĠU L 32, 4.2.2006, pp. 54-55)

l-aħħar aġġornament 08.05.2020

Top