This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Strateġija Ewropea dwar id-Diżabilità (2010–2020)
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli għal Persuni b'Disabilità — COM(2010) 636 final
SOMMARJU
X'TAGĦMEL DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?
Hija tistabbilixxi strateġija li tagħti s-setgħa lill-persuni b’diżabilità sabiex ikunu jistgħu jgawdu d-drittijiet tagħhom b’mod sħiħ u jipparteċipaw fis-soċjetà u fl-ekonomija fuq bażi ugwali mal-oħrajn.
L-istrateġija tibni fuq il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) u tikkumplimenta wkoll l-Ewropa 2020 (l-istrateġija tal-UE għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv) u l-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali tat-Trattat ta’ Lisbona.
PUNTI EWLENIN
Hemm 8 oqsma għal azzjoni konġunta bejn l-UE u l-pajjiżi tal-UE enfasizzati f’din l-istrateġija:
— |
L-aċċessibbiltà : jiġi żgurat li l-persuni b’diżabilità jkollhom aċċess għal prodotti, servizzi u mezzi ta’ assistenza;
|
— |
Il-parteċipazzjoni: jiġi żgurat li l-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet fundamentali kollha tagħhom bħala ċittadini Ewropej;
|
— |
L-ugwaljanza: jiġi żgurat li jiġu implimentati politiki (fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-UE) li jippromwovu l-ugwaljanza;
|
— |
L-impjiegi: jiġi żgurat li jkun hemm żieda fin-numru ta’ ħaddiema b’diżabilità fis-suq tax-xogħol u li jkun hemm aċċessibbiltà aħjar għall-postijiet tax-xogħol;
|
— |
L-edukazzjoni u t-taħriġ: jiġi żgurat li l-istudenti b’diżabilità jibbenifikaw minn sistema ta’ edukazzjoni aċċessibbli u minn programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja. Il-Kummissjoni Ewropea diġà nediet bosta inizjattivi li jikkonċernaw l-edukazzjoni, bħall-Aġenzija Ewropea għall-Iżvilupp fl-Edukazzjoni għal Bżonnijiet Speċjali;
|
— |
Il-protezzjoni soċjali: l-indirizzar tal-isfidi soċjali mifruxa li jkollhom jiffaċċjaw il-persuni b’diżabilità, bħall-inugwaljanza fid-dħul, ir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Il-Fondi Strutturali tal-UE u l-miżuri nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE jistgħu jintużaw biex jiggarantixxu din il-protezzjoni soċjali;
|
— |
Is-saħħa: jiġi żgurat li l-persuni b’diżabilità jingħataw aċċess ugwali u affordabbli għall-faċilitajiet u s-servizzi tas-saħħa (mentali);
|
— |
L-azzjoni esterna: il-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità f’livell internazzjonali.
|
Bil-għan li jimplimentaw l-istrateġija bl-aħjar mod, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-pajjiżi tal-UE għandhom jaħdmu flimkien sabiex:
— |
iqajmu kuxjenza dwar kwistjonijiet relatati mad-diżabilità,
|
— |
jiżviluppaw possibbiltajiet ta’ finanzjament,
|
— |
itejbu d-dejta statistika, u
|
— |
jiżguraw li l-UNCRPD tiġi infurzata.
|
Il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-UNCRPD huwa rrapportat f’Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-2014.
SFOND
Tmenin miljun ruħ fl-UE (1 minn kull 6 tal-popolazzjoni) għandhom diżabilitajiet li jvarjaw minn ħfief sa severi. Dawn in-nies, li ta’ spiss jiġu impeduti mid-diżabilità tagħhom milli jieħdu sehem fis-soċjetà u fl-ekonomija, għandhom rata ta’ faqar 70 % ogħla mill-medja tal-UE.
— |
— |
ATT
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli (COM(2010) 636 final tal-15.11.2010)
ATTI RELATATI
Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (CRPD) mill-Unjoni Ewropea. (SWD(2014) 182 final tal-5.6.2014)
l-aħħar aġġornament 13.10.2015