EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Konvenzjoni ta’ Istanbul

 

SOMMARJU TA’:

Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika Istanbul, 11.V.2011,

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/865 dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta’ materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/866 dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta’ ażil u non-refoulement

Id-Deċiżjoni (UE) 2023/1075 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-istituzzjonijietl u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni

Id-Deċiżjoni (UE) 2023/1076 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta’ materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, ażil u non-refoulement

X’INHU L-GĦAN TAL-KONVENZJONI U TAD-DEĊIŻJONI?

  • Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul għandha l-għan li toħloq qafas legali biex tipproteġi n-nisa kontra kull forma ta’ vjolenza, u tindirizza:
    • miżuri legali li jikkriminalizzaw forom differenti ta’ vjolenza fuq in-nisa;
    • protezzjoni tal-vittma u servizzi ta’ appoġġ;
    • vjolenza abbażi tal-ġeneru fil-migrazzjoni u l-ażil.
  • Deċiżjonijiet (UE) 2017/865 u 2017/866 jawtorizzaw lill-Unjoni Ewropea (UE) biex tiffirma l-konvenzjoni.
  • Deċiżjonijiet (UE) 2023/1075 u 2023/1076 jirratifikaw il-konvenzjoni f’isem l-UE. L-UE issa hija marbuta b’regoli ambizzjużi u komprensivi biex tipprevjeni u tiġġieled il-vjolenza fuq in-nisa u vjolenza domestika fir-rigward ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, ażil u non-refoulement, u fir-rigward tal-istituzzjonijiet u amministrazzjonijiet pubbliċi tagħha.
  • Is-sitt Stati Membri tal-UE li għad ma rratifikawx il-konvenzjoni huma stess ser ikunu marbuta biss mill-acquis, li jimplimenta l-konvenzjoni. Kull materja oħra koperta mill-konvenzjoni tibqa’ fi ħdan il-kompetenza tal-Istati Membri. Biex tiżgura l-protezzjoni sħiħa tal-konvenzjoni għal nisa f’dawk is-sitt Stati Membri, dawn tal-aħħar iridu jirratifikaw il-konvenzjoni huma stess flimkien mal-UE.

PUNTI EWLENIN

Definizzjonijiet użati fil-konvenzjoni

  • Vjolenza kontra n-nisa tfisser ksur tad-drittijiet tal-bniedem u forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa u tirreferi għal kull att ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru li jwassal jew x’aktarx iwassal għal dannu fiżiku, sesswali, psikoloġiku jew ekonomiku jew tbatija għan-nisa, inkluż theddid ta’ tali atti, kooerzzjoni jew priġunerija arbitrarja, sew jekk tkun fil-ħajja pubblika kif ukoll jekk il-ħajja privata.
  • Vjolenza domestika tfisser kull att ta’ vjolenza fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika li sseħħ fi ħdan il-familja jew unità domestika jew bejn eks konjugi jew eks sieħba jew bejn konjugi jew sieħba kurrenti sew jekk l-awtur jaqsam jew ikun qasam jew le l-istess residenza mal-vittma.
  • Ġeneru tfisser rwoli, imġiba, attivitajiet u attributi mibnija b’mod soċjali li soċjetà speċifikata tqis xierqa għan-nisa u għall-irġiel.
  • Vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa hi vjolenza diretta kontra mara għax hi mara jew li taffettwa n-nisa b’mod sproporzjonat.

Objettivi

Il-konvenzjoni għandha l-għan li:

  • tipproteġi lin-nisa kontra kull forma ta’ vjolenza, u timpedixxi, tipproċedi u telimina l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika.
  • tgħin biex telimina d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, inkluż billi tagħti l-ħiliet lin-nisa;
  • tfassal qafas, politiki u miżuri komprensivi biex tipproteġi u tassisti lill-vittmi;
  • tippromwovi l-kooperazzjoni internazzjonali fuq din il-kwistjoni;
  • tipprovdi appoġġ għal organizzazzjonijiet u aġenziji tal-infurzar tal-liġi biex jikkooperaw flimkien biex jeliminaw il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika;
  • twaqqaf mekkaniżmu ta’ monitoraġġ li jiżgura li l-miżuri huma implimentati b’mod effettiv.

Drittijiet fundamentali, ugwaljanza u nondiskriminazzjoni

Firmatarji jridu jieħdu azzjoni leġiżlattiva biex jippromwovu u jipproteġu d-dritt ta’ kulħadd, speċjalment tan-nisa, biex jgħixu b’mod liberu minn vjolenza fil-pubbliku u fil-privat, inkluż billi:

  • jikkundannaw u jipprojbixxu kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa;
  • jinkorporaw il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-kostituzzjonijiet nazzjonali tagħhom;
  • jabolixxu liġijiet u prattiċi li jiddiskriminaw kontra n-nisa.

Prevenzjoni

Il-prevenzjoni tinvolvi l-qerda tal-preġudizzji, drawwiet, tradizzjonijiet u prattiċi oħra bbażati fuq l-idea ta’ inferjorità tan-nisa jew sterjotipi ta’ rwoli għal nisa u irġiel, inkluż permezz ta’

  • l-edukazzjoni,
  • taħriġ għal għarfien,
  • taħriġ professjonali,
  • intervenzjoni preventiva u programmi ta’ trattament,
  • is-settur privat u l-parteċipazzjoni tal-media.

Protezzjoni u appoġġ

Il-partijiet għall-konvenzjoni jridu jipproteġu lill-vittmi minn atti addizzjonali ta’ vjolenza billi jwettqu l-obbligi ta’ rapportar u jipprovdu lill-vittmi b’:

  • informazzjoni rilevanti,
  • servizzi ġenerali u ta’ appoġġ speċjalizzat,
  • assistenza meta jkun hemm ilmenti individwali u kollettivi,
  • refuġji,
  • linji għall-għajnuna,
  • appoġġ għall-vittmi ta’ vjolenza sesswali,
  • protezzjoni u appoġġ għal tfal li jagħtu x-xhieda.

Rimedji legali

Firmatarji jridu jipprovdu lill-vittmi b’rimedji kontra l-atturi, u kontra awtoritajiet tal-istat li jonqsu fid-dover tagħhom li jipprevjenu u jipproteġu (jekk ikun fl-ambitu tagħhom), inkluż billi jindirizzaw dawn li ġejjin:

  • proċedimenti u rimedji ċivili,
  • kumpens,
  • kustodja tal-minuri, drittijiet għall-aċċess, u sikurezza,
  • konsegwenzi ċivili ta’ żwieġijiet sfurzati,
  • vjolenza psikoloġika jew fiżika,
  • segwiment ta’ persuni bil-moħbi,
  • vjolenza sesswali, inkluż stupru,
  • mutilazzjoni sesswali feminili,
  • abort furzat u sterilizzazzjoni furzata,
  • fastidju sesswali,
  • reati tal-“unur”,
  • sanzjonijiet.

Miżuri protettivi dwar l-investigazzjoni, prosekuzzjoni, liġi proċedurali

Kwistjonijiet indirizzati jinkludu:

  • rispons immedjat, prevenzjoni u protezzjoni,
  • analiżi u ġestjoni tar-riskju,
  • għeluq tal-emerġenza, ordnijiet ta’ trażżin u ta’ protezzjoni,
  • għajnuna legali,
  • l-estenzjoni tal-istatut ta’ limitazzjonijiet.

Migrazzjoni u ażil

Kwistjonijiet indirizzati jinkludu:

  • status ta’ residenza,
  • talbiet ta’ ażil ibbażati fuq il-ġeneru,
  • non-refoulement.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-konvenzjoni kienet iffirmajta f’isem l-UE fit-13 ta’ Ġunju 2017, u l-proċedura kienet kompluta bid-depożitu ta’ żewġ strumenti ta’ approvazzjoni flt-28 ta’ Ġunju 2023 li wassal għad-dħul fis-seħħ tal-konvenzjoni għall-UE fl-1 ta Ottubru 2023

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika Istanbul, 11.V.2011 (ĠU L 143I, 2.6.2023, pp. 7–32)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/865 tal-11 ta’ Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta’ materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (ĠU L 131, 20.5.2017, pp. 11–12)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/866 tal-11 ta’ Mejju 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-asil u n-non-refoulement (ĠU L 131, 20.5.2017, pp. 13–14)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni (ĠU L 143I, 2.6.2023, pp. 1–3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fir-rigward ta’ materji relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement (ĠU L 143I, 2.6.2023, pp. 4–6)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2021/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 (ĠU L 156, 5.5.2021, pp. 1–20)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parliament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025 (COM(2020) 152 final, 5.3.2020).

l-aħħar aġġornament 12.10.2023

Top