Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kumpens għal vittmi ta’ delitti f’pajjiżi tal-UE oħrajn

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2004/80/KE — li għandha x’taqsam ma ’kumpens għal vittmi ta’ delitti

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Hija tistabbilixxi sistema ta’ kooperazzjoni biex tgħin lill-vittmi ta’ delitti jiksbu kumpens f’sitwazzjonijiet irrispettivament minn fejn fl-Unjoni Ewropea (UE) ikun sar id-delitt.
  • Is-sistema taħdem fuq il-bażi tal-iskemi ta’ kumpens nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE għal vittmi ta’delitti vjolenti u intenzjonali kommessi fit-territorji tagħhom stess.

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva għandha żewġ elementi.

  • Hija teħtieġ lill-pajjiżi tal-UE kollha jkollhom skema ta’kumpens għal vittmi ta’ delitti vjolenti u intenzjonali kommessi fit-territorji tagħhom. L-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ tali skemi jitħallew għad-diskrezzjoni ta’ kull pajjiż tal-UE.
  • Hija tistabbilixxi sistema ta’kooperazzjoni fl-UE kollha bbażata fuq dawk l-iskemi nazzjonali.

Il-garanzija ta’kumpens xieraq

Il-garanzija ta’ kumpens xieraq għall-vittmi jista’ jkun diffiċli jew minħabba li:

  • min iwettaq id-delitt ma jkollux ir-riżorsi finanzjarji neċessarji; jew
  • ma kienx possibbli li jiġi identifikat jew mixli min wettaq id-delitt (il-possibbiltà li jinkiseb kumpens mingħand dak li jwettaq id-delitt hija trattata fid-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità).

Id-direttiva teħtieġ li l-vittmi:

  • jiġu kkumpensati irrispettivament mill-pajjiż ta’ residenza tagħhom jew il-pajjiż tal-UE fejn ikun ġie kommess id-delitt;
  • jirċievu kumpens ġust u xieraq — l-ammont eżatt jitħalla għad-diskrezzjoni tal-pajjiż tal-UE fejn ikun ġie kommess id-delitt.

Kooperazzjoni

Il-pajjiżi tal-UE kollha kienu meħtieġa jistabbilixxu skemi nazzjonali li joffru kumpens ġust u xieraq sal-1 ta’ Lulju 2005. Id-direttiva tistabbilixxi sistema ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali biex tiffaċilita l-aċċess għall-kumpens għall-vittmi madwar l-UE:

  • Il-vittmi ta’ delitti kommessi f’pajjiż tal-UE differenti minn dak fejn normalment jgħixu jistgħu jitolbu lil awtorità fil-pajjiż fejn jgħixu (awtorità li tgħin) għal informazzjoni dwar kif jistgħu japplikaw għal kumpens.
  • Dik l-awtorità nazzjonali mbagħad tibgħat l-applikazzjoni direttament lill-awtorità nazzjonali tal-pajjiż tal-UE fejn ikun ġie kommess id-delitt (awtorità li tiddeċiedi), li hija responsabbli sabiex tevalwa l-applikazzjoni u tħallas il-kumpens.
  • Il-komunikazzjonijiet kollha jridu jsiru bil-lingwa tal-pajjiż li jiddeċiedi. Il-Kummissjoni Ewropea fasslet formoli standard għat-trażmissjoni tal-applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet relatati mal-kumpens għall-vittmi.
  • Id-direttiva toħloq sistema ta’ punti ta’kuntatt ċentrali f’kull pajjiż tal-UE biex tiffaċilita l-kooperazzjoni f’sitwazzjonijiet transkonfinali, li jiltaqgħu regolarment. Informazzjoni addizzjonali hija disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Awwissu 2004. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-1 ta’ Jannar 2006.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE tad-29 ta’ April 2004 li għandha x’taqsam ma’ kumpens għal vittmi ta’ delitti (ĠU L 261, 6.8.2004, pp. 15-18)

DOKUMENTI RELATATI

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/337/KE tad-19 ta’ April 2006 li tistabbilixxi formoli standard għat-trażmissjoni ta’ applikazzjonijiet u deċiżjonijiet skond id-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE dwar kumpens lil vittmi tal-kriminalità (ĠU L 125, 12.5.2006, pp. 25-30)

Direttiva 2012/29/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, pp. 57-73)

l-aħħar aġġornament 08.12.2015

Top