Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kontrolli fuq l-importazzjonijiet ta’ annimali ħajjin

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 91/496/KEE dwar il-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Id-Direttiva tiddefinixxi l-arranġamenti għall-kontrolli esterni fil-fruntieri u għall-moviment intern ta’ annimali ħajjin minn pajjiżi mhux tal-UE. Hija ssupplimentata mir-Regolament (KE) Nru 882/2004 il-kontrolli uffiċjali fuq l-għalf u l-ikel.

PUNTI EWLENIN

Kontrolli veterinarji

Il-kunsinni kollha ta’ annimali ħajjin minn pajjiż mhux tal-UE huma soġġetti għall-kontrolli veterinarji meħtieġa minn din id-Direttiva qabel ikunu jistgħu jiġu introdotti fl-UE. Dawn il-kontrolli jitwettqu f’postijiet ta’ spezzjoni fil-fruntieri mill-awtorità kompetenti taħt ir-responsabbiltà tal-veterinarju uffiċjali. Dawn il-kontrolli jinkludu:

  • kontroll dokumentarju: verifika taċ-ċertifikati jew tad-dokumenti veterinarji li jakkumpanjaw kull kunsinna ta’ annimali;
  • kontroll tal-identità: verifika bi spezzjoni viżiva biss għall-konsistenza bejn id-dokumenti jew iċ-ċertifikati u l-annimali u għall-preżenza u l-konformità tal-marki li jridu jidhru fuq l-annimali;
  • kontroll fiżiku: kontroll tal-annimal innifsu; possibbilment inkluż kampjunar u ttestjar fil-laboratorju u, meta xieraq, kontrolli addizzjonali matul il-kwarantina.

Id-Direttiva tistipula r-regoli għall-kontrolli li għandha ssir konformità magħhom u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għat-tqegħid ta’ annimali ħajjin fi kwarantina. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 97/794/KE tipprovdi regoli speċifiċi għal-kontrolli dokumentarji, kontrolli tal-identità u kontrolli fiżiċi.

Meta l-kundizzjonijiet veterinarji fuq l-importazzjoni jiġu rispettati u ma jkun hemm l-ebda periklu għas-saħħa pubblika jew tal-annimali, il-veterinarju uffiċjali responsabbli mill-post ta’ spezzjoni fil-fruntieri għandu joħroġ ċertifikat. Dan iċ-ċertifikat jiġi prodott f’konformità mal-mudell ipprovdut fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 282/2004 relatat mal-introduzzjoni ta’ dokument għad-dikjarazzjoni ta’, u kontrolli veterinarji fuq, annimali minn pajjiżi mhux tal-UE li jiddaħħlu fl-UE.

Id-Direttiva tipprovdi l-proċedura li għandha tiġi implimentata meta l-kontrolli jiżvelaw li annimal ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati mil-liġi Ewropea jew jekk ikun hemm irregolarità fil-kunsinna.

Postijiet ta’ spezzjoni fil-fruntieri

Id-Direttiva tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li l-postijiet ta’ spezzjoni fil-fruntieri (BIP) jridu jissodisfaw sabiex ikunu approvati mill-Kummissjoni Ewropea. Tal-aħħar tippubblika l-lista ta’ BIP approvati f’Il-Ġurnal Uffiċjali.

Sistemi tal-informazzjoni

Il-Kummissjoni tintroduċi skambju ta’ informazzjoni li jorbot lis-servizzi ta’ spezzjoni fil-fruntieri u lill-awtoritajiet veterinarji tal-pajjiżi tal-UE mas-sistema TRACES tal-Kummissjoni. Din is-sistema ta’ skambju tal-informazzjoni, li tinkludi l-elementi kollha li jikkonċernaw l-importazzjoni u t-tranżitu ta’ annimali minn pajjiżi terzi, mill-2003 issostitwixxiet lis-sistema SHIFT.

It-tranżitu ta’ annimali minn pajjiżi terzi

Id-Direttiva tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għat-trasportazzjoni ta’ annimali minn pajjiż mhux tal-UE għal ieħor. L-annimali li jiġu ttrasportati fit-territorju tal-UE jeħtiġilhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Jekk ikun meħtieġ, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li tqegħedhom fi kwarantina, jew li torganizza l-esportazzjoni mill-ġdid jew it-tbiċċir tagħhom.

Miżuri ta’ salagwardja

F’każ li sseħħ marda fit-territorju ta’ pajjiż mhux tal-UE li tirrappreżenta theddida serja għall-annimali jew għas-saħħa tal-bniedem, il-Kummissjoni tista’ tipprojbixxi l-importazzjoni ta’ annimali mill-pajjiż inkwistjoni jew tistabbilixxi kundizzjonijiet speċjali għall-importazzjoni jew għat-tranżitu tagħhom.

Spezzjonijiet

Esperti veterinarji mill-Kummissjoni, flimkien mal-awtoritjiet kompetenti tal-pajjiżi tal-UE, jeħtiġilhom jivverifikaw li l-postijiet ta’ spezzjoni fil-fruntieri u l-istazzjonijiet ta’ kwarantina jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ approvazzjoni. Il-Kummissjoni tinforma lill-pajjiżi tal-UE bir-riżultati tal-ispezzjonijiet imwettqa.

Proċedura tal-Kumitat

Il-Kummissjoni hija megħjuna fil-ħidma tagħha mill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

META TIBDA TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Id-Direttiva ilha tapplika mid-19 ta’ Awwissu 1991. Hija kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-1992.

Sfond

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56-68)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, pp. 1-142)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/821/KE tat-28 ta’ Settembru 2009 li tfassal lista approvata ta’ postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera, li tistabbilixxi ċerti regoli dwar l-ispezzjonijiet mwettqa mill-esperti veternarji tal-Kummissjoni u tistabbilixxi l-unitajiet veterinarji fi TRACES (ĠU L 296, 12.11.2009, pp 1-58)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE tas-17 ta’ April 2007 dwar il-listi ta’ annimali u prodotti li huma soġġetti għal kontrolli fil-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntieri skond id-Direttivi tal-Kunsill 91/496/KEE u 97/78/KE (ĠU L 116, 4.5.2007, pp 9-33)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 12.10.2018

Top