Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Invenzjonijiet bijoteknoloġiċi: protezzjoni legali

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 98/44/KE — il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Din tarmonizza l-liġijiet nazzjonali dwar il-privattivi rigward invenzjonijiet bijoteknoloġiċi.

Hija tispeċifika dawk l-invenzjonijiet li għandhom il-jedd għal privattiva għal raġunijiet etiċi u dawk li m’għandhomx.

PUNTI EWLENIN

  • Invenzjonijiet li jirrigwardaw prodott li jikkonsisti, jew li jkun fih, materjal bijoloġiku* jew proċess għall-produzzjoni ta’ tali materjal bijoloġiku jistgħu jingħataw privattiva jekk ikunu ġodda, jinvolvu pass inventiv u jistgħu jiġu applikati fl-industrija.
  • Dawn li ġejjin ma għandhomx il-jedd għal privattiva:
    • varjetajiet ta’ pjanti u annimali;
    • proċessi essenzjalment bijoloġiċi* għall-produzzjoni tal-pjanti u l-annimali;
    • il-ġisem tal-bniedem f’kull stadju tal-formazzjoni u tal-iżvilupp tiegħu.
  • Iżda, element iżolat mill-ġisem tal-bniedem jew prodott permezz ta’ proċess tekniku jista’ jkun invenzjoni bil-jedd għall-privattiva.
  • L-invenzjonijiet m’għandhomx jedd għall-privattiva meta l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom tkun immorali jew kontra l-ordni pubbliku. B’mod partikolari dawn li ġejjin ma għandhomx il-jedd għal privattiva:
    • proċessi tal-klonazzjoni tal-persuni umani;
    • proċessi li jimmodifikaw l-identità ġenetika ġerminali tal-bniedem;
    • l-użu tal-embrijoni għal finijiet industrijali jew kummerċjali;
    • proċessi li jistgħu jikkawżaw it-tbatija lill-annimali waqt il-modifika tal-identità ġenetika tagħhom.
  • Il-protezzjoni mogħtija minn privattiva hija estiża wkoll għal kull materjal bijoloġiku mnissel mill-materjal bijoloġiku oriġinali.
  • Meta xi ħadd li jrabbi l-pjanti ma jistax juża varjetà ta’ pjanta mingħajr ma jikser privattiva, huma jistgħu japplikaw għal liċenzja obbligatorja għall-użu mhux esklussiv tal-invenzjoni, bla ħsara għall-ħlas tad-dritt approprjat tal-awtur.
  • Il-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenzi u t-Teknoloġiji l-Ġodda jevalwa l-aspetti etiċi kollha tal-bijoteknoloġija.

Fl-2012, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet grupp espert biex jeżamina l-iżvilupp tekniku u l-implikazzjonijiet tal-liġijiet dwar il-privattivi fil-qasam tal-bijoteknoloġija u l-inġinerija ġenetika. Il-grupp jassisti lill-Kummissjoni fir-rappurtar tal-obbligi tagħha skont id-Direttiva 98/44/KE.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-30 ta’ Lulju 1998. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sat-30 ta’ Lulju 2000. Illum il-ġurnata, ir-regoli huma implimentati fil-leġiżlazzjoni tal-pajjiżi kollha tal-UE.

SFOND

Il-protezzjoni ta’ invenzjonijiet bijoteknoloġiċi

TERMINI EWLENIN

* Materjal bijoloġiku: kull materjal li jkun fih tagħrif ġenetiku u jkun kapaċi li jirriproduċi lilu nnifsu jew jiġi prodott f’sistema bijoloġika.

* Proċess bijoloġiku: proċess għall-produzzjoni tal-pjanti u l-annimali huwa essenzjalment bijoloġiku jekk jikkonsisti fl-intier tiegħu minn fenomeni naturali bħalma huma l-inkroċjar jew l-għażla

ATT

Id-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ invenzjonijiet bijoteknoloġiċi (ĠU L 213, 30.7.1998, p. 13–21)

l-aħħar aġġornament 21.03.2016

Top