Miżuri anti-dumping
SOMMARJU TA’:
Ir-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?
Ir-Regolament (UE) 2016/1036 jistabbilixxi r-regoli tal-UE dwar id-difiża tal-kummerċ għall-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet minn pajjiżi mhux tal-UE li huma l-oġġett ta’ dumping fis-suq tal-UE.
Dan ġie emendat tliet darbiet: bir-Regolament (UE) 2017/2321, bir-Regolament (UE) 2018/825 u bir-Regolament Delegat (UE) 2020/1173.
PUNTI EWLENIN
Ir-Regolament (UE) 2016/1036 jistipula r-regoli li ġejjin.
Kundizzjonijiet
Għandhom jiġu ssodisfati erba’ kundizzjonijiet qabel ma jkunu jistgħu jiġu imposti miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ prodott:
- l-importazzjonijiet għandhom ikunu l-oġġett ta’ dumping — jekk il-prezz tal-esportazzjoni ta’ prodott lejn l-UE jkun inqas mill-valur normali* tiegħu;
- għandu jkun hemm ħsara materjali* lill-industrija tal-UE li tipproduċi l-prodott simili*;
- għandu jkun hemm rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-ħsara materjali; u
- l-miżura anti-dumping* m’għandhiex tkun kontra l-interess tal-EU — il-miżuri m’għandhomx jikkawżaw aktar ħsara lill-ekonomija ġenerali tagħha mill-eżenzjoni li tingħata lill-industrija li qed issofri mill-importazzjonijiet.
Il-bidu ta’ lment
- Ilment anti-dumping jitressaq quddiem il-Kummissjoni Ewropea minn jew f’isem il-produtturi tal-UE tal-prodott ikkonċernat jew direttament jew permezz tal-awtoritajiet ta’ pajjiż tal-UE. It-trejdjunjins jistgħu wkoll iressqu lmenti flimkien mal-industrija tal-UE u jsiru partijiet ikkonċernati fil-proċedimenti. F’ċirkostanzi speċjali, il-Kummissjoni tista’ wkoll tiftaħ investigazzjoni dwar id-dumping fuq l-inizjattiva tagħha stess.
- Kull ilment għandu jinkludi evidenza ta’ dumping, ħsara u rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li allegatament huma l-oġġett ta’ dumping u l-ħsara allegata.
- Biex titħares id-data kummerċjali kunfidenzjali, jeħtieġ li jiġu ppreżentati żewġ verżjonijiet ta’ lment: verżjoni kunfidenzjali u verżjoni mhux kunfidenzjali. L-ewwel waħda se tkun disponibbli biss għall-persunal tal-Kummissjoni li jaħdem direttament fuq il-każ. Il-verżjoni mhux kunfidenzjali se tkun aċċessibbli mill-partijiet interessati kollha ladarba tinfetaħ l-investigazzjoni.
- Il-Kummissjoni għandha teżamina l-preċiżjoni u l-adegwatezza tal-evidenza pprovduta fl-ilment biex tiddetermina jekk hemmx bażi suffiċjenti biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ investigazzjoni. Dan għandu jsir fi żmien 45 jum mill-preżentazzjoni tal-ilment.
Investigazzjoni anti-dumping
- Ladarba l-Kummissjoni tiddeċiedi li tniedi investigazzjoni, din għandha tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din tikkuntattja lill-manifatturi magħrufa kollha u lill-partijiet interessati l-oħra kollha u titlobhom jimlew il-kwestjonarji sa skadenza stretta.
- Fejn hemm ħafna partijiet potenzjalment interessati, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li twettaq l-investigazzjoni tagħha fuq il-bażi ta’ kampjun ta’ operaturi (produtturi esportaturi, manifatturi tal-UE, importaturi, utenti).
- Skont ir-Regolament oriġinali (UE) 2016/1036, l-investigazzjonijiet jistgħu jieħdu 9 xhur qabel ma l-Kummissjoni tkun tista’ timponi miżuri provviżorji abbażi tas-sejbiet provviżorji tagħha.
Sejba ta’ dumping
Dan li ġej jista’ jseħħ fejn, abbażi tal-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tqis li sar dumping.
- Il-miżuri anti-dumping jistgħu jiġu imposti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn l-UE, li ġeneralment jieħdu l-forma ta’:
- dazju ad valorem — perċentwal tal-valur tal-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat;
- dazji speċifiċi — valur fiss għal ċertu ammont ta’ oġġetti, eż. €100 għal kull tunnellata ta’ prodott; jew
- impenn fuq il-prezz — impenn minn esportatur li jirrispetta l-prezzijiet minimi tal-importazzjoni.
- Il-miżuri provviżorji, meta l-Kummissjoni timponihom, huma għal massimu ta’ 6 xhur. Dan jista’ jkun segwit minn miżuri definittivi li jibqgħu fis-seħħ għal 5 snin.
- Id-dazji jitħallsu mill-importatur fl-UE u jinġabru mill-awtoritajiet doganali nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE kkonċernati.
- Il-miżuri fis-seħħ jistgħu jiġu riveduti (reviżjoni interim) taħt ċerti kundizzjonijiet. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-reviżjoni ġeneralment ikun limitat għal element wieħed jew għal diversi elementi tal-miżuri inizjali, eż. il-livell ta’ dumping u/jew ħsara, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott, jew il-forma tal-miżuri.
- Wara 5 snin, il-miżuri jiskadu sakemm ma ssirx reviżjoni ta’ skadenza li tikkonkludi li, kieku l-miżuri kellhom jiskadu, id-dumping u l-ħsara materjali x’aktarx ikomplu jew jerġgħu jseħħu.
- L-importaturi jistgħu jitolbu rifużjoni sħiħa jew parzjali tad-dazji mħallsa jekk ikunu jistgħu juru li l-marġni tad-dumping*, li abbażi tiegħu jkunu tħallsu d-dazji, ġie eliminat jew imnaqqas.
Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2017/2321 jintroduċi metodoloġija ta’ kalkolu tad-dumping li għandha tintuża f’każijiet li jikkonċernaw importazzjonijiet minn pajjiżi membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fejn jeżistu distorsjonijiet sinifikanti tas-suq bħala riżultat tal-intervent mill-Istat.
Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2018/825
Fost affarijiet oħra, ir-Regolament jagħmel dan li ġej.
- Dan qassar il-perjodu ta’ żmien għall-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping provviżorji, jekk ikun hemm, minn 9 xhur wara l-bidu għal 7 xhur, bil-possibbiltà li l-perjodu jiġi estiż għal 8 xhur.
- Dan jagħmilha aktar faċli għan-negozji iżgħar biex jipparteċipaw fl-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ (inkluż helpdesk għad-difiża tal-kummerċ ta’ intrapriża żgħira u ta’ daqs medju (SME), li joħloq paġna web għall-SMEs dedikata u li jippubblika gwida għall-SMEs).
- Dan jemenda kif ir-regola magħrufa bħala r-“regola tad-dazju inferjuri” hija applikata f’każijiet ta’ anti-dumping. L-UE preċedentement setgħet timponi biss miżuri f’livell aktar baxx mill-firxa sħiħa tad-dumping, fejn livell aktar baxx (il-“marġni ta’ ħsara”) kien biżżejjed biex titneħħa l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-UE. Skont ir-regoli l-ġodda, il-miżuri anti-dumping jistgħu jiġu imposti fil-livell sħiħ tad-dumping fejn hemm evidenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-suq tal-esportazzjoni għal materja prima rilevanti użata fil-manifattura tal-prodott ikkonċernat u sakemm dan ikun fl-interess tal-UE kollha kemm hi biex tagħmel dan.
- Dan jintroduċi regoli ġodda dwar il-kalkolu tal-“prezz mhux dannuż” (il-prezz li l-industrija hija mistennija li tkun iddebitat taħt ċirkostanzi normali). Il-kalkolu issa jista’ jqis l-kost tal-investimenti meħtieġa, pereżempju, fl-infrastruttura jew ir-riċerka u l-iżvilupp, iżda wkoll l-ispejjeż futuri relatati mal-istandards soċjali u ambjentali, pereżempju taħt is-sistema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet. Il-prezz mhux dannuż issa jassumi profitt minimu ta’ 6 % li se jiġi inkluż fil-kalkolu, b’marġni ta’ profitt ogħla possibbli fuq bażi ta’ każ b’każ.
- Dan jntroduċi perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni, li matulu l-partijiet interessati rċevew informazzjoni dwar l-impożizzjoni, jew le, ta’ miżuri provviżorji 3 ġimgħat bil-quddiem b’obbligu għall-Kummissjoni li tirrevedi, sad-9 ta’ Ġunju 2020, jekk kienx hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni ta’ 3 ġimgħat u jekk, seħħet tali żieda, ikkawżatx ħsara addizzjonali lill-industriji tal-UE kkonċernati.
- Dan jintroduċi l-ħlas lura tad-dazji miġbura waqt li tkun għaddejja reviżjoni ta’ skadenza jekk ir-reviżjoni tirriżulta fit-terminazzjoni tal-miżuri.
Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/1173
Fir-reviżjoni li saret skont ir-Regolament emendatorju (UE) 2018/825, il-Kummissjoni kkonkludiet li, b’mod ġenerali, l-ebda ħsara addizzjonali lill-industrija tal-UE ma kienet ikkawżata mill-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni. Għalhekk dan adotta att delegat li jemenda t-tul tal-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni għal 4 ġimgħat.
MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
- Dan ilu japplika mill-20 ta’ Lulju 2016. Ir-Regolament (UE) 2016/1036 ikkodifika u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 1225/2009 u l-emendi sussegwenti tiegħu.
- Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2017/2321 ilu japplika mill-20 ta’ Diċembru 2017.
- Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2018/825 ilu japplika mit-8 ta’ Ġunju 2018.
- Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/1173 ilu japplika mill-11 ta’ Awissu 2020.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Valur normali: ġeneralment ikkunsidrat bħala l-prezz tas-suq għall-prodott fil-pajjiż tal-esportazzjoni. Madankollu, jekk ma jkunx hemm bejgħ, volum baxx biss ta’ bejgħ, jew jekk il-bejgħ qed isir b’telf fis-suq domestiku, il-valur normali tal-prodott normalment jiġi kkalkulat abbażi tal-kost tal-produzzjoni fil-pajjiż tal-esportazzjoni flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-kostijiet tal-bejgħ, dawk ġenerali u amministrattivi, u l-profitt. Jeżistu regoli speċifiċi għall-ekonomiji soġġetti għal distorsjonijiet sinifikanti.
Ħsara materjali: ħsara sostanzjali lill-industrija tal-UE, eż. telf ta’ sehem mis-suq, livelli tal-prezzijiet imnaqqsin u/jew profittabbiltà mnaqqsa.
Prodott simili: prodott li huwa identiku għal jew li jixbah mill-qrib lill-prodott importat taħt kunsiderazzjoni.
Miżuri anti-dumping: miżuri imposti fuq importazzjonijiet ta’ prodott li qed jinbiegħu bi prezz aktar baxx mill-valur normali tal-prodott u li jikkawżaw ħsara materjali lill-produtturi tal-UE.
Marġni tad-dumping: id-differenza bejn il-valur normali u l-prezz li jitlob l-istess esportatur għal dak il-prodott fis-suq tal-UE (prezz tal-esportazzjoni).
DOKUMENT EWLIENI
Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (kodifikazzjoni) (ĠU L 176, 30.6.2016, pp. 21-54)
L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2016/1036 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (kodifikazzjoni) (ĠU L 176, 30.6.2016, pp. 55-91)
Ara l-verżjoni konsolidata.
l-aħħar aġġornament 16.10.2020