Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-għajnuna legali reċiproka

 

SOMMARJU TA’:

Il-ftehim dwar l-għajnuna legali reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika

Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/820/PESK dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim dwar l-estradizzjoni u l-għajnuna legali reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika

Deċiżjoni 2003/516/KE dwar il-firma ta’ Ftehimiet bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-estradizzjoni u l-għajnuna legali reċiproka f’materji kriminali

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?

  • Il-ftehim jistipula kundizzjonijiet relatati mal-għoti ta’ għajnuna legali reċiproka fi kwistjonijiet kriminali bejn l-UE u l-Istati Uniti.
  • Huwa jfittex li jtejjeb il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE u l-Istati Uniti, bħala kumpliment għat-trattati bilaterali konklużi bejn il-pajjiżi tal-UE u l-Istati Uniti.
  • Id-deċiżjoni tikkonkludi f’isem l-UE l-ftehim mal-Istati Uniti dwar l-għajnuna legali reċiproka.

PUNTI EWLENIN

Il-pajjiżi tal-UE u l-Istati Uniti japplikaw il-kundizzjonijiet ta’ dan il-ftehim qafas għat-trattati bilaterali tagħhom ta’ għajnuna legali reċiproka. Fin-nuqqas ta’ tali trattat, l-UE u l-Istati Uniti jintrabtu li jiżguraw l-applikazzjoni tal-ftehim.

Fil-każ li t-trattati bilaterali eżistenti bejn il-pajjiżi tal-UE u l-Istati Uniti ma jkunux kompatibbli mal-ftehim, il-qafas tal-UE għandu jipprevali.

Għajnuna legali reċiproka

  • Fir-rigward tal-informazzjoni bankarja, fuq talba tal-pajjiż rikjedenti, il-pajjiż rikjest għandu jidentifika u jikkomunika minnufih informazzjoni dwar:
    • fejn persuna fiżika jew ġuridika, li hija suspettata jew akkużata b’reat kriminali, għandha kont tal-bank wieħed jew aktar;
    • individwi jew entitajiet legali li nstabu ħatja ta’ reat kriminali jew li huma involuti fihom;
    • informazzjoni li għandha istituzzjoni finanzjarja mhux bankarja;
    • tranżazzjonijiet finanzjarji li mhumiex relatati ma’ kontijiet tal-bank.
  • It-talbiet għall-għajnuna tal-pajjiżi tal-UE huma trażmessi minn awtoritajiet ċentrali responsabbli għall-għajnuna legali reċiproka jew minn awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali. L-Istati Uniti jittrażmettu t-talbiet tagħha għall-għajnuna permezz tal-awtoritajiet nazzjonali tagħha responsabbli mill-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali u li huma speċifikament nominati skont l-Artikolu 15(2) tal-Ftehim.
  • Il-pajjiż rikjedenti jista’ juża mezz ta’ komunikazzjoni mħaffef, bħal fax jew posta elettronika, għat-trażmissjoni tat-talba għall-għajnuna u l-komunikazzjonijiet relatati, segwit minn konferma formali mill-pajjiż rikjest, jekk meħtieġ.
  • Il-pajjiż rikjedenti jista’ jitlob lill-pajjiż rikjest li jżomm t-talba għall-għajnuna u l-kontenut tagħha kunfidenzjali. L-awtorità ċentrali tal-pajjiż rikjest għandha tinforma lill-pajjiż rikjedenti jekk tkunx tista’ teżegwixxi t-talba għall-għajnuna mingħajr ma tikser il-kunfidenzjalità. Il-pajjiż rikjedenti għandu mbagħad jiddeċiedi jekk it-talba għall-għajnuna għandhiex tiġi eżegwita jew le.
  • L-UE u l-Istati Uniti għandhom jippermettu t-twaqqif u t-tħaddim ta’ skwadri ta’ investigazzjoni konġunta biex jiffaċilitaw l-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjonijiet kriminali bejn pajjiż tal-UE wieħed jew aktar u l-Istati Uniti.
  • L-UE u l-Istati Uniti għandhom ukoll jippermettu vidjokonferenzi bejn il-pajjiżi tal-UE u l-Istati Uniti biex jisimgħu x-xhieda jew it-testimonjanza ta’ esperti fil-proċedimenti.

Assistenza lil awtoritajiet amministrattivi

  • Għandha wkoll tiġi pprovduta assistenza legali lill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali u oħrajn, iżda biss meta l-imġiba taħt investigazzjoni twassal għal prosekuzzjoni kriminali jew għal riferiment lill-awtoritajiet tal-investigazzjoni kriminali jew tal-prosekuzzjoni.
  • L-assistenza m’għandhiex tkun disponibbli għal kwistjonijiet li fihom l-awtorità amministrattiva tantiċipa li l-ebda prosekuzzjoni jew riferiment, kif applikabbli, mhu se jseħħu.
  • L-awtoritajiet responsabbli għat-trażmissjoni ta’ dawn it-talbiet għall-għajnuna huma nominati skont it-trattati bilaterali ta’ għajnuna legali reċiproka bejn il-pajjiżi kkonċernati. Fejn tali trattat ma jeżistix, it-talbiet jiġu trażmessi bejn id-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti u l-Ministeru tal-Ġustizzja tal-pajjiż tal-UE jew ministeru ekwivalenti ieħor li huwa responsabbli għat-trażmissjoni ta’ talbiet għal għajnuna legali reċiproka.
  • L-assistenza ma tistax tiġi rrifjutata għal raġunijiet ta’ segretezza bankarja.

Protezzjoni tad-data personali

  • Il-pajjiż rikjedenti jista’ juża biss l-evidenza jew l-informazzjoni trażmessa mill-pajjiż rikjest għal:
    • l-investigazzjonijiet u l-proċeduri kriminali tiegħu;
    • protezzjoni tas-sigurtà pubblika tiegħu minn theddida immedjata u serja;
    • il-proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi mhux kriminali tiegħu li għandhom x’jaqsmu direttament mal-investigazzjonijiet jew il-proċedimenti kriminali tiegħu;
    • għanijiet oħra, sakemm l-informazzjoni jew l-evidenza tkun saret pubblika jew il-pajjiż rikjest ikun ta l-kunsens tiegħu minn qabel.
  • Il-pajjiż rikjest jista’ jimponi kundizzjonijiet addizzjonali li jillimitaw l-użu tal-evidenza jew informazzjoni f’każ partikolari jekk, minħabba n-nuqqas ta’ tali kundizzjonijiet, ma kienx kapaċi jikkonforma mat-talba partikolari għall-għajnuna. F’tali każ, il-pajjiż rikjest jista’ jitlob lill-pajjiż rikjedenti jipprovdi informazzjoni dwar l-użu li jagħmel mill-evidenza jew mill-informazzjoni.
  • Flimkien mal-limitazzjonijiet ta’ hawn fuq dwar l-użu għall-protezzjoni ta’ data personali u informazzjoni oħra, il-ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni personali relatata mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali (Ftehim Komprensiv UE-Stati Uniti) jissupplimenta, fejn meħtieġ, is-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data fil-ftehim.

Rieżami tal-Ftehim

F’konformità mal-Artikolu 17 tal-Ftehim, l-UE u l-Istati Uniti wettqu rieżami tal-funzjonament tal-ftehim fl-2015-2016. Il-konklużjoni tar-rieżami hija li, f’termini ġenerali, il-Ftehim kien suċċess. Il-proċess ta’ rieżami rriżulta wkoll f’rakkomandazzjonijiet biex jittejjeb il-funzjonament prattiku tar-relazzjoni ta’ għajnuna legali reċiproka bejn l-UE u l-Istati Uniti, inkluż dwar skambju aħjar ta’ għarfien fost il-prattikanti dwar il-liġijiet u l-proċessi ta’ xulxin u biex isir użu aħjar mit-teknoloġija biex titħaffef it-trażmissjoni ta’ talbiet u ta’ evidenza u komunikazzjonijiet ġenerali.

DATA TA’ DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2010. Ġie implimentat fil-pajjiżi tal-UE permezz ta’ strumenti bilaterali.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Ftehim dwar l-għarfien reċiproku bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika (Ġ L 181, 19.7.2003, p. 34-42)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/820/CFSP tat-23 ta’ Ottubru 2009 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Ftehim dwar l-għajnuna legali reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 291, 7.11.2009, p. 40-41)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/516/KE tas-6 ta’ Ġunju 2003 li tirrigwarda l-firma ta’ numru ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-estradizzjoni u l-għajnuna legali reċiproka f’materji kriminali (ĠU L 181, 19.7.2003, p. 25-26)

DOKUMENTI RELATATI

Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali (ĠU L 336, 10.12.2016, p. 3-13)

Informazzjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehimiet dwar l-Estradizzjoni u dwar l-Assistenza Legali Reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 323, 10.12.2009, p. 11)

l-aħħar aġġornament 16.04.2019

Top