Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim bejn l-UE u l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI)

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni 2006/313/PESK li tikkonkludi l-ftehim bejn il-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Unjoni Ewropea dwar kooperazzjoni u assistenza

Ftehim bejn il-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Unjoni Ewropea dwar kooperazzjoni u assistenza

Id-Deċiżjoni 2011/168/PESK dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONIJIET U TAL-FTEHIM?

  • Permezz tad-Deċiżjoni 2006/313/PESK, il-Ftehim bejn il-QKI u l-UE dwar kooperazzjoni u assistenza ġie approvat f’isem l-UE.
  • Il-Ftehim jiddefinixxi t-termini ta’ kooperazzjoni u assistenza bejn l-UE u l-QKI. Il-Ftehim jorbot lill-UE, u mhux lill-pajjiżi tal-UE.
  • Id-Deċiżjoni 2011/168/PESK għandha l-għan li tavvanza l-appoġġ universali għall-Istatut ta’ Ruma, li huwa t-trattat li jistabbilixxi l-QKI, biex tinżamm l-integrità tal-Istatut ta’ Ruma, tiġi appoġġjata l-indipendenza tal-QKI u l-funzjonament effettiv u effiċjenti tagħha, tiġi appoġġjata l-kooperazzjoni mal-QKI, u tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ komplementarjetà*.
  • Id-Deċiżjoni 2011/168/PESK tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2003/444/PESK.

PUNTI EWLENIN

Il-Kunsill tal-UE u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà huma responsabbli għall-koordinazzjoni tal-miżuri meħuda mill-UE u mill-pajjiżi tal-UE għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 2 sa 5 tad-Deċiżjoni 2011/168/PESK, b’mod partikolari dwar it-3 suġġetti li ġejjin:

L-avvanz tal-appoġġ universali

  • L-UE u l-pajjiżi tal-UE qed jikkontribwixxu għall-għan tal-aktar parteċipazzjoni wiesgħa possibbli fl-Istatut ta’ Ruma billi jqajmu l-kwistjoni fin-negozjati u d-djalogi politiċi ma’ pajjiżi mhux tal-UE (Stati terzi) jew ma’ organizzazzjonijiet reġjonali; u/jew permezz tal-adozzjoni ta’ inizjattivi li jippromwovu l-valuri, il-prinċipji u r-regoli tal-Istatut ta’ Ruma.
  • L-UE u l-pajjiżi tal-UE jikkooperaw ma’ Stati interessati, istituzzjonijiet internazzjonali u organizzazzjonijiet mhux governattivi sabiex javvanzaw l-appoġġ universali.
  • Il-pajjiżi tal-UE jiskambjaw l-esperjenzi tagħhom fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-istatut ma’ Stati interessati. Barra minn hekk, l-UE u l-pajjiżi tal-UE jikkontribwixxu għax-xogħol leġiżlattiv meħtieġ għall-parteċipazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Istatut ta’ Ruma minn pajjiżi mhux tal-UE.

Il-garanzija tal-indipendenza tal-QKI

Sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza tal-QKI, l-UE u l-pajjiżi tal-UE:

  • iħeġġu lill-Istati Parti jħallsu l-kontribuzzjoni tagħhom għall-baġit tal-QKI;
  • iħeġġu l-adeżjoni għall-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-QKI u r-ratifika tiegħu;
  • jappoġġjaw l-iżvilupp tat-taħriġ u l-assistenza għall-imħallfin, il-prosekuturi, l-uffiċjali u l-konsulenti fix-xogħol relatat mal-QKI.

L-appoġġ għal operazzjoni effettiva

  • L-UE u l-pajjiżi tal-UE jsegwu mill-qrib l-iżviluppi li jikkonċernaw il-kooperazzjoni mal-QKI. Dawn jistgħu jidħlu f’arranġamenti jew ftehimiet ad hoc biex jappoġġjaw il-funzjonament effettiv tal-QKI. Dan huwa l-każ tal-ftehim bejn l-UE u l-QKI dwar il-kooperazzjoni u l-assistenza.
  • L-UE u l-pajjiżi tal-UE jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw il-kooperazzjoni sħiħa tal-pajjiżi mhux tal-UE mal-QKI, inkluża l-eżekuzzjoni fil-pront tal-mandati ta’ arrest.
  • Ir-rispons tal-UE fl-2013 għan-nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-QKI minn pajjiżi mhux tal-UE jiffoka fuq kif l-UE u l-pajjiżi tal-UE għandhom jindirizzaw in-nuqqas ta’ kooperazzjoni.

Pjan ta’ Azzjoni

Il-Pjan ta’ Azzjoni għas-segwitu tad-Deċiżjoni 2011/168/PESK jiffoka fuq:

  • il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-UE biex jiġu implimentati l-objettivi tad-deċiżjoni,
  • l-universalità u l-integrità tal-Istatut ta’ Ruma,
  • l-indipendenza tal-QKI,
  • il-kooperazzjoni mal-QKI, u
  • l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-komplementarjetà.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2006.

SFOND

Il-QKI hija l-ewwel u l-unika qorti kriminali internazzjonali u permanenti tad-dinja u hija bbażata f’The Hague, in-Netherlands. Il-QKI tinvestiga u, fejn ikun meħtieġ, tiġġudika lil individwi akkużati bl-aktar reati serji ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali: ġenoċidju*, delitti tal-gwerra*, delitti kontra l-umanità* u d-delitt ta’ aggressjoni*. Din hi stabbilita u rregolata mill-Istatut ta’ Ruma, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2002 u ġie ratifikat mill-pajjiżi kollha tal-UE.

TERMINI EWLENIN

Komplementarjetà: f’dan il-kuntest, hija l-prinċipju li bih il-QKI hija maħsuba bħala qorti tal-aħħar rimedju, jiġifieri li għandha tinvestiga u tibda l-prosekuzzjoni biss meta l-qrati nazzjonali jkunu fallew.
Ġenoċidju: atti mwettqa bil-ħsieb li jinqered, kompletament jew parzjalment, grupp nazzjonali, etniku, razzjali jew reliġjuż.
Delitti tal-gwerra: atti kommessi li jiksru l-liġi u l-użanzi applikabbli f’kunflitti armati (eż. Il-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra). Eżempji jinkludu t-trattament ħażin ta’ priġunieri tal-gwerra, il-qtil ta’ ostaġġi, jew il-qerda intenzjonata ta’ bliet, irħula jew villaġġi.
Delitti kontra l-umanità: atti mwettqa bħala parti minn attakk mifrux jew sistematiku mmirat kontra kwalunkwe popolazzjonijiet ċivili bl-għarfien ta’ attakk.
Delitt ta’ aggressjoni: ippjanar, preparazzjoni, bidu jew eżekuzzjoni, minn persuna f’pożizzjoni effettiva li teżerċita kontroll fuq jew li tidderieġi l-azzjoni politika jew militari ta’ Stat, ta’ att ta’ aggressjoni li, minħabba n-natura, il-gravità u l-iskala tiegħu, jikkostitwixxi ksur ċar tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/313/PESK tal-10 ta’ April 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Unjoni Ewropea dwar kooperazzjoni u assistenza (ĠU L 115, 28.4.2006, p. 49)

Ftehim bejn il-qorti Kriminali Internazzjonali u l-Unjoni Ewropea dwar kooperazzjoni u Assistenza (ĠU L 115, 28.4.2006, pp. 50-56)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/PESK tal-21 ta’ Marzu 2011 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2003/444/PESK (ĠU L 76, 22.3.2011, p. 56-58)

l-aħħar aġġornament 15.05.2020

Top