EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa ddefinit fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Dan għandu l-għan li jiżgura li d-deċiżjonijiet jittieħdu fl-eqreb livell possibbli taċ-ċittadini u li jsiru kontrolli kostanti sabiex jiġi vverifikat li l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea (UE) tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-possibilitajiet disponibbli fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali.

B’mod speċifiku, huwa l-prinċipju li bih l-UE ma tiħux azzjoni (għajr fl-oqsma li jaqgħu fi ħdan il-ġuriżdizzjoni esklużiva tagħha), sakemm ma jkunx aktar effettiv li tittieħed azzjoni fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali.

Huwa marbut mill-qrib mal-prinċipju tal-proporzjonalità, li jeħtieġ li kwalunkwe azzjoni meħuda mill-UE ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-miri tat-trattati. Prinċipju relatat ieħor, il-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi, jiddikjara li kwalunkwe qasam ta’ politika mhux miftiehem b’mod espliċitu fit-trattati mill-Istati Membri kollha tal-UE jibqa’ fid-dominju tagħhom.

Hemm żewġ protokolli rilevanti annessi mat-Trattat ta’ Lisbona:

  • il-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali jħeġġeġ l-involviment tal-parlamenti nazzjonali fl-attivitajiet tal-UE u jeħtieġ li d-dokumenti u l-proposti tal-UE jiġu mgħoddija lilhom fil-pront sabiex ikunu jistgħu jeżaminawhom qabel mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jagħmel deċiżjoni.
  • il-Protokoll Nru 2 jeħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tqis id-dimensjoni reġjonali u lokali tal-abbozzi tal-atti leġiżlattivi kollha u li tagħmel dikjarazzjoni dettaljata dwar kif jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-protokoll jippermetti li l-parlamenti nazzjonali joġġezzjonaw għal proposta fuq il-bażi li din tikser il-prinċipju, u bħala konsegwenza ta’ dan, il-proposta trid tiġi rieżaminata u tista’ tinżamm, tiġi emendata jew tiġi rtirata mill-Kummissjoni jew imblukkata mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

Fil-każ ta’ ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jew l-Istati Membri jistgħu jirreferu att adottat direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

ARA WKOLL

Top