EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-tqassim tal-kompetenzi

It-Trattat ta’ Lisbona jiċċara t-tqassim tal-kompetenzi (setgħat) bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Membri tagħha.

Flimkien mal-prinċipji tas-sussidjarjetà (fejn l-UE tista’ taġixxi biss jekk — u sa fejn — l-objettiv ta’ azzjoni proposta ma jkunx jista’ jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jkun jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-UE) u tal- proporzjonalità (fejn il-kontenut u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-azzjoni tal-UE jistgħu ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tat-trattati), ikun il-prinċipju tal-għoti (l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea). Dan il-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi jfisser li l-UE tista’ taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi li ngħataw lilha mit-trattati tal-UE.

It-tqassim tal-kompetenzi hija stabbilita fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU) u speċifikata aktar fl-Artikoli 3–6. Hemm tliet tipi ta’ kompetenzi.

  • Esklussiva (l-Artikolu 3 tat-TFUE) L-UE biss tista’ taġixxi f’dawn l-oqsma, pereżempju l-unjoni doganali u l-politika kummerċjali.
  • Kondiviża bejn l-UE u l-pajjiżi tal-UE (l-Artikolu 4 tat-TFUE). L-Istati Membri jistgħu jaġixxu biss jekk l-UE tkun għażlet li ma tagħmilx dan hi, pereżempju fl-oqsma tat-trasport, il-politika ta’ koeżjoni, l-enerġija u l-ambjent. L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni sabiex tirrevoka att leġiżlattiv adottat f’wieħed mill-oqsma kondiviżi sabiex tiġi żgurata aħjar il-konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità (id-Dikjarazzjoni Nru. 18 annessa mat-Trattat ta’ Lisbona);
  • L-UE tista ’ tappoġġja, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri (l-Artikolu 6 tat-TFUE), pereżempju fl-oqsma tal-kultura u tat-turiżmu. F’dawn l-oqsma, l-UE ma tistax tadotta atti legalment vinkolanti li jirrikjedu li l-Istati Membri jarmonizzaw il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom.

L-UE tista’ tieħu miżuri biex tiżgura li l-Istati Membri jikkoordinaw il-politiki ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi tagħhom f’livell tal-UE (l-Artikolu 5 tat-TFUE)

Il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni tal-UE hija kkaratterizzata minn karatteristiċi istituzzjonali speċifiċi. Il-politika hija definita u implimentata mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, bi rwoli limitati biss għall-Parlament Ewropew u għall-Kummissjoni. Il-President tal-Kunsill Ewropew u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jirrappreżenta lill-UE fi kwistjonijiet tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni.

ARA WKOLL

Top