This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015R0760
Regulation (EU) 2015/760 of the European Parliament and of the Council of 29 April 2015 on European long-term investment funds (Text with EEA relevance)
Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-Fondi ta' Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-Fondi ta' Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 123, 19.5.2015, p. 98–121
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 10/01/2024
19.5.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 123/98 |
REGOLAMENT (UE) 2015/760 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tad-29 ta' April 2015
dwar il-Fondi ta' Investiment Ewropej fuq Terminu Twil
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),
Billi:
(1) |
Il-finanzjament fuq terminu twil huwa għodda abilitanti kruċjali biex l-ekonomija Ewropea titpoġġa fit-triq tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli, u inklużiv, b'konformità mal-istrateġija Ewropa 2020, livell għoli ta' impjieg, u kompetittività biex tkun tista' tinbena l-ekonomija tal-ġejjieni b'tali mod li tkun anqas suxxettibbli għar-riskji sistemiċi u tkun aktar reżiljenti. Il-fondi ta' investiment Ewropej fuq terminu twil (ELTIFs) jipprovdu finanzjament ta' natura dejjiema lil diversi proġetti ta' infrastruttura, lil kumpaniji mhux ikkwotati, jew lil impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) ikkwotati li joħorġu strumenti ta' ekwità jew ta' dejn li għalihom m'hemmx xerrej faċilment identifikabbli. Billi jipprovdu finanzjament lil proġetti bħal dawn, l-ELTIFs jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-ekonomija reali tal-Unjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki tagħha. |
(2) |
Fuq in-naħa tad-domanda, l-ELTIFs jistgħu jipprovdu fluss ta' introjtu stabbli għall-amministraturi tal-pensjonijiet, għall--kumpaniji tal-assigurazzjoni, għall--fondazzjonijiet, għall--muniċipalitajiet u għall-entitajiet oħra li jiffaċċjaw obbligazzjonijiet regolari u rikorrenti u li qed ifittxu redditu fuq terminu twil fi ħdan strutturi regolati tajjeb. Filwaqt li jipprovdu anqas likwidità minn investimenti f'titoli trasferibbli, l-ELTIFs jistgħu wkoll jipprovdu fluss ta' introjtu stabbli għal investituri individwali li jiddependu fuq il-fluss ta' flus regolari li ELTIF jista' jipproduċi. L-ELTIFs jistgħu joffru wkoll opportunitajiet tajbin għall-apprezzament tal-kapital tul iż-żmien għal dawk l-investituri li ma jirċevux fluss ta' introjtu fiss. |
(3) |
Il-finanzjament għal proġetti bħal, l-infrastruttura tat-trasport, il-ġenerazzjoni jew id-distribuzzjoni tal-enerġija sostenibbli, l-infrastruttura soċjali (l-akkomodazzjoni soċjali jew l-isptarijiet), it-tnedija ta' teknoloġiji u sistemi ġodda li jnaqqsu l-użu tar-riżorsi u tal-enerġija, jew aktar tkabbir tal-SMEs, jista' jkun skars. Kif uriet il-kriżi finanzjarja, jekk il-finanzjament bankarju jkun ikkumplimentat minn varjetà usa' ta' sorsi ta' finanzjament li jimmobilizzaw aħjar is-swieq kapitali, ikunu jistgħu jiġu indirizzati l-lakuni ta' finanzjament. L-ELTIFSs jista' jkollhom rwol kruċjali f'dan ir-rigward, u jistgħu wkoll jimmobilizzaw il-kapital billi jattiraw investituri ta' pajjiżi terzi. |
(4) |
L-għan ewlieni ta' dan ir-Regolament huwa li jagħti spinta lill-investimenti Ewropej fuq terminu twil fl-ekonomija reali. Investimenti fuq terminu twil fi proġetti, impriżi, u infrastruttura f'pajjiżi terzi jistgħu wkoll iġibu l-kapital għall-ELTIFs u għalhekk ikunu ta' benefiċċju għall-ekonomija Ewropea. Għalhekk, tali investimenti ma għandhomx jiġu evitati. |
(5) |
Fin-nuqqas ta' Regolament li jistipula r-regoli dwar l-ELTIFs, jistgħu jiġu adottati fil-livell nazzjonali miżuri diverġenti li x'aktarx jikkawżaw distorsjonijiet fil-kompetizzjoni minħabba d-differenzi fil-miżuri ta' protezzjoni tal-investiment. Rekwiżiti nazzjonali diverġenti dwar is-sura tal-portafoll, id-diversifikazzjoni u l-assi eliġibbli, b'mod partikolari investiment fil-komoditajiet, joħolqu ostakli għall-kummerċjalizzazzjoni transkonfinali ta' fondi ta' investiment li jiffukaw fuq impriżi mhux ikkwotati u fuq assi reali, għaliex l-investituri ma jistgħux faċilment iqabblu l-proposti differenti ta' investiment offruti lilhom. Rekwiżiti nazzjonali diverġenti wkoll iwasslu għal livelli differenti ta' protezzjoni għall-investituri. Barra minn hekk, rekwiżiti nazzjonali diverġenti li jikkonċernaw it-tekniki ta' investiment, bħalma huma l-livelli permessi tas-self, l-użu ta' strumenti finanzjarji derivati, ir-regoli applikabbli għall-bejgħ qasir jew it-tranżazzjonijiet li jiffinanzjaw it-titoli, iwasslu għal diskrepanzi fil-livell ta' protezzjoni għall-investitur. Barra dan, rekwiżiti nazzjonali diverġenti dwar ir-rimbors jew perjodi ta' parteċipazzjoni jimpedixxu l-bejgħ transkonfinali ta' fondi li jinvestu f'assi mhux ikkwotati. Biż-żieda tal-inċertezza legali, dawn id-diverġenzi jistgħu jimminaw il-fiduċja tal-investituri meta dawn ikunu qed iqisu li jinvestu f'tali fondi u jnaqqsu l-possibbiltà li l-investituri jkunu jistgħu jagħżlu b'mod effettiv bejn id-diversi opportunitajiet ta' investiment fuq terminu twil. Konsegwentement, il-bażi ġuridika xierqa għal dan ir-Regolament hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif interpretat mill-ġurisprudenza konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
(6) |
Huma meħtieġa regoli uniformi fl-Unjoni biex jiġi żgurat li l-ELTIFs juru profil tal-prodott konformi u stabbli fl-Unjoni kollha. B'mod aktar speċifiku, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern kif ukoll livell għoli ta' protezzjoni għall-investitur, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli uniformi rigward l-operat tal-ELTIFs, b'mod partikolari dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll tagħhom u l-istrumenti ta' investiment li huma jistgħu jużaw sabiex ikunu esposti għal assi fuq terminu twil, bħal strumenti ta' ekwità jew tad-dejn maħruġa minn SMEs ikkwotati u minn impriżi mhux ikkwotati, kif ukoll assi reali. Regoli uniformi dwar il-portafoll ta' ELTIF huma wkoll meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-ELTIFs li għandhom l-għan li jiġġeneraw introjtu regolari jżommu portafoll diversifikat ta' assi għall-investiment adattati sabiex iżommu fluss ta' flus regolari. L-ELTIFs huma l-ewwel pass lejn il-ħolqien ta' suq intern integrat biex jinġabar il-kapital li jista' jintuża għal investimenti fuq terminu twil fl-ekonomija Ewropea. Il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern għal investimenti fuq terminu twil jeħtieġ li l-Kummissjoni tkompli l-valutazzjoni tagħha ta' ostakli potenzjali li jistgħu jimpedixxu l-ġbir ta' kapital fuq terminu twil bejn il-fruntieri, inklużi ostakli li joriġinaw mit-trattament fiskali ta' tali investimenti. |
(7) |
Huwa essenzjali li jiġi żgurat li r-regoli dwar l-operat tal-ELTIFs, b'mod partikolari rigward il-kompożizzjoni tal-portafoll tagħhom u l-istrumenti ta' investiment li huma jistgħu jużaw, ikunu japplikaw b'mod dirett għall-maniġers ta' ELTIFs u, għalhekk, dawn ir-regoli l-ġodda jeħtieġ li jiġu adottati bħala Regolament. Dan jiżgura wkoll kundizzjonijiet uniformi meta tintuża d-deżinjazzjoni “ELTIF”, billi jipprevjeni l-ħolqien ta' rekwiżiti nazzjonali diverġenti. Il-maniġers tal-ELTIFs għandhom isegwu l-istess regoli fl-Unjoni sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-investituri fl-ELTIFs tiġi żgurata l-kredibbiltà dejjiema fid-deżinjazzjoni “ELTIF”. Fl-istess ħin, permezz tal-adozzjoni ta' regoli uniformi titnaqqas il-kumplessità tar-rekwiżiti regolatorji applikabbli għall-ELTIFs. Permezz ta' regoli uniformi, titnaqqas ukoll l-ispiża tal-maniġers biex jikkonformaw ma' rekwiżiti nazzjonali diverġenti li jirregolaw il-fondi li jinvestu f'impriżi kkwotati u mhux ikkwotati u f'kategoriji komparabblita' assi reali. Dan huwa l-każ b'mod partikolari għal dawk il-maniġers tal-ELTIFs li jixtiequ jżidu l-kapital fuq bażi transkonfinali. L-adozzjoni ta' regoli uniformi tikkontribwixxi wkoll għall-eliminazzjoni ta' distorsjonijiet fil-kompetizzjoni. |
(8) |
Ir-regoli l-ġodda dwar l-ELTIFs huma marbutin mill-qrib mad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), billi din id-Direttiva tifforma l-qafas ġuridiku li jirregola l-immaniġġjar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' fondi ta' investiment alternattivi (AIFs) fl-Unjoni. Bħala definizzjoni, l-ELTIFs huma AIFs tal-UE li huma mmaniġġjati minn maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi (AIFMs) awtorizzati skont id-Direttiva 2011/61/UE. |
(9) |
Billi d-Direttiva 2011/61/UE tikkontempla wkoll sistemi ta' pajjiżi terzi fi stadji differenti li jirregolaw l-AIFMs mhux tal-UE u l-AIFs mhux tal-UE, ir-regoli l-ġodda dwar l-ELTIFs għandhom kamp ta' applikazzjoni aktar limitat li jenfasizza d-dimensjoni Ewropea tal-prodott ta' investiment ġdid fuq terminu twil. Għaldaqstant, huwa biss AIF tal-UE kif definit fid-Direttiva 2011/61/UE li għandu jkun eliġibbli li jsir ELTIF, u biss jekk ikun immaniġġjat minn AIFM tal-UE li jkun ġie awtorizzat skont id-Direttiva 2011/61/UE. |
(10) |
Ir-regoli l-ġodda applikabbli għall-ELTIFs għandhom jibnu fuq il-qafas regolatorju eżistenti stabbilit bid-Direttiva 2011/61/UE u tal-atti adottati għall-implimentazzjoni tagħha. Għalhekk, ir-regoli tal-prodott li jikkonċernaw l-ELTIFs għandhom japplikaw flimkien mar-regoli stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni eżistenti. B'mod partikolari, ir-regoli ta' mmaniġġjar u kummerċjalizzazzjoni stabbiliti fid-Direttiva 2011/61/UE għandhom japplikaw għall-ELTIFs. Bl-istess mod, ir-regoli dwar il-forniment transkonfinali ta' servizzi u l-libertà ta' stabbiliment stipulati fid-Direttiva 2011/61/UE għandhom japplikaw b'mod korrispondenti għall-attivitajiet transkonfinali tal-ELTIFs. Dawn għandhom jiġu miżjuda b'regoli speċifiċi ta' kummerċjalizzazzjoni mfassla għall-kummerċjalizzazzjoni transkonfinali tal-ELTIFs kemm għall-investituri fil-livell tal-konsumatur kif ukoll għall-investituri professjonali fl-Unjoni. |
(11) |
Regoli uniformi għandhom japplikaw għall-AIFs tal-UE kollha li jixtiequ li jiġu kkummerċjalizzati bħala ELTIFs. L-AIFs tal-UE li ma jixtiqux li jiġu kkummerċjalizzati bħala ELTIFs m'għandhomx ikunu marbutin b'dawn ir-regoli u b'hekk jaċċettaw ukoll li huma ma jibbenefikawx mill-vantaġġi li jirriżultaw. Impriżi għall-investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) u AIFs mhux tal-UE m'għandhomx ikunu eliġibbli għall-kummerċjalizzazzjoni bħala ELTIFs. |
(12) |
Sabiex ikun żgurat li l-ELTIFs ikunu konformi mar-regoli armonizzati li jirregolaw l-attività ta' dawn il-fondi, huwa neċessarju li l-awtoritajiet kompetenti jkunu obbligati li jawtorizzaw l-ELTIFs. Il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni u superviżjoni armonizzati għall-AIFMs skont id-Direttiva 2011/61/UE għandhom għalhekk jiġu miżjuda bi proċedura ta' awtorizzazzjoni speċjali għall-ELTIFs. Għandhom jiġu stabbiliti proċeduri li jiżguraw li l-AIFMs tal-UE biss, awtorizzati skont id-Direttiva 2011/61/UE u li kapaċi jimmaniġġjaw ELTIF, jistgħu jimmaniġġjaw l-ELTIFs. Għandhom jittieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex ikun żgurat li ELTIF ikun konformi mar-regoli armonizzati li jirregolaw l-attività ta' dawn il-fondi. Proċedura ta' awtorizzazzjoni speċifika għandha tapplika meta l-ELTIF ikun immaniġġjat internament u ma jinħatar l-ebda AIFM. |
(13) |
Minħabba li l-AIFs tal-UE jistgħu jieħdu forom ġuridiċi differenti li mhux bilfors jagħtuhom personalità ġuridika, id-dispożizzjonijiet li jeħtieġu li l-ELTIFs jieħdu azzjoni għandhom jinftiehmu li qed jirreferu għall-maniġer tal-ELTIF f'każijiet fejn l-ELTIF jiġi kostitwit bħala AIF tal-UE li mhux f'pożizzjoni li jaġixxi waħdu minħabba li huwa stess ma għandux personalità ġuridika. |
(14) |
Sabiex jiġi żgurat li l-ELTIFs jimmiraw għal investimenti fuq terminu twil, u jikkontribwixxu għall-finanzjament ta' tkabbir sostenibbli tal-ekonomija tal-Unjoni, ir-regoli dwar il-portafoll tal-ELTIFs għandhom jirrikjedu l-identifikazzjoni b'mod ċar tal-kategoriji ta' assi li huma eliġibbli għall-investiment minn ELTIFs, u l-kundizzjonijiet skont liema għandhom ikunu eliġibbli. ELTIF għandu jinvesti mill-inqas 70 % tal-kapital tiegħu f'assi ta' investiment eliġibbli. Sabiex tiġi żgurata l-integrità tal-ELTIFs, huwa xieraq ukoll li ELTIF ikun ipprojbit milli jinvolvi ruħu f'ċerti tranżazzjonijiet finanzjarji li jistgħu jipperikolaw l-istrateġija u l-għanijiet tiegħu tal-investiment billi joħloq riskji li huma differenti minn dawk li wieħed jista' jistenna għal fond li għandu fil-mira investimenti fuq terminu twil. Sabiex tkun żgurata enfasi ċara fuq l-investimenti fuq terminu twil, li jista' jkun ta' ġid għal investituri fil-livell tal-konsumatur li ma jkunux midħla ta' strateġiji ta' investiment inqas konvenzjonali, ELTIF m'għandux jitħalla jinvesti fi strumenti finanzjarji derivati ħlief bl-iskop li jiġu ħħeġġjati r-riskji marbuta mal-investimenti tiegħu stess. Minħabba n-natura likwida tal-komoditajiet u tal-istrumenti finanzjarji derivati li tesponihom b'mod indirett, l-investimenti f'komoditajiet m'għandhomx bżonn l-impenn ta' investitur fuq terminu twil, u għaldaqstant għandhom jiġu esklużi mill-assi ta' investiment eliġibbli. Dak ir-raġunament ma japplikax għal investimenti fl-infrastruttura jew f'kumpaniji relatati ma' komoditajiet jew li l-prestazzjoni tagħhom hija marbuta indirettament mal-prestazzjoni ta' komoditajiet, bħalma huma l-azjendi agrikoli fil-każ ta' komoditajiet agrikoli jew impjanti tal-enerġija fil-każ ta' komoditajiet tal-enerġija. |
(15) |
Id-definizzjoni ta' x'jikkostitwixxi investiment fuq terminu twil hija wiesgħa. L-assi ta' investiment eliġibbli huma ġeneralment illikwidi, jeħtieġu impenji għal ċertu perjodu ta' żmien, u għandhom profil ekonomiku ta' natura ta' terminu twil. Assi ta' investiment eliġibbli huma titoli li mhumiex trasferibbli u għalhekk m'għandhomx aċċess għal-likwidità tas-swieq sekondarji. Ħafna drabi jeħtieġu impenji ta' terminu fiss li jillimitaw kemm jistgħu jiġu kkummerċjalizzati. Madankollu, billi l-SMEs ikkwotati jistgħu jiffaċċjaw problemi ta' likwidità u aċċess għas-suq sekondarju, għandhom ukoll jitqiesu bħala impriżi ta' portafoll li jikkwalifikaw. Iċ-ċiklu ekonomiku tal-investiment imfittex mill-ELTIFs huwa essenzjalment ta' natura twila minħabba l-impenji ta' kapital għoljin u t-tul ta' żmien meħtieġ sabiex jipproduċu redditu. |
(16) |
L-ELTIF għandu jitħalla jinvesti f'assi, ħlief f'assi ta' investiment eliġibbli, skont il-ħtieġa biex jimmaniġġja l-fluss ta' flus tiegħu b'mod effiċjenti, iżda biss sakemm dan ikun konsistenti mal-istrateġija ta' investiment tal-ELTIFs fuq terminu twil. |
(17) |
Assi ta' investiment eliġibbli għandhom jinftiehmu li jinkludu parteċipazzjonijiet, bħal strumenti ta' ekwità jew kważi ekwità, strumenti ta' dejn f'impriżi ta' portafoll li jikkwalifikaw, u s-self ipprovdut lilhom. Huma għandhom jinkludu wkoll parteċipazzjonijiet f'fondi oħra li huma ffukati fuq assi, bħal investimenti f'impriżi mhux ikkwotati li joħorġu strumenti ta' ekwità jew ta' dejn li għalihom mhux dejjem hemm xerrej faċilment identifikabbli. Parteċipazzjonijiet diretti ta' assi reali, sakemm dawn ma jkunux titolizzati, għandhom jiffurmaw ukoll kategorija ta' assi eliġibbli, sakemm irendu fluss ta' flus prevedibbli, kemm regolari kif ukoll irregolari, fis-sens li jistgħu jiġu mudellati u vvalutati abbażi ta' metodu ta' valutazzjoni tal-fluss ta' flus skontat. Dawk l-assi jistgħu indikattivament jinkludu infrastruttura soċjali li trendi redditu prevedibbli, bħal infrastruttura tal-enerġija, tat-trasport u tal-komunikazzjoni, kif ukoll il-faċilitajiet tal-edukazzjoni, tas-saħħa, tal-welfare jew dawk industrijali. Kuntrarjament, l-assi bħal opri tal-arti, manuskritti, stokkijiet ta' nbid jew ġojjelli m'għandhomx ikunu eliġibbli billi normalment ma jrendux fluss ta' flus prevedibbli. |
(18) |
Assi ta' investiment eliġibbli għandhom jinkludi assi reali b'valur ta' mhux aktar minn EUR 10 000 000 li jiġġeneraw benefiċċju ekonomiku u soċjali. Tali assi jinkludu infrastruttura, proprjetà intellettwali, bastimenti, tagħmir, makkinarju, inġenji tal-ajru jew vetturi ferrovjarji, u proprjetà immobbli. L-investimenti fil-proprjetà kummerċjali jew fl-akkomodazzjoni għandhom ikunu permessi sa fejn dawn iservu l-iskop li jikkontribwixxu għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv jew għall-politiki reġjonali tal-enerġija u ta' koeżjoni tal-Unjoni. Investimenti f'tali proprjetà immobbli għandhom ikunu dokumentati b'mod ċar sabiex jintwera l-impenn fuq terminu twil fil-proprjetà. Dan ir-Regolament m'għandux l-għan li jippromwovi investimenti spekulattivi. |
(19) |
L-iskala ta'proġetti infrastrutturali tfisser li huma jirrikjedu li ammonti kbar ta' kapital jibqgħu investiti għal perjodi twal ta' żmien. Dawn il-proġetti ta' infrastruttura jinkludu l-infrastruttura pubblika b'binjiet bħal skejjel, sptarijiet jew ħabsijiet, l-infrastruttura soċjali bħall-akkomodazzjoni soċjali, l-infrastruttura tat-trasport bħat-toroq, is-sistemi ta' tranżitu tal-massa jew l-ajruporti, l-infrastruttura tal-enerġija bħall-grilji tal-enerġija, il-proġetti dwar l-adattament u l-mitigazzjoni tal-klima, l-impjanti tal-enerġija jew il-pipelines, l-infrastruttura għall-ġestjoni tal-ilma bħas-sistemi tal-provvista tal-ilma, is-sistemi tad-drenaġġ u tal-irrigazzjoni, l-infrastruttura tal-komunikazzjoni bħan-netwerks u l-infrastruttura tal-ġestjoni tal-iskart bħar-riċiklaġġ jew is-sistemi ta' ġbir. |
(20) |
Strumenti ta' kważi ekwità għandhom jinftiehmu li jinkludu tip ta' strument ta' finanzjament, li jikkonsisti f'kombinar ta' ekwità u dejn, fejn ir-redditu fuq l-istrument huwa konness mal-qligħ jew mat-telf tal-impriża ta' portafoll li tikkwalifika, u fejn il-ħlas lura tal-istrument f'każ ta' inadempjenza ma jkunx żgurat bis-sħiħ. Dawn l-istrumenti jinkludu varjetà ta' strumenti ta' finanzjament bħas-self subordinat, parteċipazzjonijiet passivi, self parteċipanti, drittijiet parteċipanti bi qligħ, bonds konvertibbli u bonds b'warrants. |
(21) |
Sabiex jiġu riflessi prattiki ta' negozju eżistenti, ELTIF għandu jitħalla jixtri ishma eżistenti ta' impriża ta' portafoll li tikkwalifika mingħand l-azzjonisti li jkun hemm f'din l-impriża. Barra minn hekk, bl-għan li jkun hemm l-aktar opportunitajiet wiesgħa possibbli għall-ġbir ta' fondi, għandhom jiġu permessi investimenti f'ELTIFs oħrajn, Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju (EuVECAs), irregolati bir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej (EuSEFs), irregolati bir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Sabiex tiġi pprevenuta d-dilwizzjoni tal-investimenti f'impriżi ta' portafoll li jikkwalifikaw, l-ELTIFs għandhom jiġu permessi jinvestu biss f'ELTIFs, EuVECAs u EuSEFs oħrajn sakemm ma jkunux huma stess investew aktar minn 10 % tal-kapital tagħhom f'ELTIFs oħrajn. |
(22) |
L-użu ta' impriżi finanzjarji jista' jkun meħtieġ sabiex jiġu miġbura flimkien u organizzati l-kontribuzzjonijiet ta' investituri differenti, inklużi l-investimenti ta' natura pubblika, fi proġetti infrastrutturali. Għaldaqstant l-ELTIFs għandhom jitħallew jinvestu f'assi ta' investiment eliġibbli permezz ta' impriżi finanzjarji, dejjem jekk dawn l-impriżi huma mitfugħin fuq il-finanzjament ta' proġetti fuq terminu twil kif ukoll t-tkabbir tal-SMEs. |
(23) |
Impriżi mhux ikkwotati jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet biex ikollhom aċċess għas-swieq kapitali u jiffinanzjaw aktar tkabbir u espansjoni. Il-finanzjament privat permezz ta' parteċipazzjoni azzjonarja jew self huma mezzi tipiċi ta' ġbir ta' finanzjament. Minħabba li dawn l-istrumenti min-natura tagħhom huma investimenti għal terminu twil, jeħtieġu l-kapital paċenzjuż li ELTIFs jistgħu jipprovdu. Barra minn hekk, l-SMEs ikkwotati ħafna drabi iħabbtu wiċċhom ma' ostakli sinifikanti biex jiksbu finanzjament fuq terminu twil u l-ELTIFs jistgħu jipprovdu sorsi alternattivi ta' finanzjament ta' valur. |
(24) |
Il-kategoriji ta' klassijiet ta' assi fuq terminu twil skont dan ir-Regolament għandhom għalhekk jinkludu impriżi mhux ikkwotati u li huma elenkati li joħorġu strumenti ta' ekwità jew ta' dejn li għalihom jista' ma jkunx hemm xerrej identifikabbli faċilment, u impriżi kkwotati b'kapitalizzazzjoni massima ta' EUR 500 000 000. |
(25) |
Meta l-maniġer ta' ELTIF għandu sehem f'impriża ta' portafoll, hemm ir-riskju li l-maniġer ipoġġi l-interessi tiegħu stess qabel l-interessi tal-investituri fl-ELTIF. Sabiex jiġi evitat tali kunflitt ta' interessi, u sabiex tkun żgurata governanza korporattiva tajba, ELTIF għandu jinvesti biss f'assi li m'humiex relatati mal-maniġer ta' ELTIF, sakemm l-ELTIF ma jinvestix f'unitajiet jew ishma ta' ELTIFs oħra, EuVECAs, jew EuSEFs li huma mmaniġġjati mill-maniġer tal-ELTIF. |
(26) |
Sabiex il-maniġers ta' ELTIFs jingħataw ċertu livell ta' flessibbiltà fl-investiment tal-fondi tagħhom, in-negozjar fl-assi, ħlief fuq l-investimenti fuq terminu twil, għandu jkun permess sal-limitu massimu ta' 30 % tal-kapital tal-ELTIF. |
(27) |
Sabiex jiġi limitat it-teħid tar-riskju minn ELTIFs, huwa essenzjali li jitnaqqas ir-riskju tal-kontroparti billi l-portafoll tal-ELTIFs jiġi suġġett għall-ħtiġijiet ċari ta' diversifikazzjoni. Id-derivattivi barra l-borża (OTC) kollha għandhom ikunu suġġetti għar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). |
(28) |
Sabiex ma jkunx hemm influwenza sinifikanti, minn ELTIF li jkun qed jinvesti fuq il-maniġment ta' ELTIF ieħor jew ta' korp emittenti, huwa neċessarju li tiġi evitata konċentrazzjoni eċċessiva fl-istess investiment minn ELTIF. |
(29) |
Sabiex il-maniġers ta' ELTIFs ikunu jistgħu jiġbru iktar il-kapital matul ħajjet il-fond, għandhom jitħallew jissellfu sa 30 % tal-valur tal-kapital tal-ELTIF. Dak għandu jservi biex jipprovdi redditu addizzjonali lill-investituri. Sabiex jiġi eliminat ir-riskju ta' diskrepanza fil-valuta, l-ELTIF għandu jissellef biss fil-valuta li l-maniġer jipprevedi li jakkwista l-assi fiha. Sabiex jiġu indirizzati l-preokkupazzjonijiet relatati mal-attivitajiet kreditizji mhux bankarji, il-flus imsellfa mill-ELTIF m'għandhomx jintużaw biex jingħata self lil impriżi ta' portafoll li jikkwalifikaw. |
(30) |
Minħabba n-natura ta' terminu twil u illikwida tal-investimenti tal-ELTIF, il-maniġer tal-ELTIF għandu jkollu biżżejjed żmien biex japplika l-limiti tal-investiment. L-ammont ta' żmien meħtieġ għall-implimentazzjoni ta' dawn il-limiti għandu jieħu kont tal-aspetti u l-karatteristiċi partikolari tal-investimenti iżda m'għandux jaqbeż ħames snin wara d-data tal-awtorizzazzjoni bħala ELTIF jew nofs il-ħajja tal-ELTIF, skont liema tiġi l-ewwel. |
(31) |
L-ELTIFs, minħabba l-profil ta' portafoll tagħhom u l-enfasi tagħhom fuq kategoriji ta' assi fuq terminu twil, huma mfassla biex jidderieġu t-tfaddil privat lejn l-ekonomija Ewropea. L-ELTIFs huma maħsuba wkoll bħala strument ta' investiment li permezz tiegħu l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jista' jinkanala l-infrastruttura Ewropea jew il-finanzjament tal-SMEs tiegħu. Permezz ta' dan ir-Regolament, l-ELTIFs huma strutturati bħala strument ta' investiment komuni li jissodisfa l-enfasi tal-grupp tal-BEI fuq il-kontribuzzjoni għal żvilupp bilanċjat u kontinwu ta' suq intern għal investimenti fuq terminu twil li jkun fl-interess tal-Unjoni. Minħabba l-enfasi tagħhom fuq klassijiet ta' assi fuq terminu twil, l-ELTIFs jistgħu jissodisfaw ir-rwol assenjat lilhom bħala għodda prijoritarja biex jitwettaq il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa deskritt fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014. |
(32) |
Il-Kummissjoni għandha tipprijoritizza u tirrazzjonalizza l-proċessi tagħha għall-applikazzjonijiet kollha mill-ELTIFs għal finanzjament mill-BEI. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tirrazzjonalizza l-għoti ta' kwalunkwe opinjonijiet jew kontribuzzjonijiet neċessarja għall-approvazzjoni ta' applikazzjonijiet minn ELTIFs għall-finanzjament mill-BEI. |
(33) |
Barra minn dan, l-Istati Membri, kif ukoll l-awtoritajiet reġjonali u lokali, jista' jkollhom interess li investituri potenzjali u l-pubbliku isiru konxji dwar l-ELTIFs. |
(34) |
Minkejja l-fatt li ELTIF mhuwiex obbligat joffri drittijiet ta' rimbors qabel tmiem ħajtu, xejn m'għandu jżomm ELTIF milli jfittex il-kwotazzjoni tal-unitajiet jew l-ishma tiegħu f'suq regolat jew f'faċilità multilaterali tan-negozjar, biex jagħtu opportunità lill-investituri li jbiegħu l-unitajiet jew l-ishma tagħhom qabel tmiem ħajjet l-ELTIF. Ir-regoli jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni ta' ELTIF m'għandhomx jimpedixxu lill-unitajiet jew lill-ishma milli jiġu ammessi għan-negozjar f'suq regolat jew f'faċilità multilaterali tan-negozjar, u lanqas m'għandhom jimpedixxu lill-investituri milli jittrasferixxu liberament l-unitajiet jew l-ishma tagħhom lill-partijiet terzi li jixtiequ jixtru dawn l-unitajiet jew l-ishma. Dan huwa intiż għall-promozzjoni ta' swieq sekondarji bħala post importanti għax-xiri u l-bejgħ ta' unitajiet jew ishma ta' ELTIFs għall-investituri fil-livell tal-konsumatur. |
(35) |
Filwaqt li investituri individwali jistgħu jkunu interessati li jinvestu f'ELTIF, in-natura illikwida tal-maġġoranza tal-investimenti fi proġetti fuq terminu twil tipprekludi lil ELTIF milli joffri rimborsi regolari lill-investituri tiegħu. L-impenn tal-investitur individwali li jinvesti f'dawn l-assi, bin-natura tiegħu, isir għat-terminu kollu tal-investiment. Konsegwentement, l-ELTIFs bħala prinċipju għandhom ikunu strutturati b'tali mod li ma joffrux rimborsi regolari qabel tmiem ħajjet l-ELTIF. |
(36) |
Sabiex l-investituri jingħataw inċentiv, b'mod partikolari l-investituri fil-livell tal-konsumatur, li jistgħu ma jkunux iridu jorbtu l-kapital tagħhom għal perjodu twil ta' żmien, ELTIF għandu jkun jista' joffri, taħt ċerti kundizzjonijiet, drittijiet ta' rimbors antiċipat lill-investituri tiegħu. Għalhekk, il-maniġer ta' ELTIF għandu jingħata d-diskrezzjoni li jiddeċiedi jekk jistabbilixxix ELTIFs bi drittijiet ta' rimbors jew mingħajrhom, skont l-istrateġija ta' investiment tal-ELTIFs. Meta reġim tad-drittijiet ta' rimbors ikun fis-seħħ, dawk id-drittijiet u l-karatteristiċi ewlenin tagħhom għandhom ikunu definiti b'mod ċar minn qabel u żvelati fir-regoli jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-ELTIF. |
(37) |
Sabiex l-investituri jifdu effettivament l-unitajiet u l-ishma tagħhom fi tmiem ħajjet ELTIF, il-maniġer ta' ELTIF għandu jibda jbigħ il-portafoll tal-assi tal-ELTIF fil-ħin sabiex jiżgura li l-valur tajjeb. Fl-istabbiliment ta' skeda ta' diżinvestiment b'mod ikkontrollat, il-maniġer tal-ELTIF għandu jqis il-profili ta' maturazzjoni differenti tal-investimenti kif ukoll it-tul ta' żmien meħtieġ sabiex jinstab ix-xerrej għall-assi li fihom hemm investit l-ELTIF. Minħabba li mhux prattiku li jinżammu l-limiti ta' investiment matul dan il-perjodu ta' likwidazzjoni, dawn ma għandhomx jibqgħu japplikaw meta jibda l-perjodu ta' likwidazzjoni. |
(38) |
Sabiex jitwessa' l-aċċess għall-ELTIFs tal-investituri fil-livell tal-konsumatur, UCITS għandha tkun tista' tinvesti f'unitajiet jew ishma maħruġa minn ELTIF sakemm l-unitajiet jew l-ishma tal-ELTIF ikunu eliġibbli skont id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). |
(39) |
ELTIF għandu jkun jista' jnaqqas il-kapital tiegħu fuq bażi pro rata fil-każ li jkun neħħa wieħed mill-assi tiegħu, b'mod partikolari fil-każ ta' investiment fl-infrastruttura. |
(40) |
L-assi mhux ikkwotati li fihom ikun investa ELTIF jistgħu iġibu kwotazzjoni f'suq regolat matul ħajjet il-fond. Fejn dak iseħħ, l-assi jistgħu ma jibqgħux jikkonformaw mar-rekwiżit ta' dan ir-Regolament li ma jiġux ikkwotati. Sabiex il-maniġers ta' ELTIF ikunu jistgħu iċedu b'mod ikkontrollat t-tali assi li ma jkunux għadhom eliġibbli, l-assi jistgħu jibqgħu jagħmlu parti mil-limitu ta' 70 % tal-assi tal-investiment eliġibbli sa mhux aktar minn tliet snin. |
(41) |
Minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-ELTIFs, kif ukoll tal-investituri fil-livell tal-konsumatur u dawk professjonali li jimmiraw għalihom, huwa importanti li jiġu stabbiliti rekwiżiti ta' trasparenza sodi li jippermettu lill-investituri prospettivi jieħdu deċiżjoni infurmata u jkunu kompletament konxji tar-riskji involuti. Minbarra l-konformità mar-rekwiżiti ta' trasparenza li jinsabu fid-Direttiva 2011/61/UE, l-ELTIFs għandhom jippubblikaw prospett li l-kontenut tiegħu għandu jinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa li trid tiġi divulgata minn impriżi ta' investiment kollettiv tat-tip limitat skont id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 (10). Fejn ELTIF jiġi kkummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur għandha tkun obbligatorja l-pubblikazzjoni ta' dokument bl-informazzjoni ewlenija skont ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Barra minn hekk, xi dokumenti promozzjonali għandhom espliċitament jiġbdu l-attenzjoni għall-profil tar-riskju tal-ELTIF. |
(42) |
L-ELTIFs jistgħu jkunu attraenti għal investituri, bħal muniċipalitajiet, knejjes, karitajiet u fondazzjonijiet, li għandhom ikunu jistgħu jitolbu li jiġu ttrattati bħala klijenti professjonali f'ċirkostanzi fejn jissodisfaw il-kundizzjonijiet tat-Taqsima II tal-Anness II tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). |
(43) |
Billi l-ELTIFs għandhom fil-mira mhux biss investituri fil-livell tal-konsumatur iżda wkoll dawk professjonali fl-Unjoni, huwa meħtieġ li ċerti rekwiżiti jiġu miżjuda mar-rekwiżiti għall-kummerċjalizzazzjoni digà stabbiliti fid-Direttiva 2011/61/UE sabiex ikun żgurat livell xieraq ta' protezzjoni għall-investituri fil-livell tal-konsumatur. Għalhekk, għandhom ikunu disponibbli l-faċilitajiet fejn isiru s-sottoskrizzjonijiet, il-pagamenti lill-unità jew lill-azzjonisti, ix-xiri mill-ġdid jew ir-rimborż ta' unitajiet jew ishma, u jkun disponibbli t-tagħrif li l-ELTIF u l-maniġer tal-ELTIF huma mitluba jipprovdu. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li l-investituri fil-livell tal-konsumatur ma jkunux żvantaġġati fil-konfront ta' investituri professjonali, ċerti salvagwardji għandhom jiġu stabbiliti meta l-ELTIFs huma kkummerċjalizzati lil investituri fil-livell tal-konsumatur. Fl-eventwalità li l-kummerċjalizzazzjoni jew il-kollokazzjoni tal-ELTIFs lil investituri fil-livell tal-konsumatur isiru permezz ta' distributur, tali distributur għandu jikkonforma mar-rekwiżiti relevanti tad-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). |
(44) |
Il-maniġer tal-ELTIF jew id-distributur għandu jikseb l-informazzjoni meħtieġa kollha rigward l-għarfien u l-esperjenza, il-qagħda finanzjarja, l-aptit għar-riskju, l-għanijiet ta' investiment u l-perjodu ta' investiment tal-investitur fil-livell tal-konsumatur sabiex jiġi vvalutat jekk l-ELTIF huwiex adatt għall-kummerċjalizzazzjoni lil dak l-investitur fil-livell tal-konsumatur, filwaqt li jitqiesu, inter alia, l-ħajja u l-istrateġija ta' investiment ippjanata tal-ELTIF. Barra minn hekk, meta l-ħajja ta' ELTIF li jkun offrut jew ikkollokat lil investituri fil-livell tal-konsumatur jeċċedi l-għaxar snin, il-maniġer tal-ELTIF jew id-distributur għandu jindika b'mod ċar u bil-miktub li dan il-prodott jista' ma jkunx adatt għal dawk l-investituri fil-livell tal-konsumatur li ma jistgħux isostnu tali impenn illikwidu u fuq terminu twil. |
(45) |
Meta ELTIF jiġi kkumerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur, id-depożitarju tal-ELTIF għandu josserva d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/65/KE fir-rigward tal-entitajiet eliġibbli li jistgħu jaġixxu bħala depożitarji, ir-regola li ma tippermettix l-eżoneru mir-responsabbiltà, u l-użu mill-ġdid tal-assi. |
(46) |
Bil-ħsieb li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-investituri fil-livell tal-konsumatur, dan ir-Regolament jipprevedi wkoll li fir-rigward tal-investituri fil-livell tal-konsumatur li l-portafoll tagħhom, magħmul minn depożiti ta' flus u strumenti finanzjarji bl-esklużjoni ta' kwalunkwe strument finanzjarju li ngħata bħala kollateral, ma jaqbiżx EUR 500 000, il-maniġer ta' ELTIF jew kwalunkwe distributur, wara li jkun wettaq test tal-adegwatezza u wara li jkun ipprovda pariri xierqa dwar l-investiment, għandu jiżgura li l-investitur fil-livell tal-konsumatur ma jinvestix ammont aggregat li jaqbeż l-10 % tal-portafoll tal-investitur f'ELTIFs u li l-ammont inizjali investit f'ELTIF wieħed jew aktar ma jkunx inqas minn EUR 10 000. |
(47) |
Taħt ċirkustanzi eċċezzjonali speċifikati fir-regoli jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni ta' ELTIF, il-ħajja tal-ELTIF tista' tiġi estiża jew imnaqqsa biex tippermetti aktar flessibbiltà, fejn, pereżempju, proġett jitlesta wara jew qabel iż-żmien mistenni, biex jiġi konformi mal-istrateġija tiegħu ta' investiment fuq terminu twil. |
(48) |
L-awtorità kompetenti tal-ELTIF għandha tivverifika fuq bażi kontinwa jekk ELTIF jikkonformax ma' dan ir-Regolament. Billi l-awtoritajiet kompetenti diġà huma mogħtija setgħat estensivi taħt id-Direttiva 2011/61/UE, huwa meħtieġ li dawk is-setgħat jiġu estiżi biex jittieħed kont ta' dan ir-Regolament. |
(49) |
L-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (AETS), stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), għandha tkun kapaċi teżerċita s-setgħat kollha mogħtija lilha skont id-Direttiva 2011/61/UE fir-rigward ta' dan ir-Regolament u għandha tingħata r-riżorsi kollha meħtieġa għal dak il-għan, b'mod partikolari r-riżorsi umani. |
(50) |
L-AETS għandu jkollha rwol ċentrali fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-ELTIFs billi tiżgura applikazzjoni konsistenti tar-regoli tal-Unjoni mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Bħala korp b'kompetenzi ferm speċjalizzati rigward it-titoli u s-swieq tat-titoli, ikun effiċjenti u xieraq li l-AETS tiġi fdata bit-tfassil ta' abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li ma jinvolvux għażliet ta' politika biex jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni. Dawn l-istandards tekniċi regolatorji għandhom jikkonċernaw iċ-ċirkustanzi li fihom l-użu ta' strumenti finanzjarji derivati jservu li jiħħeġġjaw ir-riskji inerenti għall-investimenti, iċ-ċirkostanzi li fihom il-ħajja ta' ELTIF tkun twila biżżejjed biex tkopri ċ-ċiklu ta' ħajja ta' kull assi individwali tal-ELTIF, il-karatteristiċi tal-iskeda ta' assi ELTIF għal disponiment b'mod ikkontrollat, id-definizzjonijiet ta', u l-metodoloġiji ta' kalkolu tal-ispejjeż akkarigu tal-investituri, il-preżentazzjoni tal-iżvelar tal-ispejjeż, u l-karatteristiċi tal-faċilitajiet li għandhom jitwaqqfu mill-ELTIFs f'kull Stat Membru li huwa biħsiebu jikkummerċjalizza unitajiet jew ishma. |
(51) |
Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) għandhom japplikaw bis-sħiħ għall-iskambju, it-trażmissjoni u l-ipproċessar ta data personali għall-finijiet ta' dan ir-Regolament. |
(52) |
Billi l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu żgurati rekwiżiti uniformi għall-investimenti u l-kundizzjonijiet tal-operat għal ELTIFs fl-Unjoni, filwaqt li titqies għalkollox il-ħtieġa li jkun hemm bilanċ bejn is-sikurezza u l-affidabbiltà tal-ELTIFs u t-tħaddim effiċjenti tas-suq għal finanzjament fuq terminu twil kif ukoll il-kost għall-partijiet interessati varji tagħhom, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet. |
(53) |
Dan ir-regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva il-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-ħarsien tal-konsumatur, il-libertà li wieħed jopera negozju, id-dritt għal rimedju u għal proċess ġust, u l-protezzjoni tad-data personali kif ukoll l-aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali. Dan ir-Regolament għandu jiġu applikat b'konformità ma' dawn id-drittijiet u l-prinċipji, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett u għan
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli uniformi għall-awtorizzazzjoni, għall-politiki ta' investiment u għall-kundizzjonijiet tal-operat tal-Fondi ta' Investiment Alternattiv (AIFs tal-UE) tal-UE jew kompartimenti tal-AIFs tal-UE, li jiġu kkummerċjalizzati fl-Unjoni Ewropea bħala fondi ta' investiment fuq terminu twil (ELTIFs).
2. L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jiġbor il-kapital u jinkanalah lejn investimenti Ewropej fuq terminu twil fl-ekonomija reali, f'konformità mal-għanijiet tal-Unjoni ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.
3. L-Istati Membri ma għandhomx iżidu rekwiżiti ulterjuri fil-qasam kopert minn dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“kapital” tfisser kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u l-kapital impenjat mhux imħallas, ikkalkulati abbażi tal-ammonti investibbli wara li jitnaqqsu d-drittijiet, l-imposti u l-ispejjeż kollha akkarigu dirett jew indirett tal-investituri; |
(2) |
“investitur professjonali” tfisser investitur li huwa meqjus bħala klijent professjonali, jew li jista', fuq talba, jiġi ttrattat bħala klijent professjonali b'konformità mal-Anness II tad-Direttiva 2014/65/UE; |
(3) |
“investitur fil-livell tal-konsumatur” tfisser investitur li mhuwiex investitur professjonali; |
(4) |
“ekwità” tfisser parteċipazzjoni azzjonarja f'impriża ta' portafoll li tikkwalifika, irrappreżentat mill-ishma jew forom oħra ta' parteċipazzjoni fil-kapital tal-impriża ta' portafoll li tikkwalifika, maħruġa lill-investituri tagħha; |
(5) |
“kważi ekwità” tfisser kwalunkwe tip ta' strument ta' finanzjament fejn ir-redditu fuq l-istrument huwa konness mal-qligħ jew mat-telf tal-impriża ta' portafoll li tikkwalifika, u fejn il-ħlas lura tal-istrument f'każ ta' inadempjenza ma jkunx garantit bis-sħiħ; |
(6) |
“assi reali” tfisser assi li għandu valur minħabba n-natura u l-karatteristiċi tiegħu u li jista' jipprovdi redditi, inkluż assi infrastrutturali u assi oħra li jġibu benefiċċju ekonomiku jew soċjali, bħall-edukazzjoni, il-counselling, ir-riċerka u l-iżvilupp, i inkluż proprjetà immobiljari kummerċjali jew l-akkomodazzjoni biss meta jkunu parti integrali minn, jew element anċillari ta', proġett ta' investiment fuq terminu twil li jikkontribwixxi għall-għan tal-Unjoni ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; |
(7) |
“impriża finanzjarja” tfisser waħda minn dawn li ġejjin:
|
(8) |
“AIF tal-UE” tfisser AIF tal-UE kif definit fil-punt (k) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE; |
(9) |
“AIFM tal-UE” tfisser AIFM tal-UE kif definit fil-punt (l) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE; |
(10) |
“awtorità kompetenti ta' ELTIF” tfisser awtorità kompetenti tal-AIF tal-UE fit-tifsira tal-punt (h) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE; |
(11) |
“l-Istat Membru ta' domiċilju tal-ELTIF” tfisser l-Istat Membru fejn l-ELTIF huwa awtorizzat; |
(12) |
“maniġer tal-ELTIF” tfisser l-AIFM tal-UE awtorizzat biex jimmaniġġja ELTIF jew l-ELTIF immaniġġjat internament meta l-forma ġuridika tal-ELTIF tippermetti maniġment intern u meta ma jkun inħatar ebda AIFM estern; |
(13) |
“awtorità kompetenti tal-maniġer tal-ELTIF” tfisser l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-AIFM tal-UE fit-tifsira tal-punt (q) tal-Artikolu 4(1)tad-Direttiva 2011/61/UE; |
(14) |
“għoti b'self ta' titoli” u “teħid b'self ta' titoli” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni li fiha kontroparti tittrasferixxi titoli soġġett għal impenn li l-mutwatarju se jagħti lura titoli ekwivalenti f'xi data futura jew meta jintalab jagħmel hekk mit-trasferitur, bit-tranżazzjoni titqies bħala għoti b'self ta' titoli għall-kontroparti li tittrasferixxi t-titoli u titqies bħala teħid b'self ta' titoli għall-kontroparti li huma ttrasferiti lilha; |
(15) |
“tranżazzjoni ta' xiri mill-ġdid” tfisser tranżazzjoni ta' xiri mill-ġdid kif definit fil-punt (83) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; |
(16) |
“strument finanzjarju” tfisser strument finanzjarju kif speċifikat fit-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE; |
(17) |
“bejgħ qasir” tfisser attività kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19); |
(18) |
“suq regolat” tfisser suq regolat kif definit fil-punt (21) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE; |
(19) |
“faċilità multilaterali tan-negozjar” tfisser faċilità tan-negozjar kif definit fil-punt (22) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE. |
Artikolu 3
L-awtorizzazzjoni u r-reġistru pubbliku ċentrali
1. ELTIF jista' jiġi kkummerċjalizzat fl-Unjoni biss meta jkun ġie awtorizzat b'konformità ma' dan ir-Regolament. L-awtorizzazzjoni ta' ELTIF hija valida fl-Istati Membri kollha..
2. L-AIFs tal-UE biss huma eliġibbli biex japplikaw għal awtorizzazzjoni u biex jingħataw awtorizzazzjoni bħala ELTIF
3. L-awtoritajiet kompetenti tal-ELTIFs, fuq bażi trimestrali, jinfurmaw lill-AETS bl-awtorizzazzjonijiet mogħtija jew irtirati skont dan ir-Regolament.
L-AETS żżomm reġistru pubbliku ċentrali li jidentifika kull ELTIF awtorizzat skont dan ir-Regolament, il-maniġer tal-ELTIF u l-awtorità kompetenti fuq l-ELTIF. Ir-reġistru jkun disponibbli f'format elettroniku.
Artikolu 4
Id-deżinjazzjoni u l-projbizzjoni fuq transformazzjoni
1. Id-deżinjazzjoni “ELTIF” jew “fond Ewropew ta' investiment fuq terminu twil” fir-rigward ta' impriża ta' investiment kollettiv, jew l-unitajiet jew ishma li toħroġ, tista' tintuża biss fejn l-impriża ta' investiment kollettiv tkun ġiet awtorizzata skont dan ir-Regolament.
2. L-ELTIFs għandhom jiġu pprojbiti milli jittrasformaw ruħhom f'impriżi ta' investiment kollettiv li mhumiex koperti b'dan ir-Regolament.
Artikolu 5
Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħala ELTIF
1. Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħala ELTIF għandha ssir għand l-awtorità kompetenti tal-ELTIF.
L-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħala ELTIF għandha tinkludi dan li ġej:
(a) |
ir-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni; |
(b) |
informazzjoni dwar l-identità tal-maniġer propost tal-ELTIF u dwar l-esperjenza u l-istorja attwali u preċedenti tiegħu ta' ġestjoni ta' fondi; |
(c) |
informazzjoni dwar l-identità tad-depożitarju; |
(d) |
deskrizzjoni tal-informazzjoni li tkun disponibbli għall-investituri, li tinkludi deskrizzjoni tal-arranġamenti biex jiġu ttrattati l-ilmenti mressqa minn investituri fil-livell tal-konsumatur. |
L-awtorità kompetenti tal-ELTIF tista' titlob kjarifika u informazzjoni rigward id-dokumentazzjoni u l-informazzjoni pprovduti skont it-tieni subparagrafu.
2. AIFM tal-UE awtorizzat skont id-Direttiva 2011/61/UE biss jista' japplika għand l-awtorità kompetenti tal-ELTIF sabiex ikollu l-approvazzjoni biex jimmaniġġja ELTIF li għaliha hija rikjesta l-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1. Fil-każ li l-awtorità kompetenti tal-ELTIF tkun l-istess bħall-awtorità kompetenti tal-AIFM tal-UE, tali applikazzjoni għal approvazzjoni tirreferi għad-dokumentazzjoni ppreżentata għal awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 2011/61/UE.
Applikazzjoni għall-approvazzjoni għall-immaniġġjar ta' ELTIF tinkludi dan li ġej:
(a) |
il-ftehim bil-miktub mad-depożitarju; |
(b) |
l-informazzjoni dwar l-arranġamenti għad-delegazzjoni fir-rigward tal-portafoll kif ukoll tal-immaniġġjar u l-amministrazzjoni tar-riskju fir-rigward tal-ELTIF; |
(c) |
l-informazzjoni dwar l-istrateġiji tal-investiment, il-profil tar-riskju u karatteristiċi oħra tal-AIFs li l-AIFM tal-UE ikun awtorizzat jimmaniġġja. |
L-awtorità kompetenti tal-ELTIF tista' titlob lill-awtorità kompetenti tal-AIFM tal-UE għal kjarifika u informazzjoni rigward id-dokumentazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu, jew attestat dwar jekk l-ELTIFs jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni għal awtorizzazzjoni mill-AIFM tal-UE biex jimmaniġġja l-AIFs. L-awtorità kompetenti tal-AIFM tal-UE għandha tagħti risposta fi żmien għaxart ijiem ta' xogħol mid-data li fiha tkun irċeviet it-talba ppreżentata mill-awtorità kompetenti tal-ELTIF.
3. L-applikanti għandhom jiġu infurmati fi żmien xahrejn mid-data tal-preżentazzjoni ta' applikazzjoni sħiħa dwar jekk ingħatatx awtorizzazzjoni għal ELTIF, inkluż l-approvazzjoni tal-AIFM tal-UE biex jimmaniġġja l-ELTIF.
4. Kwalunkwe modifika sussegwenti fid-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi nnotifikata minnufih lill-awtorità kompetenti tal-ELTIF.
5. B'deroga mill-paragrafi 1 u 2, AIF tal-UE li l-forma ġuridika tiegħu tippermetti mmaniġġjar intern u li l-bord ta' tmexxija tiegħu jagħżel li ma jaħtarx AIFM estern, għandu japplika simultanjament għal awtorizzazzjoni bħala ELTIF skont dan ir-Regolament u bħala AIFM skont id-Direttiva 2011/61/UE.
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/61/UE, l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħala ELTIF immaniġġjat internament għandha inkludi li ġej:
(a) |
ir-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni; |
(b) |
deskrizzjoni tal-informazzjoni li tkun disponibbli għall-investituri, li tinkludi deskrizzjoni tal-arranġamenti biex jiġu ttrattati l-ilmenti mressqa minn investituri fil-livell tal-konsumatur; |
B'deroga mill-paragrafu 3, AIF tal-UE mmaniġġjat internament għandu jiġi infurmat fi żmien tliet xhur mid-data tas-sottomissjoni ta' applikazzjoni sħiħa dwar jekk ingħatatx awtorizzazzjoni bħala ELTIF.
Artikolu 6
Kundizzjonijiet għall-għoti ta' awtorizzazzjoni bħala ELTIF
1. AIF tal-UE għandu jiġi awtorizzat bħala ELTIF biss fejn l-awtorità kompetenti tiegħu:
(a) |
tkun sodisfatta li l-AIF tal-UE huwa kapaċi jissodisfa r-rekwiżiti kollha ta' dan ir-Regolament; |
(b) |
tkun approvat l-applikazzjoni tal-AIFM tal-UE awtorizzat skont id-Direttiva 2011/61/UE biex jimmaniġġja l-ELTIF, ir-regoli tal-fondi jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni u l-għażla tad-depożitarju. |
2. Fil-każ li AIF tal-UE jagħmel applikazzjoni skont l-Artikolu 5(5) ta' dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti għandha tawtorizza l-AIF tal-UE biss meta tkun sodisfatta li l-AIF tal-UE jikkonforma mar-rekwiżiti kemm ta' dan ir-Regolament kif ukoll tad-Direttiva 2011/61/UE rigward l-awtorizzazzjoni ta' AIFM tal-UE.
3. L-awtorità kompetenti tal-ELTIF tista' tirrifjuta li tapprova l-applikazzjoni ta' AIFM tal-UE biex jimmaniġġja ELTIF meta l-AIFM tal-UE:
(a) |
ma jkunx konformi ma' dan ir-Regolament; |
(b) |
ma jkunx konformi mad-Direttiva 2011/61/UE; |
(c) |
mhuwiex awtorizzat mill-awtorità kompetenti tiegħu biex jimmaniġġja l-AIFs li jsegwu strateġiji ta' investiment tat-tip koperti b'dan ir-Regolament; jew |
(d) |
ma pprovdiex id-dokumenti msemmija fil-Artikolu 5(2), jew xi kjarifika jew informazzjoni mitluba taħtu. |
Qabel ma l-awtorità kompetenti ta' ELTIF tirrifjuta li tapprova applikazzjoni, hija għandha tikkonsulta l-awtorità kompetenti tal-AIFM tal-UE.
4. L-awtorità kompetenti tal-ELTIF m'għandiex tagħti awtorizzazzjoni bħala ELTIF lill-AIF tal-UE li jkun applika għall-awtorizzazzjoni jekk huwa legalment ipprojbit milli jikkummerċjalizza l-unitajiet jew l-ishma tiegħu fl-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu.
5. L-awtorità kompetenti tal-ELTIF għandha tikkomunika lill-AIF tal-UE ir-raġuni għalfejn irrifjutat li tagħti l-awtorizzazzjoni bħala ELTIF.
6. Applikazzjoni li ġiet rifjutata taħt dan l-Kapitolu ma terġax tiġi sottomessa lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħra.
7. L-awtorizzazzjoni bħala ELTIF m'għandiex tkunx suġġetta għar-rekwiżit li l-ELTIF ikun immaniġġjat minn AIFM tal-UE li jkun awtorizzat fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-ELTIF, jew li l-AIFM tal-UE iwettaq jew jiddelega kwalunkwe attività fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-ELTIF.
Artikolu 7
Ir-regoli applikabbli u r-responsabbiltajiet
1. L-ELTIF għandu jkun konformi f'kull ħin mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.
2. ELTIF u l-maniġer tal-ELTIF għandhom ikunu konformi f'kull ħin mad-Direttiva 2011/61/UE.
3. Il-maniġer tal-ELTIF għandu r-responsabbiltà għall- konformità ma' dan ir-Regolament u għandu kun responsabbli wkoll skont id-Direttiva 2011/61/UE għal kwalunkwe ksur ta' dan ir-Regolament. Il-maniġer tal-ELTIF għandu jkun responsabbli wkoll għal telf jew danni li jirriżultaw min-nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament.
KAPITOLU II
OBBLIGI LI JIKKONĊERNAW IL-POLITIKI TA' INVESTIMENT TAL-ELTIFs
TAQSIMA 1
Ir-regoli ġenerali u l-assi eliġibbli
Artikolu 8
Il-kompartimenti ta' investiment
Meta ELTIF jinkludi iżjed minn kompartiment ta' investiment wieħed, kull kompartiment għandu jitqies bħala ELTIF separat għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu.
Artikolu 9
L-investimenti eliġibbli
1. B'konformità mal-għanijiet msemmija fl-Artikolu 1(2), ELTIF għandu jinvesti biss f'dawn il-kategoriji ta' assi u taħt il-kundizzjonijiet speċifikati f'dan ir-Regolament biss:
(a) |
assi ta' investiment eliġibbli; |
(b) |
l-assi msemmija fl-Artikolu 50(1) tad-Direttiva 2009/65/KE. |
2. ELTIF m'għandu jagħmel l-ebda waħda minn dawn l-attivitajiet li ġejjin:
(a) |
il-bejgħ qasir ta' assi; |
(b) |
jesponi ruħu b'mod dirett jew indirett għall-komoditajiet, anke permezz ta' strumenti finanzjarji derivati, ċertifikati li jirrappreżentawhom, indiċi bbażati fuqhom jew kwalunkwe mezz jew strument li jagħtihom esponiment; |
(c) |
jidħol f'għoti b'self ta' titoli, f'teħid ta' self ta' titoli, fi tranżazzjonijiet ta' xiri mill-ġdid, jew fi kwalunkwe ftehim ieħor li jkollu effett ekonomiku ekwivalenti u jġib riskji simili, jekk b'hekk ikun affettwati aktar minn 10 % tal-assi tal-ELTIF; |
(d) |
juża strumenti finanzjarji derivati, ħlief meta l-użu ta' tali strumenti jaqdi biss l-iskop li jiġu ħħeġġjati r-riskji inerenti għal investimenti oħrajn tal-ELTIF. |
3. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta' dan l-Artikolu, l-AETS, wara li twettaq konsultazzjoni pubblika, għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifika kriterji għall-istabbiliment taċ-ċirkustanzi li fihom l-użu ta' strumenti finanzjarji derivati jservu unikament l-iskop li jiħħeġġjaw ir-riskji inerenti għall-investimenti msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 2.
L-AETS tissottometti dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sad-9 ta' Settembru 2015.
Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
Artikolu 10
L-assi ta' investiment eliġibbli
Assi msemmi fil-punt (a) ta-Artikolu 9(1) għandu jkun eliġibbli għal investiment permezz ta' ELTIF biss jekk jaqa' f'waħda mill-kategoriji li ġejjin:
(a) |
strumenti ta' ekwità jew kważi ekwità li ġew:
|
(b) |
strumenti ta' dejn maħruġa minn impriża ta' portafoll li tikkwalifika; |
(c) |
self mogħti mill-ELTIF lil impriża ta' portafoll li tikkwalifika b'maturità mhux itwal mill-ħajja tal-ELTIF; |
(d) |
unitajiet jew ishma ta' ELTIF wieħed jew ta' diversi ELTIFs oħra, EuVECAs u EuSEFs, dejjem jekk dawn l-ELTIFs, l-EuVECAs u l-EuSEFs ma jkunux huma stess investew aktar minn 10 % tal-kapital tagħhom f'ELTIFs. |
(e) |
parteċipazzjoni diretta jew parteċipazzjonijiet indiretti permezz ta' impriżi ta' portafoll li jikkwalifikaw ta' assi reali individwali b'valur ta' mill-inqas EUR 10 000 000, jew l-ekwivalenti tiegħu fil-valuta u fil-mument li fihom ssir in-nefqa. |
Artikolu 11
Impriża ta' portafoll li tikkwalifika
1. Impriża ta' portafoll li tikkwalifika, imsemmija fl-Artikolu 10, għandha tkun impriża ta' portafoll li mhijiex impriża ta' investiment kollettiv li tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:
(a) |
mhijiex impriża finanzjarja; |
(b) |
hija impriża li:
|
(c) |
tkun stabbilita fi Stat Membru, jew f'pajjiż terz sakemm il-pajjiż terz:
|
2. B'deroga mill-punt (a) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, impriża ta' portafoll li tikkwalifika tista' tkun impriża finanzjarja li tiffinanzja esklużivament l-impriżi ta' portafoll li jikkwalifikaw msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jew l-assi reali msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 10.
Artikolu 12
Il-kunflitt ta' interessi
ELTIF m'gћandux jinvesti f'assi ta' investiment eliġibbli li l-maniġer tal-ELTIF ikollu jew qed jieħu interess fihom dirett jew indirett, ħlief jekk mhux f'unitajiet jew ishma ta' parteċipazzjoni tal-ELTIFs, il-EuSEFs jew l-EuVECAs li jimmaniġġja.
TAQSIMA 2
Dispożizzjonijiet dwar politiki ta' investiment
Artikolu 13
Is-sura tal-portafoll u d-diversifikazzjoni
1. ELTIF għandu jinvesti mill-inqas 70 % tal-kapital tiegħu f'assi ta' investiment eliġibbli.
2. ELTIF m'gћandux jinvesti iktar minn:
(a) |
10 % tal-kapital tiegħu fi strumenti maħruġa minn, jew self mogħti lil, kwalunkwe impriża ta' portafoll li tikkwalifika; |
(b) |
10 % tal-kapital tiegħu direttament jew indirettament f'assi reali uniku; |
(c) |
10 % tal-kapital tiegħu f'unitajiet jew ishma ta' kwalunkwe ELTIF, EuVECA jew EuSEF uniku; |
(d) |
5 % tal-kapital tiegħu f'assi msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 9(1) fejn dawn l-assi jkunu nħarġu minn kwalunkwe korp uniku. |
3. Il-valur aggregat ta' unitajiet jew ishma ta' ELTIFs, EuvECAs u EuSEFs f'portafoll ta' ELTIF m'għandux jaqbeż l-20 % tal-valur tal-kapital tal-ELTIF.
4. L-esponiment aggregat għar-riskju ta' kontroparti tal-ELTIF li jirriżulta minn tranżazzjonijiet ta' derivattivi barra l-borża (OTC), ftehimiet ta' xiri mill-ġdid jew ftehimiet ta' xiri bil-patt ta' bejgħ mill-ġdid m'għandux jaqbeż il-5 % tal-valur tal-kapital tal-ELTIF.
5. B'deroga mill-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2, ELTIF jista' jżid il-limitu ta' 10 % msemmi fih għal 20 %, dejjem jekk il-valur aggregat ta' assi fil-pussess tal-ELTIF f'impriżi ta' portafoll li jikkwalifikaw u f'assi reali individwali li jinvesti fihom aktar minn 10 % tal-kapital tiegħu, ma jaqbiżx l-40 % tal-valur tal-kapital tal-ELTIF.
6. B'deroga mill-punt (d) tal-paragrafu 2, ELTIF jista' jgħolli l-limitu ta' 5 % msemmi fih għal 25 % meta bonds jinħarġu minn istituzzjoni ta' kreditu li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru u hija soġġetta bil-liġi għal superviżjoni pubblika speċjali maħsuba biex tipproteġi d-detentur ta' bonds. B'mod partikolari, somom li jirriżultaw mill-ħruġ ta' dawk il-bonds għandhom jiġu investiti b'konformità mal-liġi f'assi li, tul il-perjodu kollu tal-validità tal-bonds, ikunu jistgħu jkopru pretensjonijiet marbuta mal-bonds u li, fil-każ ta' nuqqas min-naħa tal-emittent, ikunu użati fuq bażi ta' prijorità għar-rimbors tal-kapital u l-ħlas tal-imgħax akkumulat.
7. Kumpaniji li huma inklużi fl-istess grupp għall-finijiet ta' kontijiet konsolidati, kif irregolati bid-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) jew skont ir-regoli internazzjonali rikonoxxuti ta' kontabbiltà, għandhom jitqiesu bħala impriża unika ta' portafoll li tikkwalifika jew korp uniku għall-finijiet tal-kalkolu tal-limiti li jinsabu f'dan fil-paragrafi minn 1 sa 6.
Artikolu 14
Rettifika tal-pożizzjonijiet ta' investiment
Fil-każ li ELTIF jikser ir-rekwiżiti ta' diversifikazzjoni stipulati fl-Artikolu 13(2) sa 13(6) u l-ksur ma jkunx fil-kontroll tal-maniġer tal-ELTIF, il-maniġer tal-ELTIF, għandu jieħu, f'perjodu ta' żmien xieraq, dawk il-miżuri li jkunu neċessarji biex jirrettifika l-pożizzjoni, b'kont meħud tal-interessi tal-investituri tal-ELTIF.
Artikolu 15
Il-konċentrazzjoni
1. ELTIF ma jistax jakkwista' aktar minn 25 % tal-unitajiet jew l-ishma ta' ELTIF, EuVECA jew EuSEF uniku.
2. Il-limiti ta' konċentrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 56(2) tad-Direttiva 2009/65/KE japplikaw għal investimenti fl-assi li hemm referenza għalihom fil-punt (b) tal-Artikolu 9(1) ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 16
It-teħid ta' self ta' flus
1. ELTIF jista' jissellef flus sakemm dan is-self jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) |
jirrappreżenta mhux aktar minn 30 % tal-valur tal-kapital tal-ELTIF; |
(b) |
isir bl-iskop li jsir investiment f'assi ta' investiment eliġibbli, bl-eċċezzjoni ta' self imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 10, sakemm il-parteċipazzjonijiet fi flus jew ekwivalenti ta' flus tal-ELTIF ma jkunux biżżejjed biex isir l-investiment ikkonċernat; |
(c) |
ikun ikkuntrattat fl-istess valuta bħal l-assi li għandhom jiġu akkwistati bil-flus mislufa; |
(d) |
ikollu maturità mhux itwal mill-ħajja tal-ELTIF; |
(e) |
il-piż jaqa' fuq assi li ma jirrappreżentawx aktar minn 30 % tal-valur tal-kapital tal-ELTIF. |
2. Il-maniġer tal-ELTIF jispeċifika fil-prospett tal-ELTIF jekk għandux l-intenzjoni li jissellef flus jew le bħala parti mill-istrateġija ta' investiment tiegħu.
Artikolu 17
L-applikazzjoni tas-sura tal-portafoll u r-regoli ta' diversifikazzjoni
1. Il-limiti ta' investiment stabbiliti fl-Artikolu 13(1) għandhom:
(a) |
japplikaw sad-data speċifikata fir-regoli jew fl-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-ELTIF; |
(b) |
ma jibqgħux japplikaw ladarba l-ELTIF jibda jbigħ l-assi sabiex jirrimborża l-unitajiet jew l-ishma tal-investituri wara t-tmiem ħajjet l-ELTIF; |
(c) |
jiġu temporanjament sospiżi meta ELTIF jiġbor kapital addizzjonali jew inaqqas il-kapital eżistenti tiegħu, sakemm tali sospensjoni ma tkunx itwal minn 12-il xahar. |
Id-data msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandha tieħu kont tal-karatteristiċi partikulari u l-karatteristiċi tal-assi li ser jiġu investiti mill-ELTIF, u m'għandhiex tkun aktar tard jew minn ħames snin wara d-data tal-awtorizzazzjoni bħala ELTIF, jew inkella nofs il-ħajja tal-ELTIF kif determinat skont l-Artikolu 18 (3), skont liema tiġi l-ewwel. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, l-awtorità kompetenti tal-ELTIF, meta jiġi ppreżentat pjan ta' investiment debitament ġustifikat, tista' tapprova estensjoni ta' dan il-limitu ta' żmien b' mhux iktar minn sena.
2. Meta assi ta' terminu twil li ELTIF ikun investa fih jinħareġ minn impriża ta' portafoll li tikkwalifika, li m'għadhiex konformi mal-punt (b) tal-Artikolu 11(1), l-assi ta' terminu twil jista' jkompli jingħadd għall-iskop tal-kalkolu tal-limitu ta' investiment msemmi fl-Artikolu 13(1) għall-massimu ta' tliet snin mid-data li fiha l-impriża ta' portafoll li tikkwalifika ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti tal-punt (b) tal-Artikolu 11(1).
KAPITOLU III
IR-RIMBORS, IN-NEGOZJAR U L-ĦRUĠ TA' UNITAJIET JEW ISHMA TA' ELTIF U D-DISTRIBUZZJONI TAR-RIKAVAT U KAPITAL
Artikolu 18
Il-politika ta' rimbors u l-ħajja ta' ELTIFs
1. L-investituri f'ELTIF ma għandhomx ikunu jistgħu jitolbu r-rimbors tal-unitajiet jew tal-ishma tagħhom qabel tmiem ħajjet l-ELTIF. Ir-rimborsi lill-investituri għandhom ikunu possibbli mill-jum ta' wara d-data li ttemm ħajjet l-ELTIF.
Ir-regoli jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-ELTIF għandhom jindikaw data speċifika għal tmiem ħajjet l-ELTIF u jistgħu jipprevedu d-dritt ta' estensjoni temporanja tal-ħajja tal-ELTIF u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta' tali dritt.
Ir-regoli jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-ELTIF u l-iżvelar lill-investituri għandhom jistipulaw il-proċeduri għar-rimbors tal-unitajiet jew ishma u d-disponiment tal-assi, u jiddikjaraw b'mod ċar li r-rimborsi lill-investituri jibdew fil-jum ta' wara d-data ta' tmiem ħajjet l-ELTIF.
2. B'deroga mill-paragrafu 1, ir-regoli jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-ELTIF jistgħu jipprevedu l-possibbiltà ta' rimborsi qabel tmiem ħajjet l-ELTIF, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) |
r-rimborsi ma jingħatawx qabel id-data speċifikata fil-punt (a) tal-Artikolu 17(1); |
(b) |
meta tingħata l-awtorizzazzjoni u tul il-ħajja tal-ELTIF, il-maniġer tal-ELTIF ikun jista' juri lill-awtoritajiet kompetenti li sistema xierqa ta' mmaniġġjar tal-likwidità u proċeduri effettivi għall-monitoraġġ tar-riskju ta' likwidità tal-ELTIF ikunu fis-seħħ, li jkunu kompatibbli mal-istrateġija ta' investiment tal-ELTIF fuq terminu twil u mal-politika proposta ta' rimbors; |
(c) |
il-maniġer tal-ELTIF jiddefinixxi politika ta' rimbors definita, li tindika b'mod ċar il-perjodi ta' żmien li matulhom l-investituri jistgħu jitolbu rimborsi; |
(d) |
il-politika ta' rimbors tal-ELTIF tiżgura li l-ammont globali ta' rimborsi f'perjodu partikolari jkun limitat għal perċentwal ta' dawk l-assi tal-ELTIF li huma msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 9(1). Dan il-perċentwal għandu jkun allinjat mal-istrateġija ta' mmaniġġjar u investiment tal-likwidità ddivulgata mill-maniġer tal-ELTIF; |
(e) |
il-politika ta' rimbors tal-ELTIF tiżgura li l-investituri jiġu ttrattati b'mod ġust u r-rimborsi jingħataw fuq bażi pro rata jekk l-ammont totali ta' talbiet għal rimborsi fi ħdan perjodu ta' żmien partikolari jaqbeż il-perċentwal msemmi fil-punt (d) ta' dan il-paragrafu. |
3. Ħajjet ELTIF għandha tkun konsistenti man-natura fuq terminu twil tal-ELTIF u tkun twila biżżejjed biex tkopri ċ-ċiklu tal-ħajja ta' kull assi individwali tal-ELTIF, imkejla skont il-profil ta' illikwidità u ċ-ċiklu tal-ħajja ekonomika tal-assi, u l-objettiv tal-investiment iddikjarat tal-ELTIF.
4. L-investituri jistgħu jitolbu l-likwidazzjoni ta' ELTIF jekk it-talbiet ta' rimbors tagħhom, magħmula skont il-politika ta' rimbors tal-ELTIF, ma jiġux issodisfati fi żmien sena mid-data li saru fiha.
5. L-investituri dejjem għandu jkollhom l-għażla li jitħallsu lura fi flus.
6. Il-ħlas lura in natura mill-assi ta' ELTIF għandu jkun possibbli biss meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) |
ir-regoli jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-ELTIF jipprevedu din il-possibbiltà, sakemm l-investituri kollha jiġu ttrattati b'mod ġust; |
(b) |
l-investitur jitlob bil-miktub biex jitħallas lura permezz ta' sehem mill-assi tal-ELTIF; |
(c) |
l-ebda regola speċifika ma tirrestrinġi t-trasferiment ta' dawn l-assi. |
7. L-AETS tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw iċ-ċirkustanzi li fihom ħajjet ELTIF hija meqjusa twila biżżejjed biex tkopri ċ-ċiklu tal-ħajja ta' kull assi individwali tal-ELTIF, kif imsemmi fil-paragrafu 3.
L-AETS għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sad-9 ta' Settembru 2015.
Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
Artikolu 19
Is-suq sekondarju
1. Ir-regoli jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni ta' ELTIF m'għandhomx jimpedixxu unitajiet jew ishma tal-ELTIF milli jiġu ammessi għan-negozjar f'suq regolat jew f'faċilità multilaterali tan-negozjar.
2. Ir-regoli jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni ta' ELTIF m'għandhomx jimpedixxu lill-investituri milli jittrasferixxu l-unitajiet jew l-ishma tagħhom liberament lil partijiet terzi li ma jkunux il-maniġer tal-ELTIF.
3. ELTIF għandu jippubblika fir-rapporti perjodiċi tiegħu l-valur tas-suq tal-unitajiet jew l-ishma — kkwotati tiegħu flimkien mal-valur nett tal-assi għal kull unità jew sehem.
4. F'każ li jkun hemm bidla materjali fil-valur ta' assi, il-maniġer tal-ELTIF għandu jiżvela dan lill-investituri fir-rapporti li jagħmel minn żmien għal żmien.
Artikolu 20
Il-ħruġ ta' jew unitajiet jew ishma ġodda
1. ELTIF jista' joffri l-ħruġ ta'unitajiet jew ishma ġodda skont ir-regoli jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tiegħu.
2. ELTIF m'għandux joħroġ unitajiet jew ishma ġodda bi prezz taħt il-valur nett tal-assi tagħhom mingħajr ma l-ewwel joffri dawk l-unitajiet jew ishma b'dak il-prezz lill-investituri eżistenti fl-ELTIF.
Artikolu 21
Id-disponiment tal-assi tal-ELTIF
1. ELTIF għandu jadotta skeda ddettaljata għad-disponiment ikkontrollat tal-assi tiegħu sabiex l-investituri jkollhom rimborż wara tmiem ħajjet l-ELTIF u jiżvela dan lill-awtorità kompetenti tal-ELTIF sa mhux aktar tard minn sena qabel id-data ta' tmiem ħajjet l-ELTIF.
2. L-iskeda msemmija fil-paragrafu 1 tinkludi:
(a) |
evalwazzjoni tas-suq għal xerrejja potenzjali; |
(b) |
evalwazzjoni u tqabbil ta' prezzijiet tal-bejgħ potenzjali; |
(c) |
valutazzjoni tal-assi li għandhom jiġu ċeduti; |
(d) |
żmien għall-iskeda ta' disponiment. |
3. L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li jridu jintużaw għall-evalwazzjonijiet fil-punt (a) u l-valutazzjoni fil-punt (c) tal-paragrafu 2.
L-AETS għandha tissottometti dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sad-9 ta' Settembru 2015.
Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
Artikolu 22
Distribuzzjoni tar-rikavat u l-kapital
1. ELTIF jista' regolarment iqassam lill-investituri r-rikavati ġġenerati mill-assi li jinsabu fil-portafoll. Dak ir-rikavat għandu jkun magħmul minn:
(a) |
rikavat li l-assi qed jipproduċu b'mod regolari; |
(b) |
apprezzament kapitali li jseħħ wara d-disponiment ta' assi. |
2. Ir-rikavat ma għandux jiġi distribwit sal-punt li hu meħtieġ għall-impenji futuri tal-ELTIF.
3. ELTIF jista' jnaqqas il-kapital tiegħu fuq bażi pro rata f'każ ta' disponiment ta' assi ta' qabel tmiem ħajjet l-ELTIF, sakemm tali disponiment jitqies debitament li huwa fl-interessi tal-investituri mill-maniġer tal-ELTIF.
4. Ir-regoli jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-ELTIF għandhom jispeċifikaw l-politika ta' distribuzzjoni li l-ELTIF sejjer jadotta matul ħajtu.
KAPITOLU IV
IR-REKWIŻITI TA' TRASPARENZA
Artikolu 23
It-trasparenza
1. L-unitajiet jew l-ishma ta' ELTIF ma għandhomx jiġu kkummerċjalizzati fl-Unjoni mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta' prospett.
L-unitajiet jew l-ishma ta' ELTIF ma għandhomx jiġu kkummerċjalizzati lil investituri fil-livell tal-konsumatur fl-Unjoni qabel ma jiġi ppubblikat id-dokument bl-informazzjoni ewlenija skont ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014.
2. Il-prospett għandu jinkludi l-informazzjoni neċessarja kollha biex l-investituri jkunu jistgħu jagħmlu valutazzjoni infurmata rigward l-investiment propost lilhom u, b'mod partikolari, tar-riskji li jinvolvi.
3. Il-prospett għandu jinkludi mill-inqas dan li ġej:
(a) |
dikjarazzjoni li tagħti r-raġunijiet kif l-għanijiet u l-istrateġija ta' investiment ta' ELTIF sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet jikkwalifikaw lill-Fond bħala ta' terminu twil fin-natura tiegħu; |
(b) |
l-informazzjoni li għandha tiġi żvelata minn impriżi ta' investiment kollettiv tat-tip limitat skont id-Direttiva 2003/71/KE u r-Regolament (KE) Nru 809/2004; |
(c) |
l-informazzjoni li għandha tiġi żvelata lill-investituri skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2011/61/UE, jekk ma tkunx diġà koperta taħt il-punt (b) ta' dan il-paragrafu; |
(d) |
indikazzjoni prominenti tal-kategoriji tal-assi li fihom l-ELTIF huwa awtorizzat li jinvesti; |
(e) |
indikazzjoni prominenti tal-ġurisdizzjonijiet li fihom l-ELTIF huwa awtorizzat li jinvesti; |
(f) |
kwalunkwe informazzjoni oħra meqjusa mill-awtoritajiet kompetenti bħala relevanti għall-iskopijiet tal-paragrafu 2. |
4. Il-prospett u kwalunkwe dokument promozzjonali ieħor għandhom jinfurmaw b'mod prominenti lill-investituri dwar in-natura illikwida tal-ELTIF.
B'mod partikolari, il-prospett u kwalunkwe dokument promozzjonali ieħor b'mod ċar:
(a) |
jinforma lill-investituri dwar in-natura ta' terminu twil tal-investimenti tal-ELTIF; |
(b) |
jinforma lill-investituri dwar tmiem ħajjet l-ELTIF, kif ukoll l-għażla li jestendu l-ħajja tal-ELTIF, fejn din hija prevista, u l-kundizzjonijiet għal dan; |
(c) |
jiddikjara jekk hemmx il-ħsieb li l-ELTIF jiġi kkummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur; |
(d) |
jispjega d-drittijiet tal-investituri li jifdu l-investiment tagħhom skont l-Artikolu 18 u r-regoli jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni tal-ELTIF; |
(e) |
jiddikjara l-frekwenza u l-iskeda ta' distribuzzjoni tar-rikavat, jekk ikun hemm, lill-investituri matul ħajjet l-ELTIF; |
(f) |
jagħti parir lill-investituri li proporzjon żgħir biss tal-portafoll ta' investiment globali tagħhom għandu jiġi investit f'ELTIF; |
(g) |
jiddeskrivi l-politika ta' ħħeġġjar tal-ELTIF, inkluża indikazzjoni prominenti li l-istrumenti finanzjarji derivati jistgħu jintużaw biss għall-iskop ta' riskji ta' ħħeġġjar inerenti għal investimenti oħra tal-ELTIF, u indikazzjoni tal-impatt possibbli tal-użu tal-istrumenti finanzjarji derivati fuq il-profil tar-riskju tal-ELTIF; |
(h) |
jinforma lill-investituri dwar ir-riskji relatati mal-investiment fl-assi reali, inkluża l-infrastruttura; |
(i) |
jinforma lill-investituri regolarment, tal-anqas darba fis-sena, dwar il-ġurisdizzjonijiet li l-ELTIF investa fihom. |
5. Minbarra l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2011/61/UE, ir-rapport annwali ta' ELTIF għandu jkun fih li ġej:
(a) |
rendikont tal-flussi ta' flus; |
(b) |
informazzjoni dwar kull parteċipazzjoni fi strumenti li jinvolvu l-fondi baġitarji tal-Unjoni; |
(c) |
informazzjoni dwar il-valur tal-impriżi ta' portafoll li jikkwalifikaw individwali u l-valur ta' assi oħra li l-ELTIF investa fihom, inkluż il-valur tal-istrumenti finanzjarji derivati użati; |
(d) |
informazzjoni dwar il-ġurisdizzjonijiet li fihom jinsabu l-assi tal-ELTIF. |
6. Fuq it-talba ta' investitur fil-livell tal-konsumatur, il-maniġer tal-ELTIF għandu jipprovdi informazzjoni addizzjonali rigward il-limiti kwantitattivi li japplikaw għall-ġestjoni tar-riskji tal-ELTIF, il-metodi magħżula għal dak il-għan, u l-evoluzzjoni riċenti tar-riskji prinċipali u r-renditi ewlenin tal-kategoriji ta'assi.
Artikolu 24
Rekwiżiti addizzjonali tal-prospett
1. ELTIF għandu jibgħat il-prospett tiegħu u kull emenda li ssirlu, kif ukoll ir-rapport annwali tiegħu, lill-awtoritajiet kompetenti tal-ELTIF. Fuq talba, ELTIF għandu jipprovdi dik id-dokumentazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-maniġer tal-ELTIF. Din id-dokumentazzjoni għandha tiġi pprovduta mill-ELTIF fil-perjodu ta' żmien speċifikat minn dawn l-awtoritajiet kompetenti.
2. Ir-regoli jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni ta' ELTIF għandhom jiffurmaw parti integrali mill-prospett u jiġu annessi miegħu.
Id-dokumenti msemmija fl-ewwel subparagrafu m'għandhomx ikunu meħtieġa li jiġu annessi mal-prospett fejn l-investitur jiġi infurmat li, fuq talba, dawk id-dokumenti sejrin jintbagħtu lill-investitur jew l-investitur jiġi infurmat dwar il-post fejn, f'kull Stat Membru li fih l-unitajiet jew ishma jitqiegħdu fis-suq, huwa jista' jikkonsultahom.
3. Il-prospett jispeċifika il-mod li bih ir-rapport annwali jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-investituri. Huwa għandu jipprevedi li kopja stampata tar-rapport annwali għandha tintbagħat lill-investituri fil-livell tal-konsumatur fuq talba u mingħajr ħlas.
4. Il-prospett u l-aħħar rapporti annwali ppubblikat jingħataw lill-investituri fuq talba u mingħajr ħlas.
Il-prospett jista' jiġi pprovdut f'mezz durabbli jew permezz ta' sit web. Kopja stampata tingħata lill-investituri fil-livell tal-konsumatur fuq talba u mingħajr ħlas.
5. L-elementi essenzjali tal-prospett għandhom jinżammu aġġornati.
Artikolu 25
L-iżvelar tal-ispejjeż
1. Il-prospett għandu jinforma b'mod prominenti lill-investituri dwar il-livell tal-ispejjeż differenti direttament jew indirettament akkarigu tal-investituri. L-ispejjeż differenti għandhom jiġu miġbura skont l-intestaturi li ġejjin:
(a) |
l-ispejjeż tal-istabbiliment tal-ELTIF; |
(b) |
spejjeż relatati mal-akkwist tal-assi; |
(c) |
it-tariffi tal-immaniġġjar u relatati mal-prestazzjoni; |
(d) |
l-ispejjeż tad-distribuzzjoni; |
(e) |
spejjeż oħra, inklużi spejjeż ta' amministrazzjoni, regolatorji, ta' depożitu, ta' kustodja, ta' servizz professjonali u ta' awditjar. |
2. Il-prospett għandu jiżvela l-proporzjon globali tal-ispejjeż għall-kapital tal-ELTIF.
3. L-AETS tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika d-definizzjonijiet komuni, il-metodoloġiji ta' kalkolu u l-formati ta' preżentazzjoni tal-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u l-proporzjon globali msemmi fil-paragrafu 2.
L-AETS, meta tkun qed tiżviluppa dan l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji, tqis l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014.
L-AETS tissottometti dan l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sad-9 ta' Settembru 2015.
Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
KAPITOLU V
IL-KUMMERĊJALIZZAZZJONI TA' UNITAJIET JEW ISHMA TAL-ELTIFs
Artikolu 26
Faċilitajiet disponibbli għall-investituri
1. Il-maniġer ta' ELTIF li l-unitajiet jew l-ishma tiegħu jkunu maħsuba biex jiġu kummerċjalizzati lil investituri fil-livell tal-konsumatur, f'kull Stat Membru fejn għandu l-intenzjoni li jikkummerċjalizza tali unitajiet jew ishma, għandu jistabbilixxi faċilitajiet fejn isiru sottoskrizzjonijiet, pagamenti lill-azzjonisti tal-unitajiet jew ishma, xiri mill-ġdid jew rimbors tal-unitajiet jew l-ishma u fejn tiġi pprovduta l-informazzjoni li l-ELTIF u l-maniġer tal-ELTIF huma mitluba jipprovdu.
2. L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika t-tipi u l-karatteristiċi tal-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-infrastruttura teknika tagħhom u l-kontenut tal-kompiti tagħhom fir-rigward tal-investituri fil-livell tal-konsumatur.
L-AETS għandha tissottometti dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sad-9 ta' Settembru 2015.
Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
Artikolu 27
Proċess ta' valutazzjoni intern għall-ELTIFs kummerċjalizzati lil investituri fil-livell tal-konsumatur
1. Il-maniġer ta' ELTIF, li l-unitajiet jew l-ishma tiegħu huma maħsuba biex jiġu kummerċjalizzati lil investituri fil-livell tal-konsumatur, għandu jistabbilixxi u japplika proċess intern għall-valutazzjoni ta' dak l-ELTIF qabel ma jiġi kummerċjalizzat jew distribwit lil investituri fil-livell tal-konsumatur.
2. Bħala parti mill-proċess intern imsemmi fil-paragrafu 1, il-maniġer tal-ELTIF għandu jivvaluta jekk l-ELTIF huwiex adatt għall-kummerċjalizzazzjoni lil investituri fil-livell tal-konsumatur, filwaqt li jitqiesu tal-anqas:
(a) |
il-ħajja tal-ELTIF; u |
(b) |
l-istrateġija ta' investiment maħsuba tal-ELTIF; |
3. Il-maniġer tal-ELTIF għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni ta' kwalunkwe distributur l-informazzjoni adegwata kollha dwar ELTIF li huwa kummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur, inkluża l-informazzjoni kollha li tirrigwarda l-ħajja tiegħu u l-istrateġija ta' investiment, kif ukoll il-proċess ta' valutazzjoni intern u l-ġurisdizzjonijiet li fihom l-ELTIF jista' jinvesti.
Artikolu 28
Rekwiżiti speċifiċi li jikkonċernaw id-distribuzzjoni tal-ELTIFs lil investituri fil-livell tal-konsumatur
1. Meta joffri jew jikkolloka ELTIF direttament lil investitur fil-livell tal-konsumatur, il-maniġer tal-ELTIF għandu jikseb l-informazzjoni rigward dan li ġej:
(a) |
l-għarfien u l-esperjenza tal-investitur fil-livell tal-konsumatur fil-qasam ta' investiment rilevanti għall-ELTIF; |
(b) |
is-sitwazzjoni finanzjarja tal-investitur fil-livell tal-konsumatur, inkluża l-kapaċità ta' dak l-investitur li isostni telf; |
(c) |
u l-għanijiet ta' investiment tal-investitur fil-livell tal-konsumatur, inkluż l-orizzont temporali ta' dak l-investitur, |
Abbażi tal-informazzjoni miksuba taħt l-ewwel paragrafu, il-maniġer tal-ELTIF għandu jirrakkomanda l-ELTIF biss jekk dan ikun adatt għall-investitur fil-livell tal-konsumatur partikolari.
2. Meta l-ħajja ta' ELTIF li jkun offrut jew ikkollokat lil investituri fil-livell tal-konsumatur jeċċedi 10 snin, il-maniġer tal-ELTIF jew id-distributur għandu joħroġ twissija ċara bil-miktub li l-prodott tal-ELTIF jista' ma jkunx adatt għal investituri fil-livell tal-konsumatur li ma jistgħux isostnu tali impenn illikwidu u fuq terminu twil.
Artikolu 29
Dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw id-depożitarju ta' ELTIF kummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur
1. B'deroga mill-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2011/61/UE, id-depożitarju ta' ELTIF kummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur għandu jkun entità tat-tip msemmi fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2009/65/KE.
2. B'deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(13) u l-Artikolu 21(14) tad-Direttiva 2011/61/UE, id-depożitarju ta' ELTIF kummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur m' għandux ikun jista' jeżonera lilu nnifsu mir-responsabbiltà fl-eventwalità ta' telf ta' strumenti finanzjarji miżmuma f'kustodja minn parti terza.
3. Ir-responsabbiltà tad-depożitarju msemmija fl-Artikolu 21(12) tad-Direttiva 2011/61/UE ma tkunx eskluża jew limitata bi ftehim meta l-ELTIF jiġi kummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur.
4. Kwalunkwe ftehim li jikser il-paragrafu 3 għandu jkun null.
5. L-assi miżmuma f'kustodja mid-depożitarju ta' ELTIF ma għandhomx jerġgħu jintużaw mid-depożitarju, jew minn xi parti terza li lilha tkun ġiet iddelegata l-funzjoni ta' kustodja, għall-akkont proprju. L-użu mill-ġdid jinkludi kwalunkwe tranżazzjoni li tinvolvi assi miżmuma f'kustodja inklużi, iżda mhux limitat għal, trasferiment, ippleġġjar, bejgħ u self.
L-assi miżmuma f'kustodja mid-depożitarju ta' ELTIF jistgħu jerġgħu jintużaw biss sakemm:
(a) |
l-użu mill-ġdid tal-assi jkun eżegwit akkont tal-ELTIF; |
(b) |
id-depożitarju jkun qed iwettaq l-istruzzjonijiet tal-maniġer tal-ELTIF f'isem l-ELTIF; |
(c) |
l-użu mill-ġdid ikun għall-benefiċċju tal-ELTIF u fl-interessi tad-detenturi tal-unitajiet jew tal-azzjonisti; u |
(d) |
it-transazzjoni jkunu koperti minn kollateral ta' kwalità għolja u likwidu riċevut mill-ELTIF skont arranġament ta' trasferiment ta' titoli. |
F'kull ħin, il-valur tas-suq tal-kollateral msemmi fil-punt (d) tat-tieni subparagrafu għandu jammonta għal mill-inqas il-valur tas-suq tal-assi li ntużaw mill-ġdid flimkien ma' primjum.
Artikolu 30
Rekwiżiti addizzjonali għall-kummerċjalizzazzjoni ELTIF lil investituri fil-livell tal-konsumatur
1. L-unitajiet jew l-ishma ta' ELTIF jistgħu jiġu kkummerċjalizzati lil investituri fil-livell tal-konsumatur bil-kondizzjoni li l-investituri fil-livell tal-konsumatur jiġu pprovduti b;'parir xieraq dwar investiment mill-maniġer tal-ELTIF jew mid-distributur.
2. Maniġer ta' ELTIF jista' joffri jew jikkolloka direttament unitajiet jew ishma tal-ELTIF lill-investituri fil-livell tal-konsumatur biss jekk dak il-maniġer ikun awtorizzat jipprovdi s-servizzi msemmija fil-punti (a) u (b)(i) tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2011/61/UE u biss wara li dak il-maniġer ikun wettaq it-test ta' idoneità msemmi fl-Artikolu 28(1) ta' dan ir-Regolament.
3. Meta l-portafoll tal-istrumenti finanzjarji ta' investitur potenzjali fil-livell tal-konsumatur ma jeċċedix EUR 500 000, il-maniġer tal-ELTIF jew kwalunkwe distributur, wara li jkun wettaq it-test ta' idoneità msemmi fl-Artikolu 28(1) u jkun ipprovda pariri ta' investiment xierqa, għandu jiżgura, abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-investitur potenzjali fil-livell tal-konsumatur, li l-investitur potenzjali fil-livell tal-konsumatur ma jinvestix ammont aggregat li jeċċedi 10 % tal-portafoll tal-istrumenti finanzjarji ta' dak l-investitur f'ELTIFs u li l-ammont minimu inizjali investit f'ELTIF wieħed jew aktar ikun EUR 10 000.
L-investitur potenzjali fil-livell tal-konsumatur għandu jkun responsabbli li jipprovdi lill-maniġer tal-ELTIF jew lid-distributur b'informazzjoni eżatta dwar il-portafoll tal-istrumenti finanzjarji tal-investitur potenzjali fil-livell tal-konsumatur u l-investimenti f'ELTIFs kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu.
Għall-fini ta' dan il-paragrafu, portafoll ta' strumenti finanzjarji għandu jinftiehem li jkun jinkludi depożiti ta' flus u strumenti finanzjarji, iżda għandu jeskludi kwalunkwe strument finanzjarju li ngħata bħala kollateral.
4. Ir-regoli jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni ta' ELTIF kummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur għandhom jipprevedu li l-investituri kollha jibbenefikaw minn trattament ugwali u ma jingħata l-ebda trattament preferenzjali jew benefiċċju ekonomiku speċifiku lil investituri individwali jew lil gruppi ta' investituri.
5. Il-forma ġuridika ta' ELTIF kummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur m'għandiex twassal għal xi responsabbiltà ulterjuri għall-investitur fil-livell tal-konsumatur jew tirrikjedi xi impenji addizzjonali f'isem tali investitur, minbarra l-impenn kapitali oriġinali.
6. Investituri fil-livell tal-konsumatur għandhom ikunu jistgħu, matul il-perjodu tas-sottoskrizzjoni u mill-inqas ġimagħtejn wara d-data tas-sottoskrizzjoni għal unitajiet jew ishma tal-ELTIF, jikkanċellaw is-sottoskrizzjoni tagħhom u jieħdu l-flus lura mingħajr penali.
7. Il-maniġer ta' ELTIF kummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur għandu jistabbilixxi proċeduri u arranġamenti xierqa biex jittratta l-ilmenti tal-investituri fil-livell tal-konsumatur, li jippermettu lill-investituri fil-livell tal-konsumatur biex jippreżentaw ilmenti fil-lingwa uffiċjali jew f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru tagħhom.
Artikolu 31
Il-kummerċjalizzazzjoni ta' unitajiet jew ishma tal-ELTIFs
1. Il-maniġer ta' ELTIF għandu jkun jista' jikkummerċjalizza l-unitajiet jew l-ishma ta' dak l-ELTIF lil investituri professjonali, u dawk fil-livell tal-konsumatur fl-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu man-notifika skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2011/61/UE.
2. Il-maniġer ta' ELTIF għandu jkun jista' jikkummerċjalizza l-unitajiet jew l-ishma ta' dak l-ELTIF lil investituri professjonali u fil-livell tal-konsumatur fl-Istati Membri ħlief fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-maniġer tal-ELTIF, fuq notifika skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2011/61/UE.
3. Il-maniġer ta' ELTIF għandu, fir-rigward ta' kull ELTIF li jimmaniġġja, jispeċifika lill-awtoritajiet kompetenti jekk għandux l-intenzjoni jew le li jikkummerċjalizza l-ELTIF lil investituri fil-livell tal-konsumatur.
4. Minbarra d-dokumentazzjoni u l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikoli 31 u 32 tad-Direttiva 2011/61/UE, il-maniġer tal-ELTIF għandu jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti dan li ġej:
(a) |
il-prospett tal-ELTIF; |
(b) |
id-dokument bl-informazzjoni ewlenija tal-ELTIF fl-eventwalità li jiġi kkummerċjalizzat lil investituri fil-livell tal-konsumatur; u |
(c) |
l-informazzjoni dwar il-faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 26. |
5. Il-kompetenzi u s-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikoli 31 u 32 tad-Direttiva 2011/61/UE għandhom jinftiehmu li qed jirreferu wkoll għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ELTIFs lil investituri fil-livell tal-konsumatur u li jkopru r-rekwiżiti addizzjonali stipulati f'dan ir-Regolament.
6. Minbarra s-setgħat tagħha stipulati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2011/61/UE, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-maniġer tal-ELTIF timpedixxi wkoll il-kummerċjalizzazzjoni ta' ELTIF jekk il-maniġer tal-ELTIF ma jikkonformax jew mhux se jkun konformi ma' dan ir-Regolament.
7. Minbarra s-setgħat tagħha stipulati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 32(3) tad-Direttiva 2011/61/UE, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-maniġer tal-ELTIF għandha tirrifjuta wkoll it-trażmissjoni ta' fajl komplut ta' notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn l-ELTIF huwa intiż li jiġi kkummerċjalizzat jekk il-maniġer tal-ELTIF ma jikkonformax ma' dan ir-Regolament.
KAPITOLU VI
IS-SUPERVIŻJONI
Artikolu 32
Is-superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti
1. L-awtoritajiet kompetenti jagħmlu superviżjoni għall-konformità ma' dan ir-Regolament fuq bażi kontinwa.
2. L-awtorità kompetenti tal-ELTIF tkun responsabbli għas-superviżjoni tal-konformità skont ir-regoli stabbiliti fil-Kapitoli II, III u IV.
3. L-awtorità kompetenti tal-ELTIF tkun responsabbli għas-superviżjoni tal-konformità mal-obbligi stipulati fir-regoli jew fl-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-ELTIF, u l-obbligi stipulati fil-prospett, li jkunu konformi ma' dan ir-Regolament.
4. L-awtorità kompetenti tal-maniġer tal-ELTIF hija responsabbli mis-sorveljanza tal-adegwatezza tal-arranġamenti u l-organizzazzjoni tal-maniġer sabiex il-maniġer tal-ELTIF ikun f'pożizzjoni li jikkonforma mal-obbligi u r-regoli li għandhom x'jaqsmu mal-kostituzzjoni u l-funzjonament tal-ELTIFs kollha li timmaniġġja.
L-awtorità kompetenti tal-maniġer tal-ELTIF hija responsabbli mis-sorveljanza tal-konformità tal-maniġer tal-ELTIF ma' dan ir-Regolament.
5. L-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw l-impriżi ta' investiment kollettiv stabbiliti jew ikkummerċjalizzati fit-territorji tagħhom biex jivverifikaw li dawn ma jużawx id-deżinjazzjoni “ELTIF” jew jissuġġerixxu li huma ELTIF sakemm dawn ma jkunux awtorizzati taħt, u jikkonformaw ma', dan ir-Regolament.
Artikolu 33
Setgħat tal-awtoritajiet kompetenti
1. L-awtoritajiet kompetenti jingħataw is-setgħat superviżorji u investigattivi kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom skont dan ir-Regolament.
2. Is-setgħat ikkonferiti lill-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva 2011/61/UE, fosthom dawk relatati mal-penali, għandhom wkoll jiġu eżerċitati fir-rigward ta' dan ir-Regolament.
3. L-awtorità kompetenti tal-ELTIF għandha tipprojbixxi l-użu tad-deżinjazzjoni “ELTIF” jew “Fond ta' investiment Ewropew fuq terminu twil” fil-każ li l-maniġer tal-ELTIF ma jibqax jikkonforma ma' dan ir-Regolament.
Artikolu 34
Setgħat u kompetenzi tal-AETS
1. L-AETS għandha jkollha s-setgħat meħtieġa biex twettaq il-kompiti attribwiti lilha f'dan ir-Regolament.
2. Is-setgħat tal-AETS skont id-Direttiva 2011/61/UE għandhom wkoll jiġu eżerċitati fir-rigward ta' dan ir-Regolament u b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.
3. Għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, dan ir-Regolament għandu jiġi interpretat bħala att ieħor tal-Unjoni legalment vinkolanti li jikkonferixxi kompiti fuq l-AETS kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
Artikolu 35
Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti
1. L-awtorità kompetenti tal-ELTIF u l-awtorità kompetenti tal-maniġer tal-ELTIF, jekk differenti, għandhom jikkooperaw ma' xulxin u jiskambjaw informazzjoni bl-iskop li jwettqu dmirijiethom skont dan ir-Regolament.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw ma' xulxin b'konformità mad-Direttiva 2011/61/UE.
3. L-awtoritajiet kompetenti u l-AETS għandhom jikkooperaw ma' xulxin bl-iskop li jwettqu d-dmirijiet rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
4. L-awtoritajiet kompetenti u l-AETS għandhom jiskambjaw l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex iwettqu d-dmirijiet rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, b'mod partikolari biex jidentifikaw u jirrimedjaw kull ksur ta' dan ir-Regolament.
KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 36
L-iproċessar tal-applikazzjoni mill-Kummissjoni
Il-Kummissjoni għandha tipprijoritizza u tirrazzjonalizza l-proċessi tagħha għall-applikazzjonijiet kollha mill-ELTIFs għal finanzjament mill-BEI. Il-Kummissjoni għandha tirrazzjonalizza l-għoti ta' kwalunkwe opinjoni jew kontribuzzjoni fir-rigward ta' applikazzjonijiet magħmula mill-ELTIFs għall-finanzjament mill-BEI.
Artikolu 37
Rieżami
1. Mhux iktar tard mid-9 ta' Ġunju 2019, il-Kummissjoni għandha tibda rieżami tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Ir-rieżami għandu janalizza, b'mod partikolari:
(a) |
l-impatt tal-Artikolu 18; |
(b) |
l-impatt fuq id-diversifikazzjoni tal-assi fl-applikazzjoni tal-limitu minimu ta' 70 % tal-assi tal-investimenti eliġibbli stipulat fl-Artikolu 13(1); |
(c) |
il-punt safejn l-ELTIFs huma kkummerċjalizzati fl-Unjoni, inkluż jekk l-AIFMs li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/UE jistgħux ikunu interessati li jikkummerċjalizzaw l-ELTIFs; |
(d) |
il-punt safejn għandha tiġi aġġornata l-lista ta' assi u investimenti eliġibbli, kif ukoll ir-regoli ta' diversifikazzjoni, il-kompożizzjoni tal-portafoll u l-limiti dwar is-self ta' flus. |
2. Wara r-rieżami msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, u wara li jikkonsulta l-AETS, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jivvaluta l-kontribut ta' dan ir-Regolament u tal-ELTIFs għat-tlestija tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u għall-ilħuq tal-għanijiet stipulati fl-Artikolu 1(2). Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta leġislattiva.
Artikolu 38
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa japplika mid-9 ta' Diċembru 2015.
Dan ir-Regolament ikun jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, id-29 ta' April 2015.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
Z. KALNIŅA-LUKAŠEVICA
(2) ĠU C 126, 26.4.2014, p. 8.
(3) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2015 (għadha ma ġietx ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' April 2015.
(4) Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).
(5) Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar fondi Ewropej ta' kapital tar-riskju (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 1).
(6) Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar il-fondi ta' intraprenditorija soċjali Ewropej (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 18).
(7) Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).
(8) Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).
(9) Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64).
(10) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004 tad-29 ta' April 2004 li jimplimenta d-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni inkluża fil-prospetti u kif ukoll il-format, l-inkorporazzjoni b'referenza u l-pubblikazzjoni ta' prospetti bħal dawn u d-disseminazzjoni tar-reklami (ĠU L 149, 30.4.2004, p. 1).
(11) Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) (ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1).
(12) Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
(13) Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).
(14) Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(15) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).
(16) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
(17) Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(18) Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II), ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).
(19) Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta' inadempjenza tal-kreditu (ĠU L 86, 24.3.2012, p. 1).
(20) Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).