Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Programm ta’ azzjoni ambjentali tal-UE għall-2030

 

SOMMARJU TA’:

Id-Deċiżjoni (UE) 2022/591 dwar programm ta’ azzjoni ġenerali ambjentali tal-UE għall-2030

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

Id-deċiżjoni tistabbilixxi programm ta’ azzjoni ambjentali (it-tmien wieħed) għall-perjodu sal-2030, li jiddefinixxi l-oġġettivi prijoritarji u l-kundizzjonijiet meħtieġa biex dawn jinkisbu.

PUNTI EWLENIN

L-oġġettiv prijoritarju għat-tul huwa li sal-iktar tard sal-2050, l-Ewropej għandhom jgħixu tajjeb, fi ħdan il-konfini planetarji, f’ekonomija b’saħħitha fejn xejn ma jinħela, it-tkabbir huwa riġenerattiv, in-newtralità klimatika hija realtà u l-inugwaljanzi jitnaqqsu b’mod sinifikanti.

Filwaqt li jibni fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-programm ta’ azzjoni ambjentali għandu l-għan li jħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u effiċjenti fir-riżorsi, filwaqt li jirrikonoxxi li l-benesseri u l-prosperità tal-bniedem jiddependu fuq ekosistema b’saħħitha.

Sitt oġġettivi ta’ prijorità

Li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet prijoritarji

Sabiex jinkisbu l-objettivi prijoritarji, il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE), l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-partijiet interessati ser:

  • jassiguraw li l-leġiżlazzjoni u l-istrateġiji tal-UE dwar l-ambjent u l-klima jiġu implimentati b’mod effettiv, malajr u bis-sħiħ, billi jagħtu prijorità għall-infurzar u jsaħħu l-gwida u r-rakkomandazzjonijiet;
  • jassiguraw li inugwaljanzi soċjali li jirriżultaw mill-impatti u l-politiki tal-klima u tal-ambjent jiġu mnaqqsa u li l-miżuri biex jipproteġu l-ambjent ikunu ġusti u inklużivi;
  • jinkorporaw perspettiva dwar il-ġeneru fl-istadji kollha tal-proċess tat-tfassil tal-politika;
  • isaħħu l-inċentivi pożittivi għall-ambjent u jitneħħew bil-mod sussidji li jagħmlu l-ħsara, b’mod partikolari għall-fjuwil fossili;
  • jintegraw l-azzjoni favur il-bijodiversità, biex din tikkontribwixxi għall-mira li jiġi allokat 7.5 % tal-infiq annwali fl-2024 taħt il-qafas finanzjarju pluriennali tal-2021–2027 għall-objettivi dwar il-bijodiversità, u 10 % għal kull sena fl-2026 u l-2027;
  • jippromwovu l-ġestjoni soda tal-kimiċi u jiġu identifikati alternattivi malajr għas-sustanzi kkonċernati;
  • jindirizzaw id-degradazzjoni tal-art u jassiguraw li l-ħamrija tiġi protetta u użata b’mod sostenibbli, inkluż permezz ta’ leġiżlazzjoni dwar is-saħħa tal-ħamrija sal-2023;
  • jibdlu s-sistema tal-ikel tal-UE, sabiex jikkontribwixxu biex jipproteġu l-bijodiversità u l-benesseri tal-annimali, filwaqt li jassiguraw tranżizzjoni ġusta għall-partijiet interessati affetwati;
  • jirrikonoxxu l-interkonnessjonijiet bejn is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent billi jintegraw l-approċċ “Saħħa Waħda” fit-tfassil tal-politika;
  • jużaw għodod u metodoloġiji eżistenti u jtejbu l-metodi ta’ monitoraġġ, l-għodda ta’ evalwazzjoni u l-indikaturi li jistgħu jitkejlu għal soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura;
  • jimmobilizzaw riżorsi minn sorsi pubbliċi u privati, inkluż il-baġit tal-UE, permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment, u fuq livell nazzjonali;
  • jagħmlu użu mit-tassazzjoni ambjentali, strumenti bbażati fuq is-suq, u bbaġittjar għall-ambjent, kif ukoll għodod ta’ finanzjament;
  • jassiguraw li l-politiki u l-azzjoni huma bbażati fuq l-aħjar għarfien u teknoloġi xjentifiċi disponibbli, filwaqt li jsaħħu l-bażi tal-għarfien;
  • jużaw teknoloġiji diġitali u tad-data (inkluż data f’ħin reali) sabiex jappoġġjaw it-tfassil tal-politika filwaqt li jassiguraw trasparenza, awtentiċità u interoperabilità, biex id-data u l-evidenza tkun faċilment aċċessibbli;
  • jimmobilizzaw għajnuna vasta mis-soċjetà ċivili billi jaħdmu ma’ negozji, b’mod partikolari intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, imsieħba soċjali, ċittadini, komunitajiet u partijiet interessati oħra, u billi jippromwovu d-dibattitu, l-edukazzjoni ambjentali tul il-ħajja kollha u azzjoni mmexxija mill-komunità;
  • isaħħu l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE fuq il-politika dwar il-klima u l-ambjent;
  • japplikaw standards għoljin ta’ trasparenza, parteċipazzjoni pubblika u aċċess għall-ġustizzja fuq livell tal-UE u tal-Istati Membri, skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus;
  • jappoġġjaw it-teħid globali tal-oġġettivi prijoritarji, jiġifieri billi jikkomunikaw ma’ pajjiżi mhux tal-UE fi sħubijiet u alleanzi bħall-G7 u l-G20.

Monitoraġġ u rapporti

  • Il-Kummissjoni, megħjuna mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi,, timmonitorja, tevalwa u tirrapporta annwalment dwar il-progress fuq l-oġġettivi prijoritarji, b’evalwazzjoni f’nofs it-terminu sal-31 ta’ Marzu 2024 u b’reviżjoni sħiħa sal-31 ta’ Marzu 2024, segwita, fejn meħtieġ, minn proposta għall-programm ta’ azzjoni ambjentali li jmiss sal-31 ta’ Diċembru 2029.
  • Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni jiskambjaw opinjonijiet annwalment, ibbażati fuq ir-rapporti, l-azzjoni li ttieħdet u azzjoni li tista’ tittieħed fil-futur.

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Ilha tapplika mit-2 ta’ Mejju 2022.

SFOND

Għal iktar informazzjoni ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Deċiżjoni (UE) 2022/591 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030 (ĠU L 114, 12.4.2022, pp. 22–36).

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 — Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna (COM(2020) 380 final, 20.5.2020).

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019) 640 final, 11.12.2019).

Ir-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (verżjoni kodifikata) (ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13–22).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 401/2009 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, pp. 1–849). Test ippubblikat mill-ġdid fir-rettifika (ĠU L 136, 29.5.2007, pp. 3–280)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 29.04.2022

Top