EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-Unjoni Ewropea

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2021/241 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Ir-regolament jistabbilixxi Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) għall-Unjoni Ewropea (UE) u jistabbilixxi l-għanijiet tal-faċilità u l-kriterji biex wieħed jirċievi finanzjament.

Wara l-invażjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna f’Mejju 2022, il-Kummissjoni Ewropea kixfet il-pjan REPowerEU tagħha biex tagħmel lill-UE indipendenti mill-fjuwils fossili Russi. Regolament li jemenda (UE) 2023/435 jħalli lill-Istati Membri tal-UE jintroduċu kapitoli REPowerEU fil-pjanijiet tagħhom ta’ rkupru u reżiljenza sabiex jaċċelleraw it-tranżizzjoni għal enerġija nadifa tal-UE.

Regolament ieħor li jemenda Regolament (UE) 2024/795 li jistabbilixxi l-inizjattiva Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP), jippermetti li l-Istati Membri jintroduċu miżuri li jappoġġjaw operazzjonijiet ta’ investiment li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP fil-pjanijiet ta’ rkupru u reżiljenza tagħhom.

PUNTI EWLENIN

L-RRF għandha l-għan li tippromwovi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE billi:

Finanzjament tal-RRF hu disponibbli għal miżuri li ma “jikkawżawx dannu sinifikanti”, jiġifieri li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, u li ma jinvolvux nefqa rikorrenti, fis-sitt oqsma ta’ politika li ġejjin:

  • it-transizzjoni ekoloġika;
  • it-trasformazzjoni diġitali;
  • tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;
  • koeżjoni soċjali u territorjali;
  • saħħa,, reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali;
  • politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss, bħall-edukazzjoni u l-ħiliet.

Xi eċċezzjonijiet temporanji jistgħu jingħataw fir-rigward ta’ kapitoli REPowerEU għal miżuri li jindirizzaw tħassib immedjat dwar is-sigurtà tal-enerġija tal-UE, li jimminizzaw ħsara ambjentali potenzjali u li ma jipperikolawx l-objettivi dwar il-klima tal-UE.

Il-baġit tal-RRF ta’ €648 biljun (fi prezzijiet ta’ 2022):

  • jikkonsisti f’għotjiet ta’ €357 biljun;
  • jikkonsisti f’self ta’ €291 biljun;
  • ma jissostitwix in-nefqa baġitarja nazzjonali rikorrenti, għajr f’każijiet ġustifikati;
  • jissupplimenta appoġġ finanzjarju taħt programmi oħra tal-UE;
  • jirrispetta l-prinċipju tal-addizzjonalità* tal-finanzjament tal-UE.

Bl-emenda tar-regolament RRF biex jinkludi REPowerEU, għotjiet addizzjonali taħt is-sistema ta’ bejgħ u xiri ta’ emissjonijiet (ETS) u r-Riżerva ta’ Aġġustament ta’ Brexit (BAR) saru disponibbli għall-Istati Membri. B’hekk, it-€357 biljun f’għotjiet issa hu maqsum fi €338 biljun f’għotjiet orġinali RRF, €17.3 biljun f’għotjiet ETS u €1.6 biljun f’għotjiet BAR. Barra minn dan, l-Istati Membri jistgħu jitolbu self ta’ appoġġ sa Awwissu 2023. Mill-pakkett totali disponibbli ta’ €385 biljun, qrib €291 biljun kien marbut sat-tmiem tal-2023. Dawn iż-żewġ bidliet (iktar għotjiet disponibbli permezz ta’ ETS u BAR u inqas self mitlub mill-pakkett totali disponibbli) irriżultaw f’pakkett totali RRF ta’ €648 sat-tmiem tal-2023. L-ammont imsemmi qabel ta’ €723 biljun irrappreżenta l-ammont massimu ta’ għotjiet RRF (€338 biljun) u self RRF (€385 biljun) konformi mar-regolament RRF.

Regolament (UE) 2024/795 li jemenda, jistabbilixxi l-inizjattiva STEP, li tipprova ssaħħaħ is-sovranità u sigurtà tal-UE, taċċellera t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tagħha, ittejjeb il-kompetittività u tnaqqas id-dipendenzi strateġiċi tal-UE fi tliet oqsma strateġiċi industrijali: innovazzjoni diġitali u teknoloġija profonda, teknoloġiji nodfa u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, u bijoteknoloġiji. Ir-regolament li jemenda jħalli riżorsi minn programmi eżistenti tal-UE, bħal RRF, biex ikunu jistgħu jiċċaqilqu mingħajr il-bżonn li jinħalqu fondi ġodda. Ir-regoli l-ġodda jħallu lill-Istati Membri jinkludu l-pjan ta’ rkupru u reżiljenza, bħal spejjeż stmati, l-ammont ta’ kontribuzzjoni fi flus għall-iskop tal-kompartiment tal-Istat Membru. Dan hu esklużivament il-każ ta’ miżuri li jappoġġjaw operazzjonijiet ta’ investiment li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jallokaw daqs 10% mill-allokazzjoni nazzjonali tagħhom għal strumenti rilevanti ta’ STEP taħt InvestEU (ara s-sommarju).

Biex jibbenefikaw minn appoġġ taħt il-faċilità, l-Istati Membri ppreparaw u ssottomettew il-pjanijiet nazzjonali ta’ rkupru u reżiljenza, fejn taw dettalji dwar ir-riformi u investimenti li huma ser jimplimentaw mill-bidu tal-pandemija fi Frar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2026, bi stadji importanti u b’miri ċari. L-Istati Membri jistgħu jirċievu sal-ammont massimu mifthiem minn qabel. Il-pjanijiet kellhom jallokaw tal-inqas 37 % mill-baġit tagħhom għal miżuri ekoloġiċi, u 20 % għal miżuri diġitali. Il-pjanijiet kellhom ukoll ikunu konsistenti ma’:

l-Istati Membri jistgħu wkoll jirrevedu l-pjanijiet tagħhom abbażi r-raġunijiet legali disponibbli stipulati fir-regolament RRF, inkluża l-kapaċità tagħhom li juru li minħabba ċirkostanzi objettivi l-implimentazzjoni ta’ ċerti stadji importanti u miri tirriżulta mhux fattibbli.

L-RRF hi abbażi ta’ prestazzjoni. Dan ifisser li l-Kummissjoni tħallas biss l-ammonti lil kull Stat Membru meta jkun lesta l-istadji importanti u miri mifthiema biex jispiċċa r-riformi u investimenti inklużi fil-pjanijiet tagħhom. Meta jkunu wettqu dawn l-istadji importanti u miri, l-gvernijiet jitolbu ħlas abbażi ta’ dawn (sa darbtejn fis-sena).

Il-Kummissjoni:

  • tevalwa l-pjanijiet tal-Istati Membri skont ir-rilevanza, l-effettività, l-effikaċja u l-koerenza tagħhom;
  • jekk hi tipproponi li l-Kunsill japprova pjan nazzjonali, hi tistabbilixxi l-objettivi intermedji u l-miri li Stat Membru jrid jissodisfa fir-riformi u proġetti ta’ investiment tiegħu u l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-RRF;
  • tista’ tirrifjuta jew taċċetta emendi għall-pjanijiet;
  • tittrażmetti l-pjanijiet nazzjonali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mingħajr dewmien;
  • timmonitorja l-implimentazzjoni tal-faċilità u tkejjel il-kisbiet li saru;
  • tivvaluta t-talbiet għal ħlas minn Stati Membri biex tivverifika li l-istadji importanti u miri jkunu ġew miksuba, u jekk ikun hekk, tħallas il-fondi korrispondenti lill-Istati Membri jew inkella tiddeċiedi li (parzjalment) tissospendi l-ħlas sakemm l-Istat Membru jissodiska korrettament l-istadji importanti u miri rilevanti.
  • tistabbilixxi tabella ta’ valutazzjoni tal-irkupru u r-reżiljenza;
  • tissottometti rapporti annwali lill-Parlament u lill-Kunsill.

L-Istati Membri:

  • għandhom jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu kull frodi, korruzzjoni jew kunflitt ta’ interess meta jużaw fondi tal-UE;
  • jirrappurtaw darbtejn fis-sena dwar il-progress tal-pjanijiet tagħhom fil-kuntest tas-semestru Ewropew.

Il-kumitat tal-Parlament rilevanti jista’ jistieden il-Kummissjoni kull xahrejn biex jiddiskuti progress taħt il-faċilità.

Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapporti li ġejjin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill:

Tabella ta’ valutazzjoni tal-irkupru u r-reżiljenza

F’Diċembru 2021, il-Kummissjoni nediet it-tabella ta’ valutazzjoni tal-irkupru u r-reżiljenza, pjattaforma pubblika online li hija mfassla biex turi l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-RRF kollha kemm hi, u tal-pjanijiet nazzjonali individwali għall-irkupru u r-reżiljenza.

Atti delegati

Regolament Delegat (UE) 2021/2105 jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/241 billi jidefinixxi metodoloġija għar-rapportar tan-nefqa soċjali. Din il-metodoloġija, li tinkludi nefqa soċjali fuq tfal u żgħażagħ, u fuq ugwaljanza bejn il-ġeneri taħt il-faċilità, hi bbażata fuq in-nefqa soċjali stmata pprovduta fil-pjanijiet ta’ irkupru u reżiljenza approvati.

Regolament delegat (UE) 2021/2106 jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/241 billi jissettja l-indikaturi komuni u l-elementi dettaljati tat-tabella ta’ valutazzjoni ta’ rkupru u reżiljenza.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

  • Ir-Regolament (UE) 2021/241 ilu japplika mid-19 ta’ Frar 2021.
  • Ir-Regolament (UE) 2023/435 ilu japplika mill-1 ta’ Marzu 2023.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2024/795 ilu japplika mil-1 ta’ Marzu 2024.

SFOND

  • L-RRF hu ċ-ċentru tal-pakkett ta’ stimulu tal-Istrument Ewropew għall-Irkupru tal-UE. Dan jippermetti li l-Kummissjoni tiġbor fondi biex tgħin issewwi l-ħsara mmedjata ekonomika u soċjali li ġabet il-pandemija ta’ COVID-19.
  • Dan huwa allinjat mill-qrib mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni biex tiżgura rkupru sostenibbli u inklużiv li jippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Il-prinċipju tal-addizzjonalità. Wieħed mill-prinċipji sottostanti tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-UE: Dan il-prinċipju jgħid li kontribuzzjonijiet għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-UE ma jistgħux jissostitwixxu nefqa pubblika jew strutturali ekwivalenti minn Stat Membru fir-reġjuni kkonċernati.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parliament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, pp. 17–75).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2021/241 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (ĠU L 107, 26.3.2021, pp. 30–89).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2105 tat-28 ta’ Settembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza bid-definizzjoni ta’ metodoloġija għar-rapportar dwar in-nefqa soċjali (ĠU L 429, 1.12.2021, pp. 79–82).

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433I, 22.12.2020, pp. 23–27).

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU L 433I, 22.12.2020, pp. 1–10).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019) 640 final, 11.12.2019).

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru. 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, pp. 1–222).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, pp. 1–77).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fi ħdan il-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, pp. 32–46).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 30.04.2024

Top