Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Bonds koperti u s-superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva (UE) 2019/2162 dwar il-ħruġ ta’ bonds koperti u s-superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti

Regolament (UE) 2019/2160 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ skoperturi fil-forma ta’ bonds koperti

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA U TAR-REGOLAMENT?

  • Id-Direttiva (UE) 2019/2162 għandha l-għan li tipproteġi l-investituri billi tistabbilixxi regoli armonizzati minimi madwar l-UE kollha, speċjalment dwar definizzjonijiet u standards, għal bonds koperti* maħruġa minn istituzzjonijiet ta’ kreditu*. Dawn ir-regoli japplikaw għall-mod kif il-bonds jinħarġu, huma strutturati, sorveljati u pubbliċizzati.
  • Ir-Regolament (UE) 2019/2160 jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 (magħruf bħala r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital — CRR — ara is-sommarju) biex isaħħaħ il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ trattament prudenzjali preferenzjali lil bonds koperti skont is-CRR.

PUNTI EWLENIN

Direttiva (UE) 2019/2162

Kamp ta’ applikazzjoni

Id-Direttiva tkopri dan li ġej:

  • 1.

    Karatteristiċi strutturali

    • L-investituri għandhom drittijiet preferenzjali u huma intitolati għal protezzjoni doppja (magħrufa bħala “rikors doppju”) permezz ta’ pretensjoni kemm kontra l-istituzzjoni li toħroġ il-bonds, kif ukoll l-assi koperti fil-każ ta’ insolvenza jew riżoluzzjoni ta’ din l-istituzzjoni.
    • Bonds koperti huma ggarantiti f’kull waqt minn assi ta’ kopertura ta’ kwalità għolja — tipikament ipoteki jew titoli ta’ dejn tal-gvern — jew oġġetti oħra speċifikati fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva (UE) 2019/2162.
    • Assi kollaterali għandhom jissodisfaw ċerti rekwiżiti:
      • standards ta’ valutazzjoni aċċettati ġeneralment għal assi fiżiċi, li għandhom jiġu sorveljati u assigurati b’mod adegwat;
      • superviżjoni pubblika kontinwa tas-solidità operazzjonali u s-solvenza finanzjarja tal-kontroparti fejn l-assi huma fil-forma ta’ skoperturi;
      • regoli ta’ diversifikazzjoni tar-riskju għal assi li mhumiex eliġibbli skont l-Artikolu 129(1) tas-CRR;
      • japplikaw regoli speċifiċi għall-aggreggazzjoni intragrupp u l-aggreggazzjoni ta’ kopertura.
    • L-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jipprovdu informazzjoni dettaljata biżżejjed dwar il-programmi ta’ bonds koperti tagħhom sabiex tippermetti lill-investituri jivvalutaw il-profil u r-riskji ta’ dawn il-programmi u jwettqu d-diliġenza dovuta tagħhom. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli fuq is-sit web tal-istituzzjoni, fornuta mill-inqas fuq bażi trimestrali u, bħala minimu, għandha tinkludi dan li ġej:
      • il-valur tal-aggregazzjoni ta’ kopertura u l-bonds koperti pendenti;
      • lista tan-Numri Internazzjonali ta’ Identifikazzjoni ta’ Titoli għall-ħruġ ta’ bonds koperti kollha skont il-programm relevanti;
      • id-distribuzzjoni ġeografika u t-tip ta’ assi ta’ kopertura, id-daqs tas-self tagħhom u l-metodu ta’ evalwazzjoni;
      • dettalji tar-riskju tas-suq, taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax u r-riskju fil-munita, u riskji ta’ kreditu u likwidità;
      • l-istruttura tal-maturità tal-assi ta’ kopertura u ta’ bonds koperti;
      • il-livelli ta’ kopertura meħtieġa u disponibbli, u l-livelli tas-sovrakollateralizzazzjoni statutorja, kuntrattwali u volontarja (il-livell ta’ kollateral li jaqbeż il-kopertura meħtieġa);
      • il-perċentwal ta’ self fejn inadempjenza titqies li tkun seħħet u fejn is-self ikun ilu aktar minn 90 jum.
    • Programmi ta’ bonds koperti jirrappreżentaw il-karatteristiċi strutturali ta’ ħruġ ta’ bonds koperti li huma ddeterminati minn regoli statutorji u minn termini u kundizzjonijiet kuntrattwali;
    • Aggreggazzjoni ta’ kopertura għandhom dejjem jinkludu riżerva ta’ assi likwidi (disponibbli jew faċilment konvertibbli fi flus kontanti) biex ikopru l-fluss ta’ ħruġ ta’ likwidità netta massimu kumulattiv matul il-180 jum li jmiss;
    • Bonds koperti bi strutturi ta’ maturità estendibbli (titolu ta’ dejn fit-tul li d-data ta’ tmiem miftiehma tiegħu tista’ tiġi estiża) jistgħu jiġu permessi mill-pajjiżi tal-UE soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet u għandhom jiġu nnotifikati lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA).
  • 2.

    Superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti

    • Il-gvernijiet tal-UE jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar biex jissorveljaw il-ħruġ ta’ bonds koperti sabiex jivvalutaw il-konformità mar-rekwiżiti legali.
    • Programmi ta’ bonds koperti huma soġġetti għal permess li għandu jinkiseb qabel ma jinħarġu bonds koperti skont il-programm rilevanti. Biex jirċievu dan, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandu jkollhom:
      • programm operazzjonali adegwat għall-ħruġ ta’ bonds koperti;
      • politiki, proċessi u metodoloġiji adegwati għall-approvazzjoni, l-emendar, it-tiġdid u l-iffinanzjar mill-ġdid ta’ self inkluż fl-aggreggazzjoni tal-kopertura;
      • maniġment u persunal iddedikat u kkwalifikat kif xieraq.
    • Fil-każ ta’ insolvenza jew ristrutturar ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw mal-awtorità ta’ riżoluzzjoni li tkun qed tittratta l-każ biex jiġu żgurat li d-drittijiet u l-interessi tal-investituri ta’ bonds koperti huma ppreservati. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jipprovdu għall-ħatra ta’ amministratur speċjali.
    • L-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jirrapportaw regolarment l-informazzjoni speċifikata fid-direttiva lill-awtoritajiet kompetenti.
    • Penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra japplikaw għall-istituzzjonijiet li jiksru r-regoli. Dawn il-penali u miżuri għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jiddeċiedu li ma jipprovdux għal pieni amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħra għal każijiet ta’ ksur li huma soġġetti għal pieni kriminali skont il-liġi nazzjonali tagħhom.
    • L-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw fuq is-siti web tagħhom:
      • il-liġijiet nazzjonali, ir-regolamenti, ir-regoli amministrattivi, inklużi l-penali u miżuri oħra, u l-gwida ġeneral adottati fir-rigward tal-ħruġ ta’ bonds koperti;
      • il-lista ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom il-permess joħorġu bonds koperti.
    • Bonds koperti huma intitolati li jużaw it-tikketta “Bond Kopert Ewropew” (biss għal bonds koperti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva) jew “Bond Kopert Ewropew” (Premium) (għal bonds koperti biss li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva flimkien mar-rekwiżiti tal-Artikolu 129 tas-CRR). It-tikketti huma volontarji, flimkien mad-denominazzjonijiet nazzjonali.
    • Id-Direttiva tagħmel emendi żgħar għad-Direttivi 2009/65/KE (ara s-sommarju) u 2014/59/UE (ara s-sommarju).
    • Miżuri tranżizzjonali japplikaw għal bonds koperti maħruġa qabel it-8 ta’ Lulju 2022.
    • Il-Kummissjoni Ewropea f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA:
      • sat-8 ta’ Lulju 2024, għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport u, jekk xieraq, proposta leġiżlattiva dwar jekk u, jekk iva, jistax jiġi introdott reġim ta’ekwivalenza għal istituzzjonijiet ta’ kreditu ta’ pajjiżi mhux tal-UE li joħorġu bonds koperti u għal investituri f’dawk il-bonds koperti;
      • sat-8 ta’ Lulju 2025, għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva fir-rigward tal-livell ta’ protezzjoni tal-investitur u dwar l-iżviluppi rigward il-ħruġ ta’ bonds koperti fl-UE.

Regolament (UE) 2019/2160

  • Ir-regolament jikkumplimenta d-Direttiva (UE) 2019/2162 u jibni fuq it-trattament superviżorju attwali tal-bonds koperti skont is-CRR.
  • Hija żżid rekwiżiti għas-sovrakollateralizzazzjoni* minima u għall-assi ta’ sostituzzjoni*, u b’hekk issaħħaħ il-kwalità tal-bonds koperti eliġibbli għal trattament ta’ kapital preferenzjali.
  • Hija tfittex li tagħmel dan billi:
    • telimina l-użu bħala assi eliġibbli ta’ strutturi li jinkludu fl-aggreggazzjoni ta’ kopertura ta’ titoli kummerċjali appoġġati b’ipoteka residenzjali jew kummerċjali, billi l-użu ta’ dawk l-istrutturi qed jonqos u huwa meqjus li jżid kumplessità bla bżonn għal programmi ta’ bonds koperti; u
    • teħtieġ mill-inqas 5 % ta’ sovrakollateralizzazzjoni għal bonds koperti biex tikkwalifika għal trattament ta’ kapital preferenzjali, jew 2 %, jekk il-valutazzjoni tal-proprjetà hija bbażata fuq valur ta’ self b’ipoteka (dan il-livell ta’ sovrakollateralizzazzjoni jista’ jkun fuq bażi statutorja, kuntrattwali jew volontarja ).

MINN META JAPPLIKAW ID-DIRETTIVA U R-REGOLAMENT?

  • Id-Direttiva (UE) 2019/2162 trid issir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-8 ta’ Lulju 2021 u se tapplika mit-8 ta’ Lulju 2022.
  • Ir-Regolament (UE) 2019/2160 se japplika mit-8 ta’ Lulju 2022.

SFOND

  • Bonds koperti jintużaw b’mod estensiv f’xi pajjiżi tal-UE (id-Danimarka, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Iżvezja) bħala sors importanti ta’ finanzjament irħis u fit-tul għall-banek. Huma jgħinu biex jiffinanzjaw ipoteki u self mis-settur pubbliku u jiżguraw livell għoli ta’ ċertezza għall-investituri.
  • Id-direttiva hija parti mill-pjan ta’ azzjoni tas-swieq kapitali tal-UE. Regoli minimi armonizzati madwar l-UE għal bonds koperti se jżidu s-sigurtà għall-investituri u jiftħu opportunitajiet ġodda.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Bond kopert: obbligu ta’ dejn li jkun maħruġ minn istituzzjoni ta’ kreditu, iggarantit b’assi (ġeneralment aggregazzjoni ta’ self ipotekarju jew krediti lis-settur pubbliku, iżda wkoll assi oħra ta’ kopertura ta’ kwalità għolja li jiżguraw li l-istituzzjoni ta’ kreditu li toħroġ il-bonds koperti jkollha pretensjoni għal ħlas u huma ggarantiti minn assi kollaterali soġġetti għal rekwiżiti strettament definiti) li għalihom l-investituri tagħhom għandhom rikors dirett.
Istituzzjoni ta’ kreditu: impriża li tieħu depożiti jew fondi oħra ripagabbli mill-pubbliku sabiex tagħti kreditu.
Sovrakollateralizzazzjoni: il-prattika jew il-proċess tat-tqegħid ta’ assi bħala kollateral fuq self fejn il-valur tal-assi jaqbeż il-valur tas-self.
Assi ta’ sostituzzjoni: assi miżmuma flimkien ma’ assi primarji, li tipikament jikkostitwixxu derivattivi u assi miżmuma għal skopijiet ta’ likwidità.

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Direttiva (UE) 2019/2162 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar il-ħruġ ta’ bonds koperti u s-superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti u li temenda d-Direttivi 2009/65/KE u 2014/59/UE (ĠU L 328, 18.12.2019, pp. 29-57)

Ir-Regolament (UE) 2019/2160 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta’ skoperturi fil-forma ta’ bonds koperti (ĠU L 328, 18.12.2019, pp. 1-6)

DOKUMENTI RELATATI

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali (COM(2015) 468 final, 30.9.2015)

Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, pp. 190-348)

L-Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2014/59/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, pp. 1-337)

Ara l-verżjoni kkonsolidata

Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, pp. 32-96)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 04.08.2020

Top