EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2015/172A/01

Avviż ta’ post battal għal Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta ta’ Shift2Rail, fi Brussell (Aġent Temporanju – Grad AD 14) — COM/2015/20006

OJ C 172A, 27.5.2015, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 172/1


Avviż ta’ post battal għal Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta ta’ Shift2Rail, fi Brussell

(Aġent Temporanju – Grad AD 14)

COM/2015/20006

(2015/C 172 A/01)

 

Min aħna

L-Impriża Konġunta ta’ Shift2Rail (IK S2R) hija sħubija pubblika-privata bejn l-Unjoni Ewropea u s-settur ferrovjarju, stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 642/2014 (1) ġewwa Brussell għal perjodu sal-31.12.2024. Hija se tiżviluppa u timplimenta programm ta’ riċerka u innovazzjoni ġdid sostanzjali ħafna għat-trasport ferrovjarju, iffinanzjat u ġestit b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Industrija tal-Unjoni Ewropea, bil-ħsieb li jappoġġa l-objettivi tal-politika tat-trasport fit-tul tal-Unjoni Ewropea, inkluż li tiżdied l-attrattività u l-effiċjenza tal-ferroviji u t-tlestija taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea. Hija tfittex ukoll li żżid il-kompetittività tas-settur ferrovjarju tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali.

B’mod partikolari, l-IK S2R twettaq il-kompiti li ġejjin:

tiddefinixxi, bi Pjan Regolatorju strateġiku (il-“Pjan Regolatorju tal-S2R”), ir-riċerka prijoritarja u l-attivitajiet ta’ innovazzjoni, inklużi attivitajiet ta’ dimostrazzjoni fuq skala kbira, li huma meħtieġa biex iħaffu l-penetrazzjoni ta’ innovazzjonijiet teknoloġiċi integrati, interoperabbli u standardizzati meħtieġa għall-appoġġ taż-żona ferrovjarja unika Ewropea u biex tinkiseb l-eċċellenza operattiva tas-sistema ferrovjarja, filwaqt li jiżdiedu l-kapaċità u l-affidabbiltà u jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasport ferrovjarju. Dawn l-attivitajiet se jsegwu sistema ferrovjarja olistika u approċċ orjentat lejn il-klijent, u jkunu strutturati madwar ħames “Programmi ta’ Innovazzjoni” jew “PI”, li jkopru s-sottosistemi strutturali (tekniċi) u funzjonali (ta’ ġestjoni) kollha differenti tas-sistema ferrovjarja, jiġifieri:

PI 1: Ferroviji Kosteffiċjenti u Affidabbli, inklużi ferroviji ta’ kapaċità għolja, u ferroviji ta’ veloċità għolja;

PI 2: Sistemi għall-Ġestjoni u l-Kontroll tat-Traffiku avvanzati;

PI 3: Infrastruttura Kosteffiċjenti, Sostenibbli u ta’ Kapaċità Għolja Affidabbli;

PI 4: Soluzzjonijiet tal-IT għal Servizzi Ferrovjarji Attraenti;

PI 5: Teknoloġiji għal Merkanzija Ewropea Sostenibbli u Attraenti.

torganizzata u tiżgura l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tal-attivitajiet tal-inizjattiva Shift2Rail, kif definiti fil-Pjan Regolatorju ta’ S2R, permezz tat-tfassil ta’ pjanijiet ta’ ħidma annwali dettaljati, orjentati lejn ir-riżultati, akkumpanjati minn pjanijiet ta’ investiment dettaljati u billi tissorvelja l-iżvilupp ta’ prodotti komuni debitament identifikati fil-Pjan Regolatorju tax-S2R;

torganizza l-ħidma teknika tar-riċerka, l-iżvilupp, il-validazzjoni u l-istudju, li għandhom jitwettqu taħt l-awtorità tagħha u jiġu appoġġati finanzjarjament l-azzjonijiet indiretti tar-riċerka u l-innovazzjoni, l-aktar permezz ta’ għotjiet lill-membri u lill-parteċipanti tagħha permezz tal-aktar miżuri xierqa, bħall-akkwist jew l-għoti ta’ għotjiet wara sejħiet għal proposti biex jintlaħqu l-objettivi tal-programm, skont ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013;

timmobilizza fondi tas-settur pubbliku u privat għall-iffinanzjar tal-attivitajiet tal-inizjattiva Shift2Rail, kif definiti fil-Pjan Regolatorju ta’ S2R, inkluż permezz tal-identifikazzjoni ta’ sinerġiji ma’ programmi oħra tal-Unjoni, bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fondi ta’ Investiment Strutturali Ewropej u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, biex tiżgura li soluzzjonijiet ittestjati u vvalidati li joħorġu mill-attivitajiet tal-Impriża Konġunta jkunu jistgħu jittieħdu għal finanzjament;

tiżgura l-effettività u l-effiċjenza ta’ attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni ferrovjarja u ssegwi l-progress lejn il-kisba tal-objettivi tal-IK S2R permezz ta’ proċessi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni xierqa;

tiġbor flimkien ir-rekwiżiti tal-utenti u tipproponi standards ta’ interoperabbiltà biex jiggwidaw l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjonmi lejn soluzzjonijiet operazzjonali u kummerċjalizzabbli;

tistabbilixxi u tiżviluppa kooperazzjoni mill-qrib u fit-tul bejn l-Unjoni, l-industrija tal-manifattura ferrovjarja, il-komunità operattiva ferrovjarja, organizzazzjonijiet ta’ riċerka u universitajiet, u partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi ferrovjarji oħra meħtieġa sabiex jiżviluppaw innovazzjonijiet pijunieri u jiżguraw kummerċjalizzazzjoni b’saħħitha ta’ soluzzjonijiet innovattivi. L-IK S2R se tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tal-SMEs u ta’ atturi minn barra s-settur ferrovjarju tradizzjonali sabiex jimmassimizzaw il-potenzjal għall-innovazzjoni;

tiżviluppa kooperazzjoni mill-qrib u tiżgura koordinazzjoni ma’ attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni nazzjonali u transnazzjonali Ewropej fil-qasam tekniku ferrovjarju, b’mod partikolari permezz tal-Pjattaforma tat-Teknoloġija tal-Kunsill Konsultattiv għar-Riċerka Ewropea fil-Ferroviji (ERRAC), kif ukoll ma’ dawk f’oqsma oħra, bħall-Kunsill Konsultattiv għar-Riċerka Ewropea fit-Trasport bit-Toroq (ERTRAC), il-Kunsill Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Ewropea fl-Avjazzjoni (ACARE), il-Pjattaforma Teknoloġika Ewropea fuq l-Ilma, il-Pjattaforma Teknoloġika Ewropea tal-Kostruzzjoni (ECTP), il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji tal-Manifattura tal-Futur (Manifattura), l-Alleanza għall-Innovazzjoni fil-Loġistika (ALICE), il-Pjattaforma tal-Materjali u tat-Teknoloġiji tal-Inġinerija Avvanzata (EuMaT), u oħrajn.

L-IK S2R se timpenja sa EUR 920 miljun għall-perjodu 2014 – 2024, li jinkludu (i) kontribuzzjoni (fi flus kontanti) mill-Unjoni Ewropea lill-IK S2R li ma teċċedix l-EUR 450 miljun mill-Programm Qafas Orizzont 2020, (ii) kontribuzzjoni ta’ minn tal-inqas EUR 350 miljun (in natura u fi flus kontanti) minn Membri apparti l-Unjoni; (iii) kontribuzzjonijiet in natura ta’ minn tal-inqas EUR 120 miljun għal attivitajiet addizzjonali. L-ispejjeż ta’ ġestjoni tal-IK S2R se jinqasmu b’mod ugwali u fi flus kontanti bejn il-Kummissjoni, minn naħa l-waħda, u l-Membri apparti mill-Unjoni, (apparti ċ-ċentri ta’ riċerka u l-universitajiet), min-naħa l-oħra.

Għal aktar informazzjoni ġentilment mitlub tikkonsulta dan is-sit elettroniku: http://ec.europa.eu/transport/modes/rail/news/shift-to-rail_en.htm

X’qed nipproponu

Id-Direttur Eżekuttiv huwa r-rappreżentant legali u l-immaġni pubblika tal-IK S2R. Hu/hi j/twettaq il-kompiti tiegħu/tagħha b’independenza u j/tkun responsabbli għall-Bord ta’ Tmexxija (li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u l-Membri l-oħra tal-IK).

Id-Direttur Eżekuttiv se j/tmexxi u j/timmaniġġa l-IK S2R u j/tassumi r-responsabbiltà sħiħa għall-operazzjonijiet tagħha, inkluża l-implimentazzjoni baġitarja, filwaqt li j/tiżgura li jintlaħqu l-objettivi tagħha.

Id-Direttur Eżekuttiv i/tkun responsabbli għall-ġestjoni ta’ kuljum tal-IK S2R skont id-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija. Dan jinkludi:

L-istabbiliment ta’ kuntatti strateġiċi u n-negozjar ta’ kull ftehim li jkun meħtieġ mar-rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati u l-membri kollha tal-IK S2R;

L-organizzazzjoni u l-immaniġġjar tat-tnedija tas-sejħa għal proposti u l-process ta’ evalwazzjoni kif ukoll in-negozjar u l-konklużjoni tal-ftehmiet ta’ għotja għall-proposti magħżula, l-iżgurar ta’ sorveljanza perjodika sussegwenti u s-segwitu tal-proġetti, il-preparazzjoni ta’ rapporti tekniċi u finanzjarji;

Il-preparazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma Annwali u l-Pjan Annwali tal-Baġit tal-IK S2R. L-elaborazzjoni tar-Rapport Annwali tal-Attività, il-Kontijiet Annwali u l-karti bilanċjali li jintbagħtu lill-Bord ta’ Tmexxija għall-approvazzjoni;

Il-preparazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-baġit tal-IK S2R u l-iżgurar li dan huwa ġestit b’mod effiċjenti skont ir-Regolamenti Finanzjarji tal-IK S2R;

L-impjieg, l-immaniġġar u s-superviżjoni tal-persunal tal-IK S2R u t-trawwim ta’ ambjent tax-xogħol tajjeb;

L-iżgurar li l-attivitajiet tal-IK S2R jitwettqu b’indipendenza sħiħa u mingħajr kunflitt ta’ interess;

L-istabbiliment u l-iżgurar tal-funzjonament ta’ sistema ta’ kontroll interna effettiva u effiċjenti;

L-iżgurar li jitwettqu valutazzjonijiet tar-riskju u ġestjoni tar-riskju;

L-iżgurar li jitwettqu l-obbligi tal-IK S2R, fir-rigward tal-kuntratti u l-ftehimiet konklużi minnha;

L-iżgurar tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet bejn id-diversi Programmi ta’ Innovazzjoni ġestiti mill-IK S2R u l-monitoraġġ tal-progress tagħhom għall-kisba tal-objettivi tagħhom;

Il-ġestjoni ta’ kull tilwim eventwali fi ħdan jew bejn il-Programmi ta’ Innovazzjoni;

Il-provvediment lill-Bord ta’ Tmexxija u lill-Kummissjoni bir-rapporti tekniċi u finanzjarji;

Il-koordinazzjoni regolari mal-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati, il-Kumitat Xjentifiku u l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea dwar il-kwistjonijiet rilevanti kollha għar-rwol konsultattiv tagħhom;

It-tmexxija tal-aspetti tal-komunikazzjoni u tar-relazzjonijiet pubbliċi tal-IK S2R, inkluża l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti ta’ preżentazzjoni u ta’ disseminazzjoni.

X’qegħdin infittxu (kriterji għall-għażla)

Tingħata preferenza lill-kandidati li jkollhom:

(a)

Esperjenza maniġerjali, u b’mod partikolari

Kapaċità qawwija fil-ġestjoni u l-monitoraġġ ta’ proġetti kbar, inkluż il-programmar u t-tmexxija ta’ programmi ta’ riċerka industrijali li jinvolvu bosta atturi;

Esperjenza fil-ġestjoni ta’ riżorsi finanzjarji sinifikanti f’ambjent nazzjonali, Ewropew u/jew internazzjonali, inkluż l-ippjanar baġitarju u l-kontroll intern;

Ġudizzju sod u suċċess ippruvat f’pożizzjoni ta’ maniġment tal-persunal, b’mod partikolari l-kapaċità li jmexxu, jimmotivaw, u jiżviluppaw bl-aħjar mod tal-potenzjal tagħhom tim li jinkludi persunal kemm amministrattiv kif ukoll tekniku.

Tkun ta’ vantaġġ kapaċità ppruvata li jistabbilixxu u jikkonsolidaw struttura ġdida. Ikunu ta’ vantaġġ ukoll l-esperjenza fl-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-garanzija tal-kwalità kif ukoll ta’ metodoloġiji tal-immaniġġjar tar-riskji. Fl-aħħar nett, esperjenza miksuba f’kuntest multikulturali u multilingwi tkun ta’ vantaġġ;

(b)

Għarfien tekniku, u b’mod partikolari

Għarfien tajjeb tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, kif joperaw u kif jaħdmu bejniethom;

Għarfien teoretiku u prattiku tajjeb tal-politika tat-trasport tal-Unjoni Ewropea jew internazzjonali, b’mod partikolari l-politika ferrovjarja;

Fehim tajjeb tar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tal-attivitajiet tal-IK S2R u għarfien tal-politika regolatorja u l-prattika rilevanti għall-oqsma ta’ azzjoni tal-Impriża Konġunta;

Kapaċità biex tiġi żviluppata viżjoni strateġika għas-settur ferrovjarju;

Għarfien ta’ programmi ta’ riċerka u żvilupp nazzjonali, intergovernattivi u/jew Ewropej;

(c)

Ħiliet fil-komunikazzjoni u n-negozjar, u b’mod partikolari

Il-kapaċità li tiġi żviluppata strateġija ta’ komunikazzjoni għall-IK S2R, għal komunikazzjoni effettiva u effiċjenti mal-pubbliku u biex jinbnew relazzjonijiet ta’ ħidma strateġiċi mal-partijiet ikkonċernati kollha rilevanti;

Kapaċitajiet ta’ innovazzjoni b’saħħithom, il-kapaċità li jiġġeneraw ideat għall-promozzjoni, il-programmar u l-isfruttament tar-riżultati mill-IK S2R;

Ħiliet interpersonali, ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, organizzattivi u ta’ negozjar eċċellenti u l-abbiltà li jinbnew relazzjonijiet ta’ ħidma fdati mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u mal-partijiet ikkonċernati;

Esperjenza fl-interazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati tat-trasport u l-fehim tal-ħtiġijiet u l-limitazzjonijiet kummerċjali tal-partijiet ikkonċernati, kif ukoll esperjenza ta’ ħidma mal-industrija u/jew akkademiċi, inkluża fil-kooperazzjoni bejn organizzazzjonijiet pubbliċi u privati, ukoll ikunu ta’ vantaġġ.

Għarfien profond tal-Ingliż miktub u mitkellem ikun ta’ vantaġġ qawwi, peress li hija l-lingwa ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta.

Il-kundizzjonijiet essenzjali (il-kriterji tal-eliġibbiltà)

Il-kandidati jiġu kkunsidrati għall-fażi tal-għażla abbażi tal-kriterji formali li ġejjin li jridu jiġu ssodisfati sad-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet:

Nazzjonalità: ikunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, jew ta’ pajjiż assoċjat mal-Programm Qafas Orizzont 2020 (2);

Lawrja jew diploma universitarja: il-kandidati jrid ikollhom jew:

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma, iċċertifikati b’diploma, fejn il-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta’ erba’ snin jew aktar; jew

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma, iċċertifikat b’diploma u esperjenza professjonali xierqa ta’ mill-inqas sena meta l-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja jkun tal-inqas tliet snin (din is-sena ta’ esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali ta’ wara l-lawrja meħtieġa hawn taħt);

Esperjenza professjonali: jeħtieġ li l-kandidati jkollhom:

mill-inqas 15-il sena esperjenza professjonali wara l-istudji universitarji f’livell li l-kwalifiki msemmija hawn fuq jagħtu aċċess għalih;

minn dawn il-15-il sena esperjenza professjonali, tal-inqas ħames snin iridu jkunu f’kariga għolja maniġerjali (3),

Lingwi: għarfien profond ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Komunità (4) u għarfien sodisfaċenti ta’ tieni lingwa minn dawn daqs kemm hu meħtieġ għall-prestazzjoni tad-dmirijiet tiegħu/tagħha.

Età Massima: ikunu kapaċi jlestu, sal-iskadenza tal-applikazzjoni, il-mandat sħiħ ta’ ħames (5) snin, qabel ma jilħqu l-età tal-irtirar. Għal persunal temporanju tal-Unjoni Ewropea, l-età tal-irtirar hija definita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq l-età ta’ 66 sena (ara l-Artikolu 52 lit (a) tar-Regolamenti tal-Persunal) (5).

Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi

Id-Direttur Eżekuttiv jiġi mitlub jagħmel dikjarazzjoni ta’ impenn biex jaġixxi b’mod indipendenti fl-interess pubbliku u biex jagħmel dikjarazzjoni fir-rigward ta’ interessi li jistgħu jkunu meqjusa ta’ preġudizzju għall-indipendenza tiegħu/tagħha. Il-kandidati jridu jikkonfermaw ir-rieda tagħhom li jagħmlu dan fl-applikazzjoni tagħhom.

Opportunitajiet indaqs

L-IK S2R, bħala korp tal-Unjoni Ewropea, tapplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ nondiskriminazzjoni skont l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal (5).

Għażla u ħatra

Id-Direttur Eżekuttiv jinħatar mill-Bord ta’ Tmexxija tal-IK S2R abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni Ewropea se twaqqaf bord ta’ preselezzjoni, li jinkludi rappreżentant tal-Bord ta’ Tmexxija tal-IK S2R, minbarra l-Kummissjoni Ewropea, bħala membru u rappreżentant ieħor bħala osservatur. Dan il-bord janalizza l-applikazzjonijiet kollha u jidentifika numru ta’ kandidati li għandhom l-aħjar profil fid-dawl tal-kriterji għall-għażla msemmija hawn fuq. Dawn il-kandidati jiġu mistiedna għal intervista mal-bord ta’ preselezzjoni.

Wara l-intervisti, il-bord ta’ preselezzjoni jfassal il-konklużjonijiet tiegħu u jipproponi lista ta’ kandidati għal aktar intervisti mal-Kumitat Konsultattiv għall-Ħatriet tal-Kummissjoni Ewropea (KKĦ).

Il-kandidati msejħa għal intervista mal-KKĦ jipparteċipaw f’ċentru ta’ valutazzjoni ta’ tmexxija għal ġurnata sħiħa mmexxi minn esperti esterni tar-riżorsi umani. Abbażi tal-intervista u tar-riżultati tar-rapport taċ-ċentru ta’ valutazzjoni ta’ tmexxija, il-KKĦ jistabbilixxi lista qasira ta’ kandidati li jikkonsidra xierqa biex jaqdu l-funzjoni ta’ Direttur Eżekuttiv. Din il-lista qasira tintbagħat lill-Membru/i rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea li jkun(u) se jintervista(w) lil dawn il-kandidati.

Il-Kummissjoni Ewropea mbagħad tadotta lista mqassra ta’ kandidati, li tiġi kkomunikata lill-Bord ta’ Tmexxija tal-IK S2R. Dan tal-aħħar jista’ jintervista lill-kandidati ta’ fuq il-lista mqassra. Sussegwentement dan jaħtar id-Direttur Eżekuttiv. L-inklużjoni fil-lista mqassra tal-Kummissjoni Ewropea mhijiex garanzija tal-ħatra.

Il-kandidati jistgħu jintalbu jagħmlu iktar intervisti u/jew testijiet minbarra dawk indikati hawn fuq.

Id-Direttur Eżekuttiv huwa mistenni li jassumi l-kariga tiegħu fl-1 ta’ Marzu 2016.

Termini u Kundizzjonijiet tal-Impjieg

Id-Direttur Eżekuttiv se jinħatar mill-Bord ta’ Tmexxija bħala aġent temporanju fil-grad ta’ AD14, skont l-Artikolu 2a u 10 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (5) għal perjodu ta’ ħames snin. Wara evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv, il-Bord jista’ jestendi l-mandat darba għal perjodu itwal ta’ mhux iktar minn ħames snin, kif previst fil-klawżola 9 tal-Anness I tar-Regolament li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Shift2Rail.

Il-kandidati għandhom ikunu jafu bir-rekwiżit skont il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għal Uffiċjali Oħra li kull membru ġdid tal-persunal irid itemm b’suċċess perjodu ta’ prova.

Il-post tal-impjieg huwa Brussell, fejn hi bbażata l-Impriża Konġunta.

Proċedura ta’ applikazzjoni

Qabel ma tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, għandek tiċċekkja b’attenzjoni jekk tissodisfax il-kriterji tal-eliġibbiltà kollha (“Il-kundizzjonijiet essenzjali”), b’mod partikolari dawk rigward it-tip ta’ diplomi u l-esperjenza professjonali meħtieġa. Min ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà jiġi eskluż awtomatikament mill-proċedura tal-għażla.

Jekk tixtieq tapplika, trid tirreġistra permezz tal-Internet billi tmur fil-websajt:

https://ec.europa.eu/dgs/human-resources/seniormanagementvacancies/

u ssegwi l-istruzzjonijiet hemmhekk li jikkonċernaw id-diversi stadji tal-proċedura.

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan jintuża biex tiġi identifikata r-reġistrazzjoni tiegħek u biex tinżamm infurmat bil-progress tal-proċedura tal-għażla. Għalhekk, jekk jogħġbok informa lill-Kummissjoni Ewropea bi kwalunkwe bidla fl-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.

Biex l-applikazzjoni tiegħek tkun kompluta, jeħtieġ li ttella’ CV fil-format PDF u li timla onlajn, ittra ta’ motivazzjoni (massimu ta’ 8  000 karattru). Kemm is-CV kif ukoll l-ittra jridu jkunu miktubin bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.

Meta tlesti r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek, inti se tara fuq l-iskrin in-numru tar-reġistrazzjoni li għandek tiktbu u tiftakru – dan ikun in-numru ta’ referenza tiegħek f’kull kwistjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni tiegħek. Meta tirċievi dan in-numru, il-proċess tar-reġistrazzjoni jkun spiċċa – huwa konferma li aħna nkunu rreġistrajna l-informazzjoni li tkun daħħalt. Jekk ma tirċievi l-ebda numru, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Innota li mhuwiex possibbli li ssegwi l-progress tal-applikazzjoni tiegħek onlajn. Inti tiġi kkuntattjat dwar l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek direttament mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-proċess tal-għażla, inkluża l-korrispondenza mal-bordijiet tal-għażla matul din il-proċedura tal-għażla se jsir bl-Ingliż biss (6).

Jekk għandek diżabbiltà li ma tippermettilekx tirreġistra onlajn, tista’ tibgħat l-applikazzjoni tiegħek (is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni) fuq il-karta bil-posta rreġistrata (7), b’timbru postali b’data li ma tkunx aktar tard mid-data meta tagħlaq ir-reġistrazzjoni. Kull komunikazzjoni sussegwenti bejnek u bejn il-Kummissjoni tkun bil-posta. F’dan il-każ, mal-applikazzjoni tiegħek trid tehmeż ċertifikat, maħruġ minn entità rikonoxxuta, li jiċċertifika d-diżabbiltà tiegħek. Għandek issemmi wkoll, fuq karta separata, kwalunkwe arranġamenti speċjali li taħseb li jistgħu jkunu meħtieġa biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tiegħek fl-għażla.

Jekk teħtieġ aktar tagħrif u/jew tiltaqa’ ma’ problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat ittra elettronika lil HR-A2-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu.

Data tal-għeluq

Id-data tal-għeluq tar-reġistrazzjoni hija s-26 ta’ Ġunju 2015. Ir-reġistrazzjoni onlajn ma tkunx possibbli wara nofsinhar (12:00), ħin ta’ Brussell.

Hija r-responsabbiltà tiegħek li tlesti r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek fil-ħin. Nirrakkomandaw bil-qawwi li ma tistenniex sal-aħħar ftit jiem biex tapplika, għaliex konġestjoni kbira fuq l-Internet jew xi difett fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni onlajn tiġi tterminata qabel ma tkun lestejtha, u b’hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet, ma tkunx tista’ tibdel jew iżżid xi dejta. Reġistrazzjonijiet bil-posta elettronika normali li jaslu tard ma jiġux aċċettati.

Informazzjoni importanti għall-applikanti

L-applikanti huma mfakkra li x-xogħol tal-kumitati tal-għażla huwa kunfidenzjali. Kull kuntatt dirett jew indirett mill-kandidati jew minn xi ħadd ieħor li jaġixxi f’isimhom mal-membri tal-kumitat tal-għażla huwa pprojbit.

Protezzjoni tad-dejta personali

Il-Kummissjoni u l-Impriża Konġunta Shift2Rail jiżguraw li d-dejta personali tal-kandidati tkun ipproċessata kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (8). Dan japplika b’mod partikolari għall-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta’ tali dejta.


(1)  ĠU L 177, 17.6.2014, p. 9.

(2)  Il-pajjiżi assoċjati mal-Programm Qafas Orizzont 2020 huma l-Islanda, in-Norveġja, l-Armenja, l-Iżrael, il-Moldova, l-Ukraina, l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja, it-Turkija u l-Gżejjer Faeroe

(3)  Fis-CVs tagħhom il-kandidati għandhom jindikaw x’tip ta’ esperjenza maniġerjali f’livell għoli nkisbet għall-inqas f’dawn il-ħames snin: (1) it-titolu u l-irwol tal-pożizzjonijiet maniġerjali li kienu fihom; (2) in-numru ta’ persunal li kienu jmexxu f’dawn il-pożizzjonijiet; (3) id-daqs tal-baġits ġestiti; (4) in-numru ta’ livelli ġerarkiċi ‘l fuq u ‘l isfel; u (5) in-numru ta’ persunal tal-istess livell.

(4)  http://ec.europa.eu/languages/404_mt.htm

(5)  ĠU L 287, 29/10/2013, p. 15; http://eurlex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:1962R0031:20140101:MT:PDF

(6)  Il-bordijiet tal-għażla se jiżguraw li ma jingħata l-ebda vantaġġ mhux xieraq lill-kelliema nattivi ta’ din il-lingwa.

(7)  European Commission, Directorate-General Human Resources and Security, Unit for Executive Staff and CCA Secretariat – COM/2015/20006, SC11 08/30, 1049 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË.

(8)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Top