EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019SC0351

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../... li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1015/2010 u REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../... li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-enerġija tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni Nru 1061/2010 u d-Direttiva tal-Kummissjoni 96/60/KE

SWD/2019/0351 final

Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Il-valutazzjoni tal-impatt għar-Regolament li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1015/2010, u għar-Regolament li jistabbilixxi t-tikkettar tal-enerġija għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1060/2010 u d-Direttiva 96/60/KE.

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

Il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ jikkonsmaw ammont sinifikanti ta’ enerġija elettrika fl-unitajiet domestiċi u huma soġġetti għal rekwiżiti minimi tal-effiċjenza enerġetika u għat-tikkettar tal-enerġija. Il-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi huma soġġetti għal tikkettar tal-enerġija obbligatorju. Bħala konsegwenza ta’ dawk ir-rekwiżiti u tal-progress teknoloġiku, il-biċċa l-kbira tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ attwalment fis-suq jaqgħu taħt l-ogħla tliet kategoriji tat-tikkettar tal-enerġija filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi jaqgħu taħt l-ogħla żewġ kategoriji (A+ jew ogħla). Filwaqt li dan huwa żvilupp pożittiv, dan ifisser ukoll li l-konsumaturi mhumiex f’pożizzjoni li jiddistingwu b'mod suffiċjenti bejn il-prestazzjonijiet tal-apparati fis-suq. Konsegwentement, dan jista’ jwassal biex il-konsumaturi jixtru magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ jew magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ tal-klassi A+ mingħajr ma jindunaw li mhux talli dawn il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ m’għandhomx prestazzjoni mill-aqwa anzi talli fil-fatt huma l-apparati bl-aktar prestazzjoni baxxa attwalment fis-suq.

Barra minn hekk, il-programmi użati għall-ittestjar tal-proċess tal-ħasil tal-ħwejjeġ ma jirriflettux il-kundizzjonijiet reali u fil-biċċa l-kbira ma jintużawx mill-konsumaturi minħabba d-durata twila tagħhom. Riżultat ta’ dan, il-konsumaturi ma jistgħux jiksbu l-livell ta’ konsum tal-enerġija muri fuq it-tikketta. L-aġġornament tar-rekwiżiti tal-ekodisinn u tat-tikkettar tal-enerġija se jippermettu aktar ksib ta’ iffrankar tal-enerġija kosteffikaċi.

Fir-Regolamenti attwali dwar l-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija hemm nuqqas ta’ rekwiżiti li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Ekonomija Ċirkolari, bħad-durabbiltà, ir-riparabbiltà u r-riċiklabbiltà, peress li dawn jiffokaw fuq l-effiċjenza enerġetika. Madankollu, il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ u l-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ, bħal ħafna prodotti oħra, jistgħu jittejbu b’mod sinifikanti mil-lat ta’ aspetti tal-ekonomija ċirkolari, bħad-disponibbiltà u l-kost ta’ spare parts u t-twassil tagħhom, l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni u informazzjoni aktar kompleta dwar tmiem il-ħajja tal-apparati: miżuri li jistgħu jinkisbu progressivament permezz ta’ miżuri dwar l-ekodisinn. Għaldaqstant, l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti dwar ir-riparabbiltà u r-riċiklabbiltà se tgħin biex il-ħajja medja tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ ma tkomplix tonqos u se tikkontribwixxi għall-objettivi tal-ekonomija ċirkolari.

X'mistennija tikseb din l-inizjattiva?

Ir-reviżjoni tar-rekwiżiti tal-ekodisinn eżistenti se tirriżulta f’inqas infiq għall-konsumatur fuq l-enerġija, l-ilma u l-apparati ta’ sostituzzjoni, kif ukoll fi dħul ogħla għall-manifatturi, il-bejjiegħa bl-imnut u s-servizzi ta’ tiswija. L-applikazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ ukoll se twassal għal aktar benefiċċji f’dawn l-oqsma.

Ir-reviżjoni tat-tikketti tal-enerġija għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ u l-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ hija mistennija li tgħin lill-konsumaturi biex jagħżlu magni aktar effiċjenti, li jwasslu għal tnaqqis fl-infiq tal-konsumaturi fuq l-enerġija u l-ilma meta jużaw dawn l-apparati.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE?

L-impożizzjoni ta’ livelli minimi tal-effiċjenza enerġetika u ta’ tikketta tal-enerġija fil-livell tal-UE hija valur miżjud ċar.

Mingħajr rekwiżiti armonizzati fil-livell tal-UE, hemm possibbiltà li l-Istati Membri jerġgħu jdaħħlu fis-seħħ rekwiżiti minimi nazzjonali tal-effiċjenza enerġetika speċifiċi għall-prodott fil-qafas tal-politiki tal-enerġija u ambjentali tagħhom. Konsegwentement, dan jista’ jippreġudika l-moviment liberu tal-merkanzija u jżid l-ispejjeż ta’ konformità għall-kumpaniji tal-UE.

B. Soluzzjonijiet

X’għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex?

Għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ u għaċ-ċiklu tal-ħasil tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ, ġew ikkunsidrati dawn l-għażliet ta’ politika:

-POWM1: linja bażi, żamma tal-istatus quo: l-ebda azzjoni ulterjuri, ir-regolamenti attwalment fis-seħħ jibqgħu l-istess;

-POWM2: Kombinament ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija, fejn tiġi stabbilita temperatura minima ta’ 35 grad;

-POWM3: Kombinament ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija, fejn tiġi stabbilita durata massima tal-programm tat-test, għal nofs jew kwart tat-tagħbija, ta’ 3 sigħat, filwaqt li tingħata informazzjoni dwar it-tagħbija sħiħa fuq it-tikketta tal-enerġija;

-POWM4: Kombinament ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija, fejn tiġi stabbilita durata massima tal-programm tat-test li tkun proporzjonali għall-kapaċità tal-magna;

-POWM5: Kombinament ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn dwar l-effiċjenza tal-materjali relatati ma’ aspetti ta’ tmiem il-ħajja u ta’ riparabbiltà, li jinkludu d-disponibbiltà ta’ spare parts.

Għaċ-ċiklu kkombinat tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ, ġew ikkunsidrati dawn l-għażliet ta’ politika:

-POWD1: linja bażi, żamma tal-istatus quo: l-ebda azzjoni ulterjuri, id-direttiva attwalment fis-seħħ tibqa’ l-istess;

-POWD2: Kombinament ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn ġodda inqas ambizzjużi u tikkettar tal-enerġija aġġornat;

-POWD3: Kombinament ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn ġodda b’ambizzjoni moderata u tikkettar tal-enerġija aġġornat;

-POWD4: Kombinament ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn dwar l-effiċjenza tal-materjali identiċi għal POWM5.

Fix-xenarji kollha għajr dak ta’ żamma tal-istatus quo, it-tikketta tal-enerġija A-G hija bbażata fuq it-test il-ġdid u riklassifikata.

L-għażla ppreferuta għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ u ċ-ċiklu tal-ħasil tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ hija POWM 4 biż-żewġ livelli tal-effiċjenza enerġetika, flimkien ma’ rekwiżiti dwar l-effiċjenza tal-materjali tal-POWM5. Għall-funzjoni kombinata ta’ “ħasil u tnixxif” tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ l-għażla ppreferuta hija POWD3 biż-żewġ livelli tal-effiċjenza enerġetika, flimkien ma’ POWD4. Iż-żewġ għażliet jipprovdu l-ogħla ffrankar ġenerali ta’ enerġija u riżorsi, filwaqt li jiżguraw kontribut sostanzjali iżda realistiku għall-objettivi tal-ekonomija ċirkolari.

Min jappoġġa liema għażla?

Filwaqt li l-partijiet ikkonċernati ma kkummentawx dwar il-kombinamenti dettaljati kollha ta’ miżuri f’xenarji differenti, huma esprimew il-preferenzi tagħhom għal xi għażliet.

Il-partijiet ikkonċernati tal-industrija ma kinux favur ir-rekwiżit ta’ limitu ta’ żmien għall-programm tal-ittestjar, filwaqt li xi wħud minnhom ippreferew rekwiżit ta’ temperatura minima. L-Istati Membri kienu ġeneralment favur il-limitu ta’ żmien, filwaqt li l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u l-NGOs ambjentali appoġġaw iż-żewġ rekwiżiti. Kien hemm xi tħassib fost l-industrija u xi Stati Membri dwar l-eżegwibbiltà tar-rekwiżiti dwar l-effiċjenza tal-materjali, iżda kien hemm ukoll appoġġ għall-inklużjoni tagħhom u l-approċċ prudenti li jiġi segwit għandu jiffaċilita l-implimentazzjoni.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?

Sal-2030, l-għażliet ippreferuti għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ u l-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ flimkien huma mistennija li jwasslu għal:

·Iffrankar ta’ enerġija elettrika ta’ 2,48 TWh/sena u ffrankar tal-ilma ta’ 711 miljun m³/sena;

·Tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ 0,84 MtCO2ek/sena;

·EUR 7,15 biljun fi ffrankar annwali għall-konsumaturi;

·Dħul kummerċjali addizzjonali ta’ EUR 1,1 biljun fis-sena, li jwassal għal 3 110 impjieg addizzjonali fis-settur tal-manifattura tal-UE u 27 940 fis-settur tal-bejgħ bl-imnut;

·Kontinwità tal-kompetittività tal-industrija tal-UE u tar-rwol minn ta’ quddiem bħala manifatturi ta’ kwalità għolja;

·Il-promozzjoni tal-innovazzjoni għal magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ u magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ aktar effiċjenti;

·Dħul u profitti ogħla għall-kumpaniji indipendenti (bħall-SMEs) li jaħdmu fil-qasam tat-tiswija u r-rinnovazzjoni tal-prodotti.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x'inhuma dawk ewlenin)?

Għall-fornituri, hemm kost ta’ EUR 2,7 miljun relatat mal-ħruġ ta’ żewġ settijiet ta’ tikketti tal-enerġija (wieħed skont ir-regolamenti attwali u wieħed skont il-miżuri l-ġodda) matul perjodu ta’ “dupplikazzjoni” ta’ 6 xhur. Għan-negozjanti, huwa stmat kost ta’ darba ta’ EUR 0,45 miljun meħtieġ għat-tikkettar mill-ġdid ta’ prodotti esposti. Barra minn hekk, il-kost tal-bażi tad-data huwa stmat li jkun EUR 0,49 miljun fis-sena għall-fornituri u għall-baġit tal-UE, kost ta’ darba ta’ EUR 0,49 miljun u kost annwali ta’ EUR 49 420 għall-manutenzjoni tad-bażi tad-data.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

Ara l-kostijiet u l-benefiċċji msemmija hawn fuq. Barra minn hekk, ħafna organizzazzjonijiet tat-tiswija indipendenti huma SMEs jew mikrointrapriżi, li għandhom x’jibbenefikaw b’mod partikolari mir-rekwiżiti dwar ir-riparabbiltà.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Le, il-kostijiet għall-Awtoritajiet tas-Sorveljanza tas-Suq huma mistennija li jibqgħu bejn wieħed u ieħor l-istess. Il-kostijiet għall-eżegwibbiltà tar-Regolamenti huma diffiċli li jiġu stmati, iżda huwa mistenni li, minħabba l-bażi tad-data tar-reġistrazzjoni tal-prodotti, il-piż amministrattiv jonqos.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?

Iva, l-għażla ppreferuta hija mistennija li tħalli impatt pożittiv fuq il-kompetittività u l-innovazzjoni fl-UE, filwaqt li tippermetti l-iżvilupp ta’ suq tat-tiswija indipendenti, li jwassal għall-iffrankar ta’ riżorsi.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Se jsir rieżami mhux aktar tard minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ.

Top