EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018DC0152

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Riforma tal-istruttura amministrattiva tal-Iskejjel Ewropej

COM/2018/0152 final

Brussell, 23.3.2018

COM(2018) 152 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Riforma tal-istruttura amministrattiva tal-Iskejjel Ewropej


1Introduzzjoni

Il-missjoni tal-Iskejjel Ewropej (“ES”) hija li tiġi pprovduta edukazzjoni multilingwa u multikulturali fuq il-livell tal-kindergarten, tal-iskola primarja u sekondarja (inkluż il-grad tal-Bakkalawrjat Ewropew) lit-tfal tal-membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (“l-Unjoni”). Bħala tali, l-ES jikkontribwixxu għall-attrattività tas-servizz ċivili Ewropew.

L-iskejjel Ewropej huma organizzazzjoni intergovernattiva mwaqqfa mill-Istati Membri tal-UE u l-Unjoni, li huma partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej 1 . Hemm 13-il ES f’sitt Stati Membri tal-UE 2 u dawn għandhom status ta’ korpi pubbliċi fil-pajjiżi fejn ikunu jinsabu. L-ogħla organu deċiżjonali, il-Bord tal-Gvernaturi, iġib flimkien l-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea - f’isem l-Unjoni - u r-rappreżentanti tal-ġenituri, l-impjegati u partijiet interessati oħra 3 . Kull membru tal-Bord, inkluż il-Kummissjoni, għandu siġġu u vot wieħed. Il-Presidenza tal-ES tinbidel b’rotazzjoni fost l-Istati Membri tal-UE kull sena skolastika billi l-ġestjoni globali ta’ din is-sistema hija żgurata mis-Segretarju Ġenerali (SĠ) tal-ES, li jirrappreżenta lill-Bord tal-Gvernaturi. 

F’konformità mal-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni msemmija, il-Kummissjoni Ewropea, f’isem l-Unjoni, tagħti kontribuzzjoni finanzjarja għall-baġit tal-ES. Din il-kontribuzzjoni tkopri d-differenza bejn l-ammont totali tan-nefqa permezz tal-ES u t-total ta’ dħul ieħor. Dan l-akbar dħul (madwar 60 % fl-2017) għall-baġit tal-ES huwa użat sabiex ikopri s-salarji ta’ għalliema rreklutati lokalment u l-persunal amministrattiv, il-pagament supplimentari tas-salarji nazzjonali tal-għalliema ssekondati u l-ispejjeż ġenerali 4 . Sors ewlieni ieħor ta’ dħul ġej mill-Istati Membri (madwar 18 % fl-2017), permezz tas-sekondar u l-pagament tas-salarji nazzjonali lill-għalliema tal-ES u lill-membri oħra tal-persunal. Il-kumplament tad-dħul jikkonsisti minn kontribuzzjonijiet imħallsa minn korpi u kumpaniji oħra li t-tfal tal-persunal tagħhom huma rreġistrati fl-iskejjel (madwar 14 %, imsejħa kategorija II), kif ukoll tariffi tal-iskola u l-kontribuzzjoni tal-ġenituri taħt il-kategorija III 5 (madwar 8 %).

F’dawn l-aħħar snin, is-sistema tal-Iskejjel Ewropej (“ESS”) ilha tħabbat wiċċha ma’ sfidi kbar rigward il-ġestjoni finanzjarja tagħha. Il-Qorti tal-Awdituri (il-“QEA”) u s-Servizz tal-Awditjar Intern (Internal Audit Service, "IAS") it-tnejn identifikaw xi nuqqasijiet fir-Rapporti annwali tagħhom relatati mal-perjodu tas-snin ta’ rapportar mill-2013 sal-2015. Il-QEA kkunsidrat fir-rapporti tagħha tal-2013 u l-2014 li ma setgħetx tiggarantixxi li l-kontijiet ikkonsolidati tal-ES ma kellhomx dikjarazzjonijiet skorretti materjali. Madankollu, fir-rapporti tagħha tal-2015 u l-2016 il-QEA ma żvelatx żbalji materjali f’rapporti finanzjarji konsolidati finali.

L-IAS enfasizza xi dgħufijiet fil-kontroll intern u enfasizza r-riskju ta’ użu ħażin tal-fondi ES.

In-nuqqasijiet fil-ġestjoni finanzjarja tal-ES ma jippreġudikawx il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti mwettqa mill-Kummissjoni (id-Direttorat Ġenerali għar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà, minn hawn ’il quddiem DĠ HR) lill-ES, peress li l-pagamenti huma rregolati ħafna. Madankollu, il-Kummissjoni, bħala kontributur ewlieni għall-baġit tal-ES, kienet entużjasta biex tiżgura li jingħataw il-garanziji meħtieġa għall-ġestjoni finanzjarja soda u għar-regolarità u l-legalità tal-operazzjonijiet tal-ES.

Għaldaqstant, abbażi tar-rapporti tal-awditjar u l-frodi skoperta fil-kontijiet ta’ waħda mill-iskejjel fl-2012, id-DĠ HR ħareġ riżerva ta’ reputazzjoni fuq il-ġestjoni finanzjarja tal-ES fl-aħħar erba’ Rapporti Annwali tal-Attività tiegħu (mill-2013 sal-2016). Barra minn hekk, il-Kummissjoni vvutat kontra l-aħħar erba’ kwittanzi relatati mal-eżekuzzjoni tal-baġit tal-2012, l-2013, l-2014 u l-2015 (filwaqt li l-membri l-oħra kollha tal-Bord tal-Gvernaturi vvutaw favur).

Fir-rapport tagħha dwar il-kwittanza tal-baġit ġenerali tal-UE għall-2015 6 , il-Parlament Ewropew (“PE”) indika xi nuqqasijiet fil-ġestjoni finanzjarja tal-ES, li jirriflettu s-sejbiet tal-QEA u tal-IAS.

Konsegwentement, il-PE sejjaħ lill-Kummissjoni biex taqdi r-rwol sħiħ tagħha fl-oqsma kollha ta’ ġestjoni tal-ES u talab għal komunikazzjoni lill-Parlament u lill-Kunsill dwar kif l-istruttura amministrattiva tal-ES setgħet tiġi riformata bl-aħjar mod 7 .

Din il-komunikazzjoni għalhekk għandha l-għan li tistipula l-opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-istruttura amministrattiva u finanzjarja tal-ES u r-riformi kontinwi meħuda f’dawn l-oqsma.



2Progress fir-riforma tal-istruttura amministrattiva tas-sistema tal-Iskejjel Ewropej

Huwa importanti li jiġi rikonoxxut li diġà ġew realizzati kisbiet importanti meta wieħed jiġi biex jirriforma l-istruttura amministrattiva tal-ESS.

Il-kisba ewlenija hija l-adozzjoni ta’ Regolament Finanzjarju (“RF”) rivedut tal-ES 8 mill-Bord tal-Gvernaturi f'Settembru 2017. Ir-rieżami tal-RF inbeda mill-Kummissjoni, li, fit-tmiem tal-2014, kisbet mandat mill-Bord tal-Gvernaturi biex tibda diskussjonijiet dwaru. Ir-RF ġdid jintroduċi mudell ġdid ta’ governanza finanzjarja fl-ESS. Dan jikkonsisti prinċipalment f’ċentralizzazzjoni gradwali tal-funzjonijiet tal-Uffiċjal tal-Awtorizzazzjoni u l-Uffiċjal tal-Kontabilità. Il-Kummissjoni tilqa’ wkoll il-fatt li r-RF rivedut huwa aktar allinjat mar-Regolament Finanzjarju tal-Unjoni 9 , b’mod partikolari, f’termini ta’ prinċipji baġitarji, sistemi interni ta’ kontroll (inkluż rapportar u kontabilità aħjar) u regoli dwar l-akkwist pubbliku.

Barra minn hekk, bħala mod biex jittaffew in-nuqqasijiet identifikati mill-awdituri, l-ES ħadu numru ta’ miżuri għall-promozzjoni ta’ ġestjoni finanzjarja soda u għall-ġlieda kontra l-frodi, jiġifieri implimentazzjoni tal-kontabilità abbażi tad-dovuti, ir-rappurtar tar-riżultati ta’ kontroll u t-tfassil mill-ġdid tal-qafas ta’ kontroll intern (notevolment valutazzjoni tar-riskju u reġistru tar-riskju ġew stabbiliti u l-istandards ta’ kontroll intern ġew riveduti). Funzjoni ta’ koordinazzjoni ta’ kontroll intern ilha operattiva mill-2014, li tagħti pariri u gwida lill-iskejjel u lill-Uffiċċju Ċentrali tal-ES dwar is-segwitu effettiv tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar kif ukoll tat-tfassil u l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ kontroll intern. Inħolqot taqsima ta’ akkwist pubbliku kwalifikat fl-Uffiċċju Ċentrali tal-ES. Il-prinċipju tas-segregazzjoni tad-dmirijiet ġie rieżaminat u mtejjeb, u r-regoli dwar il-mobbiltà ta’ persunal b’funzjonijiet sensittivi (pereż. bursara esperti) ġew adottati, filwaqt li dawk dwar bursara rreklutati lokalment qegħdin jiġu diskussi.

L-ES għamlu progress sinifikanti fl-indirizzar ta’ nuqqasijiet fil-kontroll intern strutturali tas-sistema tal-pagament. L-ES kollha issa għandhom segregazzjoni xierqa ta’ setgħat meta niġu għat-twettiq ta’ pagamenti. Għaldaqtstant, l-IAS iddetermina li r-riskju ta’ frodi relatat ma’ nuqqas fis-sistema ta’ pagament ġie mitigat biżżejjed u għalaq ir-rakkomandazzjoni pertinenti 10 . Dan huwa kkonfermat mir-rapport tal-QEA tal-2016 11 .

Barra minn hekk, ir-RF tal-ES jippermetti lill-OLAF sabiex iwettaq investigazzjonijiet amministrattivi fl-ES, inklużi spezzjonijiet fil-kuntest tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra. Barra minn hekk, l-ES qegħdin jistabbilixxu Strateġija Kontra l-Frodi u l-OLAF se jipprovdi taħriġ ta’ prevenzjoni tal-frodi fil-qafas ta’ Ftehimiet Amministrattivi.

Barra minn hekk, awditjar indipendenti estern fuq il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju tal-ES u s-SĠ ġie gradwalment stabbilit. Ħames skejjel diġà ġew awditjati u dawk kollha rimanenti se jiġu awditjati fi żmien tliet snin.

Meta tikkunsidra dawn l-elementi differenti, il-Kummissjoni tqis li ma għadx għandha bżonn iżżomm ir-riżerva reputazzjonali tagħha fir-Rapport ta’ Attività Annwali tal-2017 tagħha.

Filwaqt li l-irwol konsultattiv tal-Uffiċċju Ċentrali tal-ES lejn l-Iskejjel huwa kruċjali, il-Kummissjoni kkontribwiet ukoll biex jissaħħu r-riżorsi ddedikati għall-appoġġ u l-gwida għall-kontroll intern u l-ġestjoni finanzjarja. B’mod partikolari, il-Kummissjoni b’mod proattiv ipprovdiet lill-ES b’pariri u taħriġ relatat mar-responsabbiltajiet tal-Uffiċjal tal-Awtorizzazzjoni, l-ipprogrammar u r-rapportar kif ukoll id-disinn tas-sistema ta’ kontroll interna. Ġie konkluż Ftehim dwar il-Livell ta’ Servizz f’Ottubru 2016 li joffri l-possibbiltà lill-ES biex isegwu taħriġ organizzat mill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet finanzjarji, baġitarji u ta’ akkwist pubbliku.

Ir-rapporti tal-QEA tal-2015 u tal-2016 jikkonfermaw progress peress li ma żvelawx żbalji materjali fir-rapporti finanzjarji għall-2015. Il-konklużjonijiet aktar pożittivi tal-QEA meta mqabbla ma’ rapporti preċedenti jirriflettu l-fatt li ħafna mill-miżuri meħtieġa li ttieħdu matul dawn l-aħħar snin mill-ES qegħdin jibdew jipproduċu r-riżultati.

Madankollu, reviżjoni sħiħa ta’ struttura amministrattiva u ristrutturar tal-kontroll intern huwa proċess fuq medda twila ta’ żmien. Dan huwa rifless fir-rapport tal-2016 tal-QEA, li ppreveda wkoll, minbarra l-progress li ġie rrappurtat, kwalifika b’saħħitha relatata man-nuqqasijiet persistenti ta’ kontroll intern fis-sistemi ta’ reklutaġġ, akkwist pubbliku u arranġamenti għall-pagament, li juri l-ħtieġa għal riforma ulterjuri tal-istruttura amministrattiva tal-ES.

3Il-fehmiet tal-Kummissjoni dwar ir-riforma tal-istruttura amministrattiva tal-Iskejjel Ewropej

L-ewwel nett, huwa importanti li jiġi mfakkar li f’rispons għar-Riżoluzzjoni tal-PE tal-2011 12 , il-Kummissjoni bdiet diskussjoni dwar bidla fil-mudell governattiv fi ħdan il-Bord tal-Gvernaturi fl-2012. Għaldaqstant, il-Bord ikkonkluda li ma hemm ebda ħtieġa li tinbidel il-Konvenzjoni, peress li l-Bord kellu s-setgħa li jieħu kull deċiżjoni meħtieġa biex jiġi meqjus in-nuqqas tas-sistema tal-ES fi ħdan il-mudell attwali.

Il-Kummissjoni għalhekk tirrikonoxxi li s-sistema attwali ta’ governanza tħalli biżżejjed spazju għall-manuvri sabiex jiġu mwettqa r-riformi meħtieġa fl-oqsma varji tal-ESS. Il-Kummissjoni se tkompli taqdi r-rwol tagħha u tipprovdi l-gwida u s-sapport tagħha lill-ES fi ħdan l-istruttura amministrattiva u ta’ governanza attwali.

Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri jridu jkomplu jirrispettaw ir-responsabbiltajiet tagħhom fil-konfront tal-ES, fil-kuntest tal-governanza tal-kooperazzjoni intergovernattiva attwali, fejn huma mistennija li jkollhom rwol ewlieni fil-qafas ta’ edukazzjoni ġenerali u biex jissodisfaw l-impenji finanzjarji tagħhom u l-obbligi tagħhom bħala pajjiżi ospitanti.

Skont il-Kummissjoni, il-konsolidazzjoni tal-istruttura amministrattiva tal-ESS għandha titwettaq f’konformità mal-linji li ġejjin:

3.1Governanza finanzjarja: iċ-ċentralizzazzjoni tar-rwoli ewlenin

Skont ir-Regolament Finanzjarju ġdid tal-ES, il-funzjonijiet tal-Uffiċjal tal-Awtorizzazzjoni u l-Uffiċjal tal-Kontabilità se jkunu gradwalment ċentralizzati, skont il-mudell applikat fil-Kummissjoni Ewropea.

B’mod aktar speċifiku, il-funzjoni tal-Uffiċjal tal-Awtorizzazzjoni se tkun ċentralizzata fil-livell tas-Segretarju Ġenerali tal-ES, minflok l-14-il uffiċjal tal-awtorizzazzjoni (attwalment il-Viċi Segretarju Ġenerali tal-Uffiċċju Ċentrali u t-13-il Direttur għall-iskejjel). Iċ-ċentralizzazzjoni se tiġi finalizzata mill-1 ta’ Jannar 2020. Is-Segretarju Ġenerali bħala Uffiċjal tal-Awtorizzazzjoni se jkun jista’ jaħtar Uffiċjali tal-Awtorizzazzjoni b’Delega (id-Diretturi tal-ES u attur li għadu jrid jiġi definit fil-livell tal-Uffiċċju Ċentrali għall-kostijiet tiegħu stess).

Waqt il-perjodu ta’ tranżizzjoni minn 1/1/2018 sa 31/12/2019, is-Segretarju Ġenerali għandu jippreżenta Rapport ta’ Attività Annwali lill-Bord tal-Gvernaturi, f’April 2019 u f’April 2020, fuq il-ġestjoni ġenerali tal-ESS, inklużi l-konklużjonijiet ewlenin dwar il-ġestjoni tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja soda u s-sistemi ta’ kontroll intern. Barra minn hekk, is-Segretarju Ġenerali għandu jirrapporta minnufih lill-Bord tal-Gvernaturi kull meta tinġibidlu l-attenzjoni dwar kwalunkwe sejba materjali li tirriżulta minn kontrolli jew awditi fl-ESS.

Is-Segretarju Ġenerali għandu jirrapporta lill-Bord tal-Gvernaturi, għall-ewwel darba sa nofs Lulju 2019, dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja u dwar is-sejbiet ewlenin li joħorġu minn kontrolli ex post u s-sistemi ta’ kontroll intern.

Iċ-ċentralizzazzjoni gradwali tar-rwol tal-Uffiċjal tal-Kontabilità bdiet fl-1 ta’ Jannar 2018 bil-għan li jitwettaq dan il-proċess bis-sħiħ fl-2020. Il-funzjonijiet ta’ kontabilità lokali korrispondenti, taħt ir-responsabbiltà tal-Kontabbli, se jinħolqu fit-13-il ES u l-Uffiċċju Ċentrali (għall-kostijiet tiegħu stess). L-Uffiċjal tal-Kontabilità ċentrali se jiffirma l-kontijiet u jagħti l-assigurazzjoni tiegħu li l-kontijiet jippreżentaw stampa vera u ġusta tas-sitwazzjoni finanzjarja għall-ewwel darba għall-kontijiet tal-2018 (f’Lulju 2019).

Ir-riforma se tissimplifika l-kontabilità tal-ES, tagħti s-sorveljanza lill-Bord tal-Gvernaturi u tgħin biex jittaffew in-nuqqasijiet inklużi s-sejbiet tal-QEA u relatati ma’ kwistjonijiet ta’ konsolidazzjoni, affidabilità u preċiżjoni, dewmien, ġestjoni tal-inventarju u tal-assi fissi.

L-implimentazzjoni tar-RF revedut se tirriżulta f’mudell ġdid ta’ governanza finanzjarja tal-ES. Dan huwa mistenni li jsaħħaħ il-ġestjoni finanzjarja soda u ċ-ċarezza u l-kontabilità tal-ESS, filwaqt li tiġi rispettata l-awtonomija tal-iskejjel, kif previst fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni, u tiġi żgurata r-responsabbiltà inerenti għal kull attur finanzjarju u uffiċjal awtorizzanti b'delega/sottodelega.

Ir-RF il-ġdid jagħti l-qafas legali biex jinbeda l-proċess ta’ ċentralizzazzjoni. It-tali proċess jinvolvi numru kbir ta’ bidliet fl-istruttura preżenti, li jeħtieġ li jiġu implimentati b’attenzjoni mill-ES. Se jinqalgħu għadd ta’ kwistjonijiet, li jvarjaw minn persunal tal-Uffiċċju Ċentrali u tal-ES għall-grad ta’ ċentralizzazzjoni tad-diversi servizzi u l-impatt fuq l-amministrazzjonijiet ċentrali u lokali. Dan kollu se jkollu jiġi vvalutat bir-reqqa u solvut qabel ma l-ES ikunu jistgħu jiksbu l-benefiċċji mistennija tal-eżerċizzju ta’ ċentralizzazzjoni.

Rigward iċ-ċentralizzazzjoni gradwali tar-rwolijiet tal-Uffiċjal tal-Awtorizzazzjoni u l-Uffiċjal tal-Kontabilità, ġie adottat pjan ta' implimentazzjoni mill-Bord tal-Gvernaturi f'Settembru 2017 flimkien mar-RF rivedut. Dan jinkludi terminu għal numru ta’ passi meħtieġa għat-titjib tal-governanza finanzjarja (pereż. tħejjija ta’ proċeduri aktar preċiżi għal akkwist pubbliku, ibbaġitjar u rapportar, soluzzjoni ta’ nuqqasijiet fis-softwer tal-kontabilità u l-istallazzjoni ta’ mekkaniżmi ċentrali ta’ validazzjoni tal-kontabilità).

Il-kisba ta’ dan l-isforz għaċ-ċentralizzazzjoni se jkun kompitu ta’ sfida kbira li jeħtieġ eżekuzzjoni soda tal-pjan ta’ implimentazzjoni mill-ES.

3.2Titjib fil-ġestjoni finanzjarja u baġitarja u fil-kontroll intern

Flimkien maċ-ċentralizzazzjoni tar-rwoli ewlenin fl-amministrazzjoni tal-ES, ir-ristrutturar tas-sistema ta’ kontroll intern jeħtieġ li l-ES tiddedika aktar attenzjoni għal dawn l-oqsma li ġejjin:

3.2.1Sistema ta' pagament 

Kif imsemmi taħt il-Punt 2, kemm l-IAS kif ukoll il-QEA stabbilew li hemm riskju ta’ frodi relatat man-nuqqas li huwa mitigat b’mod suffiċjenti. Madankollu, il-QEA kkwalifikat mill-ġdid ir-rakkomandazzjoni tagħha fir-rapport tagħha dwar is-sena finanzjarja 2016, billi l-integrazzjoni ta’ softwer tal-kontabilità mas-sistema ta’ pagament elettroniku għadha twassal għal nuqqasijiet oħrajn ta’ kontroll intern li għadhom ma ġewx solvuti. Għalhekk, minkejja li r-riskju ta’ frodi huwa suffiċjentement imnaqqas, l-isforzi biex jitnaqqsu ir-riskji residwi l-oħra jridu jiġu segwiti.

Il-Kummissjoni appoġġat iċ-ċentralizzazzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ pagamenti, kif deċiż mill-Bord tal-Gvernaturi f’Settembru 2017, fil-kuntest ta’ pjan ta’ implimentazzjoni 2017–2019 għal governanza finanzjarja ġdida.

3.2.2Segregazzjoni tad-doveri u ċirkwiti finanzjarji

Ir-rwoli Awtorizzanti u ta’ Kontabilità għandhom jiġu separati. Dan se jkun rifless fuq naħa waħda fir-rwol tal-Uffiċjal Awtorizzanti b'delega mwettaq mid-Direttur tal-Iskola, li jirċievi l-mandat tiegħu direttament mis-Segretarju Ġenerali. Min-naħa l-oħra, se jkun hemm kontabilità korrispondenti f’kull skola u fl-Uffiċċju Ċentrali, li se jkunu responsabbli għall-immaniġġjar ta’ kuljum ta’ kontijiet u l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti mill-Uffiċjal tal-Kontabilità ċentrali. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ erba’ għajnejn aħjar minn tnejn se jiġi implimentat f’kull tranżazzjoni.

Ir-Regolamenti għall-persunal issekondat ġew riveduti reċentement 13 biex jirriflettu aħjar l-importanza u r-riskji marbuta mar-rwol ta’ Bursara/Amministraturi fil-kuntest attwali ta’ ġestjoni tal-ES. Ir-regolament il-ġdid, li daħal fis-seħħ sa minn 1/1/2018, jinkludi, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet applikabbli għal mobilità lill-Bursara sekondati, iffissar aħjar tal-kompiti u tal-ammonti tas-salarji.

Jenħtieġ li tiġi definita mill-ġdid deskrizzjoni preċiża tal-kompiti futuri li għandhom jiġu fdati lill-Bursara permezz tal-Uffiċċju tas-Segretarju Ġenerali tal-ES sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza u l-konsistenza.

3.2.3Ambjent ta' kontroll intern

Il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sistemi ta’ kontroll intern jeħtieġu jiġu msaħħa aktar. Hija tappoġġa l-pjanijiet ta’ azzjoni adottati għal dan il-għan mill-Bord tal-Gvernaturi fil-kuntest tar-RF il-ġdid kif ukoll fil-kuntest tal-miżuri ta’ mitigazzjoni biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar. Dan il-pjan għandu l-għan, fost l-oħrajn, li jaġġorna l-Istandards ta’ Kontroll Intern, jiżviluppa l-valutazzjoni tar-riskju kif ukoll metodoloġija tal-kontrolli ex post li tkopri kull tip ta’ tranżazzjonijiet.

It-tali miżuri jtejbu l-affidabilità tal-informazzjoni pprovduta mill-iskejjel u jagħtu twissija ċara dwar problemi eżistenti jew possibbli.

3.3    Riallokazzjoni ta’ riżorsi għall-implimentazzjoni fil-mixja lejn iċ-ċentralizzazzjoni

Fil-kuntest tar-reviżjoni tar-RF adottat f’Settembru 2017, il-postijiet meħtieġa biex imexxu l-proċess taċ-ċentralizzazzjoni inħolqu fil-baġit 2017 u 2018.

Il-Kummissjoni talbet li, fil-kuntest tal-proċedura tal-Abbozz tal-baġit 2019, ikun hemm diskussjoni ġdida dwar il-kwistjoni tar-riallokazzjoni tal-persunal. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ES għandhom jiżviluppaw pjanijiet multiannwali tar-riżorsi umani li jiffaċilitaw ir-riallokazzjoni tal-persunal f’konformità mal-prijoritajiet u l-ħtiġijiet. Soluzzjoni bilanċjata għandha tqis, min-naħa l-waħda, il-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġestjoni soda u s-sistemi ta’ kontroll intern tal-Iskejjel u min-naħa l-oħra li jinħolqu l-istrutturi ċentralizzati meħtieġa biex jappoġġaw il-funzjonijiet ċentrali.

3.4    Sistema ġusta u affiddabbli ta’ qsim tal-kostijiet

In-numru ta’ għalliema ssekondati, li tradizzjonalment kienu s-sinsla tal-ESS, qed jonqos, li jimxi b’mod parallel mat-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri permezz tal-pagament tar-remunerazzjoni ta’ din il-kategorija ta’ persunal. Fl-istess ħin, il-popolazzjoni tal-istudenti qed tikber b’rata mgħaġġla.

Ir-rwol tal-Istati Membri huwa partikolarment importanti f’dak li jirrigwarda s-sekondar tal-għalliema, b’mod partikolari għall-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż. It-tnaqqis fin-numru ta’ għalliema ssekondati li jagħtu lezzjonijiet f’dawn il-lingwi għandu impatt doppju fuq l-ES. Min-naħa l-oħra, dan iġiegħel lill-iskejjel jirreklutaw għalliema lokalment, bil-konsegwenzi baġitarji negattivi kollha li dan iġib miegħu fuq il-kontribuzzjoni ta’ bbilanċjar tal-UE għall-ESS, peress li s-salarji tal-għalliema rreklutati lokalment huma koperti mill-baġit tal-UE, billi l-bażi tal-ESS skont il-Konvenzjoni hija s-sekondar tal-għalliema mill-Istati Membri 14 . Min-naħa l-oħra, it-tnaqqis fl-għadd ta’ għalliema ssekondati jista’ jikkontribwixxi biex iżid l-għadd ta’ korsijiet mgħallma minn kelliema mhux nattivi jekk ir-reklutaġġ ta’ kelliema nattivi jkun diffiċli.

Billi tqis li sistema bilanċjata ta’ qsim tal-kostijiet hija kruċjali għas-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistema tal-ES, il-Kummissjoni tirrakkomanda li jitniedu diskussjonijiet dwar ir-reviżjoni tas-sistema attwali sabiex tiġi elaborata soluzzjoni vijabbli mis-sena skolastika 2020/2021 ’l quddiem. Jenħtieġ li s-sekondar jew l-assenjazzjoni tal-għalliema mill-Istati Membri jibqgħu s-sinsla tal-ESS f’mekkaniżmu rivedut tal-qsim tal-kostijiet. Hija għandha wkoll tqis b’mod xieraq il-ħtiġijiet reali tal-iskejjel u l-konsegwenzi possibbli tal-Brexit filwaqt li tipprovdi għal sehem ġust tal-kostijiet mill-Istati Membri.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni jidhrilha li jenħtieġ li mudell ta’ qsim tal-kostijiet jiġi implimentat kif suppost minn istituzzjonijiet, aġenziji u korpi oħrajn tal-UE ffinanzjati kompletament jew parzjalment barra mill-baġit tal-UE u li t-tfal tal-persunal tagħhom huma miktubin fl-ES. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kkonkludiet Ftehimiet ta’ Kontribuzzjoni mal-“Grupp tal-BEI” u l-MES 15 , kif ukoll mal-EUIPO (li qabel kien magħruf bħala OHIM) 16 u aġenziji u korpi oħra (Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni u diversi Impriżi Konġunti) sabiex dawn jieħdu ħsieb il-kostijiet għall-edukazzjoni tat-tfal tal-persunal tagħhom. Barra minn hekk, fi tmiem l-2017, ftehim ta’ parteċipazzjoni bbażat fuq l-Artikolu 28 tal-Konvenzjoni ġie konkluż bejn l-ES u l-Bank Ċentrali Ewropew. Barra minn hekk, għaddejjin diskussjonijiet ma’ aġenziji oħra bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom għall-baġits tal-ES.

4Konklużjoni

L-ES taw bidu għal riforma strutturali fit-tul tal-istruttura amministrattiva u finanzjarja tagħhom. Sa issa dan irriżulta fil-mitigazzjoni tad-dgħufija fil-kontroll intern tas-sistemi ta’ pagament tal-ES fil-qalba tal-każ ta’ frodi li wassal lill-Kummissjoni biex toħroġ riżerva reputazzjonali. Dan wassal ukoll għal tisħiħ tal-istruttura ta’ kontroll intern attwali u r-reviżjoni tar-RF li se jippermettu lill-ES biex jirriformaw l-istruttura amministrattiva tagħhom aktar minn qabel.

Passi ulterjuri, kif deskritti hawn fuq, huma meħtieġa sabiex jittejjeb il-kontroll intern u l-ġestjoni amministrattiva. Ir-riforma tal-istruttura amministrattiva teħtieġ id-determinazzjoni sħiħa mill-ES kif ukoll l-implimentazzjoni xierqa ta’ ppjanar xieraq. Il-Kummissjoni se tkompli tagħtihom is-sapport meħtieġ, fejn possibbli.

Sistema ġusta u affidabbli ta’ qsim tal-kostijiet bejn il-baġit tal-UE, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-korpi li jibbenefikaw mill-ESS hija kruċjali għas-sostenibbiltà futura tas-sistema globali.

Il-Kummissjoni tqis li n-nuqqasijiet u l-isfidi ewlenin li qed jaffaċċjaw l-ES jistgħu jiġu indirizzati fi ħdan il-qafas eżistenti stabbilit mill-ES, bl-impenn sħiħ tal-Istati Membri. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tkompli tiżgura li l-pożizzjoni tagħha hija meħuda f’kunsiderazzjoni mas-sistema superviżorja tal-ES, jiġifieri l-Kumitat Pedagoġiku Konġunt, il-Kumitat tal-Baġit u l-Bord tal-Gvernaturi.

(1)

Il-Ġurnal Uffiċjali L 212, 17/08/1994 P. 0003 - 0014.

(2)

Alicante, Brussell I (Uccle + Berkendael), Brussell II (Woluwé), Brussell III (Ixelles), Brussell IV (Laeken), Frankfurt am Main, Mol, Bergen, Karlsruhe, Munich, Varese, il-Lussemburgu I u l-Lussemburgu II), f’sitt pajjiżi (il-Belġju, in-Netherlands, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja u l-Lussemburgu), b’total ta’ madwar 27 000 student preżenti fl-2017.

(3)

Barra minn hekk l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (għall-ES Munich), il-Bank Ewropew tal-Investiment/il-Fond Ewropew tal-Investiment (għall-ES fil-Lussemburgu mill-2016), l-EUIPO (għall-ES Alicante mill-2017) u l-BĊE (għall-ES Frankfurt mill-2017); bid-dritt tal-vot dwar kwistjonijiet relatati mal-ES koperti mill-ftehimiet tagħhom.

(4)

In-nefqa għall-bini tal-Uffiċċju tas-Segretarju Ġenerali tal-ES, it-tindif, il-manutenzjoni, l-IT u l-appoġġ edukattiv fl-Iskejjel.

(5)

Il-kumplament – kategorija I – tal-istudenti huma tfal tal-persunal tal-istituzzjonijiet/korpi tal-UE, li huma eżentati mit-tariffi tal-iskola.

(6)

A8–0150/2017.

(7)

Ir-Rakkomandazzjoni 2015/PAR/0371.

(8)

Il-Bord tal-Gvernaturi adotta r-Regolament Finanzjarju ġdid fil-05.09.2017. Numru ta’ referenza: 2017-12-D-21-en-1 https://www.eursc.eu/BasicTexts/2017-12-D-21-en-1.pdf .

(9)

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

(ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1)

(10)

Is-Segwitu mill-IAS abbażi tar-Rakkomandazzjonijiet Pendenti mill-awditjar tal-IAS dwar “Il-Ġestjoni ta’ Titoli tat-Teżor u tad-Dħul fl-Iskejjel Ewropej."

(11)

Ir-Rapport fuq il-kontabilità annwali tal-Iskejjel Ewropej għas-sena finanzjarja 2016 https://www.eca.europa.eu/en/Pages/DocItem.aspx?did=42117

(12)

2011/2036(INI) tas-27.09.2011

(13)

Il-Bord tal-Gvernaturi adotta sett ta’ emendi għar-Regolamenti għall-Membri tal-Persunal Sekondati tal-Iskejjel Ewropej fit-08.06.2017. Ref. 2017-04-D-8-en-1.

(14)

L-Artikoli 3(2) u 25(1) tal-Konvenzjoni.

(15)

Il-Bank Ewropew tal-Investiment li jirrappreżenta wkoll il-Fond Ewropew tal-Investiment u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, f’Diċembru 2015.

(16)

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, f’Ġunju 2017.

Top