EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IE0663

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-implikazzjonijiet tad-diġitalizzazzjoni u r-robotizzazzjoni tat-trasport għat-tfassil tal-politika tal-UE” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 345, 13.10.2017, p. 52–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 345/52


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-implikazzjonijiet tad-diġitalizzazzjoni u r-robotizzazzjoni tat-trasport għat-tfassil tal-politika tal-UE”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2017/C 345/08)

Relatur:TBL

Tellervo KYLÄ-HARAKKA-RUONALA

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

26.1.2017

Bażi legali

Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni responsabbli

It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

14.6.2017

Adottata fis-sessjoni plenarja

5.7.2017

Sessjoni plenarja Nru

527

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

157/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Id-diġitalizzazzjoni u r-robotizzazzjoni fil-qasam tal-mobbiltà tal-persuni u tat-trasport tal-oġġetti jipprovdu diversi benefiċċji lis-soċjetà bħal aċċessibbiltà u konvenjenza aħjar għall-passiġġieri, l-effiċjenza u l-produttività għal-loġistika, it-titjib fis-sigurtà tat-traffiku u tnaqqis fl-emissjonijiet. Fl-istess ħin, hemm tħassib dwar is-sikurezza, is-sigurtà, il-privatezza, ix-xogħol u l-ambjent.

1.2.

Filwaqt li t-teknoloġija toffri ħafna opportunitajiet, il-progress m’għandux ikun immexxi biss mit-teknoloġija iżda għandu jkollu l-għan li joħloq valur miżjud għas-soċjetà. Id-dibattitu politiku — flimkien mal-involviment adegwat tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tal-ippjanar tat-trasport, partikolarment f’żoni urbani kbar — huwa għalhekk meħtieġ.

1.3.

It-twettiq tat-trasport diġitali jeħtieġ soluzzjonijiet għall-konġestjoni eżistenti, kif ukoll investimenti integrati tul in-netwerk TEN-T fis-sistemi tat-trasport, tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni, inkluż fejn jidħol l-użu tal-5G. L-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-FEIS, l-Orizzont 2020 għandhom jappoġġjaw dawn l-impriżi.

1.4.

Id-diġitalizzazzjoni u r-robotizzazzjoni tat-trasport jipprovdu opportunitajiet ġodda ta’ negozju kemm lill-industriji tal-manifattura kif ukoll lill-industriji tas-servizzi, inklużi l-SMEs, u jistgħu jkunu qasam ta’ vantaġġ kompetittiv għall-UE. Għal dan l-għan, il-KESE jappella għal ambjent tan-negozju abilitanti u inkoraġġanti, inkluża attitudni miftuħa lejn mudelli ta’ negozju ġodda u li tingħata spinta lill-iżvilupp ta’ pjattaformi diġitali Ewropej.

1.5.

Id-diġitalizzazzjoni u r-robotizzazzjoni tat-trasport ser iġibu bidliet profondi fin-natura tax-xogħol u d-domanda għall-ħiliet. Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu ttrattati dawn il-bidliet strutturali billi tittejjeb tranżizzjoni ġusta u bla xkiel u jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħiliet, flimkien ma’ monitoraġġ xieraq tal-progress. Id-djalogu soċjali u li jiġu informati u kkonsultati l-ħaddiema għandhom rwol ewlieni fil-proċess ta’ tranżizzjoni. L-Istati Membri għandhom ukoll jadattaw is-sistemi edukattivi tagħhom biex jissodisfaw id-domanda ġdida għall-ħiliet.

1.6.

Id-diġitalizzazzjoni u r-robotizzazzjoni tat-trasport jirrikjedu d-disponibbiltà, aċċessibbiltà u fluss liberu tad-data xierqa. Fl-istess ħin, għandha tiġi żgurata protezzjoni adegwata tad-data. Iż-żieda fil-kapaċitajiet taċ-ċibersigurtà u l-indirizzar tal-kwistjonijiet ta’ responsabbiltà huma meħtieġa wkoll biex jiġu indirizzati l-iżviluppi ġodda.

1.7.

Il-KESE jenfasizza l-karattru intermodali tat-trasport diġitali, li jolqot il-qalba tal-istrateġija tat-trasport tal-UE. Dan jimplika wkoll rabtiet mill-qrib ma’ oqsma oħra ta’ politika bħal dawk relatati mas-suq uniku diġitali, l-enerġija, l-iżvilupp industrijali u l-innovazzjoni u l-ħiliet. Peress li l-għanijiet u r-rekwiżiti tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jaġixxu bħala wieħed mill-muturi diġitali tat-trasport, hemm ukoll rabta mill-qrib mas-sostenibbiltà ambjentali.

2.   Sfond u xejriet attwali

2.1.

Id-diġitalizzazzjoni qiegħda tespandi fl-oqsma kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà — bit-trasport ikun qasam li spiss jintuża bħala eżempju. L-għan ta’ din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja huwa li jitqiesu l-iżviluppi u l-implikazzjonijiet tad-diġitalizzazzjoni u r-robotizzazzjoni tat-trasport mil-lat tas-soċjetà inġenerali, inklużi n-negozji, tal-ħaddiema, tal-konsumaturi u taċ-ċittadini inġenerali, u li jiġu promossi l-opinjonijiet tal-KESE dwar kif dawn l-iżviluppi għandhom jitqiesu fit-tfassil tal-politika tal-UE, sabiex jinħatfu l-opportunitajiet u r-riskji jiġu ġestiti b’mod xieraq.

2.2.

Diġà qed isir ħafna xogħol fis-swieq, kif ukoll fl-oqsma differenti ta’ politika fil-livelli nazzjonali u tal-UE. Il-KESE indirizza wkoll din it-tema fl-opinjonijiet tiegħu, pereżempju fir-rigward tal-futur tal-industrija tal-karozzi (1) u l-Istrateġija Ewropea dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi, C-ITS (2) u kif ukoll l-Intelliġenza Artifiċjali (3).

2.3.

Id-diġitalizzazzjoni tat-trasport tieħu diversi forom. Attwalment, il-vetturi, l-inġenji tal-ajru u l-vapuri diġà jużaw l-informazzjoni diġitali f’ħafna modi, fosthom it-teknoloġija u s-servizzi li jappoġġjaw is-sewqan tal-karozzi, il-kontroll tat-traffiku tal-ferroviji, u l-ġestjoni tal-avjazzjoni u tat-tbaħħir. Id-diġitalizzazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-passiġġieri u l-oġġetti hija qasam ieħor tal-applikazzjoni ta’ kuljum. It-tielet, ir-robots jintużaw normalment fl-operazzjonijet tat-terminals fil-qasam tal-loġistika tal-merkanzija.

2.4.

Aktar awtomatizzazzjoni u robotizzazzjoni joħolqu opportunitajiet ġodda għat-trasport tal-oġġetti u tal-persuni, kif ukoll għal diversi tipi ta’ monitoraġġ u sorveljanza. Ir-robots virtwali, jiġifieri r-robots tas-softwer, hawnhekk għandhom rwol ċentrali billi jippermettu l-użu akbar u l-konnessjoni ta’ sistemi differenti ta’ informazzjoni, li jippermettulhom jiffunzjonaw bħala unità interoperabbli waħda.

2.5.

L-awtomatizzazzjoni tat-trasport tinvolvi l-iżvilupp ta’ mezzi tat-trasport fir-rigward tal-interazzjoni mal-bnedmin, kif ukoll mal-infrastruttura u sistemi esterni oħra. Vetturi, vapuri u sistemi tal-ispazju tal-ajru mingħajr sewwieq u mingħajr ekwipaġġ li huma kompletament awtonomi, jiġifieri li jiffunzjonaw indipendentement, huma l-aħħar pass f’dan l-iżvilupp.

2.6.

Attwalment, qed jiġu żviluppati karozzi mingħajr sewwieq minn diversi manifatturi tal-karozzi u qed jiġu ttestjati fil-prattika. Il-metros mingħajr sewwieq diġà ġew introdotti f’ħafna bliet, filwaqt li l-karozzi tal-linja u gruppi ta’ trakkijiet mingħajr sewwieq qed jiġu ttestjati. L-użu ta’ sistemi ta’ inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ jew drones qed jiżdied b’mod rapidu u anki vapuri kkontrollati mill-bogħod u awtonomi qed jiġu żviluppati. Minbarra l-vetturi, l-inġenji tal-ajru u l-vapuri, qed jiġu esplorati tipi ġodda ta’ soluzzjonijiet infrastrutturali u sistemi ta’ kontroll tat-traffiku.

2.7.

Għalkemm qed jittieħdu passi lejn trasport awtonomu u mingħajr ekwipaġġ, l-istrutturi bażiċi għadhom jibbażaw fuq il-persuni bħala l-atturi ewlenin. L-aktar implikazzjonijiet notevoli għandhom jitqiesu meta trasport kompletament awtonomu u mingħajr ekwipaġġ isir realtà. It-tbassir dwar meta dan se jseħħ ivarja b’mod sinifikanti. Madankollu, huwa importanti li ssir tħejjija għall-futur u li jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa fi żmien xieraq.

2.8.

Id-diġitalizzazzjoni tippermetti wkoll lill-passiġġieri u lil utenti oħra tat-trasport li jibbenefikaw minn kunċett ġdid ta’ Mobilità bħala Servizz (MaaS) permezz ta’ pjattaformi diġitali.

2.9.

L-iżvilupp li għaddej bħalissa ta’ MaaS, ifittex li jwieġeb aħjar għad-domanda tas-suq billi jiġu kkombinati s-sistemi ta’ riservazzjoni, ta’ xiri u ta’ ħlas tal-ktajjen ta’ trasport u l-għoti ta’ informazzjoni f’ħin reali dwar l-iskedi ta’ żmien, it-temp u l-kundizzjonijiet tat-traffiku, kif ukoll il-kapaċità ta’ trasport u soluzzjonijiet disponibbli. Għalhekk, l-MaaS hija l-interfaċċa diġitizzata tat-trasport. Fl-istess ħin, hija għandha l-għan li tottimizza l-użu tal-kapaċità tat-trasport.

2.10.

L-iżvilupp rapidu tat-teknoloġija bħal big data, il-cloud computing, in-netwerks mobbli 5G, is-sensers, ir-robotika u l-intelliġenza artifiċjali — speċjalment bil-kapaċitajiet ta’ tagħlim tagħhom bħal tagħlim bil-magni u tagħlim profond — huwa l-instigatur prinċipali wara l-iżviluppi fit-trasport diġitali u awtomatizzat.

2.11.

Madankollu, huwa ovvju li wieħed ma jistax jimxi b’suċċess jekk il-progress ikun immexxi biss mit-teknoloġija. Idealment, l-iżvilupp għandu jkun ibbażat fuq id-domanda tas-soċjetà. Min-naħa l-oħra, spiss ikun diffiċli għaċ-ċittadini li jaraw l-opportunitajiet li jipprovdu l-iżviluppi ġodda.

3.   Implikazzjonijiet għas-sistema tat-trasport

3.1.

L-iżvilupp diġitali joħloq kundizzjonijiet għall-intermodalità u b’hekk jikkontribwixxi għall-approċċ tas-sistema fit-trasport. Dan ifisser ukoll li b’żieda mal-infrastruttura tradizzjonali, is-sistema tat-trasport għandha diversi elementi ġodda.

3.2.

Madankollu, il-bażi tas-sistema tibqa’: it-toroq, il-ferroviji, il-portijiet u l-ajruporti. Minbarra dawn l-elementi bażiċi, hija meħtieġa infrastruttura diġitali avvanzata li tkopri s-sistemi ta’ mmappjar u ta’ lokalizzazzjoni, tipi differenti ta’ sensers għall-ġenerazzjoni tad-data, ħardwer u softwer għall-ipproċessar tad-data, u konnessjonijiet mobbli u broadband għat-tqassim tad-data. Is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tat-traffiku awtomatizzati huma inklużi wkoll fl-infrastruttura diġitali.

3.3.

Peress li kemm l-infrastruttura diġitali kif ukoll dik diġitizzata jirrikjedu l-elettriku, u minħabba l-interazzjoni bejn il-grilji elettriċi intelliġenti u l-vetturi elettriċi, l-infrastruttura tal-elettriku hija wkoll element ewlieni tas-sistema tat-trasport. Finalment, servizzi u infrastruttura ġodda huma meħtieġa biex ikun permess l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-traffiku u kif ukoll il-prenotazzjonijiet u l-pagamenti tas-servizzi ta’ mobilità. Is-sistema, minn infrastruttura fiżika għal servizzi fiżiċi tat-trasport, hija għalhekk marbuta permezz ta’ tipi differenti ta’ elementi diġitali.

3.4.

Minkejja żviluppi rapidi, għad hemm diversi ostakli li jfixklu l-progress lejn sistemi diġitali tat-trasport li għalhekk iridu jingħelbu. Dawn jinkludu, pereżempju, nuqqasijiet fid-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tad-data, in-nuqqas ta’ konnessjonijiet tal-Internet veloċi, u limitazzjonijiet tekniċi li għandhom x’jaqsmu mas-sensers u l-lokalizzazzjoni f’ħin reali.

3.5.

Il-KESE jappella għall-investiment fit-teknoloġija u l-infrastruttura li fuqhom jista’ jinbena t-trasport diġitali, b’mod partikolari l-ġestjoni tat-traffiku u s-sistemi ta’ kontroll: SESAR (Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew) u ERTMS (Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju) huma proġetti li jinsabu diġà fi stadju matur iżda li m’għandhomx biżżejjed riżorsi finanzjarji. Il-VTMIS (Sistema għall-Monitoraġġ u l-Informazzjoni dwar it-Traffiku tal-Bastimenti) u s-C-ITS għad iridu jiġu żviluppati. Barra minn hekk, il-konnessjonijiet tal-5G iridu jsiru disponibbli tul in-netwerk ewlieni tat-TEN-T. L-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u l-Orizzont 2020 għandhom jagħtu prijorità lil dawn l-impriżi.

3.6.

L-interoperabbiltà tas-sistemi diġitali hija meħtieġa wkoll sabiex tkun permessa l-konnettività transkonfinali kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment. L-UE għandha tagħmel ħilitha biex tkun il-prekursur u dik li tistabbilixxi l-istandards f’dan il-qasam.

3.7.

Il-KESE jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni ma teliminax il-ħtieġa ta’ investimenti f’infrastruttura bażika tat-trasport, għalkemm tottimizza l-użu tal-kapaċità eżistenti. Barra minn hekk, matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-vetturi u l-bastimenti parzjalment awtomatizzati u kompletament awtonomi jimxu flimkien, u dan għandu jitqies fl-infrastruttura tat-toroq u marittima. Fl-avjazzjoni tfaċċaw ukoll sfidi ġodda minħabba l-użu ta’ drones.

3.8.

Il-KESE jħeġġeġ l-iżvilupp ta’ sistemi u regoli komuni tal-ġestjoni tat-traffiku għad-drones fil-livell tal-UE u internazzjonalment fl-ICAO. Barra minn hekk, l-iżvilupp tar-regoli huwa meħtieġ fl-OMI sabiex ikun possibbli l-iżvilupp u l-introduzzjoni tat-tbaħħir ikkontrollat mill-bogħod u awtonomu, inkluż fil-portijiet.

4.   Implikazzjonijiet għan-negozju u l-innovazzjoni

4.1.

Id-diġitalizzazzjoni u r-robotizzazzjoni jwasslu għal aktar effiċjenza, produttività u sigurtà għat-trasport u l-loġistika tal-merkanzija. Opportunitajiet ġodda ta’ negozju jitfaċċaw ukoll għall-industriji tal-manifattura u tas-servizzi fir-rigward tal-awtomatizzazzjoni u r-robotika, is-servizzi għall-mobbiltà taċ-ċittadini, is-soluzzjonijiet għal loġistika aktar effiċjenti, jew id-diġitalizzazzjoni tas-sistema kollha tat-trasport. Dan jgħodd kemm għall-kumpaniji l-kbar kif ukoll għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, inklużi n-negozji ġodda.

4.2.

Meta wieħed iqis li l-kumpaniji tal-UE huma minn ta’ quddiem nett f’bosta oqsma relatati mat-trasport diġitali, dan jista’ jkun tassew qasam fejn jista’ jiġi żviluppat vantaġġ kompetittiv. Peress li hemm ħafna għaddej barra l-UE fir-rigward tal-iżvilupp ta’ trasport diġitali u awtonomu, l-UE għandha wkoll issaħħaħ l-isforzi tagħha fl-oqsma tal-innovazzjoni, l-infrastruttura, u l-ikkompletar tas-suq uniku, inkluż l-adattament tal-qafas legali ġdid f’kundizzjonijiet ta’ tħaddim.

4.3.

Hemm ukoll il-ħtieġa għal attitudni miftuħa lejn l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ tipi ġodda ta’ mudelli ta’ negozju, abbażi ta’ pjattaformi diġitali. Sabiex jissaħħaħ il-ħolqien ta’ pjattaformi Ewropej jeħtieġ li jkun żgurat li l-kundizzjonijiet abilitanti u li jagħtu appoġġ ikunu fis-seħħ u li l-qafas regolatorju jipprovdi lin-negozji b’kundizzjonijiet ekwi.

4.4.

Id-diġitalizzazzjoni u r-robotizzazzjoni tat-trasport huma bbażati primarjament fuq il-ġestjoni tad-data bħal fi kwalunkwe settur ieħor. Mil-lat kummerċjali, id-data tista’ titqies bħala fattur ta’ produzzjoni jew materja prima li għandha tiġi pproċessata u rfinata sabiex jinħoloq valur miżjud. Għal dan il-għan, il-fluss liberu tad-data huwa essenzjali. Għalhekk, il-KESE jitlob li jinstabu soluzzjonijiet effettivi li jeliminaw il-problemi assoċjati mal-aċċessibbiltà, l-interoperabbiltà u t-trasferiment tad-data, filwaqt li tiġi żgurata protezzjoni xierqa tad-data u l-privatezza.

4.5.

Il-KESE jqis importanti li jingħata u jiġi ffaċilitat l-aċċess għal data tal-massa relatata mat-trasport u mal-infrastruttura, iġġenerata mis-settur pubbliku, lill-utenti kollha. Barra minn hekk, huma meħtieġa kjarifiki u regoli għall-ġestjoni ta’ data mhux personali, b’mod partikolari data ġġenerata minn sensers u apparati intelliġenti. Fil-valutazzjoni tal-kwistjonijiet tal-aċċessibbiltà u l-użu mill-ġdid tad-data, huwa utli li wieħed jinnota li b’mod ġenerali, mhijiex id-data nfisha li ġġib vantaġġ kompetittiv iżda huma l-għodod, ir-riżorsi tal-innovazzjoni u l-pożizzjoni fis-suq li jirfinawha.

4.6.

Sabiex wieħed jiżviluppa u jikseb esperjenza fit-trasport diġitali u awtonomu, l-esperimentazzjoni u l-ittestjar b’teknoloġiji u kunċetti ġodda jridu jiġu ffaċilitati. Dan jirrikjedi ekosistemi tal-innovazzjoni u tan-negozju li jiffunzjonaw, bankijiet tat-test xierqa u qafas regolatorju ta’ abilitazzjoni. Il-KESE jistieden lill-awtoritajiet jadottaw approċċ li jistimula l-innovazzjoni minflok jistabbilixxi regoli u rekwiżiti dettaljati li jxekklu l-iżvilupp.

5.   Implikazzjonijiet għall-impjiegi, ix-xogħol u l-ħiliet

5.1.

L-implikazzjonijiet tad-diġitalizzazzjoni u r-robotizzazzjoni tat-trasport għax-xogħol bla dubju huma l-istess kif inhuma f’oqsma oħra. Kunċetti u proċessi ġodda jistgħu jirriżultaw f’telf ta’ impjiegi, filwaqt li impjiegi ġodda jistgħu jinħolqu permezz ta’ prodotti u servizzi ġodda.

5.2.

L-aktar bidliet sinifikanti jistgħu jsiru fis-settur tat-trasport u tal-loġistika nnifsu iżda l-implikazzjonijiet għall-impjiegi jistgħu jiġu nnutati wkoll fis-setturi tal-manifattura relatati, kif ukoll fil-katini tal-provvista u r-raggruppamenti reġjonali.

5.3.

Bl-użu ta’ trasport mingħajr ekwipaġġ, id-domanda għall-persunal tat-trasport se tonqos. L-istess jgħodd għall-implikazzjonijiet tal-użu dejjem jiżdied tar-robotika għal xogħol fiżiku fl-operazzjonijiet tat-terminals. Uħud mill-impjiegi jistgħu jiġu sostitwiti b’kompiti ta’ kontroll u ta’ monitoraġġ iżda maż-żmien dawn il-kompiti jistgħu jonqsu wkoll. Fl-istess ħin, jistgħu jinħolqu impjiegi ġodda f’setturi oħrajn, b’mod partikolari fis-setturi relatati mat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, is-servizzi diġitali, l-elettronika u r-robotika. Barra minn hekk, filwaqt li jonqos ix-xogħol fiżiku u l-kompiti ta’ rutina, jikber ir-rwol ta’ soluzzjoni tal-problemi u l-kompiti kreattivi.

5.4.

Il-bidla fil-kompiti timplika wkoll bidla konsiderevoli fid-domanda tas-suq għall-ħiliet. Hemm domanda dejjem tiżdied għal ċiberprofessjonisti b’ħiliet għolja bħall-iżviluppaturi tas-softwer. Min-naħa l-oħra, hemm ħtieġa dejjem tikber għall-ħiliet prattiċi assoċjati mal-użu tar-robotika u t-teħid ta’ azzjoni fis-sistemi ta’ kooperazzjoni bejn il-bnedmin u r-robots. Barra minn hekk, se tikber l-importanza tal-professjonisti b’kompetenzi b’bażi wiesgħa.

5.5.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li dawn il-bidliet strutturali jiġu indirizzati b’mod xieraq, billi jitħejjew strateġiji dwar kif għandha tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta u bla xkiel, jitnaqqsu l-impatti soċjali negattivi u jiġu indirizzati d-diskrepanzi fil-ħiliet, ikkombinati mal-monitoraġġ xieraq tal-progress. Id-djalogu soċjali u li jiġu informati u kkonsultati l-ħaddiema fil-livelli kollha għandhom rwol ewlieni fil-proċess ta’ tranżizzjoni.

5.6.

Jeżistu kemm ħtiġijiet immedjati kif ukoll fit-tul għat-taħriġ u l-edukazzjoni. L-Istati Membri għandhom rwol deċiżiv biex iwieġbu għad-domanda għal ħiliet ġodda billi jadattaw is-sistemi edukattivi tagħhom, u l-prattiki tajbin għandhom jinxterdu fuq livell Ewropew. Hija meħtieġa enfasi qawwija fuq ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, filwaqt li jitqies li d-domanda għall-ħolqien ta’ soluzzjonijiet ġodda tirrikjedi kompetenzi wiesgħa b’edukazzjoni fl-arti kif ukoll fix-xjenzi soċjali.

6.   Implikazzjonijiet għas-sikurezza, is-sigurtà u l-privatezza

6.1.

Jidher li ċ-ċittadini mhumiex ġeneralment konxji mit-tip ta’ opportunitajiet li d-diġitalizzazzjoni u r-robotizzazzjoni jipprovdu, pereżempju għall-aċċessibbiltà u l-konvenjenza ta’ mobilità, filwaqt li l-perċezzjoni ta’ sigurtà, sikurezza u privatezza tkun it-tħassib ewlieni. Huwa meħtieġ aktar tagħrif u komunikazzjoni dwar il-vantaġġi u l-iżvantaġġi, flimkien ma’ involviment adegwat tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tal-ippjanar tat-trasport fil-livell lokali, speċjalment fiż-żoni urbani l-kbar.

6.2.

Bla dubju, awtomatizzazzjoni avvanzata żżid is-sigurtà tat-trasport minħabba li l-iżbalji tal-bniedem jonqsu. Min-naħa l-oħra, riskji ta’ sigurtà ġodda jistgħu jitfaċċaw minħabba l-limitazzjonijiet fil-kapaċità tas-sensers li jagħrfu l-forom, ħsara potenzjali tal-apparati, interruzzjonijiet tal-Internet u tipi ġodda ta’ żbalji tal-bniedem bħal bugs tas-softwer. Madankollu, l-effett nett huwa vvalutat bħala wieħed evidentement pożittiv.

6.3.

Minħabba li qed jitfaċċa tħassib dejjem jiżdied fir-rigward taċ-ċibersigurtà, din se tkun waħda mill-elementi ewlenin tas-sigurtà tat-trasport. Iċ-ċibersigurtà tinvolvi vetturi, inġenji tal-ajru u vapuri iżda wkoll l-infrastruttura li tappoġġjahom, timmaniġġjahom u tikkontrollahom.

6.4.

L-introduzzjoni u l-użu ta’ trasport mingħajr ekwipaġġ u awtonomu jqajmu wkoll il-kwistjoni tar-regoli tat-traffiku, b’mod partikolari dawk relatati mal-aspetti etiċi. Minħabba li t-trasport huwa funzjoni transkonfinali, ir-regoli tat-traffiku għandhom jiġu armonizzati fis-suq intern, bl-għan li tinkiseb aktar armonizzazzjoni fil-livell internazzjonali.

6.5.

Bit-trasport kompletament awtonomu, iqumu wkoll mistoqsijiet ġodda dwar ir-responsabbiltajiet. Dan huwa rifless ukoll fl-iżvilupp tas-sistemi tal-assigurazzjoni. L-isfida ewlenija tista’ tkun l-istabbiliment fattwali ta’ responsabbiltà f’każ ta’ inċident, minħabba r-rwol tas-sistemi diġitali u l-involviment ta’ diversi atturi bħall-manifatturi u s-sidien ta’ vetturi, u l-maniġers tal-infrastruttura. Dan jista’ jirrikjedi aktar ħżin tad-data sabiex jiġu stabbiliti ċ-ċirkostanzi tal-inċident. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga oqfsa possibbli tal-ġbir tad-data u r-rekwiżiti għal skopijiet ta’ responsabbiltà, filwaqt li żżomm f’moħħha l-ħtieġa għall-privatezza.

6.6.

Fir-rigward tal-privatezza u aktar ħtiġijiet tad-data, in-nies jinsabu mħassba dwar jekk humiex qed jiġu mmonitorjati kontinwament. L-użu ta’ rikonoxximent tal-forom iqajjem ukoll tħassib dwar il-privatezza. Fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) se jiġi applikat fl-2018 bl-għan li jiġi pprovdut sett wieħed ta’ regoli għall-UE kollha. Il-KESE ġibed l-attenzjoni lejn l-importanza tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu u jenfasizza li d-data għandha tintuża biss għal skopijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tħaddim tas-sistema u m’għandhomx jinżammu għal finijiet oħra.

7.   Implikazzjonijiet għall-klima u l-ambjent

7.1.

L-impatti relatati mal-klima u ambjentali tat-trasport jiddependu fuq ħafna fatturi. It-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija tal-vetturi, l-inġenji tal-ajru u l-vapuri huwa wieħed mill-miżuri ewlenin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet. L-effiċjenza fl-enerġija ġeneralment tmur id f’id mal-awtomatizzazzjoni tas-sistemi operattivi u ta’ kontroll.

7.2.

Is-sostituzzjoni tal-karburanti fossili b’karburanti b’livell baxx ta’ karbonju, bl-elettriku jew bl-idroġenu hija mezz ewlieni ieħor għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Għalkemm huwa proċess separat, l-użu ta’ vetturi elettriċi u l-introduzzjoni ta’ grilji elettriċi intelliġenti huma marbuta mill-qrib mal-awtomatizzazzjoni tat-trasport.

7.3.

Il-miżuri li jżidu l-fluss tat-traffiku għandhom ukoll rwol sinifikanti x’jaqdu fit-tnaqqis tal-emissjonijiet. Id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni jippermettu trasport bla xkiel u ktajjen tat-trasport multimodali effiċjenti. Dan ifisser aktar effiċjenza tat-trasport, aktar effiċjenza fl-enerġija, inqas konsum tal-fjuwil u inqas emissjonijiet. Għal dan l-għan, l-infrastruttura ta’ kwalità għolja u l-qsim tal-fruntieri bla xkiel huma wkoll ta’ importanza kbira. Barra minn hekk, l-użu tal-art u l-ippjanar urban għandhom effett fuq il-ħtieġa u l-fluss tat-traffiku.

7.4.

L-impatti ambjentali mhumiex relatati biss mat-trasport innifsu iżda wkoll maċ-ċiklu tal-ħajja tal-vetturi, tal-inġenji tal-ajru u tal-vapuri mill-manifattura sa tmiem il-ħajja. Ir-rilokalizzazzjoni tal-manifattura u l-użu tal-approċċ tal-ekonomija ċirkolari huma fenomeni li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-impatti taċ-ċiklu tal-ħajja.

7.5.

It-trasport awtonomu jista’ jwassal għal użu akbar ta’ karozzi privati minħabba ż-żieda fil-konvenjenza għall-passiġġieri. Min-naħa l-oħra, il-car-sharing — flimkien mal-użu tat-trasport pubbliku — huwa mistenni li jnaqqas l-ammont ta’ karozzi privati. Il-preferenzi tal-konsumaturi għalhekk jaqdu rwol importanti fil-futur tal-politika ta’ mobilità. Dawn jistgħu jiġu influwenzati billi jiġu pprovduti l-faċilitajiet disponibbli immedjatament għall-ippjanar tal-vjaġġi, li jħeġġu lin-nies biex jagħmlu għażliet ekoloġiċi. Inċentivi ta’ pprezzar xieraq jista’ jkollhom ukoll rwol biex jinfluwenzaw l-imġiba tal-konsumatur.

Brussell, il-5 ta’ Lulju 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Rapport ta’ Informazzjoni mill-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI) tal-KESE dwar “L-industrija tal-karozzi”, CCMI/148, adottat mis-CCMI fit-30 ta’ Jannar 2017.

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar “Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti u Kooperattivi”, TEN/621 (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU).

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-intelliġenza artifiċjali”, INT/806 (għadha mhux ippubblikata fil-ĠU).


Top