EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XC0216(01)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ppubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Kawża AT.39850 — Trasport tal-Kontejners

ĠU C 60, 16.2.2016, p. 7–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 60/7


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ppubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Kawża AT.39850 — Trasport tal-Kontejners

(2016/C 60/04)

1.   Introduzzjoni

(1)

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (1), il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi - f'każijiet fejn tkun beħsiebha tadotta deċiżjoni li tirrikjedi li jintemm xi ksur u li l-partijiet ikkonċernati joffru li jimpenjaw ruħhom biex jindirizzaw it-tħassib espress lilhom mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni preliminari tagħha - li tagħmel dawk l-impenji vinkolanti fuq l-impriżi. Deċiżjoni bħal din tista’ tiġi adottata għal perjodu speċifiku u tikkonkludi li ma hemmx aktar raġunijiet għal azzjoni mill-Kummissjoni mingħajr ma tikkonkludi jekk kienx hemm jew għadx hemm ksur.

(2)

Skont l-Artikolu 27(4) tal-istess Regolament, il-Kummissjoni tippubblika sommarju konċiż tal-każ u l-kontenut prinċipali tal-impenji. Il-partijiet interessati jistgħu jressqu l-kummenti tagħhom sal-limitu ta' żmien stabbilit mill-Kummissjoni.

2.   Sommarju tal-Każ

(3)

Fil-21 ta’ Novembru 2013 u t-13 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti kontra dawn il-kumpaniji tat-trasport tal-kontejners li ġejjin (minn hawn 'il quddiem “il-partijiet”) li issa offrew lill-Kummissjoni impenji sabiex jissodisfaw it-tħassib tagħha tal-kompetizzjoni:

1.

China Shipping (iċ-Ċina)

2.

CMA CGM (Franza)

3.

Cosco (iċ-Ċina)

4.

Evergreen (it-Tajwan)

5.

Hamburg Süd (il-Ġermanja)

6.

Hanjin (il-Korea t’Isfel)

7.

Hapag Lloyd (il-Ġermanja)

8.

Hanjin (il-Korea t’Isfel)

9.

Maersk (id-Danimarka)

10.

Mol (il-Ġappun)

11.

MSC (l-Iżvizzera)

12.

NYK (il-Ġappun)

13.

OOCL (Hong Kong)

14.

UASC (l-Emirati Għarab Magħquda)

15.

ZIM (l-Iżrael)

(4)

Il-partijiet f’dawn il-proċedimenti ħabbru regolarment iż-żidiet maħsuba (futuri) tagħhom tal-prezzijiet għal servizzi ta’ trasport marittimu f’kontejners, mill-inqas fuq rotot mill-Asja tal-Lvant lejn l-Ewropa tat-Tramuntana u l-Mediterran (direzzjoni lejn il-Punent), fuq is-siti web tagħhom, permezz tal-istampa, jew b’mezzi oħra. Dawn l-avviżi jindikaw l-ammont taż-żieda f'Dollari Amerikani għal kull unità ta' kontejner trasportata (unità ekwivalenti għal 20 pied, “twenty-foot equivalent unit, TEU”), ir-rotta tal-kummerċ affettwata u d-data ta’ implimentazzjoni. Dawn l-avviżi huma magħrufa fl-industrija bħala “Avviżi ta’ Żieda fir-Rata Ġenerali” jew “Avviżi GRI (General Rate Increase)”. Dawn ġeneralment jikkonċernaw żidiet imdaqqsin tar-rati ta’ diversi mijiet ta' Dollari Amerikani kull TEU.

(5)

L-avviżi GRI isiru normalment tlieta sa ħames ġimgħat qabel id-data ta’ implimentazzjoni maħsuba tagħhom, u matul dan iż-żmien uħud jew il-partijiet kollha jħabbru żidiet fir-rati maħsuba simili għall-istess rotot jew għal rotot simili u l-istess data ta’ implimentazzjoni jew waħda simili. Il-GRIs imħabbra xi drabi ġew posposti jew modifikati minn xi partijiet, possibbilment billi jiġu allinjati mal-GRIs imħabbra minn partijiet oħra.

(6)

Fil-valutazzjoni preliminari, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-Avviżi GRI mhumiex daqshekk ta' siwi għall-konsumaturi; billi jiddikjaraw biss l-ammont ta’ żieda maħsuba jista' jagħti l-każ li ma jinfurmawx lill-konsumaturi dwar il-prezz sħiħ il-ġdid li huma jkunu se jintalbu jħallsu fil-futur. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tħassib li l-Avviżi GRI jista’ jkollhom biss valur ta’ rimandar u b’hekk, il-klijenti ma ikunux jistgħu jiddependu fuqhom għad-deċiżjonijiet ta’ xiri tagħhom.

(7)

Fil-valutazzjoni preliminari, il-Kummissjoni esprimiet it-tħassib li din il-prattika tista' tippermetti lill-partijiet li jinfurmaw ruħhom dwar l-intenzjonijiet tal-ipprezzar ta’ xulxin u jikkoordinaw l-imġiba tagħhom. Il-Kummissjoni hija mħassba li l-prattika tista' tippermetti lill-partijiet li “jittestjaw”, mingħajr ma jġarrbu r-riskju li jitilfu l-konsumaturi, jekk jistgħux jimplimentaw b'mod raġonevoli żieda fil-prezz, u b’hekk jistgħu jnaqqsu l-inċertezza għall-partijiet u jnaqqsu l-inċentivi biex jikkompetu. Il-Kummissjoni hija mħassba li dan l-aġir jista’ jammonta għal prattika miftiehma bi ksur tal-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

3.   Il-Kontenut Prinċipali tal-Impenji Offruti

(8)

Il-partijiet ma jaqblux li kienu involuti fil-prattika deskritta hawn fuq u lanqas ma jaqblu mal-analiżi legali fil-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni. Madankollu, il-partijiet offrew impenji skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, biex jindirizzaw it-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni rigward il-prattika msemmija qabel. Il-partijiet enfasizzaw li dan ma għandux jiġi interpretat bħala konferma li huma kisru r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, jew bħala ammissjoni ta' responsabbiltà.

(9)

L-impenji huma spjegati fil-qosor hawn taħt u huma ppubblikati kollha kemm huma bl-Ingliż fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni:

http://ec.europa.eu/competition/index_en.html

(10)

Il-partijiet joffru li jwaqqfu l-pubblikazzjoni u l-komunikazzjoni tal-avviżi tal-GRI, jiġifieri bidliet għal prezzijiet espressi biss bħala ammont jew perċentwal tal-bidla.

(11)

Il-partijiet mhux se jkunu obbligati li jippubblikaw jew jikkomunikaw (minn hawn ’il quddiem msemmija bħala “iħabbru”) il-prezzijiet tagħhom, iżda jekk jagħżlu li jagħmlu dan, l-avviżi jridu jippermettu lix-xerrejja li jifhmuhom u jiddependu fuqhom. Għal dan l-għan il-partijiet joffru li l-avviżi tal-prezzjiet ikun fihom mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

L-ammont tar-rata bażi, soprataxxa għall-fjuwil (“BAF”), l-imposti tas-sigurtà, l-imposti tal-maniġġ fit-terminals (“THC”) u l-imposti tal-aqwa tal-istaġun (“PSS”, jew imposti simili).

(b)

Imposti oħra jistgħu japplikaw.

(c)

Is-servizzi li għalihom japplikaw.

(d)

Il-perjodu li miegħu huma relatati (li jista’ jkun jew espress bħala perjodu fiss jew indefinit, f’liema każ il-prezzijiet jibqgħu validi sakemm jingħata avviż ieħor).

L-avviżi mhux se jkunu aktar minn 31 jum qabel id-data tal-implimentazzjoni.

(12)

Il-partijiet ikunu marbuta permezz tal-avviżi tal-prezzijiet tagħhom matul il-perjodu ta’ validità tagħhom bħala prezzijiet massimi, iżda se jkunu liberi li joffru prezzijiet aktar baxxi.

(13)

Sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq tan-negozju, il-partijiet jinkludu żewġ eċċezzjonijiet għall-impenji f’sitwazzjonijiet li ma jkunx probabbli li jagħtu lok għat-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni. L-impenji ma japplikawx għal:

(a)

Komunikazzjonijiet ma’ xerrejja li f’dik id-data jkollhom rata ta’ ftehim fis-seħħ fuq ir-rotta li l-komunikazzjoni tirreferi għaliha.

(b)

Il-komunikazzjonijiet matul in-negozjati bilaterali jew il-komunikazzjonijiet, adattati għall-ħtiġijiet tax-xerrejja identifikati.

Il-partijiet madankollu jibqgħu marbuta bil-prezzijiet massimi stipulati fl-avviżi tal-prezzijiet rilevanti li huma applikabbli għall-istess servizzi u konsumaturi msemmija fil-komunikazzjonijiet, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-impenji.

(14)

L-impenji se japplikaw għall-tliet snin għar-rotot kollha minn u lejn iż-ŻEE.

(15)

L-impenji mhux se jostakolaw lit-trasportaturi milli jikkonformaw mar-rekwiżiti skont il-liġijiet jew ir-regolamenti ta’ ġuriżdizzjonijiet oħrajn.

4.   Stedina għall-Kummenti

(16)

Wara li jsir l-ittestjar tas-suq, il-Kummissjoni beħsiebha tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003 li fiha tiddikjara li l-impenji li jinsabu fis-sommarju ta’ hawn fuq u ppubblikati fuq l-internet, fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, huma vinkolanti.

(17)

Skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament 1/2003, il-Kummissjoni tistieden lil partijiet terzi interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-impenji proposti. Dawn il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn xahar wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-partijiet terzi interessati huma wkoll mistiedna jippreżentaw verżjoni mhux kunfidenzjali tal-kummenti tagħhom, li fiha kwalunkwe informazzjoni li jiddikjaraw li hija sigriet kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra għandha titħassar u tiġi ssostitwita kif xieraq b'sommarju mhux kunfidenzjali jew bil-kliem “sigrieti kummerċjali” jew “kunfidenzjali”.

(18)

Ir-risposti u l-kummenti għandhom preferibbilment ikunu motivati u għandhom jippreżentaw il-fatti rilevanti. Jekk tidentifika problema fi kwalunkwe parti tal-impenji proposti, il-Kummissjoni tistiednek ukoll biex tissuġġerixxi soluzzjoni possibbli.

(19)

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bin-numru ta' referenza Kawża AT.39850 — Container Shipping jew bil-posta elettronika (COMP-GREFFE-ANTITRUST@ec.europa.eu), inkella bil-faks +32 22950128 jew bil-posta, f'dan l-indirizz:

European Commission

Directorate-General for Competition

Antitrust Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. B'effett mill-1 ta' Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 101 u 102 rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa (“TFUE”). Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma essenzjalment identiċi. Għall-finijiet ta’ din in-notifika, ir-referenzi għall-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE fejn applikabbli.


Top