EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0083

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2016 dwar il-libertà tal-espressjoni fil-Każakistan (2016/2607(RSP))

ĠU C 50, 9.2.2018, p. 38–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 50/38


P8_TA(2016)0083

Il-libertà tal-espressjoni fil-Każakistan

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2016 dwar il-libertà tal-espressjoni fil-Każakistan (2016/2607(RSP))

(2018/C 050/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Każakistan, inklużi dawk tat-18 ta' April 2013 (1), tal-15 ta' Marzu 2012 (2), tat-22 ta' Novembru 2012 li jinkludu fihom ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar in-negozjati għal Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Każakistan (3), tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali (4), u tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-każ ta' Yevgeny Zhovtis fil-Każakistan (5),

wara li kkunsidra l-kummenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Federica Mogherini, wara li ġie ffirmat il-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Każakistan fil-21 ta' Diċembru 2015,

wara li kkunsidra s-seba' ċiklu tad-Djalogu annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Każakistan f'Astana fis-26 ta' Novembru 2015,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali,

wara li kkunsidra r-raba' rapport ta' progress tat-13 ta' Jannar 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali adottata fl-2007,

wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet tal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni, Maina Kiai, ippreżentat fis-16 ta' Ġunju 2015, wara l-missjoni tiegħu fil-Każakistan,

wara li kkunsidra l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni ffirmat fil-21 ta' Diċembru 2015,

wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Artikolu 20 tal-Kostituzzjoni tal-Każakistan,

wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, fil-21 ta' Diċembru 2015, l-Unjoni Ewropea u l-Każakistan iffirmaw Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni mmirat biex jipprovdi qafas wiesa' għal djalogu politiku msaħħaħ u kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni u f'bosta oqsma oħra; billi dan il-ftehim jagħmel enfasi qawwija fuq id-demokrazija u l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-iżvilupp sostenibbli, u fuq il-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili;

B.

billi l-Każakistan huwa attur internazzjonali importanti u għandu rwol sinifikanti fl-iżvilupp politiku u soċjoekonomiku, u fis-sitwazzjoni tas-sigurtà tar-reġjun kollu kemm hu; billi l-Każakistan kellu rwol pożittiv fl-Asja Ċentrali u ħadem biex jiżviluppa relazzjonijiet ta' ġirien tajba mal-pajjiżi li jinsabu mal-fruntiera tiegħu, ikompli l-kooperazzjoni reġjonali u jsolvi l-kwistjonijiet bilaterali kollha b'mod paċifiku; billi l-UE għandha interess kruċjali li tintensifika l-kooperazzjoni politika, ekonomika u tas-sigurtà mar-reġjun tal-Asja Ċentrali permezz ta' relazzjoni b'saħħitha, miftuħa u strateġika bejn l-UE u l-Każakistan;

C.

billi l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni jeħtieġ jiġi ratifikat mill-parlamenti tat-28 Stat Membru tal-UE kollha u mill-Parlament Ewropew; billi dan il-Ftehim mhux biss se jsaħħaħ id-djalogu politiku bejn l-UE u l-Każakistan u jservi bħala mezz biex jiġu promossi l-kummerċ u l-investiment reċiproċi, iżda wkoll jagħmel enfasi kbira fuq l-obbligi internazzjonali; billi jista' jiġi rikonoxxut li tul in-negozjati tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni sar xi titjib rigward il-parteċipazzjoni min-naħa tas-soċjetà ċivili permezz ta' miżuri li ttieħdu biex is-soċjetà ċivili tiġi involuta fit-tfassil tal-politiki pubbliċi;

D.

billi s-sitwazzjoni ġenerali f'dak li jikkonċerna l-libertà tal-espressjoni f'dan l-aħħar snin marret lura; billi, f'Diċembru 2015, l-awtoritajiet Każakistani ddetenew lil Guzal Baidalinova, ġurnalista u sidt Nakanune.kz, website tal-aħbarijiet online, b'rabta ma' każ kriminali, bl-akkuża li “ppubblikat informazzjoni falza b'mod deliberat”; billi, wara l-arrest ta' Guzal Baidalinova, ġie espress tħassib dwar l-intimidazzjoni tal-mezzi tax-xandir indipendenti fil-Każakistan; billi, fid-29 ta' Frar 2016, qorti lliberat lill-ġurnalista Yulia Kozlova, li tikteb għal Nakanune.kz;

E.

billi bħalissa għaddejja investigazzjoni kriminali kontra Seytkazy Matayev, il-kap tal-Għaqda tal-Istampa Nazzjonali u l-unjoni tal-ġurnalisti, li huwa akkużat bl-approprjazzjoni indebita ta' miljuni ta' tenge Każakistani f'fondi pubbliċi; billi, fit-22 ta' Frar 2016, Seytkazy Matayev, li jiċħad l-akkużi, u ibnu Aset Matayev, li huwa d-direttur tal-aġenzija tal-aħbarijiet indipendenti KazTag, ġew detenuti; billi Aset Matayev inħeles wara li ġie interrogat;

F.

billi, fit-22 ta' Jannar 2016, qorti ddikjarat ħatja lil Ermek Narymbaev u Serikzhan Mambetalin – bloggers li kienu ġew arrestati f'Ottubru 2015 bl-akkuża li “inċitaw kunflitt nazzjonali” – u kkundannathom għal tliet snin u sentejn ħabs rispettivament; billi l-blogger Bolatbek Blyalov inżamm taħt detenzjoni domiċiljari limitata;

G.

billi l-awtoritajiet Każakistani għalqu xi mezzi tax-xandir indipendenti u tal-oppożizzjoni, inkluż Assandi Times, Pravdivaya u l-ġurnali ADAM bolADAM; billi, lejn l-aħħar tal-2012, l-awtoritajiet Każakistani ħarrku lil xi mezzi tax-xandir indipendenti u tal-oppożizzjoni, b'mod partikolari l-gazzetti Golos RespublikiVzglyad, kif ukoll il-gazzetti u l-websites affiljati tagħhom, u l-portali televiżivi online K+ u Stan.TV;

H.

billi, f'Ottubru 2014, qorti f'Almaty imponiet multa ta' KZT 34 miljun fuq Havas Worldwide Kazakhstan;

I.

billi l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) huwa għodda finanzjarja importanti intiża biex tappoġġa l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-demokratizzazzjoni kemm fil-pajjiż kif ukoll fir-reġjun;

J.

billi skont l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Leżbjani, Omosesswali, Bisesswali, Transesswali u Intersesswali (ILGA), il-persuni LGBTI fil-Każakistan iħabbtu wiċċhom ma' sfidi legali u diskriminazzjoni li residenti mhux LGBTI ma jesperjenzawx; billi l-attività sesswali bejn persuni tal-istess sess – kemm nisa kif ukoll irġiel, hija legali fil-Każakistan, iżda koppji tal-istess sess u unitajiet domestiċi mmexxija minn koppji tal-istess sess mhumiex eliġibbli għall-istess protezzjonijiet legali disponibbli għal koppji miżżewġa tas-sess oppost;

K.

billi, fl-20 ta' Marzu 2016, fil-Każakistan se jsiru elezzjonijiet parlamentari bikrija li għandhom jiġu preċeduti minn garanziji f'dak li jikkonċerna l-libertà tal-espressjoni fis-soċjetà u r-reġistrazzjoni faċli u trasparenti tal-partiti politiċi li huma meqjusa ħielsa u ġusti; billi, skont ir-Rapport Finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) ippubblikat fit-3 ta' April 2012, l-elezzjonijiet tal-2012 kienu mtebbgħin minn “irregolaritajiet sinifikanti” (6);

L.

billi Kodiċi Kriminali ġdid, Kodiċi ta' Reati Amministrattivi ġdid u Kodiċi ta' Proċedura Kriminali ġdid daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2015;

M.

billi l-Każakistan hu klassifikat fil-160 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi tal-Libertà tal-Istampa tal-Reporters Mingħajr Fruntieri 2015;

N.

billi l-UE ħadmet b'mod konsistenti mal-Każakistan fil-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiż fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, ħidma li issa rriżultat fil-konklużjoni tan-negozjati biex il-pajjiż jissieħeb fil-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ; billi huwa importanti li l-Każakistan isegwi l-istat tad-dritt, jonora l-obbligi internazzjonali tiegħu u jiggarantixxi ċ-ċertezza legali għall-kumpaniji internazzjonali li joperaw fil-pajjiż, flimkien mal-protezzjoni tal-investimenti tagħhom;

O.

billi l-kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-Każakistan tiffoka fuq it-tisħiħ tal-kapaċita tal-gvern reġjonali u lokali, l-appoġġ tar-riforma tas-settur tal-ġustizzja u t-titjib fil-kapaċità tas-settur pubbliku li jintroduċi riformi soċjali u ekonomiċi;

1.

Jisħaq fuq l-importanza tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Każakistan u tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni ekonomika u politika fl-oqsma kollha; jenfasizza l-interess kbir tal-UE f'relazzjoni sostenibbli mal-Każakistan f'dak li jikkonċerna l-kooperazzjoni politika u ekonomika;

2.

Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni li jinsabu fiha l-mezzi tax-xandir u l-libertà tal-kelma fil-Każakistan; jinsab imħasseb ferm dwar il-pressjoni fuq il-mezzi tax-xandir indipendenti u l-implikazzjonijiet negattivi li jista' jkollu l-abbozz ta' leġiżlazzjoni ġdid dwar il-finanzjament tal-organizazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; josserva li l-libertà tal-kelma għall-mezzi tax-xandir indipendenti, il-bloggers u ċ-ċittadini individwali hija valur universali li ma jistax jiġi nnegozjat;

3.

Jiddispjaċih li l-mezzi tax-xandir, il-midja soċjali u websites oħra ġew ibblokkati għar-raġuni li jippreżentaw kontenut illegali, u jistieden lill-awtoritajiet Każakistani jiżguraw li kwalunkwe miżura meħuda biex tillimita l-aċċess għall-internet tkun appoġġata mil-liġi; jinsab imħasseb dwar l-emendi għal-Liġi dwar il-Komunikazzjoni adottati fl-2014;

4.

Jinsab imħasseb ħafna dwar id-diżrispett u l-ksur tad-drittijiet tal-priġunieri fis-sistema tal-ħabsijiet tal-Każakistan; jinsab imħasseb dwar il-benesseri fiżiku u mentali tal-priġunieri Vladimir Kozlov, Vadim Kuramshin (li rebaħ il-Premju Internazzjonali Ludovic Trarieux tad-Drittijiet tal-Bniedem 2013) u Aron Atabek, li ġew ikkundannati għal raġunijiet politiċi, u jitlob li dawn jingħataw aċċess immedjat għat-trattament mediku meħtieġ kif ukoll awtorizzazzjoni li jkollhom żjarat regolari, fosthom minn membri tal-familja, rappreżentanti legali u rappreżentanti ta' organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-priġunieri;

5.

Jirrikonoxxi “l-programm ta' 100 pass” bħala tentattiv biex jiġu indirizzati riformi urġenti fil-Każakistan; jistieden lill-Każakistan jimplimenta l-Mekkaniżmu Nazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tortura u jagħti bidu għal dibattitu dwar il-Kodiċi Penali u l-Kodiċi Kriminali;

6.

Jisħaq li rabtiet politiċi u ekonomiċi aktar profondi mal-UE, kif previsti mill-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni ffirmat dan l-aħħar, iridu jkunu bbażati fuq valuri kondiviżi u jikkorrispondu ma' impenn attiv u konkret min-naħa tal-Każakistan li jwettaq riformi politiċi u demokratiċi li jidderivaw mill-obbligi u l-impenji internazzjonali tiegħu;

7.

Jilqa' l-ħelsien, mill-aħħar Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li sar 'il hawn, lil għadd ta' attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem u l-ħaddiem li kienu qed jinżammu l-ħabs;

8.

Jenfasizza li l-ġlieda leġittima kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu m'għandhiex tintuża bħala skuża sabiex tiġi pprojbita l-attività tal-oppożizzjoni, biex timpedixxi l-libertà tal-espressjoni jew ixxekkel l-indipendenza tal-ġudikatura;

9.

Jitlob li jsir rieżami tal-artikoli tal-Kodiċi Kriminali li jistgħu jintużaw biex jikkriminalizzaw imġiba legali protetta mil-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-Artikolu 174 dwar “l-inċitament ta' kunflitt soċjali, nazzjonali, bejn klann u ieħor, bejn ir-razez, il-klassijiet u r-reliġjonijiet”;

10.

Jitlob lill-awtoritajiet Każakistani jannullaw il-kundanni tal-bloggers, inklużi Ermek Narymbaev, Serikzhan Mambetalin u Bolatbek Blyalov; jappella għall-ħelsien ta' Guzal Baidalinova; jappella biex tieqaf l-intimidazzjoni ta' Seytkazy u Aset Matayev; josserva, b'rabta ma' dan, li l-każijiet li jinvolvu l-ġurnalisti għandhom ikunu pubbliċi u li m'għandux ikun hemm intimidazzjonijiet waqt il-proċedimenti;

11.

Jappella għall-ħelsien tal-mexxej tal-oppożizzjoni Vladimir Kozlov, li attwalment qed jinżamm taħt kundizzjonijiet ta' detenzjoni stretti, fl-istennija ta' rieżami indipendenti u imparzjali tal-każ tiegħu;

12.

Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu fir-rigward tal-Liġi dwar l-NGOs, li timmina l-eżistenza u l-indipendenza tal-NGOs; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Każakistani jiggarantixxu, f'kull ċirkostanza, li l-attivisti u l-NGOs li jaħdmu favur id-drittijiet tal-bniedem fil-Każakistan ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem mingħajr il-biża' ta' rappreżalji, u ħielsa minn kwalunkwe restrizzjoni;

13.

Jilqa' l-ambizzjoni tal-Każakistan li jimpenja ruħu attivament bħala medjatur/faċilitatur fi kwistjonijiet ta' sigurtà internazzjonali li jikkonċernaw ir-reġjun kollu kemm hu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Każakistani jonoraw l-impenji internazzjonali li ffirmaw, inklużi dawk relatati mal-istat tad-dritt u mal-indipendenza tal-ġudikatura;

14.

Jilqa' d-Djalogi regolari dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn il-Każakistan u l-UE; jissottolinja l-importanza tad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-awtoritajiet Każakistani; jitlob li d-djalogi jissaħħu sabiex iwasslu għat-twaqqif ta' forum fejn il-kwistjonijiet ikunu jistgħu jiġu indirizzati b'mod miftuħ; jisħaq li dawn id-djalogi għandhom ikunu effikaċi u orjentati lejn ir-riżultati;

15.

Jistieden lill-UE, u b'mod partikolari lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, biex iwettqu monitoraġġ mill-qrib tal-iżviluppi fil-Każakistan, jindirizzaw it-tħassib mal-awtoritajiet tal-Każakistan fejn meħtieġ, joffru assistenza, u jirrapportaw regolarment lill-Parlament; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE f'Astana tkompli tiżvolġi rwol attiv fil-monitoraġġ tas-sitwazzjoni u tqajjem il-kwistjoni tal-libertà tal-espressjoni fil-laqgħat bilaterali kollha rilevanti mal-Każakistan;

16.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Każakistani jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem qabel l-elezzjonijiet parlamentari li jmiss, u biex jieħdu passi konkreti ħalli jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet li saru mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni; ifakkar lill-Każakistan fl-ambizzjoni tiegħu li jkun kandidat għal siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-2017-2018;

17.

Jistieden lill-awtoritajiet Każakistani jimpenjaw ruħhom biex jiksbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli li ġew adottati dan l-aħħar fil-livell internazzjonali;

18.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-gvern u lill-parlament tal-Każakistan.


(1)  ĠU C 45, 5.2.2016, p. 85.

(2)  ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 93.

(3)  ĠU C 419, 16.12.2015, p. 159.

(4)  ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 91.

(5)  ĠU C 224 E, 19.8.2010, p. 30.

(6)  http://www.osce.org/odihr/elections/89401?download=true


Top