EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0218

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar it-twaqqif ta' Ftehim Intergovernattiv għall-operazzjonijiet tal-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-Dinja (GMES) mill-2014 sal-2020

/* COM/2012/0218 final */

52012DC0218

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar it-twaqqif ta' Ftehim Intergovernattiv għall-operazzjonijiet tal-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-Dinja (GMES) mill-2014 sal-2020 /* COM/2012/0218 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar it-twaqqif ta' Ftehim Intergovernattiv għall-operazzjonijiet tal-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-Dinja (GMES) mill-2014 sal-2020

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Introduzzjoni

L-għan tal-programm GMES huwa li jiżviluppa kapaċità Ewropea għall-osservazzjoni tad-Dinja ta' kwalità għolja. Fi żmien meta l-imsieħba internazzjonali tal-UE qegħdin jinvestu ħafna f'kapaċitajiet bħal dawn, rispons ikkoordinat min-naħa tal-UE huwa ta' importanza strateġika. Bħala tali, is-servizzi GMES se jġibu benefiċċji għal firxa wiesgħa ta' politiki Ewropej. Il-programm jirrappreżenta wkoll potenzjal sinifikanti għat-tkabbar ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, b'konformità mal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

Il-programm GMES tal-ġejjieni: il-qagħda attwali

Fil-Komunikazzjoni tagħha bl-isem "Baġit għall-Ewropa 2020"[1], il-Kummissjoni pproponiet li tiffinanzja l-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-Dinja (GMES) lil hinn mill-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss (MFF) minħabba r-restrizzjonijiet tal-baġit tal-UE biex jiffinanzja dan it-tip ta' proġett fuq skala kbira. Madankollu, il-Kummissjoni hija impenjata sew li tiżgura li l-GMES jirnexxi u, f’dan il-kuntest, f'Novembru 2011 adottat Komunikazzjoni[2] li tipprovdi l-elementi ewlenija għad-definizzjoni ta' tmexxija xierqa u finanzjament fuq medda ta’ żmien twil tal-programm GMES mill-2014 ’il quddiem.

B'mod partikolari, il-Kummissjoni pproponiet li tistabbilixi fond speċifiku għall-GMES b'kontribuzzjonijiet finanzjarji mis-27 Stat Membru kollha tal-UE abbażi tal-introjtu nazzjonali gross (ING), u dan f'mudell simili għal dak tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp. Dan jimplika t-twaqqif ta' ftehim intergovernattiv bejn l-Istati Membri tal-UE li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill. L-immaniġġjar tal-fond għandu jiġi ddelegat lill-Kummissjoni.

Fis-16 ta' Frar 2012, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar il-ġejjieni tal-GMES, filwaqt li ddijkara preferenza għall-finanzjament tal-GMES skont l-MFF. Il-Komunikazzjoni ġiet diskussa wkoll fil-Kunsill, b'mod partikolari dwar jekk għandux ikun hemm finanzjament permezz ta' fond intergovernattiv, imma ma ntlaħqet l-ebda konklużjoni.

Ir-riskji assoċjati mad-dewmien

Mill-bidu tiegħu fl-1998, il-programm GMES la qatt esperjenza żieda fl-ispejjeż u lanqas dewmien sinifikanti. Madankollu, il-possibbiltà ta’ interruzzjoni fl-operazzjonijiet tkun ta' detriment għall-utenti, tpoġġi fir-riskju l-investimenti li saru s'issa u l-kredibbiltà tal-programm. Barra minn dan, twassal ukoll għal żieda fl-ispejjeż.

Fil-fażi preoperattiva tagħhom, is-servizzi GMES wasslu għal sinerġiji sinifikanti fl-investimenti nazzjonali jew reġjonali. Mill-bidu tal-2012, hemm żewġ servizzi GMES li jaħdmu: is-servizz GMES ta' monitoraġġ tal-Art u s-servizz GMES għal Rispons ta' Emerġenza, li bħalissa qegħdin jintużaw mill-komunitajiet tal-utenti rispettivi tagħhom. Interruzzjoni fit-twassil ta' dawn is-servizzi toħloq lakuna importanti ta' informazzjoni u jkollha impatt negattiv fuq l-attivitajiet tal-utenti. Dan ikun veru wkoll għas-servizzi GMES l-oħra li jitwasslu b'mod preoperattiv, bħalma huma s-servizzi GMES ta' monitoraġġ tal-Ibħra u tal-Atmosfera li għadhom f'fażi ta' żvilupp. F'dan ir-rigward, l-inċertezzi attwali fil-preparazzjoni tal-fażi operattiva diġà qegħdin itellfu l-impenn tal-partijiet interessati, kemm dawk mill-komunitajiet tal-protezzjoni ċivili, dawk ambjentali jew xjentifiċi kif ukoll mill-kumpaniji privati, notevolment l-SMEs tas-servizzi downstream.

L-inċertezzi fil-fażi operattiva jirriskjaw li jwasslu wkoll għal diffikultajiet fl-iskjerament tal-komponent tal-ispazju, li l-ewwel tliet satelliti Sentinel se jkunu lesti biex jiġu varati fih fl-2013. Il-Kunsill tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) ta' April 2012 kellu dubji dwar l-opportunità li jiġi awtorizzat il-varar tagħhom mingħajr ma jkun hemm aktar ċarezza dwar l-operazzjonijiet u l-arranġamenti istituzzjonali tagħhom fil-ġejjieni. Dewmien fil-varar tagħhom iwassal għal spejjeż sinifikanti żedja b'mod partikolari għall-ħażna tas-satellita f'kundizzjonijiet adegwati. Barra minn hekk, it-telf riċenti tal-ENVISAT[3], li serviet ferm aktar mill-ħajja nominali tagħha, iwassal biex id-dejta tas-Sentinel tkun aktar meħtieġa b'mod urġenti mill-utenti Ewropej.

Filwaqt li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-finanzjament tal-GMES lil hinn mill-qafas finanzjarju multiannwali ma nbidlitx, hi għadha impenjata li tappoġġa lill-Istati Membri fit-twaqqif tal-ftehim intergovernattiv meħtieġ u li tipprepara r-regolamenti meħtieġa għall-operazzjonijiet tal-GMES b'mod f'waqtu, sabiex tevita li jkun hemm interruzzjonijiet tal-programm.

It-twaqqif ta' ftehim intergovernattiv, flimkien ma' regolament li jimplimenta dak il-ftehim u regolament finanzjarju, se jdum daqsxejn. Billi jridu jkunu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jibdew il-preparazzjoni tal-ftehim intergovernattiv mingħajr aktar dewmien.

Sabiex jiffaċilita d-diskussjonijiet li għadhom għaddejjin, l-anness ta' din il-Komunikazzjoni jinkludi abbozz aktar iddettaljat tal-elementi ewlenin ta' ftehim intergovernattiv li jista' jservi bħala bażi għan-negozjazzjoni.

2.           Il-Fond għall-GMES

Fil-Komunikazzjoni tagħha ta' Novembru 20112, il-Kummissjoni kkonfermat li l-envelopp finanzjarju massimu meħtieġ għall-attivitajiet GMES bejn l-2014 u l-2020 huwa ta' EUR 5 841 miljun fi prezzijiet kostanti.

S'issa ġew esplorati tliet alternattivi fost is-soluzzjonijiet possibbli għall-finanzjament tal-GMES, kollha kemm huma lil hinn mill-qafas finanzjarju mill-2014 'il quddiem: fond speċifiku għall-GMES (simili għall-mudell magħżul għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp), għażla ta’ kooperazzjoni mtejba (li tkun tinvolvi lill-Istati Membri li huma interessati sew fil-programm) u fl-aħħar nett, l-għażla ta' parteċipazzjoni mill-industrija li permezz tagħha r-responsabbiltajiet u l-fondi jinqasmu mal-protagonisti ekonomiċi. Il-Kummissjoni diġà indikat li fil-valutazzjoni tagħha hi mhix favur l-aħħar żewġ alternattivi billi minn naħa l-kooperazzjoni mtejba tpoġġi lid-dimensjoni tal-UE-27 tal-programm f'riskju u, min-naħa l-oħra, l-esperjenza miksuba bil-proġett Galileo diġà wriet li huwa diffiċli fuq medda qasira ta’ żmien li wieħed jattira u jżomm lis-settur privat u dan ma jkunx konformi mad-dimensjoni tal-programm li jkun għall-ġid pubbliku.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni pproponiet li twaqqaf fond speċifiku għall-GMES. Dan il-fond għandu jkun ibbażat fuq il-kontribuzzjonijiet mis-27 Stat Membru kollha. Għalkemm din hija deċiżjoni li fl-aħħar mill-aħħar taqa' esklużivament fil-mandat tal-Istati Membri, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri kollha biex jissieħbu fl-isforz, sabiex jiżguraw u jikkonsolidaw id-dimensjoni Ewropea tal-programm GMES.

Dan ikun jeħtieġ ftehim intergovernattiv bejn l-Istati Membri kollha tal-UE li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill. L-elementi ewlenin ta' ftehim bħal dan huma ddettaljati aktar fl-Anness ta' din il-Komunikazzjoni.

Il-ftehim intergovernattiv jispeċifika l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mis-27 Stat Membru kollha tal-UE abbażi tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tagħhom li jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020. Dan jistabbilixxi l-"Kunsill tal-GMES" bħala l-awtorità ewlenija ta' kontroll tal-fond li primarjament għandha s-setgħa li tadotta l-baġit ġenerali, li tapprova l-implimentazzjoni tal-baġit u l-kontijiet tas-sena preċedenti, li tapprova l-konklużjoni ta' kull ftehim mal-Istati Membri, pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali governattivi u dawk mhux governattivi, jew organizzazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri.

Biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-programm, ċerti dispożizzjonijiet tal-fond għall-GMES għandhom jiġu applikati fuq bażi provviżorja mill-1 ta’ Jannar 2014 sakemm isseħħ ir-ratifikazzjoni mis-27 Stat Membru.

3.           L-Implimentazzjoni tal-Fond għall-GMES

Il-ftehim intergovernattiv huwa l-ewwel pass fil-bini tal-programm GMES lil hinn mill-2013, li għandu jkompli jiġi żviluppat, fir-rigward tal-modalitajiet ta' implimentazzjoni, f'regolament li jimplimentah.

Ir-regolament dwar l-operazzjonijiet tal-GMES għandu jinkludi regoli biex jiżgura l-forniment bla interruzzjoni lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE u fl-Istati Membri tagħha ta' dejta preċiża u affidabbli u informazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali, il-bidla fil-klima u kwistjonijiet ta' sigurtà. Hu għandu jikkontribwixxi wkoll għall-istabbiltà u t-tkabbir ekonomiku billi jqawwi l-applikazzjonijiet kummerċjali f'bosta setturi differenti permezz ta' aċċess sħiħ u miftuħ għall-informazzjoni tal-GMES u d-dejta tal-osservazzjoni.

Regolament bħal dan għandu jistipula r-regoli ta' amministrazzjoni, immaniġġjar, implimentazzjoni, kontabilità, awditjar u rilaxx applikabbli għall-fond għall-GMES. Għandu jiġi adottat mill-Kunsill u mill-Parlament fuq proposta mill-Kummissjoni. Għandu jinkludi wkoll id-dispożizzjonijiet rigward il-programmar u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet GMES, inklużi r-regoli dwar il-ftehimiiet ta' delegazzjoni u fuq l-għoti ta' kuntratti u għotjiet. Għandu jinkludi wkoll dispożizzjonijiet adegwati biex jippermetti lill-Kummissjoni li tistrieħ fuq l-ispeċjalizzazzjoni ta' parti terza fis-segwitu u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-GMES.

Sabiex ikun żgurat li l-GMES idum fit-tul huwa importanti li, tintgħażel liema struttura tintgħażel, il-programm GMES għandu jkollu l-kapaċità operattiva meħtieġa – jiġifieri f'dawk li huma riżorsi u kompetenza, kif ukoll il-kapaċità legali xierqa biex jagħmel użu mir-riżorsi u jwettaq l-azzjonijiet GMES sabiex jissodisfa l-għanijiet tal-programm b'konformità mal-istennijiet tal-utenti.

4.           Konklużjonijiet

Meta wieħed iqis iż-żmien meħtieġ għall-preparazzjoni tal-arranġamenti meħtieġa għall-fażi operattiva u r-riskju ta' interruzzjoni, il-Kummissjoni:

– tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu bidu għall-miżuri meħtieġa għall-adozzjoni fil-waqt ta' ftehim intergovernattiv u ta' regolament għall-operazzjonijiet tal-programm GMES u

– ittenni l-impenn tagħha li tappoġġa lill-Istati Membri f'dan il-proċess.

Anness

L-elementi ewlenin ta' abbozz ta' FTEHIM INTERGOVERNATTIV

dwar it-twaqqif ta' fond intergovernattiv għall-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-Dinja (GMES) għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020

bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar il-finanzjament tal-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-Dinja (GMES) għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020

IR-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI TAL-UNJONI EWROPEA, LI JILTAQGĦU FI ĦDAN IL-KUNSILL,

Billi:

(1)       [Kapital inizjali…].

(2)       [Kapital inizjali…].

(3)       [Kapital inizjali…].

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Twaqqif tal-Fond għall-GMES

1.           Permezz ta' dan il-Ftehim, l-Istati Membri jistabbilixxu bejniethom fond biex jiffinanzjaw il-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-Dinja msejjaħ GMES, li minn hawn 'il quddiem jissejjaħ il-"Fond għall-GMES".

2.           Il-Fond għall-GMES se jiffinanzja l-operazzjonijiet u l-azzjonijiet kollha tal-programm GMES. Għal dan il-għan, jista' juża l-istrumenti finanzjarji kollha li hu jqis meħtieġa jew li huma l-aħjar biex jinkisbu l-għanijiet tal-GMES.

3.           Il-Fond għall-GMES għandu jkollu Regolament li jistipula r-regoli ta' amministrazzjoni, immaniġġjar, implimentazzjoni, kontabilità, awditjar u rilaxx applikabbli għall-fond. Għandu jiġi adottat mill-Kunsill u mill-Parlament fuq proposta mill-Kummissjoni.

4.           Dan ir-Regolament għandu jinkludi fih id-dispożizzjonijiet rigward it-tħaddim tal-Fond għall-GMES u l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet GMES, inklużi r-regoli li jirregolaw id-delega tas-setgħat lill-Kummissjoni, ir-regoli dwar il-ftehimiet ta' delega ma' agenziji rregolati mil-liġi tal-Unjoni, entitajiet stabbiliti mill-Komunitajiet u minn entitajiet speċjalizzati oħra tal-Unjoni, u entitajiet tas-settur pubbliku nazzjonali jew internazzjonali jew entitajiet irregolati minn liġi privata b'missjoni għas-servizz pubbliku, u r-regoli dwar l-għoti ta' kuntratti u għotjiet.

5.           Barra minn hekk, ir-Regolament għandu jistipula l-obbligi ta' kontroll u ta' awditjar tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-baġit kif ukoll ir-responsabbiltajiet li jirriżultaw minn dan. Għandu jistipula wkoll ir-responsabbiltajiet u r-regoli ddettaljati għal kull entità li jiġu ddelegati lilha setgħat ta' mmaniġġjar tal-baġit, fir-rigward tal-parti tagħhom fit-twettiq tan-nefqa tagħhom stess.

Sorveljanza u mmaniġġjar

6.           Il-Fond għall-GMES għandu jkun issorveljat minn Kunsill tal-GMES, magħmul minn rappreżentant wieħed maħtur minn kull Stat Membru u presedut mill-Kummissjoni.

7.           L-immaniġġjar tal-Fond għall-GMES għandu jiġi ddelegat lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli mill-implimentazzjoni finanzjarja tal-baġit approvat mill-Kunsill tal-GMES u għandha tkun responsabbli mill-implimentazzjoni finanzjarja tal-proġetti u l-programmi.

8.           Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fond għall-GMES. Għal dan il-għan, tista' tiddelega kompiti ta' implimentazzjoni lill-

(a) aġenziji rregolati mil-liġi tal-Unjoni;

(b) entitajiet stabbiliti mill-Komunitajiet u entitajiet speċjalizzati oħra tal-Unjoni, sakemm dan ikun kompatibbli mal-kompiti ta' kull entità kif definit fl-att bażiku;

(c) entitajiet tas-settur pubbliku nazzjonali jew internazzjonali jew entitajiet rregolati mil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati u li jikkonformaw mal-kondizzjonijiet stipulati fir-Regolament li jimplimenta dan il-ftehim.

9.           Madankollu, meta tagħmel dan, il-Kummissjoni ma tistax tiddelega s-setgħat li tgawdi minnhom hi skont it-Trattati jew skont dan il-Ftehim meta dawn jinvolvu miżura kbira ta' diskrezzjoni li timplika għażliet politiċi.

10.         Għall-irkupru ta' ammonti ta' flus li tħallsu bla mistħoqq, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu b'konformità mal-Artikolu 299 tat-TFUE.

Il-Kunsill tal-GMES

11.         Il-Kunsill tal-GMES, b’maġġoranza kkwalifikata, għandu jkollu s-setgħa ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu li jivvutaw biex:

(a) jadotta l-baġit ġenerali u japprova l-implimentazzjoni tal-baġit u l-kontijiet tas-sena preċedenti, flimkien mal-karta tal-bilanċ tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-Fond għall-GMES, wara li jkun ħa nota tar-rapport tal-awditur estern;

(b) jiddeċiedi fuq kull miżura tal-programmi ta' finanzjament, inklużi permezz ta' strumenti finanzjarji dedikati;

(c) jiddeċiedi fuq it-termini u l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-adeżjoni ta' pajjiżi terzi;

(d) japprova l-konklużjoni ta' kull ftehim mal-Istati Membri, pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet governattivi u mhux governattivi internazzjonali, jew organizzazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri.

12.         Il-Kunsill tal-GMES għandu jkollu s-setgħa, b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu li jivvutaw:

(a) li jiddeċiedi dwar l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet annwali għall-Fond għall-GMES mill-Istati Membri tiegħu;

(b) li jaħtar l-awdituri u li jiddeċiedi dwar it-tul tal-ħatriet tagħhom;

(c) li jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess;

(d) li jadotta r-rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar emendi għal dan il-Ftehim;

(e) li jkun responsabbli minn kull miżura ta' mmaniġġjar mhux fdata lill-Kummissjoni ggarantita mit-tħaddim sew tal-Fond għall-GMES.

13.         Il-Kunsill tal-GMES għandu jiddeċiedi b'unanimità tal-Istati Membri tiegħu dwar l-esklużjoni ta' Stat Membru, il-kundizzjonijiet ta' esklużjoni bħal din, kif ukoll dwar ix-xoljiment jew il-likwidazzjoni tal-Fond għall-GMES.

14.         Kull Stat Membru għandu jkollu għadd ta' voti fil-Kunsill tal-GMES, li jkunu proporzjonati għall-kontribut tagħhom għall-Fond għall-GMES. Madankollu, Stat Membru m'għandu jkollu l-ebda vot fil-Kunsill tal-GMES jekk l-ammont tal-arretrati tal-kontribuzzjonijiet ikun aktar mill-ammont ivvalutat tal-kontribuzzjonijiet tiegħu għas-sena finanzjarja attwali. L-Istati Membri li jastjenu għandhom jiġu kkunsidrati daqslikieku ma vvutawx.

15.         L-għadd totali tal-voti għandu jkun 999, kif imqassam hawn taħt:

Stat Membru || Voti

il-Belġju || 29

il-Bulgarija || 3

ir-Repubblika Ċeka || 12

id-Danimarka || 19

il-Ġermanja || 203

l-Estonja || 1

l-Irlanda || 12

il-Greċja || 17

Spanja || 85

Franza || 157

l-Italja || 126

Ċipru || 1

il-Latvja || 2

il-Litwanja || 2

il-Lussemburgu || 3

l-Ungerija || 8

Malta || 1

il-Pajjiżi l-Baxxi || 48

l-Awstrija || 24

il-Polonja || 29

il-Portugall || 14

ir-Rumanija || 10

is-Slovenja || 3

is-Slovakkja || 6

il-Finlandja || 15

l-Isvezja || 31

ir-Renju Unit || 138

Total || 999

16.         Il-Kunsill tal-GMES jista' jiddelega lill-Kummissjoni, permezz ta' mandat, kull kompetenza meħtieġa, lil hinn mis-setgħat ta' mmaniġġjar tiegħu, il-kompitu li jinkisbu l-għanijiet tal-GMES u li tiġi rrevokata kull delega bħal din.

Il-Kompożizzjoni tal-Fond għall-GMES

17.         Il-Fond għall-GMES għandu jikkonsisti f'EUR 5 841 miljun, fil-prezzijiet tal-2011, ikkontribwiti mill-Istati Membri abbażi tal-Introjtu Nazzjonali Gross tagħhom u għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020. Għall-ewwel sena tal-operazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli l-fondi li ġejjin qabel it-30 ta' Settembru 2013:

Stat Membru || Il-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni || Il-kontribuzzjoni tal-2014 f'EUR[4]

il-Belġju || 2,93% || 24 451 749

il-Bulgarija || 0,31% || 2 573 644

ir-Repubblika Ċeka || 1,25% || 10 398 781

id-Danimarka || 1,91% || 15 917 693

il-Ġermanja || 20,34% || 169 693 249

l-Estonja || 0,13% || 1 056 893

l-Irlanda || 1,23% || 10 304 449

il-Greċja || 1,72% || 14 378 433

Spanja || 8,49% || 70 851 816

Franza || 15,72% || 131 203 971

l-Italja || 12,55% || 104 702 411

Ċipru || 0,14% || 1 183 430

il-Latvja || 0,16% || 1 294 145

il-Litwanja || 0,24% || 2 004 516

il-Lussemburgu || 0,33% || 2 757 700

l-Ungerija || 0,79% || 6 553 633

Malta || 0,05% || 425 091

il-Pajjiżi l-Baxxi || 4,81% || 40 095 555

l-Awstrija || 2,38% || 19 861 219

il-Polonja || 2,92% || 24 377 945

il-Portugall || 1,36% || 11 329 104

ir-Rumanija || 1,04% || 8 681 881

is-Slovenja || 0,28% || 2 363 824

is-Slovakkja || 0,55% || 4 616 893

il-Finlandja || 1,50% || 12 521 438

l-Isvezja || 3,06% || 25 492 378

ir-Renju Unit || 13,82% || 115 336 728

Total || 100% || 834 430 583

18.         Il-Kunsill tal-GMES għandu jiddeċiedi dwar l-aġġustament tal-kontribuzzjoni annwali tal-Istati Membri għal kull sena sussegwenti abbażi tal-metodu tat-tqassim b'konformità mal-Introjtu Nazzjonali Gross rispettiv tal-Istati Membri. Id-deċiżjoni ta' aġġustament għandha tiġi implimentata mill-Kummissjoni u għandha tiġi infurzata b'konformità mal-Artikou 299 tat-TFUE. Ġaladarba nnotifikati dwar id-deċiżjoni ta' aġġustament, l-Istati Membri għandu jkollhom ir-responsabbiltà li jħallsu l-ammonti dovuti tagħhom qabel it-30 ta' Settembru.

19.         L-approprjazzjonijiet finanzjarji tal-Fond għall-GMES ma għandhomx jibqgħu impenjati wara l-31 ta' Diċembru 2020, sakemm il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ma jiddeċidix mod ieħor b'unanimità, fuq proposta mill-Kummissjoni.

Kontribuzzjonijiet għall-Fond għall-GMES

20.         Kull sena, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tikkomunika lill-Kunsill tal-GMES sat-30 ta' Settembru dikjarazzjoni tal-impenji, il-pagamenti u l-ammont annwali tas-sejħiet għall-kontribuzzjonijiet li għandhom isiru fis-sena baġitarja annwali u s-sentejn baġitarji li ġejjin.

21.         Dawn l-ammonti għandhom jiġu bbażati fuq il-kapaċità li jingħata l-livell propost tar-riżorsi b'mod effettiv.

22.         Fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill tal-GMES għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kkwalifikata, fuq il-limitu tal-ammont annwali tal-kontribuzzjoni għat-tieni sena wara l-proposta mill-Kummissjoni (n+2) u, fi ħdan il-limitu li ġie deċiż għas-sena preċedenti, fuq l-ammont annwali tas-sejħa għall-kontribuzzjoni għall-ewwel sena wara l-proposta mill-Kummissjoni (n+1).

23.         Kieku l-kontribuzzjonijiet kellhom ivarjaw mill-bżonnijiet attwali tal-GMES matul is-sena finanzjarja inkwistjoni, il-Kummissjoni għandha tressaq lill-Kunsill tal-GMES proposti biex temenda l-ammonti ta' kontribuzzjoni, u l-Kunsill tal-GMES għandu jieħu deċiżjoni b'maġġoranza kkwalifikata.

24.         Is-sejħiet għall-kontribuzzjoni ma jistgħux ikunu aktar mil-limitu msemmi fil-paragrafi hawn fuq u lanqas ma jista' jiżdied il-limitu ħlief meta jiddeċiedi l-Kunsill tal-GMES permezz ta' maġġoranza kkwalifikata f'każijiet ta' bżonnijiet speċjali li jirriżultaw minn ċirkustanzi eċċezzjonali jew mhux previsti. F'dan il-każ, il-Kummissjoni u l-Kunsill tal-GMES għandhom jiżguraw li l-kontribuzzjonijiet jikkorrispondu għall-pagamenti mistennija.

25.         Kull sena, il-Kummissjoni, għandha tikkomunika lill-Kunsill tal-GMES sat-30 ta' Ottubru l-istimi tagħha tal-impenji, il-ħlasijiet u l-kontribuzzjonijiet għal kull sena ta' wara.

26.         Ir-regoli ddettaljati għall-pagament tal-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri għandhom jiġu ddeterminati permezz tar-Regolament li jimplimenta dan il-Ftehim.

Riżorsi oħra tal-Fond għall-GMES

27.         Kieku pajjiż ġdid kellu jaderixxi mal-UE, l-allokazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tiġi emendata permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill tal-GMES.

28.         Ir-riżorsi finanzjarji jistgħu jiġu aġġustati b'deċiżjoni tal-Kunsill tal-GMES li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata.

29.         Kull Stat Membru jista', mingħajr ħsara għar-regoli u l-proċeduri dwar it-teħid ta' deċiżjonijiet stipulati fir-regolament, jipprovdi lill-Kummissjoni b'kontribuzzjonijiet sabiex jappoġġa l-għanijiet tal-GMES. L-Istati Membri jistgħu jikkofinanzjaw proġetti jew programmi fil-qafas ta' inizjattivi speċifiċi li għandhom jiġu mmaniġġati mill-Kummissjoni, il-BEI jew kull entità tal-Unjoni jew organizzazzjoni li magħha l-Fond għall-GMES stabbilixxa ftehim ta' sħubija jew lil min ġew fdati ċerti kompiti ta' implimentazzjoni.

30.         Ir-Regolament li jimplimenta dan il-Ftehim għandu jinkludi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-kofinanzjament tal-Fond għall-GMES, kif ukoll għall-kofinanzjament tal-attivitajiet implimentat mill-Istati Membri.

31.         L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kunsill tal-GMES bil-quddiem dwar il-kontribuzzjonijiet tagħhom.

Azzjonijiet skont il-Fond għall-GMES

32.         L-operazzjonijiet tas-Servizzi GMES

(a) L-attivitajiet operattivi tas-Servizzi tal-GMES:

– attivitajiet sistematiċi/ta' rutina globali għall-monitoraġġ u t-tbassir tal-istat tas-sottosistemi dinjin fil-livelli reġjonali u globali li jkopru b'mod partikolari l-ambjent marin, l-atmosfera u l-kwalità tal-arja, l-art globali u s-servizzi ta' monitoraġġ tal-bidla fil-klima;

– attivitajiet reġjonali/lokali fuq talba li jkopru b’mod partikolari, l-immaniġġjar ta’ emerġenzi, is-sigurtà u s-servizzi pan-Ewropej ta' monitoraġġ tal-art, fl-Ewropa jew barra minnha.

(b) L-attivitajiet tal-iżvilupp jikkonsistu fit-titjib tal-kwalità u l-prestazzjoni tas-servizzi eżistenti, l-iżvilupp ta’ elementi ta’ servizzi ġodda u t-trawwim tal-utilizzazzjoni min-naħa tas-setturi li jistgħu jiggwadanjaw mill-programm;

33.         L-operazzjonijiet tal-komponent tal-ispazju

34.         L-attivitajiet operattivi tal-osservazzjonijiet li jkunu saru fl-ispazju:

(a) operazzjonijiet tal-infrastruttura spazjali dedikata (jiġifieri missjonijiet Sentinelli);

(b) aċċess għal missjonijiet ta' partijiet terzi;

(c) distribuzzjoni ta' dejta;

(d) għajnuna teknika lill-Kummissjoni biex tiġbor u torganizza r-rekwiżiti tad-dejta tas-servizzi;

(e) identifikazzjoni tad-diskrepanzi fl-osservazzjoni, li jikkontribwixxu għall-ispeċifikazzjoni ta' missjonijiet ġodda fl-ispazju.

35.         Attivitajiet ta’ żvilupp:

(a) id-disinn u l-akkwist ta’ elementi ġodda tal-infrastruttura spazjali;

(b) il-provvediment ta’ appoġġ tekniku lill-Kummissjoni għat-traduzzjoni ta' rekwiżiti ta' servizz fi speċifikazzjonijiet ta' missjonijiet spazjali ġodda bl-appoġġ ta' operaturi tal-infrastruttura spazjali;

(c) il-koordinazzjoni tal-iżvilupp ta' attivitajiet spazjali, inklużi l-iżviluppi mmirati lejn il-modernizzazzjoni u l-ikkumplimentar tal-kapaċità tal-osservazzjoni tal-ispazju.

36.         L-attivitajiet operattivi tal-osservazzjonijiet in situ tal-GMES:

(a) koordinazzjoni tal-provvediment ta' dejta in situ għas-servizzi tal-GMES b'arranġamenti amministrattivi ad hoc mal-operaturi in situ;

(b) koordinazzjoni tal-provvediment ta' parti terza fid-dejta in situ fil-livell internazzjonali;

(c) forniment ta' għajnuna teknika għat-traduzzjoni tar-rekwiżiti ta' dejta ta' servizz tal-GMES fi speċifikazzjonijiet ta' netwerks u infrastruttura ta' osservazzjoni in situ;

(d) interazzjoni ma' operaturi in situ biex jippromwovu konsistenza fl-attivitajiet ta' żvilupp relatati mal-kapaċità tal-osservazzjoni tal-GMES.

Parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali

37.         Il-Kunsill tal-GMES jista' jikkonkludi ftehimiet internazzjonali, inklużu l-ammissjoni tagħhom fil-Fond għall-GMES, mal-pajjiżi terzi li ġejjin:

(a) il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma Partijiet Kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE b’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim taż-ŻEE;

(b) il-pajjiżi kandidati għas-sħubija fl-Unjoni, kif ukoll kandidati potenzjali inklużi fil-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni skont il-Ftehimiet ta’ Qafas, jew taħt Protokoll għal Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni, konklużi ma’ dawk il-pajjiżi;

(c) il-Konfederazzjoni Svizzera, pajjiżi terzi oħra mhux imsemmija fil-punti (1) u (2), u organizzazzjonijiet internazzjonali, skont il-ftehimiet konklużi mill-Unjoni ma’ dawn il-pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, skont l-Artikolu 218 tat-TFUE, li għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u r-regoli ddettaljati għall-involviment tagħhom.

Adozzjoni u dħul fis-seħħ

38.         L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar it-tlestija tal-proċeduri interni meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

39.         Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tat-tieni xahar wara n-notifika lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar it-tlestija tal-proċeduri interni meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu mill-aħħar Stat Membru li se jagħmel dan il-pass.

40.         Dan il-Ftehim ma għandux jibqa' fis-seħħ wara l-31 ta' Diċembru 2020 u l-ebda impenn legali jew finanzjarju ma jista' jsir wara dik id-data.

41.         Mingħajr ħsara għal dan t'hawn fuq, il-pagamenti u l-obbligi kollha li jirriżultaw mill-impenji li jkun responsabbli għalihom il-Fond għall-GMES jew li jsiru f'ismu qabel il-31 ta' Diċembru 2020 għandhom ikunu sodisfatti mill-Fond għall-GMES sal-31 ta' Diċembru 2023. Wara din id-data, kull obbligu pendenti għandu jerġa' lura għall-Istati Membri.

42.         Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jaġixxi bħala depożitarju għal dan il-Ftehim li għandu jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

B'XHIEDA TA' DAN, ir-Rappreżentati hawn taħt iffirmati tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, iffirmaw dan il-Ftehim.

[1]               COM (2011) 500 finali tad-29.06.2011

[2]               COM (2011) 831 finali tat-30.11.2011

[3]               L-ENVISAT hija missjoni xjentifika tas-satelliti tal-ESA. Tnediet fl-2002 u kellha abbord 10 strumenti. Hija l-akbar missjoni ċivili ta' osservazzjoni tad-Dinja. Fl-2007 kienet diġà waslet fit-tmiem tal-ħajja mistennija tagħha.

[4]               Sors: Eurostat 2012

Top