EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0076

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Evalwazzjoni tal-Ftehimiet ta' Riammissjoni tal-UE

/* KUMM/2011/0076 finali */

52011DC0076

/* KUMM/2011/0076 finali */ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Evalwazzjoni tal-Ftehimiet ta' Riammissjoni tal-UE


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 23.2.2011

KUMM(2011) 76 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Evalwazzjoni tal-Ftehimiet ta' Riammissjoni tal-UE

SEG(2011) 209 finaliSEG(2011) 210 finaliSEG(2011) 211 finaliSEG(2011) 212 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Evalwazzjoni tal-Ftehimiet ta' Riammissjoni tal-UE

INTRODUZZJONI

Fil-Programm ta' Stokkolma, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex 'matul l-2010' tippreżenta evalwazzjoni tal-ftehimiet ta' riammissjoni tal-UE u tan-negozjati li jinsabu għaddejjin, u biex tipproponi mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet.[1] Barra minn hekk, '(i)l-Kunsill għandu jiddefinixxi strateġija koerenti mġedda dwar ir-riammissjoni abbażi ta' dan, b'kont meħud tar-relazzjonijiet ġenerali mal-pajjiż ikkonċernat, inkluż approċċ komuni lejn pajjiżi terzi li ma jikkoperawx fir-riammissjoni taċ-ċittadini tagħhom stess.'

Din il-Komunikazzjoni[2] għandha l-għan li (1) tevalwa l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Riammissjoni tal-UE (FRUE) li diġa' jinsabu fis-seħħ, (2) tivvaluta n-negozjati li jinsabu għaddejjin dwar ir-riammissjoni u d-direttivi ta' nnegozjar 'miftuħin' u (3) tipprovdi rakkomandazzjonijiet għal politika ta' riammissjoni tal-UE għall-futur, fosthom dwar il-mekkaniżmi ta' monitoraġġ.

Il-FRUE jimponu obbligi reċiproċi fuq il-partijiet kontraenti għar-riammissjoni taċ-ċittadini tagħhom u kif ukoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u ta' persuni apolidi. Huma jistabbilixxu wkoll fid-dettall il-kriterji operazzjonali u tekniċi għal din il-proċess.

F'termini ta' oqsma ta' politika, il-FRUE huma meqjusa bħala għodda meħtieġa għall-ġestjoni effiċjenti tal-flussi migratorji fl-Istati Membri tal-UE (SM). Billi dawn għandhom jiffaċilitaw ir-ritorn immedjat ta' migranti irregolari, huma meqjusa bħala element maġġuri fl-indirizzar tal-immigrazzjoni irregolari. Il-ftehimiet ma jiddefinixxu l-ebda kriterju dwar il-legalità tal-preżenza ta' persuna fl-UE jew f'pajjiż sieħeb — dan għandu jiġi vvalutat mill-awtoritajiet nazzjonali skont il-liġi nazzjonali, u fejn applikabbli, mal-liġi tal-UE.

Mill-1999, meta l-kompetenza f'dan il-qasam ingħatat lill-Komunità Ewropea, il-Kunsill ħareġ direttivi ta' negozjati lill-Kummissjoni fir-rigward ta' 18-il pajjiż terz. Il-qagħda attwali ta' dawn tinsab mehmuża bħala Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill, l-Evalwazzjoni tal-Ftehimiet ta' Riammissjoni tal-UE, il-Ftehimiet ta' Riammissjoni tal-UE: Kompendu Qasir dwar il-Qagħda Attwali ta' Frar 2011. Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-konklużjoni tal-FRUE għandha bażi legali espliċita (l-Artikolu 79(3) tat-TFUE). Barra minn hekk, huwa prinċipju tal-liġi internazzjonali (abitwali) li kull pajjiż jilqa' lura ċ-ċittadini tiegħu stess.

EVALWAZZJONI TAL-FTEHIMIET TA' RIAMISSJONI TAL-UE LI JINSABU FIS-SEĦĦ

Taħt it-18-il direttivi ta' negozjati li ħareġ il-Kunsill, sal-lum daħlu fis-seħħ 12-il FRUE[3]. Tliet FRUE għandhom perjodu tranżitorju dwar ir-riammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi (ĊPT) (ara t-Taqsimiet 2.4 u 3.2).

Billi l-SM huma responsabbli mill-implimentazzjoni tal-FRUE, il-Kummissjoni talbithom jipprovdu dejta u informazzjoni fid-dettall dwar l-applikazzjoni tal-FRUE[4]. Din l-informazzjoni ġie ssupplimentata minn dejta mill-EUROSTAT[5].

Il-kwalità tad-dejta

Il-Kummissjoni rċeviet tweġibiet mingħand 21 SM (Franza, l-Isvezja, il-Belġju, l-Estonja, il-Portugall, il-Polonja, Malta, il-Latvja, ir-Rumanija, il-Finlandja, il-Bulgarija, il-Greċja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovenja, is-Slovakkja, Spanja, l-Ungerija, ir-Renju Unit, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Irlanda u l-Ġermanja). In-nuqqas ta' tweġibiet mingħand 5 SM (id-Danimarka mhijiex marbuta bi FRUE), fosthom mingħand pajjiżi li huma milquta ħafna mill-migrazzjoni irregolari, jillimita b'mod sinifikanti l-konklużjonijiet li jistgħu jinġibdu abbażi ta' dan.

Filwaqt li xi SM taw ċifri ddettaljati dwar aspetti speċifiċi tar-riammissjonijiet, oħrajn setgħu jagħtu biss stima tal-għadd ta' applikazzjonijiet ta' riammissjoni għal kull pajjiż terz kull sena. B'mod ġenerali, id-dejta mhijiex armonizzata u SM differenti jinkludu każi differenti taħt l-istess intestaturi[6]. Huma biss ftit l-SM li għandhom dejta komprensiva minn qabel l-2008.

F'din is-sitwazzjoni, l-unika dejta dwar ir-ritorn disponibbli li tkopri l-SM kollha tal-UE hija dejta tal-EUROSTAT, iżda din ukoll għandha xi nuqqasijiet. Pereżempju turi kemm-il ċittadin ta' pajjiż terz tneħħew minn SM partikolari, iżda ma tispeċifikax jekk il-persuna ntbagħtitx lura lejn il-pajjiż ta' oriġini, ta' tranżitu jew lejn SM ieħor. Id-dejta ma tagħmilx distinzjoni bejn ritorni volontarji u ritorni mġiegħla. Huwa rari ferm li l-FRUE jintużaw għal ritorni volontarji. Għal din ir-raġuni, iċ-ċifri aggregati miġbura mingħand l-SM mill-Kummissjoni[7] lanqas biss joqorbu lejn iċ-ċifri tal-EUROSTAT għal kwalunkwe pajjiż terz. Pereżempju, għall-2009 l-EUROSTAT irrapporta aktar minn 4300 ritorn ta' ċittadini Russi mill-SM, filwaqt li skont id-dejta pprovduta mill-SM r-ritorni effettivi li twettqu skont il-FRUE mar-Russja kienu biss ftit aktar minn 500.

Rakkomandazzjoni 1: Il-Kummissjoni ser teżamina l-alternattivi għall-estensjoni tal-ġbir ta' dejta kurrenti tal-Eurostat dwar ir-ritorni sabiex tagħmel mod li dawn l-istatistiki jipprovdu bażi utli għall-valutazzjoni tal-FRUE. Sadanittant, il-FRONTEX għandha tiġbor dejta statistika komprensiva dwar ir-ritorni (li ma tinkludix dejta personali) bil-għan li tikseb dejta aktar affidabbli dwar l-għadd reali ta' riammissjonijiet li twettqu taħt il-FRUE.

L-Użu tal-FRUE

Il-maġġoranza tal-SM japplikaw FRUE għar-ritorni kollha tagħhom, iżda oħrajn jużaw arranġamenti bilaterali li kienu jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tal-FRUE. Stat Membru wieħed iddikjara li ma kien issottometta l-ebda applikazzjoni ta' riammissjoni taħt il-FRUE. Ir-raġunijiet li ngħataw għall-fatt li ma ġewx applikati l-FRUE huma n-nuqqas ta' protokoll implimentattiv bilaterali u/jew li l-FRUE jintużaw biss jekk jiffaċilitaw ir-ritorni.

Filwaqt li l-perjodi tranżitorji għal ċittadini ta' pajjiżi terzi f'ċerti FRUE u kif ukoll il-ħtieġa tal-adattament tal-proċeduri amministrattivi nazzjonali jistgħu jispjegaw għaliex ċerti każi għandhom jitobu l-użu ta' ftehimiet bilaterali, in-nuqqas ta' protokolli implimentattivi[8] mhuwiex skuża. Il-Kummissjoni (b'appoġġ qawwi mill-SM) dejjem insistiet li l-FRUE huma strumenti awtonomi u ta' operazzjoni diretta li mhux neċessarjament jirrekjedu l-konklużjoni ta' protokolli implimentattivi bilaterali ma' pajjiżi terzi. Fuq perjodu twil il-protokolli jistgħu biss jiffaċilitaw, anke jekk xi kultant huma obbligatorji, bħal fil-każ tal-FRUE mar-Russja.

L-applikazzjoni inkonsistenti tal-FRUE timmina ħafna l-kredibilità tal-Politika ta' Riammissjoni tal-UE fil-konfront tal-pajjiżi terzi, li huma mistennija japplikaw il-FRUE b'mod korrett. Konsegwenza aktar serja hija li d-drittijiet tal-bniedem u l-garanziji ta' protezzjoni internazzjonali tal-FRUE jista' jitilfu l-effettività tagħhom jekk SM ma jirritornawx migranti irregolari skont il-FRUE.

Rakkomandazzjoni 2: Jeħtieġ li l-SM japplikaw il-FRUE għar-ritorni kollha tagħhom. Il-Kummissjoni ser twettaq monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni korretta tal-FRUE mill-SM u, jekk ikun meħtieġ, tikkunsidra li tieħu passi legali fil-każ ta' implimentazzjoni mhux korretta jew fejn l-implimentazzjoni ma sseħħx.

Riammissjoni ta' ċittadini proprji

Anke b'dejta li mhijiex kompluta għalkollox, jistgħu jintlaħqu xi konklużjonijiet dwar l-iskala tar-riammissjonijiet taħt il-FRUE. Joħroġ biċ-ċar li għaċ-ċittadini proprji, il-FRUE huma għodda importanti fl-indirizzar tal-migrazzjoni irregolari. Abbażi tad-dejta mogħtija mill-SM[9], sar għadd sostanzjali ta' applikazzjonijiet ta' riammissjoni lil prattikament il-pajjiżi terzi rilevanti kollha. Ir-rata ta' rikonoxximent ta' dawk l-applikazzjonijiet kienet tinfirex bejn il-50% sat-80%-90% u aktar (l-Ukraina, ir-Repubblika tal-Moldova, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja), u dan kellu rwol maġġuri fil-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari minn dawk il-pajjiżi. Din l-analiżi hija kkonfermata minn dejta tal-EUROSTAT li turi li fl-2009 20.1 % taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li nqabdu fl-UE kienu minn pajjiżi bi ftehim ta' riammissjoni mal-UE. Dan huwa tnaqqis sinifikanti meta mqabbel mal-2007 fejn is-sehem ta' dawk il-pajjiżi kien ta' 26.9 %.

Sfortunament, din id-dejta ma kinitx twassal għal konklużjonijiet affidabbli dwar ir-ritorni li seħħew fir-realtà. Teżisti varjetà kbira ta' dejta dwar ir-ritorni effettivi; ir-rata għal xi pajjiżi hija estremament għolja filwaqt li hija baxxa għal oħrajn. Madanakollu, f'termini ta' ritorni reali, id-dejta tal-Eurostat turi li fl-2009, għalkemm iċ-ċittadini ta' pajjiżi bi FRUE kienu implikati f'biss madwar 20 % tad-deċiżjonijiet ta' ritorn, huma kienu jikkostitwixxu 40 % taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li realment irritornaw lura mill-UE.

Rakkomandazzjoni 3: Il-Kummissjoni għandha tkompli bid-djalogi (partikolarment fi ħdan il-Kumitati Konġunti dwar ir-Riammissjoni) biex tkompli ttejjeb aktar ir-rata ta' approvazzjoni ta' talbiet ta' riammissjoni u tar-ritorni effettivi.

Ir-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi

Il-klawsoli ta' ĊPT jippermettu l-applikazzjonijiet ta' riammissjoni ta' persuni li ma jkollhomx iċ-ċittadinanza tal-ebda waħda mill-Partijiet (fosthom ta' persuni apolidi) u li jkunu ttranżitaw mit-territorju ta' wieħed mill-Partijiet. Il-klawsola hija inkluża fil-FRUE kollha, għalkemm f'xi wħud minnhom l-applikabbiltà hija ddiferita (sentejn fil-każ tal-Albanija u l-Ukraina, 3 snin għall-Federazzjoni Russa).[10]

Joħroġ biċ-ċar li l-klawsola ta' ĊPT fil-FRUE mal-Ukraina kienet ta' suċċess. Fl-2009 l-għadd ta' applikazzjoni ta' ĊPT lejn l-Ukraina kien kważi daqs dak tal-2008 u kkostitwixxa kważi nofs meta mqabbel ma' applikazzjonijiet għal ċittadini proprji. Din id-dejta nkisbet biss minn dawk l-SM li għamlu użu mill-ftehimiet bilaterali eżistenti tagħhom, kif tassew setgħu jagħmlu skont il-FRUE, matul il-perjodu tranżitorju (is-Slovakkja, l-Ungerija u l-Polonja). Madanakollu, ma hemm l-ebda indikazzjoni li, fil-każ tal-Ukraina, seħħ xi tibdil f'din ix-xejra mill-1 ta' Jannar 2010.

F'paragun ċar mal-użu frekwenti mal-użu tal-klawsola ta' ĊPT għal ritorni lejn l-Ukraina, l-SM fformulaw biss 63 applikazzjoni għal ĊPT taħt il-FRUE kollha. Din il-klawsola ntużat ukoll minn pajjiżi sħab biex jibagħtu 32 ĊPT lura lejn l-UE.

Il-klawsola ta' ĊPT fil-FRUE ma' pajjiżi li ma jinsabux fuq il-fruntiera mal-UE (jiġifieri s-Sri Lanka, il-Montenegro, il-Ħong Kong u l-Makaw[11]) intużat biss 28 darba. Xi SM stqarru li bħala kwistjoni ta' politika huma jibagħtu persuni lejn pajjiżi ta' oriġini biss.

Rakkomandazzjoni 4: Il-ħtieġa konkreta għal klawsoli ta' ĊPT għandha tiġi evalwata bir-reqqa għal kull pajjiż li jidħol f'negozjati ta' riammissjoni mal-UE (ara wkoll it-Taqsima 3.2).

Proċeduri ta' tranżitu u proċeduri aċċellerati

L-użu min-naħa tal-SM ta' proċeduri ta' tranżitu u ta' proċeduri aċċellerati kien baxx ferm. Apparti mis-Serbja, li fl-2008 kellha 249 applikazzjoni għal proċedura aċċellerata, li naqsu għal 1 fis-sena ta' wara, u l-Montenegro bi 88 applikazzjoni, li fis-sena ta' wara niżlu għal 3, l-SM kollha bejniethom issottomettew 31 applikazzjoni għal proċedura aċċellerata taħt il-FRUE kollha. Bl-istess mod, l-għadd totali ta' applikazzjonijiet ta' tranżitu sottomessi mill-SM kollha taħt il-FRUE laħaq is-37.

Diversi SM ma użaw l-ebda waħda minn dawn il-klawsoli, għalkemm huma dejjem inklużi fid-direttivi ta' nnegozjar mogħtija lill-Kummissjoni u ta' spiss ikunu ta' tfixkil serju għan-negozjati.

Rakkomandazzjoni 5: F'każi fejn x'aktarx li l-ebda waħda minn dawn il-proċeduri ma tintuża b'mod mifrux fil-prattika, għandu jiġi kkunsidrat li fil-futur dawn jiġu esklużi mid-direttivi ta' nnegozjar u jitħallew fl-ambitu tal-protokolli implimentattivi bilaterali.

EVALWAZZJONI TA' NEGOZJATI LI JINSABU GĦADDEJJIN U TAD-DIRETTIVI TA' NNEGOZJAR 'MIFTUĦIN'

Ħarsa lejn kif evolvew it-18-il direttiva ta' nnegozjar li nħarġu sa issa[12] (jiġifieri ż-żmien li laħaq għadda bejn id-direttivi ta' nnegozjar li rċeviet il-Kummissjoni u l-ewwel ċiklu ta' negozjati u/jew bejn l-ewwel ċiklu ta' negozjati u l-iffirmar tal-ftehim), joħroġ biċ-ċar li kważi fil-pajjiżi (bl-eċċezzjoni, pereżempju, tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, il-Moldova u l-Ġeorġja), in-negozjati ta' FRUE jdumu għaddejjin għal ħafna żmien. Eżempju partikolari huwa dak tal-Marokk, fejn id-direttivi ta' nnegozjar ġew irċevuti fl-2000, l-ewwel negozjar seħħ fl-2003 u bħalissa n-negozjati jinsabu fil-15-il ċiklu, u ma tantx jidher li ser jiġu konklużi f'qasir żmien. Barra minn hekk, hemm żewġ każi (iċ-Ċina u l-Alġerija) fejn l-UE anqas biss irnexxielha tiftaħ in-negozjati b'mod formali.

Ir-raġunijiet ewlenin għal dan id-dewmien eċċessiv u għad-diffikulta' biex dawn il-pajjiżi jitressqu mal-mejda tan-negozjati huma: (1) nuqqas ta' inċentivi u (2) ċertu nuqqas ta' flessibbiltà min-naħa tal-SM dwar xi kwistjonijiet (tekniċi).

Nuqqas ta' inċentivi

L-approċċ inizjali tal-UE kien li tistiden lil pajjiżi terzi biex jinnegozjaw ftehim ta' riammissjoni, mingħajr ma offriet xejn lura. Dawn il-ftehimiet kollha ftit li xejn joffru benefiċċji għall-pajjiżi terzi kkonċernati, li normalment ikunu jixtiequ li jieħdu xi ħaġa lura meta jikkonkludu ftehim ta' riammissjoni mal-UE. Pereżempju, in-negozjati mal-Federazzjoni Russa u mal-Ukraina qabdu ritmu mgħaġġel biss meta l-UE kkommettiet ruħha li, fuq talba tagħhom, fl-istess ħin tinnegozja ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi. In-nuqqas ta' inċentiv huwa wkoll preċiżament ir-raġuni għaliex sa issa l-UE għadha ma rnexxilhiex tibda negozjati mal-Alġerija[13] u maċ-Ċina: iż-żewġ pajjiżi tennew it-talba tagħhom għal 'miżuri tal-viża' iżda, għal diversi raġunijiet, l-UE ma kinitx disposta li twieġeb għal dawn is-sejħiet. Il-Marokk u t-Turkija wkoll għamlu talba għal miżuri tal-viża.

Evalwazzjoni tal-ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi[14] wriet biċ-ċar li l-implimentazzjoni ta' dawn il-ftehimiet ma twassalx għal żieda fl-immigrazzjoni irregolari fl-UE minn dawk il-pajjiżi. L-SM għad għandhom kontroll sħiħ fuq min għandha tinħariġlu viża u min le. Din il-konklużjoni, flimkien ma' titjib ġenerali li jirriżulta mill-Kodiċi dwar il-Viżi fuq il-prattiki tal-ħruġ ta' viżi, timplika b'mod qawwi li l-ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi jistgħu jipprovdu l-inċentiv neċessarju għal negozjati ta' riammissjoni mingħajr ebda żieda fil-migrazzjoni irregolari.

L-inċentiv l-ieħor b'potenzjal qawwi huwa dak ta' assistenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-ftehim. Ir-riammissjoni ta' ċittadini proprji u ta' ċittadini ta' pajjiż terz tinvolvi piż finanzjarju sostanzjali għall-pajjiżi ta' akkoljenza. Għaċ-ċittadini proprji, għandhom jinħolqu l-kundizzjonijiet biex dawk il-persuni jiġu integrati aħjar fis-soċjetà, u b'hekk ma jitħallewx jirritornaw lejn l-UE b'mod illegali. Għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jistennew ir-riammissjoni lura lejn il-pajjiż ta' oriġini, l-UE għandha tkun lesta li tgħin lill-pajjiżi sħab sabiex joħolqu faċilitajiet ta' akkoljenza xierqa li jkunu konformi mal-istandards tal-UE. L-UE diġà ffinanzjat diversi proġetti bħala appoġġ għall-politiki ta' riintegrazzjoni u kapaċitajiet ta' akkoljenza ta' xi ċerti pajjiżi terzi li jkun ġie konkluż FRUE magħhom.

Il-pajjiżi sħab ta' spiss għamlu talbiet għal assistenza finanzjarja (prinċipalment il-Marokk u t-Turkija, iżda wkoll l-Ukraina u xi pajjiżi mill-Balkani tal-Punent). Dan jista' jkun effiċjenti ferm bħala lieva, sakemm l-ammont ta' flus li jiġi offrut ikun wieħed sostanzjali u jiżdied mal-ammont li diġà ġie pprogrammat jew imwiegħed taħt il-programmi ġeografiċi rilevanti tal-UE (eż. l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni, l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija). L-uniku strument li fil-prinċipju jista' jipprovdi dan il-finanzjament addizzjonali lil pajjiżi terzi huwa l-Programm Tematiku għall-kooperazzjoni fl-oqsma tal-migrazzjoni u l-asil. Iżda l-Programm Tematiku għandu baġit limitat ferm (bejn wieħed u ieħor EUR 54 miljun kull sena) u l-għan tiegħu huwa li jkopri attivitajiet ta' kooperazzjoni madwar id-dinja, li jfisser li r-riżorsi li huma potenzjalment disponibbli għal pajjiż terz speċifiku huma ristretti ħafna. Barra minn hekk, il-Programm Tematiku huwa maħsub biss għall-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp u pajjiżi li huma parti mir-reġjun tal-Viċinat Ewropew, għaldaqstant il-pajjiżi kandidati huma esklużi. Għal din ir-raġuni, l-uniċi offerti finanzjarji mill-UE f'dan ir-rigward sa issa kienu jikkonsistu minn fondi allokati li fil-fatt kienu diġà disponibbli taħt programmi finanzjarji ġeografiċi. Mhijiex ħaġa sorprendenti li s-sħab fin-negozjati ta' spiss jikkunsidraw li dawn it-tip ta' offerti mhumiex biżżejjed.

Sa issa, ftit li xejn għadu sar użu minn inċentivi usa' u aktar sostantivi, kemm fil-qasasm tal-migrazzjoni u kif ukoll f'oqsma oħra ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab (is-'sett ta' għodod' tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni). Is-Sħubijiet ta' Mobbiltà jinvolvu biss għadd limitat ta' SM u għadhom fi stadju bikri. Barra minn hekk, għalkemm dawn jinkludu xi opportunitajiet ta' migrazzjoni legali għall-pajjiż terz, minħabba li l-SM ma tantx urew interess, sa issa saru biss offerti żgħar li ma tantx jistgħu jitqiesu bħala inċentivi biex isir progress fir-rigward tar-riammissjoni.

Saret bidla fundamentali dwar kif jiġu elaborati l-FRUE, partikolarment fir-rigward tal-inċentivi. L-UE għandha tinkorpora l-obbligu ta' riammissjoni b'mod sod fil-ftehimiet qafas ma' pajjiżi terzi, għal riammissjoni b'mod awtomatiku għaċ-ċittadini proprji u riammissjoni marbuta ma' aktar inċentivi għaċ-ĊPT. B'mod konkret, u wara l-valutazzjoni tal-adegwatezza flimkien mas-SEAE, dan jista' jfisser li l-klawsola standard dwar il-migrazzjoni li tintuża fi ftehimiet qafas (ta' assoċjazzjoni jew ta' kooperazzjoni) tal-UE tiġi żviluppata fi klawsoli ta' riammissjoni aktar elaborati u operazzjonali b'mod dirett. Dan iwassal biex isir użu aħjar mill-influwenza li tali ftehim ikun jirrapreżenta għall-pajjiż sieħeb. Din l-influwenza tista' tintuża wkoll billi FRUE jiġi nnegozjat fl-istess ħin ta' FSK, jew kwalunkwe tip ieħor ta' ftehim ta' assoċjazzjoni jew ta' kooperazzjoni.In-nuqqas ta' rispett tal-obbligu ta' riammissjoni għandu jwassal għall-adozzjoni ta' sanzjonijiet fil-konfront tal-pajjiżi sħab li ma jikkooperawx biżżejjed fl-indirizzar tal-migrazzjoni irregolari, bla ħsara għall-obbligi legali li jinsabu fil-ftehimiet qafas bejn l-UE u l-pajjiżi terzi, prinċipalment fir-rigward tal-kriterji għas-sospensjoni tal-kooperazzjoni.

Rakkomandazzjoni 6: L-UE għandha tiżviluppa l-erba' inċentivi ewlenin li għandha għad-dispożizzjoni tagħha (diversi għodod ta' politika relatati mal-viża, elementi tas-'sett ta' għodod' tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u migrazzjoni legali) f'pakkett koerenti li għandu jiġi offrut lill-pajjiż sieħeb fil-bidu nett tan-negozjati. M'għandhomx jibqgħu jiġu proposti direttivi ta' nnegozjar ta' riammissjoni awtonomi. Fejn ikun possibbli, in-negozjati ta' riammissjoni għandhom jinfetħu fl-istess ħin ma' negozjati ta' ftehimiet qafas. Id-direttivi ta' nnegozjar ta' riammissjoni tal-futur għandhom jinkludu l-inċentivi li ser toffri l-UE, b'mod partikolari fil-każ tad-direttivi ta' nnegozjar li jinkludu klawsola ta' ĊPT, u fl-istess ħin jindikaw il-miżuri ta' ritaljazzjoni possibbli min-naħa tal-UE f'każi ta' nuqqas persistenti u mhux iġġustifikat ta' kooperazzjoni mill-pajjiż sieħeb.

Nuqqas ta' flessibbiltà

Ħafna negozjati jdumu jkarkru għal ħafna żmien minħabba xi problema fundamentali bejn iż-żewġ naħat fuq xi kwistjonijiet tekniċi (fosthom il-proċeduri msemmija fit-Taqsima 2.5).

Fin-negozjati l-Kummissjoni dejjem tinġieb b'darha mal-ħajt biex tinsisti fuq skadenza li tal-anqas tkun l-istess daqs l-itwal perjodu ta' detenzjoni fi kwalunkwe SM għaliex fl-UE l-perjodi ta' detenzjoni ma ġewx armonizzati bis-sħiħ. Ħafna pajjiżi terzi jsibuha impossibbli li jimplimentaw dan l-iqsar perjodu, li huwa kkumplimentat mill-prinċipju li n-nuqqas ta' tweġiba fi żmien din l-iskadenza jimplika l-aċċettazzjoni tar-riammissjoni tal-pajjiż sieħeb, minħabba l-kapaċitajiet amministrattivi limitati tagħhom. Dan il-kwistjoni tista' ssir anqas pressanti fil-ġejjieni (qarib) grazzi għal teknoloġiji ġodda. Diversi SM qegħdin jikkunsidraw ukoll li jtawlu l-perjodi ta' detenzjoni tagħhom. Iżda għalissa dan huwa wieħed mill-akbar ostakli għall-konklużjoni mingħajr dewmien ta' negozjati, kemm mal-pajjiż terz ikkonċernat u kif ukoll mal-SM. Xejra oħra hija li l-Kummissjoni ta' spiss ikollha tissokta bin-negozjati fuq abbozzi ta' ftehimiet, xi kultant fuq l-insistenza ta' SM wieħed, jew ta' għadd żgħir ħafna ta' SM, meta l-abbozz ikun diġà ġie aċċettat mill-maġġoranza tal-SM. Filwaqt li huwa veru li f'dawn il-każi l-pajjiżi l-aktar ikkonċernati jkunu dawk li l-aktar ikollhom x'jirbħu jew x'jitilfu mill-ftehim, huwa veru wkoll li l-konklużjoni ta' ftehim tirrekjedi biss maġġoranza kkwalifikata fil-Kunsill.

Rakkomandazzjoni 7: Dwar il-kwistjoni tal-limiti ta' żmien, qiegħed jiġi rrakkomandat li jintlaħaq ftehim bejn l-SM kollha dwar perjodu wieħed fiss li jkun realistiku u fattibbli kemm għall-pajjiżi terzi u kif ukoll għall-SM. Fil-qbil ta' dan il-limitu ta' żmien, għandu jitqies li l-perjodu ma għandux ikun twil wisq fid-dawl tal-fatt li l-limitazzjonijiet stretti previsti fil-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (detenzjoni bħala l-aħħar espedjent, preferenza għal miżuri li ma jkunux ta' impożizzjoni, kontroll ġudizzjarju regolari tad-deċiżjoni ta' detenzjoni u l-obbligu fuq l-SM li jwettaq proċeduri ta' tneħħija bid-diliġenza xierqa) għandhom jiġu rrispettati dejjem. L-SM għandhom jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-isforzi tan-negozjati ta' riammissjoni tal-Kummissjoni u jibqgħu jżommu quddiem għajnejhom l-interess globali li l-konklużjoni ta' FRUE tkun tirrapreżenta għall-UE kollha kemm hi.

Il-FRUE kollha li ġew konklużi sa issa jinkludu wkoll l-obbligu tar-riammissjoni, taħt ċerti kundizzjonijiet, ta' ĊPT li jkunu ttranżitaw mit-territorju ta' Parti kontraenti.

Ħadd mill-pajjiżi terzi ma jaqbel mal-klawsola ta' ĊPT, u jargumentaw li ma jistgħux jinżammu responsabbli minn ċittadini ta' pajjiżi terzi u għaldaqstant ma għandhomx l-obbligu tar-riammissjoni ta' tali persuni. Li kieku l-klawsola ta' ĊPT ma ntalbitx mill-UE jew ġiet ibbażata fuq inċentivi xierqa, xi negozjati setgħu ġew konklużi diġà (eż. l-Marokk u t-Turkija) filwaqt li ħafna oħrajn setgħu ġew konklużi aktar malajr. Madanakollu jidher biċ-ċar li FRUE ma' pajjiż ta' tranżitu maġġuri ta' migrazzjoni irregolari lejn l-UE mingħajr klawsola ta' ĊPT ftit li xejn ikun ta' siwi għall-UE.

L-esperjenza tal-Kummissjoni sa issa kienet li sa meta pajjiż terz finalment jaċċetta l-prinċipju ta' klawsola ta' ĊPT jkun diġà nħela ħafna ħin, u mbagħad ikunu meħtieġa aktar konċessjonijiet sabiex jintlaħaq qbil dwar il-lingwaġġ preċiż u l-prekondizzjonijiet tal-klawsola li ta' spiss isir b'dannu fuq l-effikaċja tagħha. Biex tinżamm din l-effikaċja kien ikun utli li tintuża l-influwenza xierqa f'każi fejn l-inklużjoni ta' klawsola ta' ĊPT tkun partikolarment rilevanti għall-UE. Ir-riammissjoni ta' ċittadini proprji tipikament ma għandhiex tirrekjedi inċentivi importanti. Huwa interessati li l-ftehimiet bilaterali ta' riammissjoni tal-SM normalment ma jinkludux klawsola ta' ĊPT (l-aktar fejn ikun hemm fruntiera komuni fuq l-art). Madanakollu l-SM dejjem jitolbu klawsola ta' ĊPT fil-livell tal-UE. Din is-sitwazzjoni tqajjem xi kwistjonijiet importanti billi, skont kif turi d-dejta li tinġabar mill-SM (ara t-Taqsima 2.4), fil-fatt il-klawsola ta' ĊPT rarament tintuża mill-SM anke ma' pajjiżi ta' tranżitu, bħall-Balkani tal-Punent, li għandhom funtieri fuq l-art mal-UE.

Fid-dawl ta' dan, jekk il-klawsola ta' ĊPT mhijiex ser tintuża b'mod daqstant mifrux l-UE jkollha tiffoka l-politika ta' riammissjoni aktar fuq pajjiżi ta' oriġini ewlenin, minflok fuq dawk ta' tranżitu u ta' migrazzjoni irregolari, eż. fl-Afrika Sub-Saħarjana u l-Asja.

Rakkomandazzjoni 8: L-approċċ kurrenti għandu jiġi rivedut. Bħala regola, id-direttivi ta' nnegozjar tal-futur ma għandhomx ikopru ċittadini ta' pajjiż terz, u għaldaqstant ma jkun hemm l-ebda ħtieġa ta' inċentivi importanti. Ikun biss f'dawk il-każi fejn il-pajjiż ikkonċernat, minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu fir-rigward tal-UE (ġirien diretti, xi pajjiżi tal-Mediterran) u fejn jeżisti potenzjal kbir ta' riskju ta' migrazzjoni irregolari li tittranżita mit-territorju tiegħu lejn l-UE, li l-klawsola ta' ĊPT għandha tiġi inkluża u jiġu offruti inċentivi biss meta jkun xieraq. F'dawk il-każi l-UE għandha tiddikjara wkoll b'mod espliċitu, bħala kwistjoni ta' prinċipju, li l-ewwel hija ser dejjem tipprova tibgħat lill-persuna fil-pajjiż ta' oriġini tiegħu/tagħha. L-UE għandha wkoll tiffoka aktar l-istrateġija ta' riammissjoni tagħha fuq l-aktar pajjiżi ta' oriġini importanti.

IL-MONITORAĠĠ TAL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-FTEHIMIET TA' RIAMMISSJONI TAL-UE INKLUŻ IT-TITJIB TAS-SALVAGWARDJI GĦAD-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM

Il-mekkaniżmu ta' monitoraġġ

Sa issa l-għodda prinċipali għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-FRUE kienu l-Kumitat Konġunti dwar ir-Riammissjoni (KKR). Dawn ġew stabbiliti formalment taħt kull wieħed mill-11-il FRUE, għajr għas-Sri Lanka, fejn sa issa s-sitwazzjoni politika u xi kwistjonijiet tekniċi impedixxew l-organizzazzjoni ta' laqgħa. Il-laqgħat tal-KKR isiru skont il-ħtieġa, u fuq it-talba, ta' kwalunkwe waħda mill-Partijiet. Apparti mill-Ħong Kong u l-Makaw, il-KKR jiltaqgħu minn tal-anqas darba fis-sena u ma' xi pajjiżi anke darbtejn fis-sena. B'mod partikolari l-KKR huma responsabbli mill-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-FRUE rispettivi u jistgħu jieħdu deċiżjonijiet vinkolanti fuq il-Partijiet. F'konformità mal-FRUE eżistenti, il-KKR huma kopreseduti mill-Kummissjoni (f'isem l-UE, iżda f'xi każi hija assistita minn esperti mill-SM) u mill-pajjiż terz inkwistjoni.

L-evalwazzjoni globali li għamlu l-SM fir-rigward tal-ħidma tal-KKR hija pjuttost pożittiva. Il-Kummissjoni tikkondividi l-fehmiet ta' xi SM li l-inklużjoni sistematika ta' esperti mill-SM tista' tkun tassew utli.

Madanakollu, minħabba fir-rwol, li dejjem qed jiżdied fl-importanza, tal-FRUE fil-proċess tar-ritorn u l-interazzjoni possibbli tagħhom mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem u tal-protezzjoni internazzjonali, għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li għal-laqgħat tal-KKR jiġu mistiedna wkoll l-NGOs u l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti. Ovvjament dan ikun jitlob il-qbil tal-kopresident[15]. Barra minn hekk, u bil-għan tat-tisħiħ tar-rwol ta' KKR eżistenti u futuri fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-FRUE, il-KKR għandhom jitnebbħu aktar minn informazzjoni rilevanti tas-sitwazzjoni 'fuq il-post' li tkun tista' tinġabar minn NGOs u organizzazzjonijiet internazzjonali, minn Ambaxxati tal-SM u minn Delegazzjoni tal-UE.

Rakkomandazzjoni 9: Għandha tiġi kkunsidrata l-parteċipazzjoni sistematika ta' esperti mill-SM fil-KKR kollha. Fuq il-bażi ta' każ b'każ, għandha tiġi prevista l-parteċipazzjoni ta' NGOs u ta' organizzazzjonijiet internazzjonali fil-KKR. Il-KKR għandhom jaħdmu aktar mill-qrib mal-atturi rilevanti fuq il-post f'pajjiżi terzi inkluż dwar il-monitoraġġ tat-trattament taċ-ĊPT. L-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni għandha tinġabar aktar minn għajun bħal Delegazzjonijiet tal-UE, Ambaxxati tal-SM fl-UE, Organizzazzjonijiet Internazzjonali jew NGOs.

L-approċċ kurrenti għas-salvagwardji għad-drittijiet tal-bniedem taħt il-FRUE

L-UE tikkunsidra l-FRUE bħala strumenti tekniċi li jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet. Is-sitwazzjoni tal-persuna suġġetta għar-riammissjoni ma ġietx irregolata u dawn il-kwistjonijiet jaqgħu taħt il-liġi internazzjonali, il-liġi tal-UE u l-liġi nazzjonali rilevanti li hija applikabbli.

Il-binja legali tal-FRUE li ġew konklużi sa issa (u d-direttivi ta' nnegozjar li ġew adottati sal-lum) issejset fuq il-fatt li proċedura ta' riammissjoni tapplika biss għal persuni li jkunu qed jissoġġornaw b'mod illegali fit-territorju tal-Partijiet kontraenti. Il-fatt jekk persuna tkunx qiegħda tissoġġorna b'mod illegali jew le jiġi ddeterminat minn deċiżjoni ta' ritorn f'applikazzjoni tal-liġijiet (amministrattivi) applikabbli fit-territorju ta' kull Parti u l-garanziji proċedurali mnaqqxa fihom (rappreżentanza legali, stħarriġ ġudizzjarju, ir-rispett tan- non-refoulment eċċ). Ċerti garanziji proċedurali għall-pajjiżi terzi suġġetti għar-ritorn (fosthom ir-rispett tal-prinċipju ta' non-refoulment ) ġew stabbiliti dan l-aħħar fid-Direttiva dwar ir-Ritorn[16] li kellha tiġi ttrasposta mill-SM sal-24 ta' Diċembru 2010 u li għandha tiġi implimentata mill-SM f'konformità mad-drittijiet fundamentali, partikolarment il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Jekk il-persuna inkwistjoni tagħmel talba għal protezzjoni internazzjonali, l- acquis rilevanti tal-UE dwar l-asil jistipula li f'dak il-każ hi intitolata għal soġġorn fit-territorju ta' SM sakemm tittieħed deċiżjoni dwar it-talba tagħha. Huwa biss wara li talba tiġi rrifjutata li tkun tista' tinħareġ jew tiġi eżegwita deċiżjoni ta' ritorn, jiġifieri, persuna li jkollha każ validu għal protezzjoni internazzjonali qatt ma tista' tiġi kkunsidrata għal riammissjoni għaliex ma tistax titqies li qiegħda fuq soġġorn illegali.

L-istrumenti legali internazzjonali vinkolanti li ġew ratifikati mill-SM kollha[17] japplikaw b'mod ġenerali għall-persuni kollha suġġetti għal proċedura ta' riammissjoni, indipendentement mill- acquis tal-UE dwar ir-ritorn/l-asil imsemmi hawn fuq. Dawn l-istrumenti jiggarantixxu li l-ebda persuna ma tkun tista' titneħħa minn kwalunkwe SM jekk dan ikun imur kontra l-prinċipju tan- non-refoulment jew jekk ikun hekk ir-riskju li fil-pajjiż fejn tintbagħat il-persuna tkun suġġetta għal tortura jew għal trattament inuman jew degradanti jew għal kastig. F'dawn il-każi ma tkun tista' tinbeda l-ebda proċedura ta' riammissjoni u dan il-fatt huwa rikonoxxut mill-FRUE f'dik li tissejjaħ 'klawsola ta' nuqqas ta' affezzjoni' li tikkonferma l-applikabbiltà ta' dawn l-istrumenti dwar id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett tagħhom. Konsegwentement, kull ritorn/riammissjoni jista' jitwettaq biss b'riżultat ta' deċiżjoni ta' ritorn li tista' tinħareġ biss jekk jiġu osservati l-garanziji msemmija aktar 'il fuq. Barra minn hekk, meta jimplimentaw il-FRUE l-SM għandhom jirrispettaw il-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE

Xi miżuri possibbli biex jissaħħu l-garanziji għad-drittijiet tal-bniedem fil-FRUE u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-FRUE

Minn dan ta' hawn fuq, huwa ċar li l-qafas legali tal-FRUE diġà jillimita l-applikazzjoni tagħhom għal persuna li possibbilment tista' tkun suġġetta għal persekuzzjoni, tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig fil-pajjiż fejn tkun ser tiġi rritornata.

Madanakollu, il-prattika amministrattiva u ġudizzjarja attwali applikata f'dan il-qasam hija importanti. Meta jitqies l-għadd sostanzjali ta' FRUE u r-rwol sinifikanti tagħhom fil-politiki tal-UE kontra l-migrazzjoni irregolari, nistgħu nikkunsidraw ċerti mizuri ta' akkumpanjament, mekkaniżmi u/jew garanziji ta' kontroll fi FRUE tal-futur, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem tal-persuna rimpatrijata jiġu rrispettati dejjem. Safejn ikun possibbli, l-KKR għandu jkollhom rwol importanti f'dan ir-rigward. Meta jkunu qegħdin jiġu kkunsidrati miżuri possibbli, għandhom jitqiesu l-fatturi li ġejjin:

(i) L-istrumenti eżistenti (partikolarment l- acquis tal-UE dwar l-asil/ir-ritorn) għandhom jibqgħu l-pilastri prinċipali tas-sistema tal-UE ta' ritorn u riamissjoni. It-titjib imkorporat fil-politika u l-ftehimiet ta' riammissjoni tal-UE ma għandhomx sempliċiment jiddupplikaw il-garanziji stipulati fi strumenti oħrajn. Dan ma jkun tal-ebda valur miżjud għas-sitwazzjoni reali tal-persuna. It-titjib għall-politika/ftehimiet ta' riammissjoni għandu jkollu l-għan li jikkumplimenta strumenti eżistenti, billi jiffoka fuq nuqqasijiet prattiċi li jistgħu jwasslu għal ksur tad-drittijiet fundamentali fl-implimentazzjoni ta' proċedura ta' riammissjoni.

(ii) L-għan ewlieni tal-FRUE (jew ta' kwalunkwe ftehim ta' riammissjoni) huwa li jintlaħaq qbil mal-amministrazzjoni ta' pajjiż sieħeb dwar proċedura ta' riammissjoni rapida u effiċjenti. Dan il-prinċipju ma jistax jiġi kompromess permezz tal-inklużjoni ta' miżuri li jwasslu għal reviżjoni ta' deċiżjonijiet finali dwar ir-ritorn li jkunu ttieħdu preċedentement jew għal rifjuti finali ta' applikazzjonijiet ta' asil, sakemm dan ikun konformi mal- acquis tal-UE.

(iii) In-nuqqas ta' FRUE ma' pajjiż terz partikolari ma jżommx lura lil SM milli jitlob lil dawk il-pajjiiżi terzi għar-riammissjoni ta' persuni fuq bażi bilaterali. Konsegwentement, kwalunkwe titjib li jiġi introdott fil-livell tal-UE ma jistax, fil-prinċipju, jaffettwa r-riammissjonijiet li jitwettqu mill-SM fuq bażi bilaterali.

(iv) Xi miżuri li ġew proposti, partikolarment V akar 'l isfel, mhux biss jimplikaw piż akbar għall-Kummissjoni u possibbilment għad-Delegazzjonijiet tal-UE f'termini ta' riżorsi finanzjarji u umani, iżda jirrekjedu wkoll il-kooperazzjoni mingħajr ekwivoku tal-SM u tal-pajjiżi terzi kkonċernati, B'mod partikolari dawn l-aħħar mhux dejjem ikunu ħerqana li jikkooperaw f'dan ir-rigward.

I It-titjib tal-aċċess għal ċittadini ta' pajjiżi terzi għal protezzjoni internazzjonali u rimedji legali fil-prattika

(1) Ħafna ftehimiet (partikolarment dawk ma' pajjiżi terzi ġirien tal-UE) jinkludu arranġamenti speċjali għal persuni li jinqabdu fir-reġjun tal-fruntiera (fosthom l-ajruporti), u jippermettu għar-riammissjoni tagħhom fi skadenzi ferm iqsar - l-hekk imsejħa 'proċedura aċċelerata'. Għalkemm is-salvagwardji taħt l- acquis tal-UE (bħall-aċċess għall-proċedura tal-asil u r-rispett għall-prinċipju tan- non-refoulment ) ma jitwarrbux fil-każ ta' proċedura aċċelerata, fil-prattika hemm il-potenzjal ta' nuqqasijiet. Aktar minn hekk, l-SM jista' jagħżel li ma japplikax ċerti salvagwardji tad-Direttiva dwar ir-Ritorn għall-persuni li jinqabdu fir-reġjun tal-fruntiera għaliex id-Direttiva tobbliga biss lill-SM japplikaw ċertu numru ta' dispożizzjonijiet ewlenin, fosthom il-prinċipju tan- non-refoulment .

Rakkomandazzjoni 10: Id-dispożizzjonijiet li jindirizzaw din il-kwistjoni partikolari u li jenfasizzaw b'mod ġenerali l-importanza li l-għassies tal-fruntiera jidentifika persuni li jkunu qed ifittxu protezzjoni internazzjonali jistgħu jiġu inklużi fil-Manwal Prattiku għall-Għassiesa tal-Fruntiera.[18] Fit-test tal-ftehimiet tista' wkoll tiġi introdotta klawsola li l-proċedura aċċellerata tintuża bil-kundizzjoni ta' tali informazzjoni.[19]

(2) Id-Direttiva dwar ir-Ritorn tinkludi regoli ddettaljati dwar l-effetti sospensivi tal-appelli u d-dritt għal rimedju effettiv. Barra minn hekk id-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil tirrekjedi lill-SM li jiżguraw li l-applikanti għall-asil jkollhom aċċess għal proċeduri ta' appell. Fil-prattika, jista' jkun hemm xi tentattivi li persuna tiġi rritornata minkejja l-fatt li appell b'effett sospensiv ikun għadu pendenti.

Rakkomandazzjoni 11: Fil-FRUE jiġi ddikjarat b'mod ċar li dawn jistgħu jiġu applikati biss għal persuni li r-ritorn/it-tneħħija tagħhom ma tkunx ġiet sospiża[20].

II L-istipulazzjoni ta' klawsoli ta' sospensjoni f'kull ftehim ta' riammissjoni tal-futur

Tqajmu ħafna dubji dwar il-konklużjoni ta' FRUE ma' pajjiżi b'rekord dgħajjef fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tal-protezzjoni internazzjonali. Rimedju wieħed jista' jkun li tiġi inkluża klawsola sospensiva għal ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż terz ikkonċernat.

Rakkomandazzjoni 12: Fl-implimentazzjoni tal-FRUE l-Istati Membri għandhom dejjem jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u għaldaqstant għandhom jissospendu l-applikazzjoni tagħhom meta din tkun twassal għal ksur ta' drittijiet fundamentali.

Il-prinċipju ġenerali jista' jissaħħaħ aktar billi l-ftehim ikun jinkludi klawsola ta' sospensjoni li jkollha effett reċiproku. Din il-klawsola tkun tipprovdi għas-sospensjoni temporanja tal-ftehim fl-eventwalità ta' riskji persistenti u serji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni riammessi. F'dak il-każ l-UE tkun tista' twaqqaf b'mod unilaterali l-applikazzjoni tal-ftehim permezz ta' notifika lill-Parti kontraenti l-oħra (jekk ikun meħtieġ wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konġunt dwar ir-Riammissjoni).

III L-istipulazzjoni ta' klawsoli speċifiċi f'kull ftehim ta' riammissjoni tal-futur dwar it-tluq volontarju

Fil-prattika, il-preferenza ċara fid-Direttiva dwar ir-Ritorn favur it-tluq volontarju tista' tkun ostakolata minn diffikultajiet amministrattivi fil-ksib tal- laissez-paisser neċessarju għall-vjaġġ lura u mill-biża' ta' sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali (għal nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-migrazzjoni) meta jaslu lura.

Rakkomandazzjoni 13: L-istipulazzjoni ta' artikolu f'kull FRUE li permezz tiegħu l-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jagħtu preferenza għat-tluq volontarju, għall-għoti tad-dokumenti neċessarji għat-tluq volontarju u li ma jiġux imposti sanzjonijiet għan-nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-migrazzjoni fuq persuni li jirritornaw volontarjament.

IV L-obbligu tal-konformità mad-drittijiet tal-bniedem fit-trattament ta' persuna rimpatrijata

Iċ-ĊPT li jiġu riammessi f'pajjiż ta' tranżitu jistgħu jsibu ruħhom f'sitwazzjoni partikolarment prekarja speċjalment f'pajjiżi b'sistema dgħajfa tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom fir-rigward tal-protezzjoni internazzjonali. Pereżempju, hemm ir-riskju ta' miżuri amministrattivi sproporzjonati li mhumiex permessi fl-istandards ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem (eż. perjodu ta' detenzjoni mtawwal jew indefinit sakemm il-persuna tintbagħat lura lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħha) jew ta' riammissjoni ulterjuri fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom, minkejja biżgħat leġittimi ta' persekuzzjoni f'dan tal-aħħar. Iċ-ĊPT li ma jinżammux f'detenzjoni jistgħu jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet b'rabta mal-mezzi ta' sussistenza matul is-soġġorn tagħhom fil-pajjiż ta' riammissjoni.

Rakkomandazzjoni 14:

Kwalunkwe FRUE bi klawsola ta' ĊPT għandu jinkludi klawsola li permezz tagħha l-partijiet jikkonfermaw b'mod espliċitu li jkunu ser jittrattaw liċ-ĊPT f'konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li jkunu ntrabtu li jirrispettaw. Jekk il-pajjiż ta' riammissjoni ma jkunx irratifika l-konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-FRUE għandhom jobbligaw b'mod espliċitu lil dak il-pajjiż sabiex jikkonforma mal-istandards stabbiliti f'dawk il-konvenzjonijiet internazzjonali.

V Il-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ 'ta' wara r-ritorn' fil-pajjiżi ta' ritorn bil-għan li tinġabar informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta' persuni riammessi taħt il-FRUE, inkluż ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem

Sa issa ma hemm fis-seħħ l-ebda mekkaniżmu li jsegwi x'jiġri minn persuni (speċjalment ĊPT) wara r-riammissjoni tagħhom. Ikun importanti li tingħata informazzjoni dwar jekk il-pajjiż terz ikunx irrispetta d-drittijiet tal-bniedem tal-persuni wara r-riammissjoni. Għandha tingħata attenzjoni għal vijabbiltà fil-prattika, ir-rispett għas-sovranità ta' pajjiżi terzi u għall-modi kif il-persuni rimpatrijati jiġu mħeġġa jikooperaw b'mod attiv fil-monitoraġġ ta' wara r-ritorn.

Rakkomandazzjoni 15: Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li, bl-appoġġ tas-Servizz għall-Azzjoni Esterna, tniedi proġett pilota ma' waħda mill-organizzazzjonijiet internazzjonali prinċipali attiva fil-qasam tal-migrazzjoni f'pajjiż terz partikolari li miegħu diġà jkun hemm FRUE fis-seħħ (eż. il-Pakistan jew l-Ukraina), fejn dik l-organizzazzjoni tingħata l-inkarigu li tissorvelja s-sitwazzjoni ta' persuni riammessi taħt il-FRUE u li tirrapporta lura lill-KKR. Abbażi ta' evalwazzjoni ta' dan il-proġett pilota, u b'kunsiderazzjoni xierqa għar-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li testendi tali proġett għall-pajjiżi terzi kollha li magħhom ikun ġie konkluż FRUE. Tista' wkoll issir analiżi ulterjuri dwar safejn is-sistema ta' monitoraġġ ta' ritorni mġiegħla f'konformità mad-Direttiva dwar ir-Ritorn tista' tikkontribwixxi għall-monitoraġġ "ta' wara r-ritorn" inkwistjoni.

KONKLUŻJONIJIET

B'mod globali, l-istampa li toħroġ mill-evalwazzjoni hija waħda mħallta. Fuq naħa minnhom, jidher ċar li, fejn jintuża kif xieraq, il-FRUE verament jipprovdu valur miżjud fir-rigward tar-riammissjoni ta' ċittadini, speċjalment għall-pajjiżi ġirien tal-UE. Fihom infushom dawn il-ftehimiet huma għodda importanti fl-indirizzar tal-migrazzjoni irregolari minn pajjiżi terzi. Fuq naħa oħra, id-direttivi ta' negozjati huma riġidi dwar xi aspetti (tekniċi) u ma joffrux inċentivi biżżejjed, u dan jirriżulta f'negozjati li jdumu biex jiġi konklużi u/jew f'konċessjonijiet addizzjonali. Jidher biċ-ċar li għad hemm lok għal titijb b'rabta mal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' FRUE u l-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment permezz tat-titjib fir-rwol tal-KKR.

Il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jirrevedu l-politika ta' riammissjoni tal-UE kif inhu rrakkomandat f'din il-Komunikazzjoni. B'mod partikolari, l-Kummissjoni tirrakkomanda li l-inċentivi għad-dispożizzjoni tal-UE jiġu żviluppati f'pakkett ta' mobbiltà koerenti li għandu jiġi offrut lill-pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jinnegozjaw fil-bidu nett tan-negozjati. Ma għandhomx jibqgħu jiġu pproposti direttivi ta' nnegozjar awtonomi u d-direttivi ta' nnegozjar tal-futur għandhom jinkludu l-inċentivi li ser toffri l-UE, b'mod partikolari fil-każ li d-direttivi ta' nnegozjar jinkludu klawsola ta' ĊPT, u fl-istess ħin jiddikjaraw il-miżuri ta' ritaljazzjoni li jiġu adottati mill-UE f'każi ta' nuqqas persistenti ta' kooperazzjoni mill-pajjiż li jkun qiegħed jinnegozja. Barra minn hekk, il-politika ta' riammissjoni tal-UE għandha tkun imsejsa aktar fil-politiki globali tar-relazzjoni esterni tal-UE billi, fost l-oħrajn, tfittex aktar sinerġiji possibbli ma' negozjati ta' ftehimiet qafas ma' pajjiżi terzi.

[1] ĠU C 115, tal-4.5.2010, p. 31.

[2] Fl-2004 l-Kummissjoni ppubblikat 'Komunikazzjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-prijoritjiet biex tiġi żviluppata b'suċċess politika komuni ta' riammissjoni', , SEC(2004)946 finali tad-19.07.2004.

[3] Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill, l-Evalwazzjoni tal-Ftehimiet ta' Riammissjoni tal-UE, il-Ftehimiet ta' Riammissjoni tal-UE: il-Kompendu Qasir dwar il-Qagħda Attwali ta' Frar 2011.

[4] Inġabret ukoll informazzjoni mill-Kumitati Konġunti dwar ir-Riammissjoni. Il-Kummissjoni talbet ukoll dejta mingħand il-pajjiżi terzi, iżda billi kienu biss ftit il-pajjiżi li wieġbu (il-BĦ, FYROM, HK, ALB SER, MO biss), din id-dejta ma ntużatx spiss fl-evalwazzjoni.

[5] Ara d-DOKUMENT TA' ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI li jakkumpanja l-KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL, Evalwazzjoni tal-Ftehimiet ta' Riammissjoni tal-UE, Dejta tal-EUROSTAT

[6] Pereżempju, SM minnhom jinkludi diversi kategoriji ta' talbiet taħt tneħħijiet effettivi, li xi kultant jirriżultaw f'għadd ta' tneħħijiet li jaqbeż b'ħafna l-għadd ta' applikazzjonijiet ta' riammissjoni.

[7] Ara d-DOKUMENT TA' ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI li jakkumpanja l-KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL, l-Evalwazzjoni tal-Ftehimiet ta' Riammissjoni tal-UE, id-dejta aggregata għal dawk il-kategoriji magħżula miġbura mill-Kummissjoni mill-SM abbażi ta' kwestjonarju.

[8] Ara d-DOKUMENT TA' ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI li jakkumpanja l-KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL, l-Evalwazzjoni tal-Ftehimiet ta' Riammissjoni tal-UE, il-Protokolli Implimentattivi ffirmati/konklużi mill-SM taħt il-ftehimiet ta' riammissjoni tal-UE li jinsabu fis-seħħ.

[9] Ara d-DOKUMENT TA' ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI li jakkumpanja l-KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL, l-Evalwazzjoni tal-Ftehimiet ta' Riammissjoni tal-UE, id-dejta aggregata għal dawk il-kategoriji magħżula miġbura mill-Kummissjoni mill-SM abbażi ta' kwestjonarju.

[10] Il-klawsola saret operazzjonali mill-1 ta' Mejju 2008 għall-Albanija, mill-1 ta' Jannar 2010 għall-Ukraina u mill-1 ta' Ġunju 2010 għar-Russja.

[11] Filwaqt li l-Ħong Kong u l-Makaw mhumiex strettament pajjiżi iżda Reġjuni Amministrattiv Speċjali tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, għall-finijiet ta' den l-evalwazzjoni qegħdin jiġu kkunsidrati bħala pajjiżi.

[12] Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill, l-Evalwazzjoni tal-Ftehimiet ta' Riammissjoni tal-UE, il-Ftehimiet ta' Riammissjoni tal-UE: Kompendu Qasir dwar il-Qagħda Attwali ta' Frar 2011.

[13] Fil-każ tal-Alġerija għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 84(2) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jiddikjara li "Il-partijiet, ħerqana li jiffaċilitaw il-moviment u s-soġġorn regolari taċ-ċittadini tagħhom, jaqblilhom li jidħlu f'negozjati fuq it-talba ta' waħda mill-partijiet, bil-għan li jikkonkludu ftehimiet bilaterali għall-ġlieda tal-immigrazzjoni irregolari u kif ukoll ftehimiet ta' riammissjoni. Dawn il-ftehimiet tal-aħħar ser ikopru, jekk dan jitqies bħala meħtieġ minn waħda mill-partijiet, ir-riammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu joriġinaw mit-territorju ta' waħda mill-partijiet (..).’.

[14] Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC (2009) 1401 finali tal-15.10.2009, 'Evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet tal-Komunità Ewropew dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi ma' pajjiżi terzi'.

[15] Fil-fatt ir-Regoli ta' Proċedura kollha tal-KKR diġà joffru l-possibbiltà li jiġu mistiedna esperti esterni għal-laqgħat tal-KKR.

[16] Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment.

[17] Il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ECHR) tal-1950, il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra tal-1984, u l-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar l-Istatus tar-Refuġjati tal-1951 kif emendata mill-Protokoll ta' New York tal-1967.

[18] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi ''Manwal Prattiku għall-Għassiesa tal-Fruntiera (il-Manwal ta’ Schengen)' għall-użu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri waqt l-eżekuzzjoni tal-kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri 2006 (C(2006) 5186 finali).

[19] Is-sitwazzjoni tista' tittejjeb ulterjorment bl-adozzjoni tal-proposta riformulata tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil li ssaħħaħ id-dritt li tingħata informazzjoni fil-post fejn tinqasam il-fruntiera.

[20] Is-sitwazzjoni tista' tittejjeb ulterjorment bl-adozzjoni tal-proposta riformulata tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil li ssaħħaħ id-dritt li tingħata informazzjoni fil-post fejn tinqasam il-fruntiera.

Top