EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 42000A0922(05)

Ftehim dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Portugall għall-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali ta' kontrolli fil-fruntieri komuni iffirmat f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990, li fih ir-Repubblika Taljana ssieħbet permezz tal-Ftehim iffirmat f'Pariġi fis-27 ta' Novembru 1990

ĠU L 239, 22.9.2000, p. 76–82 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2000/922(4)/oj

42000A0922(05)



Official Journal L 239 , 22/09/2000 P. 0076 - 0082


Ftehim dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Portugall

għall-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali ta' kontrolli fil-fruntieri komuni iffirmat f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990, li fih ir-Repubblika Taljana ssieħbet permezz tal-Ftehim iffirmat f'Pariġi fis-27 ta' Novembru 1990

Ir-RENJU TAL-BELĠJU, ir-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA, ir-REPUBBLIKA FRANĊIŻA, il-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU u r-RENJU TA' L-OLANDA, Partijiet fil-Konvenzjoni li qed timplimenta l-Ftehim Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom iffirmat f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990, minn issa ‘l quddiem magħrufa bħala "l-Konvenzjoni ta' l-1990" kif ukoll ir-Repubblika Taljana, li ssieħbet fil-Konvenzjoni ta' l-1990 permezz tal-Ftehim iffirmat f'Pariġi fis-27 ta' Novembru 1990, minn naħa waħda,

u r-REPUBBLIKA TAL-PORTUGALL min-naħa l-oħra,

Filwaqt li jikkunsidraw l-iffirmar f'Bonn fil-ġurnata tal-ħamsa w għoxrin ta' Ġunju tas-sena elf disa' mija u wieħed u disgħin tal-Protokoll dwar is-Sħubija tal-Gvern tar-Repubblika Portugiża fil-Ftehim Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-pajjiżi ta' l-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, hekk kif emendat bil-Protokoll dwar id-Dħul tal-Gvern tar-Repubblika Taljana iffirmat f'Pariġi fis-27 ta' Novembru 1990,

Fuq il-bażi ta' l-Artikolu 140 tal-Konvenzjoni ta' l-1990,

IDDEĊIDEW DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Ir-Repubblika Portugiża qiegħda b'dan tissieħeb fil-Konvenzjoni ta' l-1990.

Artikolu 2

1. L-uffiċċjali imsemmija fl-Artikolu 40(4) tal-Konvenzjoni ta' l-1990 f'dak li jirrigwarda r-Repubblika Portugiża huma: il-membri tal-Policia Judiciaria (Pulizija Kriminali), kif ukoll l-uffiċċjali tad-dwana fil-kapaċità tagħhom bħala uffiċċjali awżiljarji ta' l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-ftehim bilaterali addattati msemmija fl-Artikolu 40(6) tal-Konvenzjoni ta' l-1990, fir-rigward tal-poteri tagħhom b'konnessjoni mat-traffikar illeċtu ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, traffikar fl-armi u l-isplussivi, u t-trasport illeċtu ta' skart tossiku u perikoluż.

2. L-awtorità msemmija fl-Artikolu 40(5) tal-Konvenzjoni ta' l-1990 fir-rigward tar-Repubblika Portugiża għandha tkun id-Direccio geral de la Policia Judiciaria (Direttorat-Ġenerali tal-Pulizija Kriminali).

Artikolu 3

1. L-uffiċċjali msemmija fl-Artikolu 41(7) tal-Konvenzjoni ta' l-1990 fir-rigward tar-Repubblika Portugiża se jkunu: il-membri tal-Policia Judiciaria, kif ukoll uffiċċjali tad-dwana fil-kapaċità tagħhom bħala uffiċċjali awżiljarji ta' l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-ftehim bilaterali addattati msemmija fl-Artikolu 41(10) tal-Konvenzjoni ta' l-1990, fir-rigward tal-poteri tagħhom b'konnessjoni mat-traffikar illeċitu ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, traffikar fl-armi u l-isplussivi, u t-trasport illeċtu ta' skart tossiku u perikoluż.

2. Fil-mument ta' l-iffirmar ta' dan il-Ftehim, il-Gvern tar-Repubblika Portugiża għandu jagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tal-Gvern tar-Renju ta' Spanja fejn jiddefinixxi, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 41(2), (3) u (4) tal-Konvenzjoni ta' l-1990, il-proċeduri għat-twettiq ta' sorveljar fuq territorju Portugiż.

Artikolu 4

Il-Ministeru kompetenti msemmi fl-Artikolu 65(2) tal-Konvenzjoni ta' l-1990 rigward ir-Repubblika Portugiża se jkun il-Ministeru tal-Ġustizzja.

Artikolu 5

Għall-iskopijiet ta' estradizzjoni bejn il-Partijiet Miftehma fil-Konvenzjoni ta' l-1990, il-paragrafu (c) tad-dikjarazzjoni magħmula mir-Repubblika Portugiża rigward l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta' Diċembru 1957 għandha tiġi interpretata kif ġej:

Ir-Repubblika Portugiża m'għandhiex tippermetti l-estradizzjoni ta' persuni imfittxija għal reat punibbli b'sentenza għal għomorhom jew ordni ta' detenzjoni għal għomorhom. Iżda, l-estradizzjoni tingħata meta l-Istat li jagħmel ir-rikjesta jagħti assigurazzjoni illi se jinkuraġġixxi, skond il-liġi u l-użu tiegħu rigward it-twettiq ta' sentenzi, l-applikazzjoni ta' kwalunkwe miżuri ta' ħniena li għalihom il-persuna li tagħha qed tintalab l-estradizzjoni tista' tkun intitolata.

Artikolu 6

Għall-iskopijiet ta' assistenza reċiproka f'materji kiriminali bejn il-Partijiet Miftehma fil-Konvenzjoni ta' l-1990, ir-Repubblika Portugiża m'għandhiex tirrifjuta talbiet fuq il-bażi li r-reati li taw bidu għal tali talbiet huma punibbli b'sentenza għall-għomor jew ordni ta' detenzjoni għall-għomor taħt il-liġi ta' l-Istat rikjedenti.

Artikolu 7

1. Dan il-Ftehim se jkun suġġett għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni. L-istrumenti tar-ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni għandhom jiġu depożitati mal-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li għandu jinnotifika lill-Partijiet Miftehma kollha b'dan.

2. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tat-tieni xahar wara d-depożitu ta' l-istrumenti ta' ratifika, aċċettazzjoni u approvazzjoni mill-ħames Stati Firmatarji tal-Konvenzjoni ta' l-1990 u mir-Repubblika Portugiża, u l-aktar kmieni fil-ġurnata li fiha l-Konvenzjoni ta' l-1990 tidħol fis-seħħ. Fir-rigward tar-Repubblika Taljana, dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tat-tieni xahar wara d-depożitu ta' l-istrumenti ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni tagħha, u mhux aktar kmieni mill-ġurnata li fiha dan il-ftehim jidħol fis-seħħ bejn il-Partijiet Miftehma l-oħrajn.

3. Il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jinnotifika lil kull wieħed mill-Partijiet Miftehma bid-data tad-dħul fis-seħħ.

Artikolu 8

1. Il-gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jibgħat lill-Gvern tar-Repubblika Portugiża kopja iċċertifikata tal-Konvenzjoni ta' l-1990 fl-ilsna Olandiż, Franċiż, Ġermaniż u Taljan.

2. It-test tal-Konvenzjoni ta' l-1990 redatt fl-ilsien Portugiż huwa anness ma' dan il-Ftehim, u għandu jkun awtentiku taħt l-istess kondizzjonijiet bħat-testi tal-Konvenzjoni ta' l-1990 redatti fl-ilsna Olandiż, Franċiż, Ġermaniż u Taljan.

Bħala xhieda ta' dan, il-firmatarji t'hawn taħt, akkreditati għal dan l-iskop, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul f'Bonn f'din il-ħamsa w għoxrin ġurnata ta' Ġunju tas-sena elf disa' mija u wieħed u disgħin f'kopja oriġinali singla redatti fl-ilsna Olandiż, Franċiż, Ġermaniż u Taljan, bit-testi kollha jitqiesu bħala ugwalment awtentiċi, b'tali oriġinal jibqa' depożitat fl-Arkivji tal-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li għandu jibgħat kopja ċertifikata lil kull waħda mill-Partijiet Miftehma.

Għall-Gvern tar-Renju tal-Belġju

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika tal-Ġermanja

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Franċiża

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Taljana

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Renju ta' l-Olanda

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika tal-Portugall

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ATT FINALI

I. Fil-mument ta' l-iffirmar tal-Ftehim dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika Portugiża fil-Ftehim Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-pajjiżi ta' l-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, hekk kif emendat bil-Protokoll dwar id-Dħul tal-Gvern tar-Repubblika Taljana iffirmat f'Pariġi fis-27 ta' Novembru 1990, ir-Repubblika Portugiża issottoskriviet għall-Att Finali, il-Minuti u d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Ministri u segretarji ta' l-Istat li ġew iffirmati fl-istess ħin tal-Konvenzjoni ta' l-1990.

Ir-Repubblika tal-Portugall iffirmat id-Dikjarazzjonijiet Konġunti u innutat id-Dikjarazzjonijiet unilaterali hemm kontenuti.

Il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jibgħat lill-Gvern tar-Repubblika Portugiża kopja ċertifikata ta' l-Att Finali, il-Minuti u d-Dikjarazzjoni konġunta tal-Ministri w Segretarji ta' l-Istat, li ġew iffirmati fi żmien l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta' 1990, fl-ilsna Olandiż, Franċiż, Ġermaniż u Taljan.

It-testi ta' l-Att Finali, il-Minuti u d-dikjarazzjoni Konġunta tal-Ministri u Segretarjio ta' l-Istat li ġew iffirmati fil-mument ta' l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta' l-1990, redatti bil-lingwa Portugiża, huma annessi ma' dan l-Att Finali u għandhom jitqiesu bħala awtentiċi taħt l-istess kondizzjonijiet bħat-testi redatti fl-ilsna Olandiż, Franċiż, Ġermaniż u Taljan.

II. Fil-mument ta' l-iffirmar tal-Ftehim dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika Portugiża fil-Ftehim Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-pajjiżi ta' l-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, li fiha r-Repubblika Taljana ssieħbet permezz tal-Ftehim iffirmat f'Pariġi fis-27 ta' Novembru 1990, il-Partijiet Miftehma addottaw id-Dikjarazzjonijiet li ġejjin:

1. Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Artikolu 7 tal-Ftehim ta' Adeżjoni

L-Istati Firmatarji għandhom, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Adeżjoni, jinfurmaw lil xulxin dwar iċ-ċirkostanzi kollha li jistgħu ikollhom impatt sinifikanti fuq l-oqsma koperti mill-Konvenzjoni ta' l-1990 u t-tiġjib fis-seħħ tal-Ftehim ta' Adeżjoni.

Dan il-Ftehim ta' Adeżjoni ma għandux jinġieb fis-seħħ bejn il-ħames Stati Firmatarji għall-Konvenzjoni ta' l-1990 u r-Repubblika Portugiża sakemm il-prekondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' l-1990 ikunu ġew imwettqa f'dawn is-sitt Stati u l-kontrolli fil-fruntieri esterni ikunu effettivi hemmhekk. Rigward ir-Repubblika Taljana, dan il-ftehim tad-Dħul ma għandux jinġieb fis-seħħ sakemm il-prekondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' l-1990 ikunu ġew imwettqa fl-Istati Firmatarji ta' l-imsemmi Ftehim u l-kontrolli fil-fruntieri esterni ikunu effettivi hemmhekk.

2. Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' l-1990

Il-Partijiet Miftehma jispeċifikaw li fil-waqt ta' l-iffirmar tal-Ftehim dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika Portugiża għall-Konvenzjoni ta' l-1990, l-arranġamenti komuni tal-visa imsemmija fl-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' l-1990 għandhom jittieħdu bħala li jfissru l-arranġamenti komuni applikati mill-Partijiet Firmatarji ta' din il-Konvenzjoni sa mid-19 ta' Ġunju 1990.

3. Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-protezzjoni tad-data

Il-Partijiet Miftehma jinnutaw illi liġi dwar il-protezzjoni tad-data personali suġġetta għal proċessar awtomatiku ġiet ippubblikata mir-Repubblika Portugiża fid-29 t'April, 1991.

Il-Partijiet Miftehma jinnutaw illi l-Gvern tar-Repubblika Portugiża jintrabat li jieħu l-passi kollha neċessarji qabel ir-ratifika tal-Ftehim dwar l-Adeżjoni fil-Konvenzjoni ta' l-1990 sabiex jaċċerta ruħu illi l-liġi Portugiża hija supplimentata sabiex tassigura l-applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet kollha tal-Konvenzjoni ta' l-1990 dwar il-protezzjoni tad-data personali.

III. Il-Partijiet Miftehma innutaw id-dikjarazzjonijiet li ġejjin magħmulin mir-Repubblika tal-Portugall:

1. Dikjarazzjoni dwar ċittadini Brażiljani li jidħlu fil-Portugall taħt il-Ftehim ta' Rinunzja għar-Rekwiżit tal-Visa bejn il-Portugall u l-Brażil tad-9 t'Awissu 1960

Il-Gvern tar-Repubblika Portugiża jaċċetta li jerġa' jdaħħal fit-territorju tiegħu ċittadini Brażiljani li, wara li jkunu daħlu fit-territorji tal-Partijiet Miftehma mill-Portugall taħt il-Ftehim dwar ir-Rinunzja għall-Visa bejn il-Portugall u l-Brazil, ikunu interċettati fit-territorji tal-Partijiet Miftehma wara li l-perjodu msemmi fl-Artikolu 20(1) tal-Konvenzjoni ta' l-1990 ikun skada.

Il-Gvern tar-Repubblika Portugiża jintrabat li jdaħħal ċittadini Brażiljani biss sakemm dawn ikunu jissoddisfaw il-kondizzjonijiet esposti fl-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta' l-1990 u li jieħu l-passi kollha sabiex jaċċerta ruħu li d-dokumenti ta' l-ivvjaġġar tagħhom jiġu ittimbrati meta jaqsmu l-fruntieri esterni.

2. Dikjarazzjoni dwar il-Konvenzjoni Ewropea dwar Assistenza Reċiproka f'Materji KriminaliDeclaration on the European Convention on Mutual Assistance in Criminal Matters

Il-Gvern tar-Repubblika Portugiża jintrabat li jirratifika l-Konvenzjoni Ewropea dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali ta' l-20 t'April 1959 u l-Protokol Addizzjonali għaliha qabel ma l-Konvenzjoni ta' l-1990 tidħol fis-seħħ għall-Portugall.

3. Dikjarazzjoni dwar ir-Reġim ta' Kontroll tal-Missili

Għall-għanijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 123 tal-Konvenzjoni ta' l-1990, il-Gvern tar-Repubblika Portugiża jintrabat li jissieħeb fir-Reġim għall-Kontroll tat-Teknoloġija tal-Missili, kif formulat fis-16 t'April 1987, malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard mid-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta' l-1990 għall-Portugall.

4. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 121 tal-Konvenzjoni ta' l-1990

Il-Gvern tar-Repubblika Portugiża jiddikjara illi, ħlief fir-rigward ta' frott taċ-ċitru frisk, huwa għandu japplika s-simplifikazzjoni ta' kontrolli u rekwiżiti dwar is-saħħa tal-pjanti msemmija fl-Artikolu 121 tal-Konvenzjoni ta' l-1990 mid-data ta' l-iffirmar tal-Ftehim dwar l-Adeżjoni fil-Konvenzjoni ta' l-1990.

Il-Gvern tar-Repubblika Portugiża jiddikjara li se jniedi stima tar-riskju minn insetti fuq-frott taċ-ċitru frisk qabel l-1 ta' Jannar 1992, li jekk minnu jirriżulta riskju ta' introduzzjoni jew propagazzjoni ta' organiżmi li jġibu l-ħsara, jista', fejn xieraq, jiġġustifika d-derogazzjoni li għaliha jipprovdi l-Artikolu 121(2) tal-Konvenzjoni ta' l-1990 wara d-dħul fis-seħħ tat-tali Ftehim dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika Portugiża.

5. Dikjarazzjoni dwar il-Ftehim dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Portugall fil-Konvenzjoni ta' l-1990

Fil-mument ta' l-iffirmar ta' dan il-Ftehim, ir-Repubblika Portugiża tieħu nota tal-kontenut tal-Ftehim dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika Portugiża fil-Konvenzjoni ta' l-1990 u l-Att Finali u Dikjarazzjoni relatati.

Magħmul f'Bonn illum il-ħamsa w għoxrin ġurnata tas-sena elf disa' mija u wieħed u disgħin f'kopja oriġinali individwali fl-ilsna Olandiż, Franċiż, Ġermaniż, Taljan u Portugiż, bil-ħames testi ikunu ugwalment awtentiċi, u b'tali kopja oriġinali tibqa' depożitata fl-Arkivji tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li għandu jibgħat kopja ċertifikata lil kull wieħed mill-Partijiet Miftehma.

Għall-Gvern tar-Renju tal-Belġju

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Franċiża

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Taljana

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Renju ta' l-Olanda

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika tal-Portugall

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

DIKJARAZZJONI TAL-MINISTRI U SEGRETARJI TA' L-ISTAT

Fil-ħamsa w għoxrin ġurnata ta' Ġunju tas-sena elf disa' mija u wieħed u disgħin, ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju ta' l-Olanda u r-RepubblikaPortugiża iffirmaw f'Bonn il-Ftehim dwar id-Dħul tar-Repubblika Portugiża fil-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali ta' kontrolli fil-fruntieri komuni iffirmat f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990, li fih ir-Repubblika Taljana ssieħbet permezz tal-Ftehim iffirmat f'Pariġi fis-27 ta' Novembru 1990.

Innutaw li r-rappreżentant tal-Gvern Portugiż iddikjara appoġġ għad-Dikjarazzjoni magħmula f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990 mill-Ministri u Segretarji ta' l-Istat li jirrappreżentaw il-Gvernijiet ta' l-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża,, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju ta' l-Olanda u għad-deċiżjoni ikkonfermata fl-istess jum wara l-iffirmar tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim Schengen, liema Dikjarazzjoni u deċiżjoni il-Gvern tar-Repubblika Taljana ukoll appoġġja.

--------------------------------------------------

Top