EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0224

Deċiżjoni tal-Kunsill (Euratom) 2015/224 tal- 10 ta' Frar 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2007/198/Euratom li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxilha vantaġġi

OJ L 37, 13.2.2015, p. 8–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/224/oj

13.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 37/8


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (EURATOM) 2015/224

tal-10 ta' Frar 2015

li temenda d-Deċiżjoni 2007/198/Euratom li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxilha vantaġġi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 u l-Artikolu 50 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom (1) stabbilixxiet l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (l-'Impriża Konġunta') biex tagħmel il-kontribuzzjoni tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ('Euratom') disponibbli lill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER u lill-Attivitajiet ta' Approċċ Usa' mal-Ġappun, kif ukoll biex tipprepara u tikkoordina programm ta' attivitajiet bi tħejjija għall-kostruzzjoni ta' impjant dimostrattiv tal-enerġija mill-fużjoni u faċilitajiet relatati.

(2)

Id-Deċiżjoni 2007/198/Euratom ġiet emendata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/791/Euratom (2) biex tippermetti l-finanzjament tal-attivitajiet imwettqa mill-Impriża Konġunta matul il-perijodu 2014-2020.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-12 ta' Lulju 2010 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-istatus tal-ITER u triq possibbli 'l quddiem”, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni biex teżamina u tindirizza l-mod kif il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Impriża Konġunta għandhom jimplimentaw ir-responsabbiltajiet u l-kompiti tagħhom rigward l-ITER.

(4)

Ġiet identifikata, fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “Lejn ġestjoni u governanza robusti tal-proġett ITER” ippubblikat fid-9 ta' Novembru 2010, lista dettaljata ta' azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-livell internazzjonali, primarjament mill-Organizzazzjoni ITER, jew fil-livell Ewropew, primarjament mill-Impriża Konġunta.

(5)

Konsegwentement għall-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni fl-1 ta' Lulju 2013, huwa meħtieġ li jiġu emendati l-Istatuti tal-Impriża Konġunta biex il-Kroazja jkollha d-drittijiet tal-vot fil-Bord Amministrattiv tal-Impriża Konġunta. Jinħtieġu iktar emendi f'dawk l-Istatuti sabiex jitjiebu l-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-Impriża Konġunta. Biex jiġu kkunsidrati l-emendi fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika introdotti mit-Trattat ta' Lisbona, hemm bżonn ukoll li tiġi aġġornata r-referenza għad-dispożizzjonijiet dwar il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(6)

F'konformità mal-Istatuti tal-Impriża Konġunta, il-Bord Amministrattiv tal-Impriża Konġunta approva l-emendi fid-Deċiżjoni 2007/198/Euratom proposti mill-Kummissjoni.

(7)

Għandu jiġi stabbilit Kumitat Amministrattiv u ta' Ġestjoni biex jipprepara l-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għall-adozzjoni tad-dokumenti prinċipali tal-Bord Amministrattiv. Dan il-Kumitat għandu jipprovdi wkoll konsulenza jew rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet amministrattivi u finanzjarji speċifiċi fuq talba tad-Direttur jew tal-Bord Amministrattiv. Il-Bord Amministrattiv għandu jkollu s-setgħa li jiddelega kompiti lil dak il-Kumitat. Kwalunkwe Membru tal-Impriża Konġunta għandu jkollu d-dritt jinnomina rappreżentant biex iservi fuq dak il-Kumitat.

(8)

Għandu jiġi stabbilit Kumitat dwar l-Akkwisti u l-Kuntratti biex jagħti rakkomandazzjonijiet lid-Direttur tal-Impriża Konġunta dwar l-għoti tal-kuntratti, għotjiet u kwistjonijiet relatati. Il-membri ta' dak il-Kumitat għandhom jiġu nominati biex iservu f'kapaċità personali mill-Bord Amministrattiv.

(9)

Għandu jiġi stabbilit Bureau biex jgħin lill-Bord Amministrattiv fil-preparazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu. Il-Bord Amministrattiv għandu jkollu s-setgħa li jiddelega kompiti lil dan il-Bureau. Il-membri tal-Bureau għandhom ikunu l-President tal-Bord Amministrattiv, il-Presidenti tal-Kumitati tal-Bord Amministrattiv, rappreżentant tal-Euratom u rappreżentant tal-Istat ospitanti ta' ITER (Franza). Il-Bord Amministrattiv għandu jkun intitolat jaħtar persuni addizzjonali fil-Bureau.

(10)

F'konformità mal-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati, u ta' miżuri adottati taħthom mill-istituzzjonijiet. Għalhekk, id-drittijiet tal-Kummissjoni għandhom jissaħħu sabiex jiżguraw li jkun hemm konsistenza bejn id-deċiżjonijiet tal-Bord Amministrattiv u l-liġi tal-Komunità.

(11)

Huwa kunsiljabbli li jiġu konsolidati bħala netwerk l-organizzazzjonijiet nominati fil-qasam tar-riċerka tal-fużjoni xjentifika u teknoloġika biex jipprovdu riċerka stabbli u għal terminu twil u jipprovdu appoġġ għall-iżvilupp lill-Impriża Konġunta, abbażi tal-konoxxenza u ħiliet żviluppati mill-Programm Ewropew tal-Fużjoni u ta' dawk li ser jiġu żviluppati fil-futur.

(12)

Jeħtieġ li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (4), b'mod partikolari r-rwol tal-awditur intern tal-Kummissjoni bħala awditur intern tal-Impriża Konġunta.

(13)

Id-Deċiżjoni 2007/198/Euratom tiżgura l-finanzjament tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta għall-2014-2020. L-Artikolu 12(1)(a) tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta jipprovdi biex il-kontribuzzjoni tal-Euratom issir disponibbli permezz ta' programmi ta' riċerka u taħriġ tal-Komunità, adottati taħt l-Artikolu 7 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. L-Artikolu 12(1)(a) għandu jiġi emendat biex jieħu kont tal-fatt li l-finanzjament għall-2014-2020 mhux ser jibqa' jkun disponibbli permezz tal-Programm Qafas tal-Euratom.

(14)

Huwa meħtieġ ukoll li tiġi aġġornata d-Deċiżjoni 2007/198/Euratom fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Membri.

(15)

Id-Deċiżjoni 2007/198/Euratom għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2007/198/Euratom hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1 tiżdied is-sentenza li ġejja:

“L-Impriża Konġunta tista' tagħmel għotjiet u tagħti premji f'konformità mar-regoli tar-regolament finanzjarju tagħha.”

;

(b)

jitħassar il-paragrafu 2;

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 5aa

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Membri

L-Impriża Konġunta għandha tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-Membri tagħha jiġu protetti b'mod adegwat billi tagħmel jew tikkummissjona kontrolli interni u esterni adegwati.”

;

(3)

l-Artikolu 9(3) jinbidel b'dan li ġej:

“3.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jkollha ġurisdizzjoni fl-azzjonijiet miġjuba kontra l-Impriża Konġunta, inklużi deċiżjonijiet tal-Bord Amministrattiv tagħha, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 263 u 265 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea”

;

(4)

l-Anness huwa emendat skont l-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Frar 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

E. RINKĒVIČS


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxilha vantaġġi (ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/791/Euratom tat-13 ta' Diċembru 2013 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxilha vantaġġi (ĠU L 349, 21.12.2013, p. 100).

(3)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(4)  Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).


ANNESS

L-Anness tad-Deċiżjoni 2007/198/Euratom huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu jinbidel b'dan li ġej:

“Korpi u Kumitati”

;

(b)

il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Il-Bord Amministrattiv għandu jkun assistit mill-Kumitat Amministrattiv u ta' Ġestjoni u mill-Bureau f'konformità mal-Artikoli 8a u 9a.”

;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Il-kumitati tal-Impriża Konġunta għandhom ikunu l-Kumitat Amministrattiv u ta' Ġestjoni, il-Bureau, il-Kumitat dwar l-Akkwisti u l-Kuntratti u l-Panel Konsultattiv Tekniku (‘minn hawn 'il quddiem il-Kumitati’)”

;

(d)

il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.   Id-Direttur għandu jikkonsulta lill-Kumitat dwar l-Akkwisti u l-Kuntratti skont l-Artikolu 8b.

4.   Il-Bord Amministrattiv u d-Direttur għandhom jikkonsultaw lill-Panel Konsultattiv Tekniku skont l-Artikolu 9.”

;

(2)

l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (b) u (c) jinbidlu b'dan li ġej:

“(b)

jistabbilixxi korpi sussidjarji;

(c)

jaħtar il-presidenti u l-membri tal-Kumitati u kwalunkwe korp sussidjarju stabbilit skont il-punt (b);”

;

(ii)

fil-punt (d), il-kliem “programmi ta' ħidma” jinbidlu bil-kliem “programm ta' ħidma”;

(iii)

il-punt (e) jinbidel b'dan li ġej:

“(e)

jadotta l-baġit annwali (inkluż il-partijiet speċifiċi marbuta mal-ispejjeż amministrattivi u tal-persunal) u jagħti opinjoni dwar il-kontijiet annwali;”

;

(iv)

il-punt (n) jinbidel b'dan li ġej:

“(n)

japprova l-konklużjoni ta' ftehimiet jew arranġamenti fir-rigward ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' istituzzjonijiet, impriżi jew persuni ta' pajjiżi terzi jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali bl-eċċezzjoni tal-arranġamenti tal-akkwisti għall-attivitajiet stipulati fl-Artikolu 3(1)(b)-(c) u 3(2)(a);”

;

(v)

il-punt (o) jinbidel b'dan li ġej:

“(o)

jivvaluta r-rapport annwali dwar il-progress tal-Impriża Konġunta fir-rigward tal-programm ta' ħidma tagħha u r-riżorsi tagħha;”

;

(vi)

jitħassar il-punt (q);

(b)

fil-paragrafu 6, it-tielet u r-raba' subparagrafi jinbidlu b'dan li ġej:

“Il-Kummissjoni tista' tasal għal opinjoni dwar il-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv fi żmien xahar minn meta l-kwistjoni tiġi riferuta lill-Kummissjoni, fin-nuqqas ta' dan, id-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv għandha titqies li tkun ġiet ikkonfermata.

Il-Bord Amministrattiv għandu jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu fid-dawl tal-opinjonijiet tal-Kummissjoni biex jiżgura l-konformità mal-liġi tal-Komunità.”

;

(c)

il-paragrafi 9 u 10 jinbidlu b'dan li ġej:

“9.   Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor f'każijiet partikolari, id-Direttur tal-Impriża Konġunta u l-Presidenti tal-Kumitati għandhom jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord Amministrattiv.

10.   Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu permezz ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti totali. Il-Bord Amministrattiv għandu japprova r-regoli tal-proċedura tal-Kumitati permezz ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti totali.”

;

(3)

l-Artikolu 7 jitħassar.

(4)

l-Artikolu 8(4) huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel subparagrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Id-Direttur għandu jimplimenta l-programm ta' ħidma u jmexxi l-eżekuzzjoni tal-attivitajiet stabbiliti fl-Artikolu 3. Għandu jforni lill-Bord Amministrattiv u lill-Kumitati u kwalunkwe korp sussidjarju ieħor bl-informazzjoni kollha neċessarja għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.”

;

(b)

fil-punti (c) u (i), il-kliem “programmi ta' ħidma” jinbidlu bil-kliem “programm ta' ħidma”;

(c)

il-punti (j) u (k) jinbidlu b'dan li ġej:

“(j)

ifassal tali rapporti oħrajn kif jista' jitlob il-Bord Amministrattiv jew il-Kumitati;

(k)

jassisti lill-Bord Amministrattiv u l-Kumitati billi jfornu s-segretarjati tagħhom;”

;

(5)

jiddaħħlu l-Artikoli 8a u 8b li ġejjin:

“Artikolu 8a

Kumitat Amministrattiv u ta' Ġestjoni

1.   Fuq talba tad-Direttur jew tal-Bord Amministrattiv, il-Kumitat Amministrattiv u ta' Ġestjoni għandu jipprovdi konsulenza jew rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi marbuta mal-ippjanar amministrattiv u finanzjarju tal-Impriża Konġunta u jwettaq kwalunkwe kompitu ieħor li jista' jiġi ddelegat lilu mill-Bord Amministrattiv.

2.   Il-Kumitat Amministrattiv u ta' Ġestjoni għandu, b'mod partikolari, jipprepara l-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għall-Bord Amministrattiv dwar il-baġit, il-kontijiet annwali, il-pjan tal-proġett, il-programm ta' ħidma, il-pjan ta' stima tar-riżorsi, il-pjan ta' stabbiliment tal-persunal, il-pjan ta' politika tal-persunal u kwistjonijiet oħrajn relatati.

3.   Il-Bord Amministrattiv għandu jaħtar membri tal-Kumitat Amministrattiv u ta' Ġestjoni minn fost ir-rappreżentanti b'esperjenza professjonali rilevanti fl-Amministrazzjoni u l-Ġestjoni u nominati mill-Membri. Wieħed mill-membri tal-Kumitat għandu jkun il-Euratom.

4.   Il-Membri tal-Kumitat Amministrattiv u ta' Ġestjoni għandhom iwettqu dmirijiethom fl-interess ġenerali tal-Impriża Konġunta.

5.   Soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-Bord Amministrattiv, il-Kumitat Amministrattiv u ta' Ġestjoni għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 8b

Kumitat dwar l-Akkwisti u l-Kuntratti

1.   Il-Kumitat dwar l-Akkwisti u l-Kuntratti għandu jipprovdi lid-Direttur b'rakkomandazzjonijiet dwar l-istrateġiji b'rabta mal-akkwisti u l-attivitajiet tal-għotja u l-għotja u s-segwitu tal-kuntratti u kwistjonijiet oħrajn relatati.

2.   Il-Bord Amministrattiv għandu jaħtar il-membri tal-Kumitat dwar l-Akkwisti u l-Kuntratti minn fost persuni ta' esperjenza professjonali rilevanti fi kwistjonijiet kuntrattwali u tal-akkwisti. Il-Membri tal-Bord Amministrattiv ma għandhomx ikunu membri tal-Kumitat dwar l-Akkwisti u l-Kuntratti.

3.   Il-membri tal-Kumitat dwar l-Akkwisti u l-Kuntratti ma għandhom ikunu marbuta bl-ebda struzzjoni. Għandhom ikunu indipendenti fit-twettiq ta' dmirijiethom.

4.   Soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-Bord Amministrattiv, il-Kumitat dwar l-Akkwisti u l-Kuntratti għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.”

;

(6)

l-Artikolu 9 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 9

Panel Konsultattiv Tekniku

1.   Il-Panel Konsultattiv Tekniku għandu jikkonsulta lill-Bord Amministrattiv u lid-Direttur, kif meħtieġ, dwar l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-pjan tal-proġett u l-programm ta' ħidma.

2.   Il-Bord Amministrattiv għandu jaħtar il-membri tal-Panel Konsultattiv Tekniku minn fost persuni ta' esperjenza professjonali rilevanti fil-kwistjonijiet xjentifiċi u tal-inġinerija dwar il-fużjoni u l-attivitajiet assoċjati.

3.   Il-membri tal-Panel Konsultattiv Tekniku ma għandhom ikunu marbuta bl-ebda struzzjoni. Għandhom ikunu indipendenti fit-twettiq ta' dmirijiethom, fl-interess ġenerali tal-Impriża Ġenerali.

4.   Soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-Bord Amministrattiv, il-Kumitat tal-Panel Konsultattiv Tekniku għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.”

;

(7)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 9a

Bureau

1.   Il-Bureau għandu jassisti lill-Bord Amministrattiv fil-preparazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu u għandu jwettaq kwalunkwe kompitu ieħor li l-Bord Amministrattiv jista' jiddelegalu.

2.   Is-sħubija għandha tkun magħmula mill-President tal-Bord Amministrattiv, il-Presidenti tal-Kumitati, rappreżentant tal-Euratom u rappreżentant tal-Istat ospitanti tal-ITER. Il-Bord Amministrattiv jista' jaħtar membri addizzjonali fil-Bureau.

3.   Il-President tal-Bureau għandu jkun il-President tal-Bord Amministrattiv.

4.   Il-Membri tal-Bureau għandhom iwettqu dmirijiethom fl-interess ġenerali tal-Impriża Konġunta.

5.   Soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-Bord Amministrattiv, il-Bureau għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.”

;

(8)

l-Artikolu 11 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 11

Programm ta' ħidma u pjan ta' stima tar-riżorsi

Kull sena d-Direttur għandu jipprepara s-sottomissjoni tal-pjan tal-proġett lill-Bord Amministrattiv, il-pjan ta' stima tar-riżorsi u l-programm ta' ħidma annwali u l-baġit dettaljati.”

;

(9)

fl-Artikolu 12(1), il-punt (a) jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

il-kontribuzzjoni tal-Euratom għandha ssir disponibbli permezz tal-programmi ta' riċerka u ta' taħriġ tal-Komunità adottati skont l-Artikolu 7 tat-Trattat jew permezz ta' kwalunkwe deċiżjoni oħra adottata mill-Kunsill.”

;

(10)

l-Artikolu 14 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 14

Rapport annwali

Ir-rapport annwali għandu jirreġistra l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma mill-Impriża Konġunta. B'mod partikolari għandu jfassal pjan għall-attivitajiet magħmula mill-Impriża Konġunta u jevalwa r-riżultati fir-rigward tal-objettivi u l-iskeda stabbiliti, ir-riskji assoċjati mal-attivitajiet imwettqa, l-użu tar-riżorsi u l-operat ġenerali tal-Impriża Konġunta. Ir-rapport annwali għandu jiġi ppreparat mid-Direttur, ivvalutat mill-Bord Amministrattiv u mibgħut mill-Bord Amministrattiv, flimkien mal-valutazzjoni tiegħu, lill-Membri, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.”

;

(11)

fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1), il-kliem “15 ta' Ġunju” jinbidlu bil-kliem “l-1 ta' Ġunju”;

(12)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 15a

Netwerking ma' organizzazzjonijiet nominati fil-qasam tar-riċerka tal-fużjoni xjentifika u teknoloġika

1.   Biex tkompli bl-attivitajiet tagħha, l-Impriża Konġunta għandha tibni fuq l-għarfien u l-faċilitajiet żviluppati minn organizzazzjonijiet kompetenti tar-riċerka pubblika li jaħdmu fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp tal-fużjoni.

2.   Il-Bord Amministrattiv, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mid-Direttur, għandu jfassal lista, li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, tal-organizzazzjonijiet kompetenti nominati mill-Membri li jistgħu jwettqu attivitajiet ta' riċerka u ta' żvilupp biex ikomplu bil-kompiti tal-Impriża Konġunta, individwalment jew f'netwerks. Dawn l-attivitajiet jistgħu jkunu eliġibbli għal appoġġ finanzjarju mill-Impriża Konġunta.

3.   L-arranġamenti ta' implimentazzjoni għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jiżguraw trasparenza u kompetizzjoni fost l-organizzazzjonijiet tar-riċerka pubblika u għandhom jiġu stipulati fir-regolament finanzjarju u fir-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu msemmija fl-Artikolu 13 u l-Anness III.”

;

(13)

fl-Anness I tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta, tiddaħħal il-linja li ġejja wara l-entrata għall-Bulgarija:

“Il-Kroazja

2”

;

(14)

l-Anness II tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.

L-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet tas-sħubija annwali għal sena n għandhom jiġu kalkulati abbażi tar-riżorsi annwali meħtieġa għall-amministrazzjoni tal-Impriża Konġunta f'dik is-sena, kif adottat bil-pjan ta' stima tar-riżorsi mill-Bord Amministrattiv.”

;

(b)

fil-punt 4, jiżdied il-punt li ġej:

“(c)

Il-Bord Amministrattiv jista' jiddeċiedi li minn dan id-dewmien jista' jirriżulta l-ħlas ta' mgħax jekk Membru ma jħallasx il-kontribuzzjoni tiegħu sad-data dovuta.”

;

(15)

l-Anness III tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.

L-Impriża Konġunta għandha tistabbilixxi kapaċità tal-verifika interna.”

;

(b)

il-punt 5 huwa emendat kif ġej:

(i)

fil-punt (c), il-kliem “programmi ta' ħidma” jinbidlu bil-kliem “programm ta' ħidma”;

(ii)

il-punt (f) jinbidel b'dan li ġej:

“(f)

regoli u proċeduri għall-kontroll finanzjarju intern, inkluż setgħat delegati;”

;

(iii)

jiżdied il-punt li ġej:

“(k)

regoli dwar il-ġestjoni tal-għotjiet.”

;

(iv)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Għall-finijiet tal-punt (d) l-impenji baġitarji għal azzjonijiet li jestendu għal iktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jitqassmu fuq diversi snin ta' pagamenti annwali;”

;

(c)

jiżdied il-punt li ġej:

“10.

L-Impriża Konġunta għandha tadotta dispożizzjonijiet u regoli għall-istabbiliment ta' netwerk ma' organizzazzjonijiet nominati msemmija fl-Artikolu 15a tal-Istatuti. Dawk ir-regoli għandhom jiżguraw trasparenza u kompetizzjoni fost l-organizzazzjonijiet tar-riċerka pubblika Ewropej u għandhom jispeċifikaw, b'mod partikolari, il-kriterji għall-inklużjoni ta' organizzazzjoni fil-lista tal-organizzazzjonijiet kompetenti nominati mill-Membri.”

.


Top