EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0861

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 861/2014 tal- 5 ta' Awwissu 2014 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana

ĠU L 235, 8.8.2014, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/861/oj

8.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 235/10


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 861/2014

tal-5 ta' Awwissu 2014

li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1326/2013 (2) li emenda l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 u li ssostitwixxa l-kodiċijiet NM minn 9619 00 sa 9619 00 90 bil-kodiċijiet NM minn 9619 00 sa 9619 00 89.

(2)

Il-kodiċijiet NM minn 9619 00 71 sa 9619 00 89 ikopru l-assorbenti iġeniċi u t-tampuni, il-ħrieqi u l-qliebi għat-trabi u oġġetti simili, ta' materjali oħra barra materjali tessili. L-oġġetti ta' dawn il-kodiċijiet NM, jistgħu jkunu magħmulin pereżempju minn polpa tal-karta, karta, materjal artab taċ-ċelluloża jew nsiġ ta' fibri ċellulożi. Dawn jistgħu jkunu magħmulin ukoll billi dawn il-materjali jiġu kkumbinati.

(3)

Minħabba l-fehmiet differenti dwar il-klassifikazzjoni ta' oġġetti li jaqgħu taħt is-subintestaturi NM minn 9619 00 71 sa 9619 00 89, u sabiex tiġi ffaċilitata din il-klassifikazzjoni fit-territorju kollu tal-Unjoni, jeħtieġ ukoll li jiġi ċċarat il-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn is-subintestaturi ġodda.

(4)

Sabiex ikun hemm ċertezza legali, huwa għalhekk meħtieġ li tiddaħħal nota addizzjonali ġdida fil-Kapitolu 96 tan-Nomenklatura Magħquda sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni uniformi għal dawn is-subintestaturi fl-Unjoni kollha.

(5)

L-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-Kapitolu 96 ta' Parti Tnejn tan-Nomenklatura Magħquda stipulata fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, tiddaħħal in-nota addizzjonali 1 li ġejja:

“1.

Is-subintestaturi minn 9619 00 71 sa 9619 00 89 jinkludu oġġetti magħmulin minn polpa tal-karta, karta, materjal artab taċ-ċelluloża jew nsiġ ta' fibri ċellulożi.

Dawk is-subintestaturi jinkludu wkoll oġġetti komposti li jikkonsistu f'dan li ġej:

(a)

is-saff ta' ġewwa (pereżempju ta' materjal mhux minsuġ) mfassal sabiex jassorbi l-likwidu minn fuq il-ġilda ta' min jilbsu, u b'hekk jiġu evitati l-irritazzjonijiet,

(b)

qalba assorbenti għall-ġbir u l-ħżin tal-likwidu, sakemm il-prodott ikun jista' jintrema,

(c)

is-saff ta' barra (pereżempju ta' plastiċi) li jimpedixxi t-tnixxija ta' likwidu mill-qalba assorbenti.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Awwissu 2014.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Martine REICHERTS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1326/2013 tad-9 ta' Diċembru 2013, li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni tad-Dwana (ĠU L 334, 13.12.2013, p. 4).


Top