EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013DC0249
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Green Infrastructure (GI) — Enhancing Europe’s Natural Capital
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) — Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) — Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa
/* COM/2013/0249 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) — Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa /* COM/2013/0249 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI
EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) —
Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa 1.1. Sfond Is-soċjetà tagħna tiddependi fuq il-benefiċċji
li tgħaddilna n-natura bħall-ikel, il-materjali, l-ilma nadif, l-arja
nadifa, ir-regolazzjoni tal-klima, il-prevenzjoni tal-għargħar,
id-dakkir u r-rikreazzjoni[1].
Madankollu, ħafna minn dawn il-benefiċċji, li spiss
jissejħu servizzi tal-ekosistema, jintużaw bħallikieku
l-provvista tagħhom hija kważi bla limitu u jiġu ttrattati
bħala prodotti bażiċi mingħajr ħlas, tant li valurhom
mhux apprezzat għalkollox. Dan jista’ jwassal biex l-awtoritajiet
pubbliċi jirrikorru għall-infrastruttura mibnija — l-infrastruttura
griża — minflok għal soluzzjonijiet naturali għall-problemi,
ngħidu aħna dik dwar kif nistgħu nipprevjenu
l-għargħar. Għaldaqstant, fl-Ewropa għadna għaddejjin
niddegradaw il-kapital naturali tagħna, u fil-proċess nipperikolaw
is-sostenibbiltà fit-tul tagħna u nnaqqsu r-reżiljenza tagħna
għax-xokkijiet ambjentali. Kif intqal fil-Pjan Direzzjonali għal
Użu Effiċjenti tar-Riżorsi[2],
in-nuqqas tagħna li nipproteġu l-kapital naturali u li nagħtu
l-valur mistħoqq lis-servizzi tal-ekosistema jrid jiġi indirizzat
bħala parti mill-isforz lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u
inklużiv, li huwa l-prijorità tal-UE fl-istrateġija Ewropa 2020[3]. Il-pjan direzzjonali
jidentifika l-investiment fl-IE bħala pass importanti lejn il-protezzjoni
tal-kapital naturali. L-istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità
sal-2020[4]
tinkludi impenn min-naħa tal-Kummissjoni biex din tiżviluppa
strateġija għal IE[5].
Il-Pjan Direzzjonali għal Użu Effiċjenti tar-Riżorsi
jiddikjara li l-Kummissjoni se tabbozza Komunikazzjoni dwar l-IE. Dan
id-dokument juri kif il-Kummissjoni se twettaq dawn l-impenji[6]. Jispjega kif azzjoni
min-naħa tal-UE kollha tista’ żżid il-valur tal-inizjattivi
lokali li huma għaddejjin bħalissa. 1.2. X’inhi l-IE? L-IE hija għodda ttestjata
b’suċċess biex tipprovdi benefiċċji ekoloġiċi,
ekonomiċi u soċjali permezz ta’ soluzzjonijiet naturali. Tgħinna
nifhmu l-valur tal-benefiċċji li n-natura toffri lis-soċjetà
tagħna u tgħinna nimmobilizzaw l-investimenti biex insostnuhom u
nsaħħuhom. Tgħinna wkoll nevitaw milli nkunu niddependu fuq
infrastruttura li tiswielna ħafna biex nibnuha meta n-natura ħafna
drabi tipprovdi soluzzjonijiet orħos u li jservu iktar fit-tul. Ħafna
minn dawn is-soluzzjonijiet joħolqu opportunitajiet ta’ xogħol lokali.
L-Infrastruttura Ekoloġika hija bbażata fuq il-prinċipju li
l-protezzjoni u t-tisħiħ tan-natura u tal-proċessi naturali, u
l-ħafna benefiċċji li s-soċjetà tikseb min-natura,
jiġu integrati b’mod konxju fl-ippjanar spazjali u fl-iżvilupp
territorjali. Meta mqabbla mal-infrastruttura l-griża bi skop wieħed
biss, l-IE għandha ħafna benefiċċji. Ma xxekkilx
l-iżvilupp territorjali imma tippromwovi soluzzjonijiet naturali jekk
jipprovdu l-aqwa għażla. Xi drabi taf toffri alternattiva għas-soluzzjonijiet
standard, dawk griżi, inkella tipprovdi soluzzjoni oħra li
tikkumplimentahom. Ġew żviluppati bosta
definizzjonijiet ta’ IE[7].
Għalhekk hu diffiċli tkopri l-aspetti kollha f’paragrafu qasir.
Madankollu, għall-finijiet ta’ din il-Komunikazzjoni, se tintuża
d-definizzjoni li ġejja. IE: netwerk ta’ żoni naturali u
seminaturali b’karatteristiki ambjentali oħra ppjanat b’mod
strateġiku u mfassal u mmaniġġjat biex jipprovdi firxa
wiesgħa ta’ servizzi tal-ekosistema. Jinkorpora spazji ħodor (inkella
blu jekk huma kkonċernati l-ekosistemi akkwatiċi) u karatteristiki
fiżiċi oħra f'żoni fuq l-art (inklużi mal-kosta) u
f’żoni fil-baħar. Fuq l-art, l-IE teżisti f’żoni rurali u
f’żoni urbani. 2. 2. Il-Kontribut Tal-IE Fl-Oqsma Ta’
Politika Tal-UE 2.1. Introduzzjoni L-IE tista’ tagħti kontribut sinifikanti
fl-implimentazzjoni effettiva tal-politiki kollha fejn ikunu jistgħu
jintlaħqu xi wħud mill-għanijiet mixtieqa, inkella kollha kemm
huma, kemm b’mod sħiħ jew inkella parzjalment, permezz ta’
soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura. Normalment ikun hemm redditu
għoli fuq l-investimenti fl-IE u l-analiżi ġenerali
tal-proġetti ta’ restawrazzjoni tipikament juru proporzjonijiet
tal-kostbenefiċċju fil-firxa ta’ 3 għal 75[8]. 2.2. Il-Politika Reġjonali Fil-proposti tal-Kummissjoni għall-Fond
ta’ Koeżjoni[9]
u għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR)[10], l-Infrastruttura
Ekoloġika hija speċifikament identifikata bħala waħda
mill-prijoritajiet ta’ investiment. L-Infrastruttura Ekoloġika hi
rikonoxxuta li tikkontribwixxi għall-politika reġjonali u t-tkabbir
sostenibbli fl-Ewropa[11]
u li tiffaċilita t-tkabbir intelliġenti u sostenibbli permezz
tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti[12]. Kaxxa 1: Il-wirt naturali u kulturali hu parti
mill-kapital territorjali tal-UE u mill-identità tagħha. Il-valuri ekoloġiċi, il-kwalità
ambjentali u l-beni kulturali huma kruċjali għall-benesseri
tagħna u għall-prospetti ekonomiċi. L-użu
eċċessiv ta’ dawn ir-riżorsi naturali jitqies ta’ theddida
għall-iżvilupp territorjali. Il-ħidma man-natura u f’armonija
mal-pajsaġġ lokali biex jitwasslu prodotti u servizzi essenzjali
permezz ta’ proġetti tal-IE, billi jintuża l-approċċ
“place-based”, hija kosteffiċjenti u tippriżerva l-karatteristiki
fiżiċi u l-identità tal-lokalità.[13]. Is-soluzzjonijiet tal-IE huma partikolarment
importanti f’ambjenti urbani fejn tgħix aktar minn 60% tal-popolazzjoni
tal-UE[14].
Il-karatteristiki tal-IE fil-bliet joffru benefiċċji fejn tidħol
is-saħħa, bħal dak ta’ arja nadifa u dak ta’ kwalità aħjar
tal-ilma. Ekosistemi b’saħħithom inaqqsu wkoll it-tixrid ta’ mard li
jinġarr minn vettur ieħor. L-implimentazzjoni tal-karatteristiki
tal-Infrastruttura Ekoloġika f’żoni urbani toħloq sens akbar ta’
komunità, issaħħaħ ir-rabta ma’ azzjonijiet volontarji mwettqa
mis-soċjetà ċivili, u tgħin fil-ġlieda kontra
l-esklużjoni soċjali u l-iżolament. Dawn il-karatteristiki,
l-individwu u l-komunità jibbenefikaw minnhom fiżikament,
psikoloġikament, emozzjonalment u soċjoekonomikament. L-IE
toħloq opportunitajiet biex toħloq rabta bejn iż-żoni
urbani u dawk rurali u tipprovdi postijiet attraenti biex wieħed
jgħix u jaħdem fihom[15].
Permezz tal-produzzjoni urbana tal-ikel u tal-ġonna komunitarji, li huma
għodod effiċjenti biex b’mod partikulari jedukaw lit-tfal tal-iskola
u jattiraw l-interess taż-żgħażagħ, l-IE tindirizza
l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-produzzjoni u l-konsum tal-ikel u
tgħin biex iżżid l-importanza tiegħu. L-investimenti fl-IE
għandhom potenzjal sinifikanti biex isaħħu l-iżvilupp
reġjonali u dak urban, fosthom billi jippriservaw jew joħolqu
l-impjiegi[16]. Kaxxa 2: Nużaw l-art minflok l-arja
kkundizzjonata — u niffrankaw il-flus. Il-livell ta’ umdità aktar baxx f’żoni urbani
minħabba n-nuqqas ta’ veġetazzjoni u minħabba l-assorbiment
akbar ta’ enerġija mix-xemx ikkawżat minn uċuħ skuri,
asfaltati jew mogħtija l-konkrit, huma r-raġunijiet ewlenin
għaliex iż-żoni fil-qalba tal-bliet ħafna drabi jkunu
ħafna gradi ogħla minn dawk tal-madwar. Dan il-fenomenu, magħruf
bħala l-effett gżira tas-sħana urbana, b’mod partikulari matul
perjodi ta’ sħana kbira jista’ jkollu konsegwenzi serji
għas-saħħa ta’ gruppi vulnerabbli ta’ persuni, bħal dawk li
għandhom mard kroniku jew li huma anzjani. L-arja niedja li n-natura
toffri b’xejn tista’ tinħoloq artifiċjalment billi nevaporaw l-ilma
permezz tal-elettriku, iżda huwa stmat li dan ikun jiswa madwar EUR 500 000
kull ettaru. Meta naħdmu flimkien man-natura u nużaw l-IE f’ambjent
urban, pereżempju billi jiġu inkorporati parks għonja
fil-bijodiversità, spazji ħodor u kurituri ta’ arja friska, inkunu qed
ngħinu ntaffu l-effett gżira ta’ sħana urbana[17]. 2.3. It-Tibdil fil-Klima u
l-Immaniġjar tar-Riskju ta’ Diżastri Approċċi bbażati fuq
l-ekosistema huma strateġiji li jagħmlu l-aħjar użu
mill-forzi naturali li jadattaw ruħhom għall-għanijiet li qed
insemmu. Dawn huma fost l-aktar għodod li jiġu applikati, u li huma
ekonomikament vijabbli u effiċjenti biex jiġu miġġielda
l-impatti tat-tibdil fil-klima. Meta jkun il-każ, approċċi
bħal dawn iduru għal soluzzjonijiet mill-IE minħabba li dawn
jużaw il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema bħala parti
mill-istrateġija ta’ adattament ġenerali biex tgħin lin-nies
jadattaw ruħhom għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima jew biex
jagħrfu jrażżnuhom. L-Istrateġija reċenti tal-UE dwar
l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima[18]
għaldaqstant timmira li tesplora l-ħtieġa li l-awtoritajiet u
dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, is-soċjetà ċivili,
il-kumpaniji privati u dawk li jaħdmu fil-qasam tal-konservazzjoni
jiġu ggwidati aktar dwar kif jassiguraw il-mobilizzazzjoni sħiħa
ta’ approċċi għall-adattament ibbażati fuq l-ekosistema. L-inizjattivi
tal-IE fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija, li għandhom impatt
pożittiv fuq il-ħażna tal-karbonju u fuq il-bilanċ
tal-gassijiet serra fl-Istati Membri, se jiġu kkunsidrati fil-qafas
tal-LULUCF[19]
u b’hekk jikkontribwixxu fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-klima tal-UE u
tal-UNFCCC. Kaxxa 3: L-IE b’rabta mat-trażżin tat-tibdil
fil-klima u l-adattament għalih. Eżempju tal-bosta benefiċċji
mir-restawr tal-kapital naturali huwa r-restawr ekoloġiku tal-foresti
suxxettibbli għall-għargħar. L-immaniġjar tajjeb ta’
foresti suxxettibbli għall-għargħar jista’ jwassal għal
bosta benefiċċji, bħall-filtrazzjoni tal-ilma,
il-preżervazzjoni tal-water table u l-prevenzjoni tal-erożjoni.
Il-foresta ttaffi wkoll l-effetti tat-tibdil fil-klima billi taħżen is-CO2
u tipprovdi bijomaterjali li jistgħu jaġixxu bħala
mħażen temporanji tal-karbonju (prodotti tal-injam maħsud) jew
bħala sostituti tal-karbonju, li jissostitwixxu l-materjali u l-fjuwils
rikki fil-karbonju, filwaqt li taġixxi bħala “safety valve” biex
taħżen l-ilma u tnaqqas ir-riskju ta’ għargħar f’żoni
abitati. Ir-restawr tal-foresti suxxettibbli għall-għargħar
spiss jiġi jiswa inqas, f’termini ta’ spejjeż ta’ darba u ta’
manutenzjoni, minn soluzzjonijiet purament tekniċi bħalma hu l-bini
ta’ digi u ta’ ġibjuni fi pjanuri suxxettibbli
għall-għargħar. Billi l-miżuri għar-restawr
tal-foresta suxxettibbli għall-għargħar jerġgħu
jqabbdu x-xmara maż-żona li tmiss magħha u li anke hi tkun
suxxettibbli għall-għargħar, dawn jiżguraw
il-passaġġ għall-ispeċijiet ta’ importanza Ewropea
bħalma hi l-lontra u speċijiet rari ta’ ħut u għasafar. L-IE se tkun ukoll strateġija sekondarja
meħtieġa biex tonqos il-marka tal-karbonju mit-trasport u
mill-provvista tal-enerġija, intaffu l-effetti negattivi mill-użu
tal-art u l-frammentazzjoni u nsaħħu l-opportunitajiet biex nintegraw
aħjar il-kwistjonijiet marbuta mal-użu tal-art, mal-ekosistema u
mal-bijodiversità fil-politika u fl-ippjanar. Is-soluzzjonijiet tal-IE
jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-iżvilupp ta’
Kurituri tat-Trasport Ekoloġiċi (Green Transport Corridors) eż.
billi jintuża l-potenzjal ta’ ekosistemi b’saħħithom biex
jitrażżnu l-emissjonijiet tal-karbonju b’mod sostenibbli. Id-Direttiva dwar ir-rendiment tal-bini
fl-użu tal-enerġija[20]
se tippromwovi l-iżvilupp u l-użu ta’ materjali ġodda u
karatterisitiki ta’ tifsil ġodda fix-xogħlijiet tal-kostruzzjoni
bħala parti mill-isforz biex jitnaqqas il-livell sinifikanti
tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra minn dan is-settur.
Is-soluzzjonijiet tal-IE, bħal ħitan u soqfa ekoloġiċi,
jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett
ta’ serra. Dan minħabba li dawn jeħtieġu inqas enerġija
għat-tisħin u t-tkessiħ u jagħtu ħafna
benefiċċji oħra, bħaż-żamma tal-ilma,
il-purifikazzjoni tal-arja u l-arrikkiment li ġġib magħha
l-bijodiversità. Is-soluzzjonijiet tal-IE li jsaħħu
r-reżiljenza għad-diżastri, huma wkoll parti integrali
mill-politika tal-UE dwar l-immaniġġjar tar-riskju ta’ diżastri.
It-tibdil fil-klima u l-iżvilupp fl-infrastruttura jirrendu
ż-żoni suxxettibli għal diżastri aktar vulnerabbli
għal sitwazzjonijiet ta’ temp estrem u għal diżastri naturali,
bħal għargħar, valangi ta’ ġebel u blat, valangi ta'
silġ, nirien fil-foresti, tempesti u mewġ kbir imprevist li swew
ħafna ħajjiet u li kull sena, fl-UE, jikkawżaw biljuni ta’ euro
fi ħsara u spejjeż tal-assigurazzjoni. L-impatti ta’ tali avvenimenti
fuq is-soċjetà u l-ambjent ħafna drabi jistgħu jitnaqqsu
bl-użu ta’ soluzzjonijiet tal-IE bħalma hi dik tal-pjanuri
tal-għargħar maħluqa apposta, l-imsaġar riparji, foresti
ta’ protezzjoni f’żoni muntanjużi, bajjiet ta’ lqugħ u artijiet
kostali mistagħdra li jistgħu jsiru flimkien ma’ infrastruttura
għat-tnaqqis tad-diżastri, bħal xogħlijiet biex
jipproteġu x-xmajjar. L-IE tista’ tikkontribwixxi wkoll biex titnaqqas
il-vulnerabbiltà għar-riskji billi tappoġġa l-modi ta’
għajxien u l-ekonomiji lokali. L-investimenti f’inizjattivi biex jitnaqqsu
r-riskji ta’ diżastru bbażati fl-ekosistema u fl-IE jistgħu
għalhekk jipprovdu bosta benefiċċji fl-approċċi
innovattivi marbuta mal-immaniġġjar tar-riskju, l-adattament
għar-riskji marbuta mat-tibdil fil-klima, il-modi ta’ għajxien
sostenibbli u t-tkabbir ekoloġiku[21].
Il-bliet u l-awtoritajiet lokali huma l-ewwel li jħabbtu wiċċhom
mal-konsegwenzi immedjati ta' diżastri bħal dawn. Għaldaqstant
għandhom rwol importanti fl-implimentazzjoni ta' miżuri ta'
prevenzjoni bħalma hi l-IE. Kaxxa 4: Nibnu r-reżiljenza u ntejbu
d-difiżi tagħna. Fir-rigward
tad-difiża kontra l-għargħar kostali, l-iskema ta’ allinjament
mill-ġdid fuq il-Humber Estuary fl-Ingilterra, immaniġġjata
mill-Alkborough Flats, swiet ta’ ġid għall-protezzjoni
mill-għargħar kostali u naqqset u ddifferixxiet in-nefqa
għad-difiża tal-kosti magħmula mill-bniedem. L-iskema hi stmata
li kull sena tipprovdi benefiċċju għall-protezzjoni
mill-għargħar ta’ £400 667 (EUR 465 000), li b'kollox
tipprovdi benefiċċji li bħalissa l-valur tagħhom hu ta’
£12.2 miljun (EUR 14-il miljun) f’valur preżenti, kif ukoll
benefiċċji oħra għall-organiżmi slavaġ u s-servizzi
tal-ekosistema. L-iskema ġiet tiswa £10.2 miljun (EUR 11.8 miljun) u
involviet ir-restawr ta’ ħabitats suġġetti għall-marea fuq
440 ettaru ta’ art agrikola. 2.4. Il-Kapital Naturali L-Infrastruttura Ekoloġika jista’ jkollha
rwol importanti fil-ħarsien, il-konservazzjoni u t-tisħiħ
tal-kapital naturali tal-UE, kif iddikjarat fil-proposta riċenti
tal-Kummissjoni għal Programm ta’ Azzjoni Ambjentali sal-2020[22]. L-Art u l-Ħamrija L-art u l-ħamrija huma komponenti
prinċipali tar-riżorsi naturali tal-UE imma, minkejja dan, aktar minn
1 000 km² tat-territorju jittieħed biex jinbnew id-djar,
għall-industrija, għat-toroq jew għar-rikreazzjoni[23]. F’ħafna reġjuni,
il-ħamrija naqset bmod irreparabbli, inkella għandha kontenut baxx
ta’ materja organika. It-tniġġis tal-ħamrija huwa problema serja
wkoll[24].
L-inklużjoni b’mod sistematiku tal-kunsiderazzjonijiet tal-IE fl-ippjanar
u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet se tgħin biex
jitnaqqas it-telf tas-servizzi tal-ekosistema assoċjati mat-teħid
tal-art fil-ġejjieni u se tgħin biex jitjiebu u biex jiġu
rriġenerati l-funzjonijiet tal-ħamrija. L-immaniġġjar ta’ art iddedikata
għall-agrikoltura u l-foresterija għandu impatt kbir fuq
il-kundizzjoni tal-kapital naturali tal-UE. Filwaqt li tirrikonoxxi din
ir-rabta, il-Politika Agrikola Komuni (PAK) u l-iżvilupp rurali jipprovdu
strumenti u miżuri biex jinkoraġġixxu l-IE u biex itejbu
ż-żoni ta’ valur naturali għoli fil-kampanja. Dan japplika
għall-appoġġ dirett fuq skala kbira li jingħata lill-bdiewa
fl-ewwel pilastru tal-PAK, hekk li jiġi evitat l-abbandun tal-art u
l-frammentazzjoni, u għall-miżuri fuq skala iżgħar
appoġġjati permezz tal-programmi tal-iżvilupp rurali fit-tieni
pilastru, inklużi l-investimenti mhux produttivi, il-miżuri
agroambjentali (eż. il-miżuri ta’ konservazzjoni
tal-pajsaġġ ikkultivat, il-manutenzjoni u t-tisħiħ ta’
ringieli ta’ sġajriet, strixxi ta’ lqugħ, terazzini, ħitan
niexfa, miżuri silvopastorali, eċċ.), il-ħlasijiet li
jrawmu l-koerenza ta’ Natura 2000, il-koperazzjoni dwar il-konservazzjoni ta’
mmarkar ta’ konfini bejn l-għelieqi li jkollu ċertu valur, kif ukoll
il-konservazzjoni u r-restawr ta’ karatteristiki ta’ wirt rurali. Il-Kummissjoni inkludiet aspetti
ekoloġiċi addizzjonali fil-proposti tagħha għal riforma
tal-Politika Agrikola Komuni. Jinkludu r-rekwiżit li l-bdiewa li
jirċievu l-ħlasijiet mill-ewwel pilastru jżommu l-art
eżistenti li tintuża b’mod permanenti għall-kultivazzjoni
tal-għalf fl-impriża tagħhom u li 7% tal-art kultivabbli u li
tintuża b’mod permanenti għall-kultivazzjoni tal-prodotti agrikoli
tkun magħmula minn żoni b’enfasi ekoloġika[25]. Meta implimentati tajjeb,
dawn il-miżuri jistgħu jikkontribwixxu x’joffru lill-IE.
Minħabba li l-implimentazzjoni tal-approċċi tal-IE titlob stampa
integrata ta’ servizzi tal-ekosistema, dan jinkoraġġixxi
approċċ bilanċjat li jenfasizza n-natura multifunzjonali
taż-żoni rurali, inkluż l-aċċess għal ikel
sostenibbli, sikur u nutrittiv permezz ta’ ktajjen alimentari qosra.
Għaldaqstant l-Infrastruttura Ekoloġika se tkun qed trawwem
approċċ aktar koerenti għat-teħid
tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet
marbuta mal-ekoloġija u mas-sostenibbilità fl-ippjanar spazjali fejn
jidħol il-pajsaġġ rurali u dak urban. Kaxxa 5: Azzjoni f’żoni agrikoli. L-assoċjazzjoni tal-bdiewa
żgħażagħ ta’ Sevilja, Spanja, immaniġġjat
proġett tal-LIFE innovattiv biex tiżviluppa mudell
għall-immaniġġjar aktar sostenibbli tal-ħamrija.
Il-proġett iffoka fuq oqsma fejn meded akbar ta' prodotti agrikoli
tas-siġar u produzzjoni aktar intensiva wasslu għal żieda
fis-sedimentazzjoni, għall-iskular tal-fertilizzanti u
għat-tniġġis bil-pestiċidi. Il-proġett identifika
liema tipi ta’ meded veġetattivi huma l-aktar effettivi f’dik li hi
protezzjoni mill-erożjoni. Flimkien mat-titjib assoċjat fil-kwalità
tal-ilma minn skular agrikimiku aktar ikkontrollat kien hemm it-titjib fil-mod
kif il-ħamrija jirnexxilha żżomm iktar. Dan kellu wkoll effett
pożittiv fuq il-kwalità tal-pajsaġġ lokali u fuq
il-bijodiversità. Fuq skala usa’, it-tibdil fl-art u f'dak li jinżara’
fiha għamel il-pajsaġġ agrarju aktar koerenti u reżiljenti,
l-aktar għat-tibdil fil-klima. L-Istrateġija Forestali li jmiss se
tintegra kwistjonijiet ambjentali oħrajn u se tindirizza l-mod kif jista’
jinkiseb l-objettiv b’rabta mal-foresti skont l-Istrateġija favur
il-Bijodiversità. Il-miżuri biex jitnaqqsu b’mod sinifikanti
l-frammentazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u biex jiġu rrestawrati
l-foresti degradati jistgħu jgħinu wkoll biex jittejjeb l-istatus ta’
konservazzjoni tal-ispeċijiet u l-ħabitats li jiddependu
mill-forestrija jew li huma affettwati minnha u jgħinu biex titjieb
il-provvista ta’ servizzi tal-ekosistema relatati. L-IE tista’ tagħmel
kontribuzzjoni kostruttiva f’dan ir-rigward billi tipprovdi qafas koerenti fejn
il-karatteristiki u l-funzjonijiet naturali jiġu konservati u mtejba
fiż-żoni forestali. L-ilma L-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet tal-IE
fl-immaniġġjar tal-baċiri idrografiċi tista’
tikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex twassal kwalità tajba tal-ilma, ittaffi
l-effetti ta’ pressjonijiet idromorfoloġiċi u tnaqqas l-impatti
tad-dulluvji u n-nixfa[26].
L-Infrastruttura Ekoloġika toffri wkoll alternattivi kosteffikaċi[27] biex tiġi implimentata
aħjar id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb[28]
u d-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art[29].
Qed jiġu żviluppati wkoll soluzzjonijiet ekoloġiċi
innovattivi b’bosta benefiċċji, u li huma effiċjenti ħafna
kif ukoll kosteffikaċi, għat-trattament tal-ilma mormi[30]. Kaxxa 6: Azzjoni dwar miżuri agriambjentali
relatati mal-ilma. F’Sint-Truiden,
fil-Belġju, ittieħdu miżuri biex jipproteġu r-raħal
mill-erożjoni tal-ħamrija u mill-valangi tat-tajn. Il-miżuri
inkludew kanali miżrugħa bil-ħaxix, strixxi ta’ lqugħ
bil-ħaxix u vaski biex iżommu l-ilma fil-baċir idrografiku.
L-ispiża totali ta’ dawn il-miżuri kienet baxxa (EUR 126/ettaru/20
sena) meta mqabbel mal-ispejjeż tal-kumpens għall-ħsara u dawk
tat-tindif kawża tal-għargħar tat-tajn fiż-żona fejn
sar l-istudju (EUR 54/ettaru/sena) u l-benefiċċji sekondarji kollha,
inklużi l-kwalità aħjar ta' ilma li tirriżulta; it-tnaqqis
fl-ispejjeż marbuta mat-tindif jew it-tħaffir, inqas stress
psikoloġiku għall-abitanti u bijodiversità ikbar. Il-bijodiversità
ikbar u l-kwalità aħjar tal-pajsaġġ ħolqu opportunitajiet
ġodda ta’ agrituriżmu u ekoturiżmu. Fir-rigward tal-ambjent tal-baħar u
taż-żoni li jmissu miegħu, l-IE tista’ tgħin biex
timplimenta l-istrateġiji attwali dwar l-ippjanar spazjali tal-ibħra
u l-immaniġġjar integrat taż-żoni kostali[31], b’mod partikulari
l-istrateġiji għall-immaniġġjar sostenibbli
taż-żoni kostali u biex id-difiżi kostali jkunu aktar
effiċjenti. L-iżvilupp ta’ aktar approċċi li jinvolvu
l-karbonju blu[32],
li minnhom jibbenefika l-ħut, jista’ jkompli sejjer ’il quddiem ukoll jekk
jiġu applikati prinċipji mħaddma fl-IE biex jippromwovu varjetà
ta’ servizzi tal-ekosistema fl-ambjent tal-baħar u taż-żoni li
jmissu miegħu. Il-konservazzjoni tan-natura Natura 2000 huwa netwerk ekoloġiku
stabbilit bid-Direttiva dwar il-Ħabitats[33]
u dik tal-Għasafar[34].
Jinkludi aktar minn 26 000 sit mifruxa madwar l-Istati Membri kollha u
jkopri 18% tat-territorju tal-art tal-UE u madwar 4% ta' ilmijiet marittimi
fil-ġuriżdizzjoni tal-Istati Membri. In-netwerk ġie stabbilit
l-aktar biex jiġu kkonservati u protetti speċijiet u ħabitats
ewlenin madwar l-UE, iżda jipprovdi wkoll bosta servizzi tal-ekosistema
lis-soċjetà. Il-valur ta’ dawn is-servizzi ġie stmat li jilħaq
bejn EUR 200-300 biljun fis-sena[35].
Il-ħidma mwettqa tul l-aħħar 25 sena biex jiġi
stabbilit u kkonsolidat in-netwerk tfisser li s-sinsla tal-Industrija
Ekoloġika tal-UE diġà qed taħdem. In-netwerk huwa
konċentrazzjoni ta’ bijodiversità li wieħed jista’ jirrikorri lejha
biex jirripopola u jagħti l-ħajja mill-ġdid lil ambjenti
degradati u jġib bidla kbira fl-iżvilupp tal-IE. Dan se jgħin
ukoll biex titnaqqas il-frammentazzjoni tal-ekosistema, tittejjeb
il-konnettività bejn is-siti fin-netwerk Natura 2000 u hekk jinkisbu
l-objettivi tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats[36]. 3. L-iżvilupp ta’ strateġija
tal-UE favur infrastruttura ekoloġika Kif muri fit-taqsimiet preċedenti, l-IE
tista’ tagħti kontribut importanti biex jintlaħqu għadd ta’
objettivi ta’ politika ewlenin tal-UE. Din it-taqsima tħares lejn x’hemm
bżonn isir biex ikun inkoraġġit l-iżvilupp tal-IE u
x’għandu jsir fil-livell tal-UE. Id-dimensjoni tal-UE — kwistjonijiet ta’
skala u ta’ politika L-iżvilupp tal-Industrija Ekoloġika
fl-UE jinsab f’salib it-toroq. Matul l-aħħar 20 sena twettqu
aktar u aktar proġetti tal-IE u teżisti minjiera ta’ esperjenzi li
turi li l-approċċ huwa flessibbli, sod u kosteffiċjenti.
Il-proġetti tal-IE jitwettqu fuq skala lokali, reġjonali, nazzjonali
jew transfruntier. Madankollu, sabiex jitjieb il-funzjonament tal-IE u biex
jittieħed l-akbar ammont ta’ benefiċċji minnha, il-ħidma fi
skali differenti tal-IE għandha tkun interkonnessa u interdipendenti. Dan
ifisser li l-benefiċċji jittejbu b’mod sinifikanti meta fl-iskali
differenti jinkiseb grad minimu ta’ konsistenza u koerenza. Jekk ma
tittieħed l-ebda azzjoni fil-livell tal-UE, se jkun hemm biss ftit
inizjattivi indipendenti li ma jirnexxilhomx iħaddmu l-potenzjal
sħiħ tagħhom b’mod li jirrestawraw il-kapital naturali u jnaqqsu
l-ispejjeż tal-infrastruttura tqila[37].
Din hija r-raġuni għaliex il-partijiet interessati jixtiequ impenn
ċar u fit-tul mill-UE għall-iżvilupp u l-mobilizzazzjoni tal-IE. L-integrazzjoni tal-IE f’oqsma importanti
ta’ politika Kif stabbilit fit-Taqsima 2, l-IE tista’
tagħti kontribut sinifikanti fl-oqsma tal-iżvilupp reġjonali,
it-tibdil fil-klima, l-immaniġġjar tar-riskji ta’ diżastru,
l-agrikoltura/il-foresterija u l-ambjent. F’ħafna każijiet,
il-kontribut li tista’ tagħti l-IE diġà hu rikonoxxut. Dak li
jeħtiġilna llum huwa li jiġi żgurat li din issir parti
standard mill-ippjanar spazjali u mill-iżvilupp territorjali li tkun
integrata għalkollox fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki. Biex
il-potenzjal kollu tal-Infrastruttura Ekoloġika jkun realizzat fil-perjodu
ta’ żmien tal-pakkett baġitarju li jmiss (2014-2020), il-modalitajiet
biex jintuża jridu jkunu stabbiliti malajr kemm jista’ jkun sabiex tkun
faċilitata l-integrazzjoni tagħha fi proġetti ffinanzjati
bil-mekkaniżmi ta’ finanzjament adegwati, bħal pereżempju
l-Politika Agrikola Komuni, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew
għall-Iżvilupp Reġjonali, l-Orizzont 2020, il-Faċilità
Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd u l-Istrument
Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE). Il-ħtieġa għal dejta
konsistenti u affidabbli Dejta konsistenti u affidabbli hija essenzjali
għall-mobilizzazzjoni effettiva tal-IE. Hemm bżonn ta’ informazzjoni
dwar x’ekosistemi hemm u dwar il-kundizzjoni tagħhom, dwar is-servizzi li
jipprovdu u l-valur ta’ dawn is-servizzi[38],
hekk li s-servizzi tal-ekosistema jkunu vvalutati b’mod korrett u mbagħad
ipprezzati meta jkun il-każ, biex ikunu promossi soluzzjonijiet tal-IE
fl-ippjanar spazjali u fil-proċessi tat-teħid
tad-deċiżjonijiet b’rabta mal-infrastruttura. Filwaqt li huwa
ċar li ħafna deċiżjonijiet rigward il-proġetti tal-IE
se jittieħdu fil-livell lokali, nazzjonali u reġjonali, għandu
jiġi inkoraġġit livell minimu ta’ konsistenza b’rabta mad-dejta
użata biex twassal l-informazzjoni għal dawn id-deċiżjonijiet,
b’mod partikulari għal proġetti appoġġjati minn fondi
tal-UE. Għalkemm fil-preżent hemm ħafna
dejta, f’ħafna mill-każijiet din ma tkunx ġiet
iġġenerata jew evalwata b’mod konsistenti jew ikkoordinat.
Fil-kuntest tal-Istrateġija tal-UE favur il-Bijodiveristà, flimkien mal-Aġenzija
Ewropea għall-Ambjent, entitajiet u aġenziji oħra
tar-riċerka, l-Istati Membri u l-partijiet interessati, il-Kummissjoni qed
taħdem biex tiżgura l-użu l-aktar użu effiċjenti ta’
dejta minn azzjonijiet li hemm fil-preżent u minn dawk li hemm ippjanati.
Din il-ħidma se tkompli fil-ġejjieni iżda idealment
tissaħħaħ u l-kontribut tal-komunità xjentifika jrid ikun iktar
qawwi. L-UE għandha rwol sinifikanti x’taqdi f’dan il-proċess, b’mod
partikulari billi toffri appoġġ finanzjarju għal programmi li
jindirizzaw dan il-vojt fl-għarfien, bħalma huma l-inizjattiva
Orizzont 2020 u l-Fondi Strutturali u dawk ta’ Investiment Ewropej. Intejbu l-bażi tal-għarfien u
ninkoraġġixxu l-innovazzjoni Il-fehim tagħna ta’ kwistjonijiet
tekniċi assoċjati mal-mobilizzazzjoni tal-IE żviluppa b’mod
konsiderevoli f’dawn l-aħħar snin. Madankollu, hemm bżonn ta’
aktar riċerka biex nifhmu iktar ir-rabta bejn il-bijodiversità
(l-ispeċi/il-ħabitats) u l-kundizzjoni tal-ekosistema (il-vitalità,
ir-reżiljenza u l-produttività) u bejn il-kundizzjoni tal-ekosistema u
l-kapaċità tagħha li tagħti servizzi tal-ekosistema. Biex
jintrifed l-iżvilupp tal-ġejjieni tal-IE ikun utli ferm li ssir aktar
analiżi fil-mod kif jiġu evalwati s-servizzi tal-ekosistema, b'mod
partikulari l-benefiċċji għas-soċjetà, għas-saħħa,
għas-sigurtà/għar-reżiljenza mis-soluzzjonijiet tal-IE.
L-investimenti fir-riċerka applikata biex jiġu ttestjati u applikati
b’mod innovattiv is-soluzzjonijiet tal-IE għandhom jiġu
inkoraġġiti wkoll. Il-potenzjal tal-IE biex tipprovdi
soluzzjonijiet kosteffikaċi se jkompli jikber permezz tal-iżvilupp
ta’ teknoloġiji u proċessi adegwati, b’mod partikulari fir-rigward
tat-trasport, l-enerġija, l-agrikoltura, it-tfassil u l-funzjonament
tal-bliet tagħna, u l-ispinta li tingħata lill-bijoekonomija[39]. Fil-bliet, il-bini
“intelliġenti” u l-bini b’użu effiċjenti tar-riżorsi, li
jinkorpora karatteristiki ekoloġiċi bħal bjut u ħitan
ekoloġiċi u magħmul b’materjali ġodda, jistgħu
jipprovdu benefiċċji ambjentali, soċjali u ta’ saħħa[40]. Flimkien
mat-teknoloġija, in-nies li jaħdmu fl-IE jeħtieġ jiksbu
l-ħiliet u l-kompetenzi neċessarji b’mod li jkun possibbli
għalihom li jimxu għal approċċ innovattiv. Biex jiġi
assigurat li hemm forza tax-xogħol imħarrġa sew fuq medda medja
ta’ żmien, huwa importanti li n-nuqqas ta’ ħiliet jiġi
indirizzat billi l-persunal li hu diġà tas-sengħa jingħata
taħriġ mill-ġdid u jibqa' jiġi edukat fl-oqsma rilevanti. Fil-livell tal-UE, l-Orizzont 2020 u l-Fond
Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali huma sorsi potenzjali ta’
appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-IE. L-għoti ta’ appoġġ
finanzjarju għal proġetti tal-IE L-integrazzjoni tal-IE fl-implimentazzjoni
tal-politika f’setturi ewlenin għandha tiżgura l-appoġġ
mill-mekkaniżmi ta’ finanzjament assoċjati biex tiġi promossa
l-mobilizzazzjoni tal-IE fl-UE. Is-settur privat ukoll għandu rwol x’jaqdi
rigward l-investiment fl-IE. Madankollu, il-proġetti tal-IE huma kumplessi
u inevitabbilment riskjużi, b’mod partikulari fl-istadji bikrin
tal-iżvilupp. L-UE trid tnaqqas ir-riskji permezz ta’ strumenti finanzjarji
(bħal prattiki dwar kif jinqasam ir-riskju) u billi tilħaq ftehim ma’
bosta sħab dwar fondi pubbliċi u privati. L-investituri potenzjali
(l-awtoritajiet tal-komun, tar-reġjun, l-iżviluppaturi privati) ukoll
jeħtieġu assistenza teknika biex jiżviluppaw proġetti
tal-IE[41].
Il-Kummissjoni u l-BEI qed iqisu għadd ta’ possibbiltajiet biex
jistabbilixxu faċilità ta’ finanzjament li tappoġġja
l-investimenti relatati mal-bijodiversità, inklużi proġetti tal-IE. Proġetti tal-IE fil-livell tal-UE Ħafna karatteristiki
ġeografiċi, bħar-reġjuni muntanjużi (l-Alpi,
il-Pirinej, il-Karpazji), il-baċiri idrografiċi (ir-Rhine,
id-Danubju) u l-foresti (il-Foresti Fennoskandinavi), imorru lil hinn
mill-fruntieri nazzjonali u huma parti mill-wirt naturali u kulturali u mill-identità
li tqarreb il-pajjiżi tal-UE. Dawn jirrikjedu azzjonijiet koordinati u
konġunti, kif ukoll viżjoni pan-Ewropea. Sal-lum hemm inizjattivi
infrastrutturali fuq skala kbira li ġew allokati għat-trasport,
l-enerġija u l-ICT[42].
L-iżvilupp ta’ strument ekwivalenti, l-assi prijoritarji trans-Ewropej
għall-IE fl-Ewropa, it-TEN-G (imsejjes fuq netwerks trans-Ewropej
fis-setturi tal-infrastruttura griża), ikollu benefiċċji
sinifikanti biex jiżgura r-reżiljenza u l-vitalità ta’ wħud
mill-aktar ekosistemi ikoniċi, li minnhom ikomplu joħorġu
benefiċċji soċjali u ekonomiċi. Inizjattivi bħal dawn
iservu wkoll bħala inizjattivi ewlenin li jkunu jistgħu jservu
bħala eżempji fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u
jsaħħu l-importanza tal-iżvilupp ta’ IE trans-Ewropea
fil-politika, fl-ippjanar u fid-deċiżjonijiet ta’ finanzjament.
L-Istati Membri u r-reġjuni huma mħeġġa jaħtfu
l-opportunitajiet biex jiżviluppaw IE f’kuntest
transfruntier/transnazzjonali permezz ta’ strateġiji makroreġjonali
appoġġjati mill-FEŻR[43]
u minn programmi ta’ koperazzjoni territorjali Ewropej[44]. Kaxxa 7: Proġetti tal-IE fil-livell tal-UE. L-inizjattiva Ewropea “Green Belt” hija
netwerk ekoloġiku li jkopri mill-Baħar Barents sal-Baħar
l-Iswed. L-għan tagħha huwa li jiġu armonizzati aħjar l-attivitajiet
tal-bniedem mal-ambjent naturali u li jiżdiedu l-opportunitajiet
għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-komunitajiet lokali.
L-inizjattiva toħloq rabtiet bejn il-parks nazzjonali, il-parks naturali,
ir-riżervi bijosferiċi, iż-żoni protetti transfruntieri u
ż-żoni mhux protetti matul il-fruntieri jew bejn waħda u
oħra.. Hija tappoġġja inizjattivi marbuta mal-iżvilupp
reġjonali bbażati fuq il-konservazzjoni tan-natura. Tieħu
wieħed mill-aktar ostakli li firduna fl-istorja tal-bniedem (il-purtiera
tal-ħadid) u tittrasformah f’simbolu ta’ rikonċiljazzjoni u
koperazzjoni transfruntiera billi tikkonserva u tipproteġi wħud
mill-aktar pajsaġġi impressjonanti u fraġli. 4. l-istrateġija tal-UE
għall-promozzjoni tal-infrastruttura ekoloġika Il-Kummissjoni hija impenjata li
tiżviluppa Strateġija tal-UE favur l-IE li tgħin biex
tikkonserva u ssaħħaħ il-kapital naturali tagħna u biex
jinkisbu l-objettivi tal-Ewropa 2020. Abbażi tal-konsiderazzjonijiet
stabbiliti hawn fuq dwar il-benefiċċji potenzjali tal-IE u r-rwol li
jista’ jkollha l-UE fl-iżvilupp tagħha, il-Kummissjoni taħseb li
l-istrateġija għandha tieħu l-forma ta’ qafas li jipprovdi
għadd ta’ sinjali ta’ politika kkumbinati ma’ azzjonijiet tekniċi jew
xjentifiċi. F’dan l-istadju, hi taħseb li l-istrateġija tista’
tiġi implimentata fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni eżistenti,
l-istrumenti tal-politika u l-mekkaniżmi ta’ finanzjament. Ikun fiha
l-elementi stabbiliti hawn taħt. Il-promozzjoni tal-IE fl-oqsma ewlenin ta’
politika Il-koeżjoni reġjonali, it-tibdil fil-klima
u l-politiki ambjentali, l-immaniġġjar tar-riskju ta’ diżastri,
il-politika dwar is-saħħa u l-konsumatur u l-Politika Agrikola
Komuni, inklużi l-mekkaniżmi ta’ finanzjament assoċjati
tagħhom, se jkunu l-oqsma prinċipali tal-politika li permezz
tagħhom se tiġi promossa l-Infrastruttura Ekoloġika. Sa tmiem
l-2013, il-Kummissjoni se tiżviluppa gwida teknika li tispjega fid-dettall
kif l-Infrastruttura Ekoloġika se tkun integrata fl-implimentazzjoni ta'
dawn il-politiki mill-2014 sal-2020. Fil-kuntest ta' dawn l-oqsma ewlenin ta'
politika, se jittieħed iż-żmien biex jiżdied
l-għarfien tal-IE fost il-gruppi ta' partijiet interessati u biex
tiġi promossa l-aqwa prassi, inkluż biex tiġi żviluppata
pjattaforma tal-IT apposta għall-iskambjar tal-informazzjoni. Hija se tikkunsidra wkoll kif l-innovazzjoni
marbuta mal-IE tista’ tiġi ffinanzjata permezz ta’ għadd ta’
strumenti oħra tal-UE bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.
Fil-politika tat-TEN-T, pereżempju, l-Infrastruttura Ekoloġika
bħala parti integrali mill-proġetti tista’ tiġi promossa
fil-qafas tal-metodu tal-“kuritur" li hemm propost. It-titjib tal-informazzjoni,
it-tisħiħ tal-bażi tal-għarfien u l-promozzjoni
tal-innovazzjoni Filwaqt li tkompli għaddejja
bix-xogħol tal-immappjar u ta’ valutazzjoni fil-kuntest
tal-Istrateġija tal-UE favur il-Bijodiveristà, sal-2015 il-Kummissjoni se
tirrevedi l-firxa u l-kwalità tad-dejta spazjali u teknika disponibbli
għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet b’rabta
mal-mobilizzazzjoni tal-IE. Ir-rieżami se jħares ukoll lejn kif
l-arranġamenti attwali li jirregolaw il-ġenerazzjoni, l-analiżi
u t-tixrid ta’ din l-informazzjoni jistgħu jittejbu, b’mod partikulari
permezz ta’ użu aħjar ta’ faċilitajiet għall-iskambjar
tal-informazzjoni. Sal-2013, il-Kummissjoni se tanalizza
l-ħtieġa u l-opportunitajiet fil-kuntest tal-Orizzont 2020 biex
issostni, b'mod metodoloġiku, ix-xogħol tal-immappjar u ta’
valutazzjoni li hemm għaddej, ittejjeb il-bażi tal-għarfien u
tiżviluppa u tinkoraġġixxi t-teknoloġiji u
approċċi innovattivi biex jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-IE.
Se tanalizza wkoll il-kontribut li l-istandards tekniċi, b’mod partikulari
dawk dwar il-moduli fiżiċi u l-proċeduri, jistgħu
jagħtu biex jitkabbar is-suq għall-prodotti ispirati mill-IE. It-titjib fl-aċċess
għall-finanzi Il-Kummissjoni se tkompli tesplora
l-opportunitajiet biex jitwaqqfu mekkaniżmi innovattivi ta’ finanzjament
biex issostni l-IE. Flimkien mal-BEI se timpenja ruħha biex sal-2014
tistabbilixxi faċilità ta' finanzjament mill-UE biex issostni lil dawk li
jkunu qed jippruvaw jiżviluppaw proġetti tal-IE. Proġetti tal-IE fil-livell tal-UE Sa tmiem l-2015, il-Kummissjoni se twettaq
studju biex teżamina l-opportunitajiet biex tiġi żviluppata
l-inizjattiva TEN-G tal-UE. L-istudju se jinkludi valutazzjoni tal-kosti u
l-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’
inizjattiva bħal din. 5. Konklużjonijiet L-Infrastruttura Ekoloġika tista’
tikkontribwixxi b’mod sinifikanti lejn il-kisba ta’ bosta objettivi ewlenin ta’
politika tal-UE. L-aħjar mod biex l-UE tippromwovi l-iżvilupp tal-IE
huwa billi jinħoloq qafas li jiffaċilita u jinkoraġġixxi
proġetti tal-IE fi ħdan l-istrumenti legali, ta’ politika, u dawk
finanzjarji eżistenti. L-Istati Membri huma mħeġġa jibnu
fuq dawn l-opportunitajiet sabiex jagħtu spinta lill-implimetazzjoni tal-IE
u jisfruttaw il-benefiċċji tagħha għal żvilupp
sostenibbli. Dan id-dokument jispjega r-raġunijiet wara l-promozzjoni
tal-IE u jiddeskrivi l-karatteristiki tal-istrateġija futura tal-UE.
Sal-aħħar tal-2017, il-Kummissjoni se tirrevedi l-progress dwar l-iżvilupp
tal-IE u se tippubblika rapport fuq dak li nkunu tgħallimna
mill-esperjenza flimkien mar-rakkomandazzjonijiet għal azzjoni
fil-ġejjieni. [1] COM(2012) 710 final, Proposta għal
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm
Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb,
fil-limiti tal-pjaneta tagħna”. [2] COM(2011) 571, ĠU C 37, 10.2.2012. [3] COM(2010) 2020, ĠU C 88, 19.3.2011. [4] COM(2011) 244, ĠU C 264, 8.9.2011. [5] Fil-konklużjonijiet rigward l-Istrateġija
tal-UE dwar il-Bijodiversità, il-Kunsill tal-Ambjent (06/11) “jisħaq
dwar l-importanza tal-Infrastruttura Ekoloġika anki bħala kontribut
biex il-kunsiderazzjonijiet dwar il-bijodiversità jkomplu jiġu integrati
f’politiki oħra tal-UE; u hu sodisfatt bl-impenn tal-Kummissjoni biex
tiżviluppa Strateġija għall-Infrastruttura Ekoloġika
sal-2012”. Il-Parlament Ewropew (05/12) “iħeġġeġ
lill-Kummissjoni tadotta Strateġija għall-Infrastruttura
Ekoloġika sa mhux aktar tard mill-2012, bil-ħarsien tal-bijodiversità
bħala l-objettiv primarju”. [6] Tagħrif tekniku aktar dettaljat dwar
l-Infrastruttura Ekoloġika tista’ ssibha f’Dokument ta’ Ħidma
tas-Servizzi tal-Kummissjoni adottat fl-istess żmien meta ħarġet
din il-Komunikazzjoni SWD(2013) 155 final. [7] Infrastruttura ekoloġika u koeżjoni
territorjali. L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (2011). Rapport tekniku Nru 18/2011.Ara wkoll http://ec.europa.eu/environment/nature/ecosystems/docs/Green_Infrastructure.pdf [8] Nellemann, C., Corcoran, E. (eds) 2010. Dead Planet,
Living Planet — Biodiversity and ecosystem restoration for sustainable
development. A rapid response Assessment. UNEP, GRID-Arendal. [9] COM(2011) 612 finali/2. [10] COM(2011) 614 finali. [11] COM(2011) 17 finali, Politika reġjonali li
tikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa 2020. Dokument ta’
Ħidma tas-Servizzi tal-Kummissjoni, SEC(2011) 92 finali. [12] Norbtu t-tkabbir intelliġenti ma’ dak sostenibbli
permezz tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti. Il-Kummissjoni Ewropea
2012. [13] Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea 2020. Lejn
Ewropa inklużiva, intelliġenti u sostenibbli ta’ Reġjuni
differenti. Laqgħa ministerjali informali tal-ministri responsabbli
għall-ippjanar tal-ispazji u l-iżvilupp territorjali. Id-19 ta’ Mejju
2011, l-Ungerija. [14] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u
lill-Parlament Ewropew dwar Strateġija Tematika dwar l-ambjent urban. COM(2005)
718 finali. [15] Rapporti, studji u dokumenti ta’ analiżi sostnuti
mill-Kummissjoni Ewropea — http://ec.europa.eu/environment/nature/ecosystems/studies.htm. [16] Ara eżempji klassiċi ta’ IE li toħloq
l-impjiegi fit-Tabella Nru 2 tad-Dokument ta’ Ħidma tas-Servizzi
tal-Kummissjoni (REF)(SWD (2013) 155 finali). [17] SWD(2012)101 final/2, p. 13. [18] COM(2013) 216 finali, L-istrateġija tal-UE fuq
l-Adattazzjoni għat-Tibdil tal-Klima. [19] L-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u
l-Forestrija [20] ĠU L 1, 4.1.2003, p. 65. [21] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament,
il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat
tar-Reġjuni - Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni
tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, COM(2009) 82
final. [22] COM(2012) 710 finali. [23] L-Aġenzija Ewropea tal-Ambjent, Ir-Rapport dwar
il-Qagħda tal-Ambjent 2010. http://www.eea.europa.eu/soer. [24] L-implimentazzjoni tal-istrateġija tematika dwar
il-ħamrija u l-attivitajiet li għaddejjin bħalissa. Ir-Rapport
mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u
Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. COM(2012) 46 final. [25] COM(2011) 625 final/2. [26] Pjan għas-salvagwardja tar-riżorsi tal-ilma
tal-Ewropa. Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew,
lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. COM(2012)
673 finali. [27] L-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità (TEEB).
L-eżempji ta’ Vjenna, New York, Philadelphia, Vittel, http://www.teebweb.org/. [28] ĠU L 330, 5.12.98, p. 32. [29] ĠU L 372, 27.12.2006, p. 19. [30] Artijiet Mistagħdra Mibnija Integrati (Integrated
Constructed Wetlands, ICW), eżempju ta’ IE, jista’ tgħin biex
jintlaħqu l-objettivi ta’ politika tal-UE għat-trattament
tad-drenaġġ u l-protezzjoni tal-ilma għall-għawm. [31] COM(2013) 133 finali. [32] http://www.thebluecarbonproject.com/the-problem-2/. [33] ĠU L 206, 22.7.92, p. 7. [34] ĠU L 103, 25.4.79, p. 1. [35] http://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/financing/index_en.htm [36] http://ec.europa.eu/environment/nature/ecosystems/docs/adaptation_fragmentation_guidelines.pdf. [37] http://ec.europa.eu/environment/nature/ecosystems/studies.htm#design. [38] Xogħol metodoloġiku dwar l-immappjar u
l-valutazzjoni tal-ekosistemi u s-servizzi tagħhom isir permezz l-azzjoni
5 tal-Istrateġija favur il-Bijodiversità (MAES). Tali informazzjoni
madankollu tkun tista’ tintuża wkoll għal kunsiderazzjonijiet b’rabta
mal-IE (ara l-eżempji fuq http://ec.europa.eu/environment/nature/ecosystems/index_en.htm).
Fil-kuntest ta’ politika dwar it-tibdil fil-klima, l-Unjoni dan
l-aħħar għaddiet leġiżlazzjoni li tarmonizza l-metodi
ta’ kontabilità tal-gassijiet serra fis-settur tal-LULUCF, u tistabbilixxi pjan
ta’ direzzjoni biex jitjiebu u jiġu estiżi s-sistemi ta’ kontabilità
tal-Istati Membri. Dan se jiżgura li tkun disponibbli dejta konsistenti,
mill-Unjoni kollha, dwar ir-rendiment ta’ gassijiet serra minn ekosistemi
(immaniġjati): Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
dwar ir-regoli tal-kontabilità u l-pjanijiet ta' azzjoni dwar l-emissjonijiet u
l-assorbimenti tal-gassijiet serra li jirriżultaw mill-attivitajiet
relatati mal-użu tal-art, mat-tibdil fl-użu tal-art u mal-forestrija. [39] COM(2012) 60 finali. [40] Norbtu t-tkabbir intelliġenti ma’ dak sostenibbli
permezz tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti. Il-Kummissjoni Ewropea
2012. [41] http://ec.europa.eu/environment/enveco/biodiversity/pdf/BD_Finance_summary-300312.pdf. [42] COM(2011) 676 finali, COM(2011) 665 final. [43] L-Istrateġija għall-Baħar Baltiku u
l-Istrateġija għad-Danubju. [44] http://ec.europa.eu/regional_policy/cooperate/cooperation/index_en.cfm.