Help Print this page 

Document 52013DC0249

Title and reference
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) — Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa

/* COM/2013/0249 final */
Multilingual display
Dates
  • Date of document: 06/05/2013
  • Date of dispatch: 06/05/2013; Tintbagħat lill-Parlament
  • Date of dispatch: 06/05/2013; Jintbagħat lill-Kunsill
  • Date of end of validity: 31/12/9999
Miscellaneous information
  • Author: Il-Kummissjoni Ewropea
  • Form: Komunikazzjoni
Procedure
Text

52013DC0249

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) — Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa /* COM/2013/0249 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) — Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa

1.1.        Sfond

Is-soċjetà tagħna tiddependi fuq il-benefiċċji li tgħaddilna n-natura bħall-ikel, il-materjali, l-ilma nadif, l-arja nadifa, ir-regolazzjoni tal-klima, il-prevenzjoni tal-għargħar, id-dakkir u r-rikreazzjoni[1]. Madankollu, ħafna minn dawn il-benefiċċji, li spiss jissejħu servizzi tal-ekosistema, jintużaw bħallikieku l-provvista tagħhom hija kważi bla limitu u jiġu ttrattati bħala prodotti bażiċi mingħajr ħlas, tant li valurhom mhux apprezzat għalkollox. Dan jista’ jwassal biex l-awtoritajiet pubbliċi jirrikorru għall-infrastruttura mibnija — l-infrastruttura griża — minflok għal soluzzjonijiet naturali għall-problemi, ngħidu aħna dik dwar kif nistgħu nipprevjenu l-għargħar. Għaldaqstant, fl-Ewropa għadna għaddejjin niddegradaw il-kapital naturali tagħna, u fil-proċess nipperikolaw is-sostenibbiltà fit-tul tagħna u nnaqqsu r-reżiljenza tagħna għax-xokkijiet ambjentali. Kif intqal fil-Pjan Direzzjonali għal Użu Effiċjenti tar-Riżorsi[2], in-nuqqas tagħna li nipproteġu l-kapital naturali u li nagħtu l-valur mistħoqq lis-servizzi tal-ekosistema jrid jiġi indirizzat bħala parti mill-isforz lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, li huwa l-prijorità tal-UE fl-istrateġija Ewropa 2020[3]. Il-pjan direzzjonali jidentifika l-investiment fl-IE bħala pass importanti lejn il-protezzjoni tal-kapital naturali. L-istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020[4] tinkludi impenn min-naħa tal-Kummissjoni biex din tiżviluppa strateġija għal IE[5]. Il-Pjan Direzzjonali għal Użu Effiċjenti tar-Riżorsi jiddikjara li l-Kummissjoni se tabbozza Komunikazzjoni dwar l-IE. Dan id-dokument juri kif il-Kummissjoni se twettaq dawn l-impenji[6]. Jispjega kif azzjoni min-naħa tal-UE kollha tista’ żżid il-valur tal-inizjattivi lokali li huma għaddejjin bħalissa.

1.2.        X’inhi l-IE?

L-IE hija għodda ttestjata b’suċċess biex tipprovdi benefiċċji ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali permezz ta’ soluzzjonijiet naturali. Tgħinna nifhmu l-valur tal-benefiċċji li n-natura toffri lis-soċjetà tagħna u tgħinna nimmobilizzaw l-investimenti biex insostnuhom u nsaħħuhom. Tgħinna wkoll nevitaw milli nkunu niddependu fuq infrastruttura li tiswielna ħafna biex nibnuha meta n-natura ħafna drabi tipprovdi soluzzjonijiet orħos u li jservu iktar fit-tul. Ħafna minn dawn is-soluzzjonijiet joħolqu opportunitajiet ta’ xogħol lokali. L-Infrastruttura Ekoloġika hija bbażata fuq il-prinċipju li l-protezzjoni u t-tisħiħ tan-natura u tal-proċessi naturali, u l-ħafna benefiċċji li s-soċjetà tikseb min-natura, jiġu integrati b’mod konxju fl-ippjanar spazjali u fl-iżvilupp territorjali. Meta mqabbla mal-infrastruttura l-griża bi skop wieħed biss, l-IE għandha ħafna benefiċċji. Ma xxekkilx l-iżvilupp territorjali imma tippromwovi soluzzjonijiet naturali jekk jipprovdu l-aqwa għażla. Xi drabi taf toffri alternattiva għas-soluzzjonijiet standard, dawk griżi, inkella tipprovdi soluzzjoni oħra li tikkumplimentahom.

Ġew żviluppati bosta definizzjonijiet ta’ IE[7]. Għalhekk hu diffiċli tkopri l-aspetti kollha f’paragrafu qasir. Madankollu, għall-finijiet ta’ din il-Komunikazzjoni, se tintuża d-definizzjoni li ġejja.

IE: netwerk ta’ żoni naturali u seminaturali b’karatteristiki ambjentali oħra ppjanat b’mod strateġiku u mfassal u mmaniġġjat biex jipprovdi firxa wiesgħa ta’ servizzi tal-ekosistema. Jinkorpora spazji ħodor (inkella blu jekk huma kkonċernati l-ekosistemi akkwatiċi) u karatteristiki fiżiċi oħra f'żoni fuq l-art (inklużi mal-kosta) u f’żoni fil-baħar. Fuq l-art, l-IE teżisti f’żoni rurali u f’żoni urbani.

2.           2. Il-Kontribut Tal-IE Fl-Oqsma Ta’ Politika Tal-UE

2.1.        Introduzzjoni

L-IE tista’ tagħti kontribut sinifikanti fl-implimentazzjoni effettiva tal-politiki kollha fejn ikunu jistgħu jintlaħqu xi wħud mill-għanijiet mixtieqa, inkella kollha kemm huma, kemm b’mod sħiħ jew inkella parzjalment, permezz ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura. Normalment ikun hemm redditu għoli fuq l-investimenti fl-IE u l-analiżi ġenerali tal-proġetti ta’ restawrazzjoni tipikament juru proporzjonijiet tal-kostbenefiċċju fil-firxa ta’ 3 għal 75[8].

2.2.        Il-Politika Reġjonali

Fil-proposti tal-Kummissjoni għall-Fond ta’ Koeżjoni[9] u għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR)[10], l-Infrastruttura Ekoloġika hija speċifikament identifikata bħala waħda mill-prijoritajiet ta’ investiment. L-Infrastruttura Ekoloġika hi rikonoxxuta li tikkontribwixxi għall-politika reġjonali u t-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa[11] u li tiffaċilita t-tkabbir intelliġenti u sostenibbli permezz tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti[12].

Kaxxa 1: Il-wirt naturali u kulturali hu parti mill-kapital territorjali tal-UE u mill-identità tagħha. Il-valuri ekoloġiċi, il-kwalità ambjentali u l-beni kulturali huma kruċjali għall-benesseri tagħna u għall-prospetti ekonomiċi. L-użu eċċessiv ta’ dawn ir-riżorsi naturali jitqies ta’ theddida għall-iżvilupp territorjali. Il-ħidma man-natura u f’armonija mal-pajsaġġ lokali biex jitwasslu prodotti u servizzi essenzjali permezz ta’ proġetti tal-IE, billi jintuża l-approċċ “place-based”, hija kosteffiċjenti u tippriżerva l-karatteristiki fiżiċi u l-identità tal-lokalità.[13].

Is-soluzzjonijiet tal-IE huma partikolarment importanti f’ambjenti urbani fejn tgħix aktar minn 60% tal-popolazzjoni tal-UE[14]. Il-karatteristiki tal-IE fil-bliet joffru benefiċċji fejn tidħol is-saħħa, bħal dak ta’ arja nadifa u dak ta’ kwalità aħjar tal-ilma. Ekosistemi b’saħħithom inaqqsu wkoll it-tixrid ta’ mard li jinġarr minn vettur ieħor. L-implimentazzjoni tal-karatteristiki tal-Infrastruttura Ekoloġika f’żoni urbani toħloq sens akbar ta’ komunità, issaħħaħ ir-rabta ma’ azzjonijiet volontarji mwettqa mis-soċjetà ċivili, u tgħin fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-iżolament. Dawn il-karatteristiki, l-individwu u l-komunità jibbenefikaw minnhom fiżikament, psikoloġikament, emozzjonalment u soċjoekonomikament. L-IE toħloq opportunitajiet biex toħloq rabta bejn iż-żoni urbani u dawk rurali u tipprovdi postijiet attraenti biex wieħed jgħix u jaħdem fihom[15]. Permezz tal-produzzjoni urbana tal-ikel u tal-ġonna komunitarji, li huma għodod effiċjenti biex b’mod partikulari jedukaw lit-tfal tal-iskola u jattiraw l-interess taż-żgħażagħ, l-IE tindirizza l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-produzzjoni u l-konsum tal-ikel u tgħin biex iżżid l-importanza tiegħu. L-investimenti fl-IE għandhom potenzjal sinifikanti biex isaħħu l-iżvilupp reġjonali u dak urban, fosthom billi jippriservaw jew joħolqu l-impjiegi[16].

Kaxxa 2: Nużaw l-art minflok l-arja kkundizzjonata — u niffrankaw il-flus. Il-livell ta’ umdità aktar baxx f’żoni urbani minħabba n-nuqqas ta’ veġetazzjoni u minħabba l-assorbiment akbar ta’ enerġija mix-xemx ikkawżat minn uċuħ skuri, asfaltati jew mogħtija l-konkrit, huma r-raġunijiet ewlenin għaliex iż-żoni fil-qalba tal-bliet ħafna drabi jkunu ħafna gradi ogħla minn dawk tal-madwar. Dan il-fenomenu, magħruf bħala l-effett gżira tas-sħana urbana, b’mod partikulari matul perjodi ta’ sħana kbira jista’ jkollu konsegwenzi serji għas-saħħa ta’ gruppi vulnerabbli ta’ persuni, bħal dawk li għandhom mard kroniku jew li huma anzjani. L-arja niedja li n-natura toffri b’xejn tista’ tinħoloq artifiċjalment billi nevaporaw l-ilma permezz tal-elettriku, iżda huwa stmat li dan ikun jiswa madwar EUR 500 000 kull ettaru. Meta naħdmu flimkien man-natura u nużaw l-IE f’ambjent urban, pereżempju billi jiġu inkorporati parks għonja fil-bijodiversità, spazji ħodor u kurituri ta’ arja friska, inkunu qed ngħinu ntaffu l-effett gżira ta’ sħana urbana[17].

2.3.        It-Tibdil fil-Klima u l-Immaniġjar tar-Riskju ta’ Diżastri

Approċċi bbażati fuq l-ekosistema huma strateġiji li jagħmlu l-aħjar użu mill-forzi naturali li jadattaw ruħhom għall-għanijiet li qed insemmu. Dawn huma fost l-aktar għodod li jiġu applikati, u li huma ekonomikament vijabbli u effiċjenti biex jiġu miġġielda l-impatti tat-tibdil fil-klima. Meta jkun il-każ, approċċi bħal dawn iduru għal soluzzjonijiet mill-IE minħabba li dawn jużaw il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema bħala parti mill-istrateġija ta’ adattament ġenerali biex tgħin lin-nies jadattaw ruħhom għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima jew biex jagħrfu jrażżnuhom. L-Istrateġija reċenti tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima[18] għaldaqstant timmira li tesplora l-ħtieġa li l-awtoritajiet u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, is-soċjetà ċivili, il-kumpaniji privati u dawk li jaħdmu fil-qasam tal-konservazzjoni jiġu ggwidati aktar dwar kif jassiguraw il-mobilizzazzjoni sħiħa ta’ approċċi għall-adattament ibbażati fuq l-ekosistema. L-inizjattivi tal-IE fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija, li għandhom impatt pożittiv fuq il-ħażna tal-karbonju u fuq il-bilanċ tal-gassijiet serra fl-Istati Membri, se jiġu kkunsidrati fil-qafas tal-LULUCF[19] u b’hekk jikkontribwixxu fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-klima tal-UE u tal-UNFCCC.

Kaxxa 3: L-IE b’rabta mat-trażżin tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih. Eżempju tal-bosta benefiċċji mir-restawr tal-kapital naturali huwa r-restawr ekoloġiku tal-foresti suxxettibbli għall-għargħar. L-immaniġjar tajjeb ta’ foresti suxxettibbli għall-għargħar jista’ jwassal għal bosta benefiċċji, bħall-filtrazzjoni tal-ilma, il-preżervazzjoni tal-water table u l-prevenzjoni tal-erożjoni. Il-foresta ttaffi wkoll l-effetti tat-tibdil fil-klima billi taħżen is-CO2 u tipprovdi bijomaterjali li jistgħu jaġixxu bħala mħażen temporanji tal-karbonju (prodotti tal-injam maħsud) jew bħala sostituti tal-karbonju, li jissostitwixxu l-materjali u l-fjuwils rikki fil-karbonju, filwaqt li taġixxi bħala “safety valve” biex taħżen l-ilma u tnaqqas ir-riskju ta’ għargħar f’żoni abitati. Ir-restawr tal-foresti suxxettibbli għall-għargħar spiss jiġi jiswa inqas, f’termini ta’ spejjeż ta’ darba u ta’ manutenzjoni, minn soluzzjonijiet purament tekniċi bħalma hu l-bini ta’ digi u ta’ ġibjuni fi pjanuri suxxettibbli għall-għargħar. Billi l-miżuri għar-restawr tal-foresta suxxettibbli għall-għargħar jerġgħu jqabbdu x-xmara maż-żona li tmiss magħha u li anke hi tkun suxxettibbli għall-għargħar, dawn jiżguraw il-passaġġ għall-ispeċijiet ta’ importanza Ewropea bħalma hi l-lontra u speċijiet rari ta’ ħut u għasafar.

L-IE se tkun ukoll strateġija sekondarja meħtieġa biex tonqos il-marka tal-karbonju mit-trasport u mill-provvista tal-enerġija, intaffu l-effetti negattivi mill-użu tal-art u l-frammentazzjoni u nsaħħu l-opportunitajiet biex nintegraw aħjar il-kwistjonijiet marbuta mal-użu tal-art, mal-ekosistema u mal-bijodiversità fil-politika u fl-ippjanar. Is-soluzzjonijiet tal-IE jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-iżvilupp ta’ Kurituri tat-Trasport Ekoloġiċi (Green Transport Corridors) eż. billi jintuża l-potenzjal ta’ ekosistemi b’saħħithom biex jitrażżnu l-emissjonijiet tal-karbonju b’mod sostenibbli.

Id-Direttiva dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija[20] se tippromwovi l-iżvilupp u l-użu ta’ materjali ġodda u karatterisitiki ta’ tifsil ġodda fix-xogħlijiet tal-kostruzzjoni bħala parti mill-isforz biex jitnaqqas il-livell sinifikanti tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra minn dan is-settur. Is-soluzzjonijiet tal-IE, bħal ħitan u soqfa ekoloġiċi, jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Dan minħabba li dawn jeħtieġu inqas enerġija għat-tisħin u t-tkessiħ u jagħtu ħafna benefiċċji oħra, bħaż-żamma tal-ilma, il-purifikazzjoni tal-arja u l-arrikkiment li ġġib magħha l-bijodiversità.

Is-soluzzjonijiet tal-IE li jsaħħu r-reżiljenza għad-diżastri, huma wkoll parti integrali mill-politika tal-UE dwar l-immaniġġjar tar-riskju ta’ diżastri. It-tibdil fil-klima u l-iżvilupp fl-infrastruttura jirrendu ż-żoni suxxettibli għal diżastri aktar vulnerabbli għal sitwazzjonijiet ta’ temp estrem u għal diżastri naturali, bħal għargħar, valangi ta’ ġebel u blat, valangi ta' silġ, nirien fil-foresti, tempesti u mewġ kbir imprevist li swew ħafna ħajjiet u li kull sena, fl-UE, jikkawżaw biljuni ta’ euro fi ħsara u spejjeż tal-assigurazzjoni. L-impatti ta’ tali avvenimenti fuq is-soċjetà u l-ambjent ħafna drabi jistgħu jitnaqqsu bl-użu ta’ soluzzjonijiet tal-IE bħalma hi dik tal-pjanuri tal-għargħar maħluqa apposta, l-imsaġar riparji, foresti ta’ protezzjoni f’żoni muntanjużi, bajjiet ta’ lqugħ u artijiet kostali mistagħdra li jistgħu jsiru flimkien ma’ infrastruttura għat-tnaqqis tad-diżastri, bħal xogħlijiet biex jipproteġu x-xmajjar. L-IE tista’ tikkontribwixxi wkoll biex titnaqqas il-vulnerabbiltà għar-riskji billi tappoġġa l-modi ta’ għajxien u l-ekonomiji lokali. L-investimenti f’inizjattivi biex jitnaqqsu r-riskji ta’ diżastru bbażati fl-ekosistema u fl-IE jistgħu għalhekk jipprovdu bosta benefiċċji fl-approċċi innovattivi marbuta mal-immaniġġjar tar-riskju, l-adattament għar-riskji marbuta mat-tibdil fil-klima, il-modi ta’ għajxien sostenibbli u t-tkabbir ekoloġiku[21]. Il-bliet u l-awtoritajiet lokali huma l-ewwel li jħabbtu wiċċhom mal-konsegwenzi immedjati ta' diżastri bħal dawn. Għaldaqstant għandhom rwol importanti fl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' prevenzjoni bħalma hi l-IE.

Kaxxa 4: Nibnu r-reżiljenza u ntejbu d-difiżi tagħna. Fir-rigward tad-difiża kontra l-għargħar kostali, l-iskema ta’ allinjament mill-ġdid fuq il-Humber Estuary fl-Ingilterra, immaniġġjata mill-Alkborough Flats, swiet ta’ ġid għall-protezzjoni mill-għargħar kostali u naqqset u ddifferixxiet in-nefqa għad-difiża tal-kosti magħmula mill-bniedem. L-iskema hi stmata li kull sena tipprovdi benefiċċju għall-protezzjoni mill-għargħar ta’ £400 667 (EUR 465 000), li b'kollox tipprovdi benefiċċji li bħalissa l-valur tagħhom hu ta’ £12.2 miljun (EUR 14-il miljun) f’valur preżenti, kif ukoll benefiċċji oħra għall-organiżmi slavaġ u s-servizzi tal-ekosistema. L-iskema ġiet tiswa £10.2 miljun (EUR 11.8 miljun) u involviet ir-restawr ta’ ħabitats suġġetti għall-marea fuq 440 ettaru ta’ art agrikola.

2.4.        Il-Kapital Naturali

L-Infrastruttura Ekoloġika jista’ jkollha rwol importanti fil-ħarsien, il-konservazzjoni u t-tisħiħ tal-kapital naturali tal-UE, kif iddikjarat fil-proposta riċenti tal-Kummissjoni għal Programm ta’ Azzjoni Ambjentali sal-2020[22].

L-Art u l-Ħamrija

L-art u l-ħamrija huma komponenti prinċipali tar-riżorsi naturali tal-UE imma, minkejja dan, aktar minn 1 000 km² tat-territorju jittieħed biex jinbnew id-djar, għall-industrija, għat-toroq jew għar-rikreazzjoni[23]. F’ħafna reġjuni, il-ħamrija naqset bmod irreparabbli, inkella għandha kontenut baxx ta’ materja organika. It-tniġġis tal-ħamrija huwa problema serja wkoll[24]. L-inklużjoni b’mod sistematiku tal-kunsiderazzjonijiet tal-IE fl-ippjanar u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet se tgħin biex jitnaqqas it-telf tas-servizzi tal-ekosistema assoċjati mat-teħid tal-art fil-ġejjieni u se tgħin biex jitjiebu u biex jiġu rriġenerati l-funzjonijiet tal-ħamrija.

L-immaniġġjar ta’ art iddedikata għall-agrikoltura u l-foresterija għandu impatt kbir fuq il-kundizzjoni tal-kapital naturali tal-UE. Filwaqt li tirrikonoxxi din ir-rabta, il-Politika Agrikola Komuni (PAK) u l-iżvilupp rurali jipprovdu strumenti u miżuri biex jinkoraġġixxu l-IE u biex itejbu ż-żoni ta’ valur naturali għoli fil-kampanja. Dan japplika għall-appoġġ dirett fuq skala kbira li jingħata lill-bdiewa fl-ewwel pilastru tal-PAK, hekk li jiġi evitat l-abbandun tal-art u l-frammentazzjoni, u għall-miżuri fuq skala iżgħar appoġġjati permezz tal-programmi tal-iżvilupp rurali fit-tieni pilastru, inklużi l-investimenti mhux produttivi, il-miżuri agroambjentali (eż. il-miżuri ta’ konservazzjoni tal-pajsaġġ ikkultivat, il-manutenzjoni u t-tisħiħ ta’ ringieli ta’ sġajriet, strixxi ta’ lqugħ, terazzini, ħitan niexfa, miżuri silvopastorali, eċċ.), il-ħlasijiet li jrawmu l-koerenza ta’ Natura 2000, il-koperazzjoni dwar il-konservazzjoni ta’ mmarkar ta’ konfini bejn l-għelieqi li jkollu ċertu valur, kif ukoll il-konservazzjoni u r-restawr ta’ karatteristiki ta’ wirt rurali.

Il-Kummissjoni inkludiet aspetti ekoloġiċi addizzjonali fil-proposti tagħha għal riforma tal-Politika Agrikola Komuni. Jinkludu r-rekwiżit li l-bdiewa li jirċievu l-ħlasijiet mill-ewwel pilastru jżommu l-art eżistenti li tintuża b’mod permanenti għall-kultivazzjoni tal-għalf fl-impriża tagħhom u li 7% tal-art kultivabbli u li tintuża b’mod permanenti għall-kultivazzjoni tal-prodotti agrikoli tkun magħmula minn żoni b’enfasi ekoloġika[25]. Meta implimentati tajjeb, dawn il-miżuri jistgħu jikkontribwixxu x’joffru lill-IE. Minħabba li l-implimentazzjoni tal-approċċi tal-IE titlob stampa integrata ta’ servizzi tal-ekosistema, dan jinkoraġġixxi approċċ bilanċjat li jenfasizza n-natura multifunzjonali taż-żoni rurali, inkluż l-aċċess għal ikel sostenibbli, sikur u nutrittiv permezz ta’ ktajjen alimentari qosra. Għaldaqstant l-Infrastruttura Ekoloġika se tkun qed trawwem approċċ aktar koerenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet marbuta mal-ekoloġija u mas-sostenibbilità fl-ippjanar spazjali fejn jidħol il-pajsaġġ rurali u dak urban.

Kaxxa 5: Azzjoni f’żoni agrikoli. L-assoċjazzjoni tal-bdiewa żgħażagħ ta’ Sevilja, Spanja, immaniġġjat proġett tal-LIFE innovattiv biex tiżviluppa mudell għall-immaniġġjar aktar sostenibbli tal-ħamrija. Il-proġett iffoka fuq oqsma fejn meded akbar ta' prodotti agrikoli tas-siġar u produzzjoni aktar intensiva wasslu għal żieda fis-sedimentazzjoni, għall-iskular tal-fertilizzanti u għat-tniġġis bil-pestiċidi. Il-proġett identifika liema tipi ta’ meded veġetattivi huma l-aktar effettivi f’dik li hi protezzjoni mill-erożjoni. Flimkien mat-titjib assoċjat fil-kwalità tal-ilma minn skular agrikimiku aktar ikkontrollat kien hemm it-titjib fil-mod kif il-ħamrija jirnexxilha żżomm iktar. Dan kellu wkoll effett pożittiv fuq il-kwalità tal-pajsaġġ lokali u fuq il-bijodiversità. Fuq skala usa’, it-tibdil fl-art u f'dak li jinżara’ fiha għamel il-pajsaġġ agrarju aktar koerenti u reżiljenti, l-aktar għat-tibdil fil-klima.

L-Istrateġija Forestali li jmiss se tintegra kwistjonijiet ambjentali oħrajn u se tindirizza l-mod kif jista’ jinkiseb l-objettiv b’rabta mal-foresti skont l-Istrateġija favur il-Bijodiversità. Il-miżuri biex jitnaqqsu b’mod sinifikanti l-frammentazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u biex jiġu rrestawrati l-foresti degradati jistgħu jgħinu wkoll biex jittejjeb l-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet u l-ħabitats li jiddependu mill-forestrija jew li huma affettwati minnha u jgħinu biex titjieb il-provvista ta’ servizzi tal-ekosistema relatati. L-IE tista’ tagħmel kontribuzzjoni kostruttiva f’dan ir-rigward billi tipprovdi qafas koerenti fejn il-karatteristiki u l-funzjonijiet naturali jiġu konservati u mtejba fiż-żoni forestali.

L-ilma

L-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet tal-IE fl-immaniġġjar tal-baċiri idrografiċi tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex twassal kwalità tajba tal-ilma, ittaffi l-effetti ta’ pressjonijiet idromorfoloġiċi u tnaqqas l-impatti tad-dulluvji u n-nixfa[26]. L-Infrastruttura Ekoloġika toffri wkoll alternattivi kosteffikaċi[27] biex tiġi implimentata aħjar id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb[28] u d-Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art[29]. Qed jiġu żviluppati wkoll soluzzjonijiet ekoloġiċi innovattivi b’bosta benefiċċji, u li huma effiċjenti ħafna kif ukoll kosteffikaċi, għat-trattament tal-ilma mormi[30].

Kaxxa 6: Azzjoni dwar miżuri agriambjentali relatati mal-ilma. F’Sint-Truiden, fil-Belġju, ittieħdu miżuri biex jipproteġu r-raħal mill-erożjoni tal-ħamrija u mill-valangi tat-tajn. Il-miżuri inkludew kanali miżrugħa bil-ħaxix, strixxi ta’ lqugħ bil-ħaxix u vaski biex iżommu l-ilma fil-baċir idrografiku. L-ispiża totali ta’ dawn il-miżuri kienet baxxa (EUR 126/ettaru/20 sena) meta mqabbel mal-ispejjeż tal-kumpens għall-ħsara u dawk tat-tindif kawża tal-għargħar tat-tajn fiż-żona fejn sar l-istudju (EUR 54/ettaru/sena) u l-benefiċċji sekondarji kollha, inklużi l-kwalità aħjar ta' ilma li tirriżulta; it-tnaqqis fl-ispejjeż marbuta mat-tindif jew it-tħaffir, inqas stress psikoloġiku għall-abitanti u bijodiversità ikbar. Il-bijodiversità ikbar u l-kwalità aħjar tal-pajsaġġ ħolqu opportunitajiet ġodda ta’ agrituriżmu u ekoturiżmu.

Fir-rigward tal-ambjent tal-baħar u taż-żoni li jmissu miegħu, l-IE tista’ tgħin biex timplimenta l-istrateġiji attwali dwar l-ippjanar spazjali tal-ibħra u l-immaniġġjar integrat taż-żoni kostali[31], b’mod partikulari l-istrateġiji għall-immaniġġjar sostenibbli taż-żoni kostali u biex id-difiżi kostali jkunu aktar effiċjenti. L-iżvilupp ta’ aktar approċċi li jinvolvu l-karbonju blu[32], li minnhom jibbenefika l-ħut, jista’ jkompli sejjer ’il quddiem ukoll jekk jiġu applikati prinċipji mħaddma fl-IE biex jippromwovu varjetà ta’ servizzi tal-ekosistema fl-ambjent tal-baħar u taż-żoni li jmissu miegħu.

Il-konservazzjoni tan-natura

Natura 2000 huwa netwerk ekoloġiku stabbilit bid-Direttiva dwar il-Ħabitats[33] u dik tal-Għasafar[34]. Jinkludi aktar minn 26 000 sit mifruxa madwar l-Istati Membri kollha u jkopri 18% tat-territorju tal-art tal-UE u madwar 4% ta' ilmijiet marittimi fil-ġuriżdizzjoni tal-Istati Membri. In-netwerk ġie stabbilit l-aktar biex jiġu kkonservati u protetti speċijiet u ħabitats ewlenin madwar l-UE, iżda jipprovdi wkoll bosta servizzi tal-ekosistema lis-soċjetà. Il-valur ta’ dawn is-servizzi ġie stmat li jilħaq bejn EUR 200-300 biljun fis-sena[35]. Il-ħidma mwettqa tul l-aħħar 25 sena biex jiġi stabbilit u kkonsolidat in-netwerk tfisser li s-sinsla tal-Industrija Ekoloġika tal-UE diġà qed taħdem. In-netwerk huwa konċentrazzjoni ta’ bijodiversità li wieħed jista’ jirrikorri lejha biex jirripopola u jagħti l-ħajja mill-ġdid lil ambjenti degradati u jġib bidla kbira fl-iżvilupp tal-IE. Dan se jgħin ukoll biex titnaqqas il-frammentazzjoni tal-ekosistema, tittejjeb il-konnettività bejn is-siti fin-netwerk Natura 2000 u hekk jinkisbu l-objettivi tal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats[36].

3.           L-iżvilupp ta’ strateġija tal-UE favur infrastruttura ekoloġika

Kif muri fit-taqsimiet preċedenti, l-IE tista’ tagħti kontribut importanti biex jintlaħqu għadd ta’ objettivi ta’ politika ewlenin tal-UE. Din it-taqsima tħares lejn x’hemm bżonn isir biex ikun inkoraġġit l-iżvilupp tal-IE u x’għandu jsir fil-livell tal-UE.

Id-dimensjoni tal-UE — kwistjonijiet ta’ skala u ta’ politika

L-iżvilupp tal-Industrija Ekoloġika fl-UE jinsab f’salib it-toroq. Matul l-aħħar 20 sena twettqu aktar u aktar proġetti tal-IE u teżisti minjiera ta’ esperjenzi li turi li l-approċċ huwa flessibbli, sod u kosteffiċjenti. Il-proġetti tal-IE jitwettqu fuq skala lokali, reġjonali, nazzjonali jew transfruntier. Madankollu, sabiex jitjieb il-funzjonament tal-IE u biex jittieħed l-akbar ammont ta’ benefiċċji minnha, il-ħidma fi skali differenti tal-IE għandha tkun interkonnessa u interdipendenti. Dan ifisser li l-benefiċċji jittejbu b’mod sinifikanti meta fl-iskali differenti jinkiseb grad minimu ta’ konsistenza u koerenza. Jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni fil-livell tal-UE, se jkun hemm biss ftit inizjattivi indipendenti li ma jirnexxilhomx iħaddmu l-potenzjal sħiħ tagħhom b’mod li jirrestawraw il-kapital naturali u jnaqqsu l-ispejjeż tal-infrastruttura tqila[37]. Din hija r-raġuni għaliex il-partijiet interessati jixtiequ impenn ċar u fit-tul mill-UE għall-iżvilupp u l-mobilizzazzjoni tal-IE.

L-integrazzjoni tal-IE f’oqsma importanti ta’ politika

Kif stabbilit fit-Taqsima 2, l-IE tista’ tagħti kontribut sinifikanti fl-oqsma tal-iżvilupp reġjonali, it-tibdil fil-klima, l-immaniġġjar tar-riskji ta’ diżastru, l-agrikoltura/il-foresterija u l-ambjent. F’ħafna każijiet, il-kontribut li tista’ tagħti l-IE diġà hu rikonoxxut. Dak li jeħtiġilna llum huwa li jiġi żgurat li din issir parti standard mill-ippjanar spazjali u mill-iżvilupp territorjali li tkun integrata għalkollox fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki. Biex il-potenzjal kollu tal-Infrastruttura Ekoloġika jkun realizzat fil-perjodu ta’ żmien tal-pakkett baġitarju li jmiss (2014-2020), il-modalitajiet biex jintuża jridu jkunu stabbiliti malajr kemm jista’ jkun sabiex tkun faċilitata l-integrazzjoni tagħha fi proġetti ffinanzjati bil-mekkaniżmi ta’ finanzjament adegwati, bħal pereżempju l-Politika Agrikola Komuni, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, l-Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd u l-Istrument Finanzjarju għall-Ambjent (LIFE).

Il-ħtieġa għal dejta konsistenti u affidabbli

Dejta konsistenti u affidabbli hija essenzjali għall-mobilizzazzjoni effettiva tal-IE. Hemm bżonn ta’ informazzjoni dwar x’ekosistemi hemm u dwar il-kundizzjoni tagħhom, dwar is-servizzi li jipprovdu u l-valur ta’ dawn is-servizzi[38], hekk li s-servizzi tal-ekosistema jkunu vvalutati b’mod korrett u mbagħad ipprezzati meta jkun il-każ, biex ikunu promossi soluzzjonijiet tal-IE fl-ippjanar spazjali u fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet b’rabta mal-infrastruttura. Filwaqt li huwa ċar li ħafna deċiżjonijiet rigward il-proġetti tal-IE se jittieħdu fil-livell lokali, nazzjonali u reġjonali, għandu jiġi inkoraġġit livell minimu ta’ konsistenza b’rabta mad-dejta użata biex twassal l-informazzjoni għal dawn id-deċiżjonijiet, b’mod partikulari għal proġetti appoġġjati minn fondi tal-UE.

Għalkemm fil-preżent hemm ħafna dejta, f’ħafna mill-każijiet din ma tkunx ġiet iġġenerata jew evalwata b’mod konsistenti jew ikkoordinat. Fil-kuntest tal-Istrateġija tal-UE favur il-Bijodiveristà, flimkien mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, entitajiet u aġenziji oħra tar-riċerka, l-Istati Membri u l-partijiet interessati, il-Kummissjoni qed taħdem biex tiżgura l-użu l-aktar użu effiċjenti ta’ dejta minn azzjonijiet li hemm fil-preżent u minn dawk li hemm ippjanati. Din il-ħidma se tkompli fil-ġejjieni iżda idealment tissaħħaħ u l-kontribut tal-komunità xjentifika jrid ikun iktar qawwi. L-UE għandha rwol sinifikanti x’taqdi f’dan il-proċess, b’mod partikulari billi toffri appoġġ finanzjarju għal programmi li jindirizzaw dan il-vojt fl-għarfien, bħalma huma l-inizjattiva Orizzont 2020 u l-Fondi Strutturali u dawk ta’ Investiment Ewropej.

Intejbu l-bażi tal-għarfien u ninkoraġġixxu l-innovazzjoni

Il-fehim tagħna ta’ kwistjonijiet tekniċi assoċjati mal-mobilizzazzjoni tal-IE żviluppa b’mod konsiderevoli f’dawn l-aħħar snin. Madankollu, hemm bżonn ta’ aktar riċerka biex nifhmu iktar ir-rabta bejn il-bijodiversità (l-ispeċi/il-ħabitats) u l-kundizzjoni tal-ekosistema (il-vitalità, ir-reżiljenza u l-produttività) u bejn il-kundizzjoni tal-ekosistema u l-kapaċità tagħha li tagħti servizzi tal-ekosistema. Biex jintrifed l-iżvilupp tal-ġejjieni tal-IE ikun utli ferm li ssir aktar analiżi fil-mod kif jiġu evalwati s-servizzi tal-ekosistema, b'mod partikulari l-benefiċċji għas-soċjetà, għas-saħħa, għas-sigurtà/għar-reżiljenza mis-soluzzjonijiet tal-IE. L-investimenti fir-riċerka applikata biex jiġu ttestjati u applikati b’mod innovattiv is-soluzzjonijiet tal-IE għandhom jiġu inkoraġġiti wkoll.

Il-potenzjal tal-IE biex tipprovdi soluzzjonijiet kosteffikaċi se jkompli jikber permezz tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji u proċessi adegwati, b’mod partikulari fir-rigward tat-trasport, l-enerġija, l-agrikoltura, it-tfassil u l-funzjonament tal-bliet tagħna, u l-ispinta li tingħata lill-bijoekonomija[39]. Fil-bliet, il-bini “intelliġenti” u l-bini b’użu effiċjenti tar-riżorsi, li jinkorpora karatteristiki ekoloġiċi bħal bjut u ħitan ekoloġiċi u magħmul b’materjali ġodda, jistgħu jipprovdu benefiċċji ambjentali, soċjali u ta’ saħħa[40]. Flimkien mat-teknoloġija, in-nies li jaħdmu fl-IE jeħtieġ jiksbu l-ħiliet u l-kompetenzi neċessarji b’mod li jkun possibbli għalihom li jimxu għal approċċ innovattiv. Biex jiġi assigurat li hemm forza tax-xogħol imħarrġa sew fuq medda medja ta’ żmien, huwa importanti li n-nuqqas ta’ ħiliet jiġi indirizzat billi l-persunal li hu diġà tas-sengħa jingħata taħriġ mill-ġdid u jibqa' jiġi edukat fl-oqsma rilevanti.

Fil-livell tal-UE, l-Orizzont 2020 u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali huma sorsi potenzjali ta’ appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-IE.

L-għoti ta’ appoġġ finanzjarju għal proġetti tal-IE

L-integrazzjoni tal-IE fl-implimentazzjoni tal-politika f’setturi ewlenin għandha tiżgura l-appoġġ mill-mekkaniżmi ta’ finanzjament assoċjati biex tiġi promossa l-mobilizzazzjoni tal-IE fl-UE. Is-settur privat ukoll għandu rwol x’jaqdi rigward l-investiment fl-IE. Madankollu, il-proġetti tal-IE huma kumplessi u inevitabbilment riskjużi, b’mod partikulari fl-istadji bikrin tal-iżvilupp. L-UE trid tnaqqas ir-riskji permezz ta’ strumenti finanzjarji (bħal prattiki dwar kif jinqasam ir-riskju) u billi tilħaq ftehim ma’ bosta sħab dwar fondi pubbliċi u privati. L-investituri potenzjali (l-awtoritajiet tal-komun, tar-reġjun, l-iżviluppaturi privati) ukoll jeħtieġu assistenza teknika biex jiżviluppaw proġetti tal-IE[41]. Il-Kummissjoni u l-BEI qed iqisu għadd ta’ possibbiltajiet biex jistabbilixxu faċilità ta’ finanzjament li tappoġġja l-investimenti relatati mal-bijodiversità, inklużi proġetti tal-IE.

Proġetti tal-IE fil-livell tal-UE

Ħafna karatteristiki ġeografiċi, bħar-reġjuni muntanjużi (l-Alpi, il-Pirinej, il-Karpazji), il-baċiri idrografiċi (ir-Rhine, id-Danubju) u l-foresti (il-Foresti Fennoskandinavi), imorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u huma parti mill-wirt naturali u kulturali u mill-identità li tqarreb il-pajjiżi tal-UE. Dawn jirrikjedu azzjonijiet koordinati u konġunti, kif ukoll viżjoni pan-Ewropea. Sal-lum hemm inizjattivi infrastrutturali fuq skala kbira li ġew allokati għat-trasport, l-enerġija u l-ICT[42]. L-iżvilupp ta’ strument ekwivalenti, l-assi prijoritarji trans-Ewropej għall-IE fl-Ewropa, it-TEN-G (imsejjes fuq netwerks trans-Ewropej fis-setturi tal-infrastruttura griża), ikollu benefiċċji sinifikanti biex jiżgura r-reżiljenza u l-vitalità ta’ wħud mill-aktar ekosistemi ikoniċi, li minnhom ikomplu joħorġu benefiċċji soċjali u ekonomiċi. Inizjattivi bħal dawn iservu wkoll bħala inizjattivi ewlenin li jkunu jistgħu jservu bħala eżempji fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u jsaħħu l-importanza tal-iżvilupp ta’ IE trans-Ewropea fil-politika, fl-ippjanar u fid-deċiżjonijiet ta’ finanzjament. L-Istati Membri u r-reġjuni huma mħeġġa jaħtfu l-opportunitajiet biex jiżviluppaw IE f’kuntest transfruntier/transnazzjonali permezz ta’ strateġiji makroreġjonali appoġġjati mill-FEŻR[43] u minn programmi ta’ koperazzjoni territorjali Ewropej[44].

Kaxxa 7: Proġetti tal-IE fil-livell tal-UE. L-inizjattiva Ewropea “Green Belt” hija netwerk ekoloġiku li jkopri mill-Baħar Barents sal-Baħar l-Iswed. L-għan tagħha huwa li jiġu armonizzati aħjar l-attivitajiet tal-bniedem mal-ambjent naturali u li jiżdiedu l-opportunitajiet għall-iżvilupp soċjoekonomiku tal-komunitajiet lokali. L-inizjattiva toħloq rabtiet bejn il-parks nazzjonali, il-parks naturali, ir-riżervi bijosferiċi, iż-żoni protetti transfruntieri u ż-żoni mhux protetti matul il-fruntieri jew bejn waħda u oħra.. Hija tappoġġja inizjattivi marbuta mal-iżvilupp reġjonali bbażati fuq il-konservazzjoni tan-natura. Tieħu wieħed mill-aktar ostakli li firduna fl-istorja tal-bniedem (il-purtiera tal-ħadid) u tittrasformah f’simbolu ta’ rikonċiljazzjoni u koperazzjoni transfruntiera billi tikkonserva u tipproteġi wħud mill-aktar pajsaġġi impressjonanti u fraġli.

4.           l-istrateġija tal-UE għall-promozzjoni tal-infrastruttura ekoloġika

Il-Kummissjoni hija impenjata li tiżviluppa Strateġija tal-UE favur l-IE li tgħin biex tikkonserva u ssaħħaħ il-kapital naturali tagħna u biex jinkisbu l-objettivi tal-Ewropa 2020. Abbażi tal-konsiderazzjonijiet stabbiliti hawn fuq dwar il-benefiċċji potenzjali tal-IE u r-rwol li jista’ jkollha l-UE fl-iżvilupp tagħha, il-Kummissjoni taħseb li l-istrateġija għandha tieħu l-forma ta’ qafas li jipprovdi għadd ta’ sinjali ta’ politika kkumbinati ma’ azzjonijiet tekniċi jew xjentifiċi. F’dan l-istadju, hi taħseb li l-istrateġija tista’ tiġi implimentata fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni eżistenti, l-istrumenti tal-politika u l-mekkaniżmi ta’ finanzjament. Ikun fiha l-elementi stabbiliti hawn taħt.

Il-promozzjoni tal-IE fl-oqsma ewlenin ta’ politika

Il-koeżjoni reġjonali, it-tibdil fil-klima u l-politiki ambjentali, l-immaniġġjar tar-riskju ta’ diżastri, il-politika dwar is-saħħa u l-konsumatur u l-Politika Agrikola Komuni, inklużi l-mekkaniżmi ta’ finanzjament assoċjati tagħhom, se jkunu l-oqsma prinċipali tal-politika li permezz tagħhom se tiġi promossa l-Infrastruttura Ekoloġika. Sa tmiem l-2013, il-Kummissjoni se tiżviluppa gwida teknika li tispjega fid-dettall kif l-Infrastruttura Ekoloġika se tkun integrata fl-implimentazzjoni ta' dawn il-politiki mill-2014 sal-2020. Fil-kuntest ta' dawn l-oqsma ewlenin ta' politika, se jittieħed iż-żmien biex jiżdied l-għarfien tal-IE fost il-gruppi ta' partijiet interessati u biex tiġi promossa l-aqwa prassi, inkluż biex tiġi żviluppata pjattaforma tal-IT apposta għall-iskambjar tal-informazzjoni.

Hija se tikkunsidra wkoll kif l-innovazzjoni marbuta mal-IE tista’ tiġi ffinanzjata permezz ta’ għadd ta’ strumenti oħra tal-UE bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Fil-politika tat-TEN-T, pereżempju, l-Infrastruttura Ekoloġika bħala parti integrali mill-proġetti tista’ tiġi promossa fil-qafas tal-metodu tal-“kuritur" li hemm propost.

It-titjib tal-informazzjoni, it-tisħiħ tal-bażi tal-għarfien u l-promozzjoni tal-innovazzjoni

Filwaqt li tkompli għaddejja bix-xogħol tal-immappjar u ta’ valutazzjoni fil-kuntest tal-Istrateġija tal-UE favur il-Bijodiveristà, sal-2015 il-Kummissjoni se tirrevedi l-firxa u l-kwalità tad-dejta spazjali u teknika disponibbli għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet b’rabta mal-mobilizzazzjoni tal-IE. Ir-rieżami se jħares ukoll lejn kif l-arranġamenti attwali li jirregolaw il-ġenerazzjoni, l-analiżi u t-tixrid ta’ din l-informazzjoni jistgħu jittejbu, b’mod partikulari permezz ta’ użu aħjar ta’ faċilitajiet għall-iskambjar tal-informazzjoni.

Sal-2013, il-Kummissjoni se tanalizza l-ħtieġa u l-opportunitajiet fil-kuntest tal-Orizzont 2020 biex issostni, b'mod metodoloġiku, ix-xogħol tal-immappjar u ta’ valutazzjoni li hemm għaddej, ittejjeb il-bażi tal-għarfien u tiżviluppa u tinkoraġġixxi t-teknoloġiji u approċċi innovattivi biex jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-IE. Se tanalizza wkoll il-kontribut li l-istandards tekniċi, b’mod partikulari dawk dwar il-moduli fiżiċi u l-proċeduri, jistgħu jagħtu biex jitkabbar is-suq għall-prodotti ispirati mill-IE.

It-titjib fl-aċċess għall-finanzi

Il-Kummissjoni se tkompli tesplora l-opportunitajiet biex jitwaqqfu mekkaniżmi innovattivi ta’ finanzjament biex issostni l-IE. Flimkien mal-BEI se timpenja ruħha biex sal-2014 tistabbilixxi faċilità ta' finanzjament mill-UE biex issostni lil dawk li jkunu qed jippruvaw jiżviluppaw proġetti tal-IE.

Proġetti tal-IE fil-livell tal-UE

Sa tmiem l-2015, il-Kummissjoni se twettaq studju biex teżamina l-opportunitajiet biex tiġi żviluppata l-inizjattiva TEN-G tal-UE. L-istudju se jinkludi valutazzjoni tal-kosti u l-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’ inizjattiva bħal din.

5.           Konklużjonijiet

L-Infrastruttura Ekoloġika tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti lejn il-kisba ta’ bosta objettivi ewlenin ta’ politika tal-UE. L-aħjar mod biex l-UE tippromwovi l-iżvilupp tal-IE huwa billi jinħoloq qafas li jiffaċilita u jinkoraġġixxi proġetti tal-IE fi ħdan l-istrumenti legali, ta’ politika, u dawk finanzjarji eżistenti. L-Istati Membri huma mħeġġa jibnu fuq dawn l-opportunitajiet sabiex jagħtu spinta lill-implimetazzjoni tal-IE u jisfruttaw il-benefiċċji tagħha għal żvilupp sostenibbli. Dan id-dokument jispjega r-raġunijiet wara l-promozzjoni tal-IE u jiddeskrivi l-karatteristiki tal-istrateġija futura tal-UE. Sal-aħħar tal-2017, il-Kummissjoni se tirrevedi l-progress dwar l-iżvilupp tal-IE u se tippubblika rapport fuq dak li nkunu tgħallimna mill-esperjenza flimkien mar-rakkomandazzjonijiet għal azzjoni fil-ġejjieni.

[1]               COM(2012) 710 final, Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna”.

[2]               COM(2011) 571, ĠU C 37, 10.2.2012.

[3]               COM(2010) 2020, ĠU C 88, 19.3.2011.

[4]               COM(2011) 244, ĠU C 264, 8.9.2011.

[5]               Fil-konklużjonijiet rigward l-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità, il-Kunsill tal-Ambjent (06/11) “jisħaq dwar l-importanza tal-Infrastruttura Ekoloġika anki bħala kontribut biex il-kunsiderazzjonijiet dwar il-bijodiversità jkomplu jiġu integrati f’politiki oħra tal-UE; u hu sodisfatt bl-impenn tal-Kummissjoni biex tiżviluppa Strateġija għall-Infrastruttura Ekoloġika sal-2012”. Il-Parlament Ewropew (05/12) “iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta Strateġija għall-Infrastruttura Ekoloġika sa mhux aktar tard mill-2012, bil-ħarsien tal-bijodiversità bħala l-objettiv primarju”.

[6]               Tagħrif tekniku aktar dettaljat dwar l-Infrastruttura Ekoloġika tista’ ssibha f’Dokument ta’ Ħidma tas-Servizzi tal-Kummissjoni adottat fl-istess żmien meta ħarġet din il-Komunikazzjoni SWD(2013) 155 final.

[7]               Infrastruttura ekoloġika u koeżjoni territorjali. L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (2011). Rapport tekniku Nru 18/2011.Ara wkoll

http://ec.europa.eu/environment/nature/ecosystems/docs/Green_Infrastructure.pdf

[8]               Nellemann, C., Corcoran, E. (eds) 2010. Dead Planet, Living Planet — Biodiversity and ecosystem restoration for sustainable development. A rapid response Assessment. UNEP, GRID-Arendal.

[9]               COM(2011) 612 finali/2.

[10]             COM(2011) 614 finali.

[11]             COM(2011) 17 finali, Politika reġjonali li tikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa 2020. Dokument ta’ Ħidma tas-Servizzi tal-Kummissjoni, SEC(2011) 92 finali.

[12]             Norbtu t-tkabbir intelliġenti ma’ dak sostenibbli permezz tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti. Il-Kummissjoni Ewropea 2012.

[13]             Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea 2020. Lejn Ewropa inklużiva, intelliġenti u sostenibbli ta’ Reġjuni differenti. Laqgħa ministerjali informali tal-ministri responsabbli għall-ippjanar tal-ispazji u l-iżvilupp territorjali. Id-19 ta’ Mejju 2011, l-Ungerija.

[14]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar Strateġija Tematika dwar l-ambjent urban. COM(2005) 718 finali.

[15]             Rapporti, studji u dokumenti ta’ analiżi sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea — http://ec.europa.eu/environment/nature/ecosystems/studies.htm.

[16]             Ara eżempji klassiċi ta’ IE li toħloq l-impjiegi fit-Tabella Nru 2 tad-Dokument ta’ Ħidma tas-Servizzi tal-Kummissjoni (REF)(SWD (2013) 155 finali).

[17]             SWD(2012)101 final/2, p. 13.

[18]             COM(2013) 216 finali, L-istrateġija tal-UE fuq l-Adattazzjoni għat-Tibdil tal-Klima.

[19]             L-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija

[20]             ĠU L 1, 4.1.2003, p. 65.

[21]             Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, COM(2009) 82 final.

[22]             COM(2012) 710 finali.

[23]             L-Aġenzija Ewropea tal-Ambjent, Ir-Rapport dwar il-Qagħda tal-Ambjent 2010. http://www.eea.europa.eu/soer.

[24]             L-implimentazzjoni tal-istrateġija tematika dwar il-ħamrija u l-attivitajiet li għaddejjin bħalissa. Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. COM(2012) 46 final.

[25]             COM(2011) 625 final/2.

[26]             Pjan għas-salvagwardja tar-riżorsi tal-ilma tal-Ewropa. Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. COM(2012) 673 finali.

[27]             L-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità (TEEB). L-eżempji ta’ Vjenna, New York, Philadelphia, Vittel, http://www.teebweb.org/.

[28]             ĠU L 330, 5.12.98, p. 32.

[29]             ĠU L 372, 27.12.2006, p. 19.

[30]             Artijiet Mistagħdra Mibnija Integrati (Integrated Constructed Wetlands, ICW), eżempju ta’ IE, jista’ tgħin biex jintlaħqu l-objettivi ta’ politika tal-UE għat-trattament tad-drenaġġ u l-protezzjoni tal-ilma għall-għawm.

[31]             COM(2013) 133 finali.

[32]             http://www.thebluecarbonproject.com/the-problem-2/.

[33]             ĠU L 206, 22.7.92, p. 7.

[34]             ĠU L 103, 25.4.79, p. 1.

[35]             http://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/financing/index_en.htm

[36]             http://ec.europa.eu/environment/nature/ecosystems/docs/adaptation_fragmentation_guidelines.pdf.

[37]             http://ec.europa.eu/environment/nature/ecosystems/studies.htm#design.

[38]             Xogħol metodoloġiku dwar l-immappjar u l-valutazzjoni tal-ekosistemi u s-servizzi tagħhom isir permezz l-azzjoni 5 tal-Istrateġija favur il-Bijodiversità (MAES). Tali informazzjoni madankollu tkun tista’ tintuża wkoll għal kunsiderazzjonijiet b’rabta mal-IE (ara l-eżempji fuq http://ec.europa.eu/environment/nature/ecosystems/index_en.htm). Fil-kuntest ta’ politika dwar it-tibdil fil-klima, l-Unjoni dan l-aħħar għaddiet leġiżlazzjoni li tarmonizza l-metodi ta’ kontabilità tal-gassijiet serra fis-settur tal-LULUCF, u tistabbilixxi pjan ta’ direzzjoni biex jitjiebu u jiġu estiżi s-sistemi ta’ kontabilità tal-Istati Membri. Dan se jiżgura li tkun disponibbli dejta konsistenti, mill-Unjoni kollha, dwar ir-rendiment ta’ gassijiet serra minn ekosistemi (immaniġjati): Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli tal-kontabilità u l-pjanijiet ta' azzjoni dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra li jirriżultaw mill-attivitajiet relatati mal-użu tal-art, mat-tibdil fl-użu tal-art u mal-forestrija.

[39]             COM(2012) 60 finali.

[40]             Norbtu t-tkabbir intelliġenti ma’ dak sostenibbli permezz tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti. Il-Kummissjoni Ewropea 2012.

[41]             http://ec.europa.eu/environment/enveco/biodiversity/pdf/BD_Finance_summary-300312.pdf.

[42]             COM(2011) 676 finali, COM(2011) 665 final.

[43]             L-Istrateġija għall-Baħar Baltiku u l-Istrateġija għad-Danubju.

[44]             http://ec.europa.eu/regional_policy/cooperate/cooperation/index_en.cfm.

Top