EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1210

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1210/2011 tat- 23 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1031/2010, b’mod partikolari, sabiex jiġi stabbilit il-volum ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li għandhom jiġu rkantati qabel l-2013 Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 308, 24.11.2011, p. 2–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/12/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R2830

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1210/oj

24.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/2


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1210/2011

tat-23 ta’ Novembru 2011

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1031/2010, b’mod partikolari, sabiex jiġi stabbilit il-volum ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li għandhom jiġu rkantati qabel l-2013

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabilixxi skema għall-iskambju [negozjar] ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 3d(3) u 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 tat-12 ta’ Novembru 2010 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta’ rkantar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (2) jipprevedi d-determinazzjoni tal-volumi ta’ kwalunkwe kwoti li għandhom jiġu rkantati fl-2011 u fl-2012 hekk kif ikun prattikabbli wara l-adozzjoni tiegħu. Il-volumi stabbiliti b’dan il-mod għandhom jiġu elenkati f’Anness għal dak ir-Regolament L-aktar għan importanti fl-ispeċifikazzjoni tal-volum huwa li tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mit-tieni għat-tielet perjodu ta’ negozjar tal-Iskema tal-Unjoni għan-Negozjar tal-Emissjonijiet li ssaħħaħ il-funzjonament xieraq tas-suq sekondarju.

(2)

Meta jiġu stabbiliti l-volumi li għandhom jiġu rkantati fl-2011 u fl-2012, għandhom jitqiesu b’mod xieraq il-fatturi li jiddeterminaw id-domanda għal kwoti u l-provvista tagħhom, b’mod partikolari l-ħtiġijiet tal-hedging għall-konformità fis-snin bikrin tat-tielet perjodu ta’ negozjar, b’mod partikolari mis-settur tal-enerġija; il-volum ta’ kwoti validi għat-tieni perjodu ta’ negozjar mhux meħtieġa għall-konformità fil-perjodu msemmi ta’ negozjar u li, fil-biċċa l-kbira, jinżamm mis-setturi industrijali; is-sehem ta’ dawk il-kwoti li nbiegħ jew li x’aktarx jinbiegħ fis-suq matul it-tieni perjodu ta’ negozjar; il-volum ta’ tnaqqis iċċertifikat tal-emissjonijiet u l-unitajiet ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet li jirriżultaw mill-proġetti ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet skont il-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif jew skont id-dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni Konġunta disponibbli għall-hedging jew għal ċessjoni minn operaturi koperti mill-Iskema tal-Unjoni għan-Negozjar tal-Emissjonijiet; u l-monetizzazzjoni tal-kwoti mir-riżerva ta’ min jidħol ġdid għat-tielet perjodu ta’ negozjar bħala appoġġ għal proġetti ta’ dimostrazzjoni tal-qbid u ħżin tal-karbonju u t-teknoloġiji innovattivi tal-enerġija rinnovabbli (NER300) skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/670/EU tat-3 ta’ Novembru 2010 li tistabbilixxi l-kriterji u l-miżuri għall-finanzjament ta’ proġetti kummerċjali ta’ dimostrazzjoni li l-għan tagħhom huwa l-qbid u l-ħżin ġeoloġiku ta’ CO2, f’kundizzjonijiet ta’ sigurtà għall-ambjent, kif ukoll ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi ta’ enerġija rinnovabbli, fl-ambitu tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Għalkemm dawn il-fatturi kollha huma soġġetti għal gradi differenti ta’ inċertezza, huwa importanti li l-volum li għandu jiġi rkantat fl-2012 jiġi stabbilit f’waqtu.

(3)

Il-valutazzjoni bbażata fuq dawk il-fatturi tikkonkludi li fl-2011 ma għandha tiġi rkantata ebda kwota valida għat-tielet perjodu ta’ negozjar.

(4)

Il-kalendarji tal-irkant għall-irkantar tal-kwoti fl-2012 għandhom jiġu stabbiliti b’tali mod li jillimitaw l-impatt tal-irkantijiet fuq il-funzjonament tas-suq sekondarju, waqt li jiżguraw li l-irkantijiet jkunu kbar biżżejjed biex jattiraw parteċipazzjoni suffiċjenti. Għandu jkun hemm tranżizzjoni bla xkiel mill-irkantar fuq pjattaformi tranżizzjonali tal-irkant għall-irkantar fuq pjattaformi tal-irkant li jiwettqu aktar ‘il quddiem. Barra minn hekk, l-aġġustament ta’ kalendarju tal-irkant ippubblikat jista’ jkun iġġustifikat f’ċerti sitwazzjonijiet addizzjonali speċifikati b’mod preċiż.

(5)

Peress li l-konsenja ta’ kwoti li għandhon jiġu rkantati hija mistennija li titwettaq fil-ħin, mhemmx il-ħtieġa ta’ rkantar tranżizzjonali ta’ forwards u futuri. Madankollu, l-akkwist ta’ pjattaforma tranżizzjonali tal-irkant jibqa’ mixtieq sabiex jiġi mitigat ir-riskju li jinsab fl-akkwist ta’ pjattaformi tal-irkant li għalihom japplika bis-sħiħ ir-Regolament. Fid-dawl tal-importanza tal-applikazzjoni sħiħa tar-Regolament, il-pjattaformi tranżizzjonali tal-irkant għandhom iwettqu irkant mhux iktar fit-tul milli huwa meħtieġ. Il-ħatra ta’ pjattaforma tranżizzjonali tal-irkant għandha tiġi ffaċilitata billi jiġu imposti inqas rekwiżiti fuq it-twettiq tal-irkantijiet tiegħu, kif kien diġà previst għall-irkantar tal-forwards u l-futuri. B’dan il-mod, is-servizzi li għandhom jiġu rkantati jistgħu jibqgħu aktar allinjati mas-servizzi diġà eżistenti fuq is-suq. Flimkien ma’ dan, l-applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali li jittrasponu t-Titolu III tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) għall-irkantijiet imwettqa minn pjattaforma tranżizzjonali tal-irkant mhijiex indispensabbli. Bl-istess mod, ikun sproporzjonat li jkun meħteġ aġġornament tal-awtorizzazzjoni ta’ pjattaforma tranżizzjonali tal-irkant skont ir-rekwiżiti tar-Regolament tal-Irkantar. Madankollu, sabiex tiġi żgurata sorveljanza effikaċi tas-suq, id-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament li huma relatati mal-projbizzjoni tal-abbuż tas-suq għandhom japplikaw għall-irkantijiet imwettqa fuq pjattaforma tranżizzjonali tal-irkant hekk kif l-Istat Membru konċernat ikun implimenta d-dispożizzjonijiet rilevanti fil-liġi nazzjonali. Dan jinkoraġġixxi kundizzjonijiet indaqs bejn il-pjattaformi kandidati tal-irkant mingħajr ma jippermetti li l-bidu tal-irkantijiet isir dipendenti fuq tali implimentazzjoni. Dan japplika għall-pjattaforma tranżizzjonali tal-irkant li għandha tiġi akkwistata permezz ta’ proċedura konġunta ta’ akkwist, kif ukoll għall-pjattaformi tranżizzjonali tal-irkant li għandhom jiġu maħtura minn Stati Membri li ma jingħaqdux fl-azzjoni konġunta u jaħtru l-pjattaforma tal-irkant tagħhom stess.

(6)

Mhuwiex meħtieġ li s-sehem tal-ispejjeż tas-sorveljatur tal-irkant attribwibbli għal servizzi akkwistati mill-Kummissjoni jiġi distribwit fuq l-għadd ta’ pjattaformi tal-irkant.

(7)

Għat-tħejjija u t-twettiq effiċjenti u adegwat tal-proċedura ta’ akkwist konġunt sabiex tinħatar pjattaforma ta’ rkant komuni, huwa mixtieq li jkun hemm ċarezza f’waqtha fuq il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri f’dik l-azzjoni konġunta. Għaldaqstant, f’ċerti sitwazzjonijiet, għandu jkun possibbli li Stat Membru li jibda jagħmel użu minn pjattaforma komuni tal-irkant aktar ‘il quddiem, iġarrab l-ispejjeż attribwibbli għas-servizzi provduti minn pjattaforma tal-irkant li mhumiex mġarrba minn Stati li Membri li kienu qed jipparteċipaw fl-azzjoni konġunta mill-bidu.

(8)

Il-ħatra ta’ rkantaturi u tas-sorveljatur tal-irkant hija ta’ importanza kruċjali għat-twettiq kif suppost tal-irkantijiet u ġeneralment ma jkunx possibbli li jitwettqu irkantijiet mingħajr il-konklużjoni u d-dħul fis-seħħ ta’ arranġamenti bejn l-irkantaturi u s-sorveljatur tal-irkant fuq naħa u l-irkantijiet tal-pjattaformi tal-irkant fuq oħra. Dawn l-irkantijiet għandhom jiġu implimentati kif suppost, iżda n-nuqqas ta’ implimentazzjoni, jew tilwim dwar l-implimentazzjoni, ma għandhom, fl-ebda sitwazzjoni, iwasslu sabiex jinżammu kwoti mill-irkantijiet.

(9)

Is-sorveljatur tal-irkant għandu jiġi maħtur wara proċedura ta’ akkwist konġunt bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Minkejja li huwa previst li l-Istati Membri kollha jipparteċipaw f’din l-azzjoni konġunta mill-bidu, huwa xieraq li jiġu pprovduti regoli f’każ fejn Stat Membru jingħaqad biss aktar ‘il quddiem. Minbarra dan, Stati Membri li ddeċiedew li jaħtru pjattaforma tal-irkant tagħhom stess għandu jkollhom il-possibbiltà li jingħaqdu fl-azzjoni konġunta għall-fini unika li jagħmlu użu minn pjattaforma komuni tal-irkant fin-nuqqas ta’ elenkar tal-pjattaforma tal-irkant tagħhom stess, mingħajr ħsara għall-istatus tagħhom ta’ osservatur f’dik l-azzjoni konġunta.

(10)

Ir-riskju ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata permezz ta’ rtirar ta’ offerta għandu jiġi mitigat. Fejn ma tkunx koperta tali mġiba mid-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti fir-Regolament tal-Irkantar.

(11)

Għadd limitat ta’ kjarifiki u korrezzjonijiet tekniċi għar-Regolament tal-Irkantar għandu jkun previst f’dan l-emendament.

(12)

Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 1031/2010 għandu jiġi emendat kif xieraq.

(13)

Sabiex ikunu żgurati rkantijiet prevedibbli u f’waqthom, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza.

(14)

Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-emendi għar-Regolament (UE) Nru 1031/2010

Ir-Regolament (UE) Nru 1031/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-Punt (f) tal-Artikolu 3(43) jinbidel b’dan li ġej:

“(f)

l-istess bħal fil-punt 20(b) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE għall-finijiet tal-Artikolu 28(4) u (5), l-Artikolu 35(4), (5) u (6) u l-Artikolu 42(1) ta’ dan ir-Regolament;”

(2)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-Paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Kull Stat Membru għandu jirkanta kwoti fl-għamla ta’ spot ta’ jumejn jew ta’ futuri ta’ ħamest ijiem.”

(b)

Il-paragrafu 3 huwa mħassar.

(3)

It-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 6(1) jinbidlu b’dan li ġej:

“Lott wieħed irkantat minn pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) jew l-Artikolu 30(1) għandu jkun ta’ 500 kwota.

Lott wieħed irkantat minn pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(2) jew l-Artikolu 30(2) għandu jkun ta’ 500 jew 1 000 kwota.”

(4)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(4) jinbidel b’dan li ġej:

“4.   Mis-sitt irkant jew qabel, il-pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) jew (2) għandha twettaq irkantijiet ta’ kwoti koperti mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE mill-inqas fuq bażi ta’ darba fil-ġimgħa, u rkantijiet ta’ kwoti koperti mill-Kapitolu II tad-Direttiva 2003/87/KE mill-inqas fuq bażi ta’ darba kull xahrejn, bl-eċċezzjoni tal-2012, fejn il-pjattaformi tal-irkant ikkonċernati għandhom iwettqu rkantijiet ta’ kwoti koperti mill-Kapitolu III ta’ dik id-Direttiva fuq bażi ta’ darba fix-xahar mill-inqas.”

(5)

L-Artikolu 10(1) jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Għal kull Stat Membru, l-Anness I għal dan ir-Regolament jistabbilixxi l-volum ta’ kwalunkwe kwota koperta mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE li għandhom jiġu rkantati fl-2012.”

(6)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(3) jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Il-volum tal-kwoti koperti mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE li għandhom jiġu rkantati f’kull sena kalendarja mill-2013 għandu jkun ibbażat fuq l-Anness I u fuq id-determinazzjoni u l-pubblikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 10(1) ta’ dik id-Direttiva, tal-ammont stmat ta’ kwoti li għandhom jiġu rkantati jew skont l-emenda l-iktar riċenti tal-istima oriġinali tal-Kummissjoni kif ippubblikata sal-31 ta’ Jannar tas-sena ta’ qabel, billi jitqies il-livell possibbli ta’ kwalunkwe allokazzjoni tranżizzjonali b’xejn imnaqqsa jew li għandha tiġi mnaqqsa mill-kwantità ta’ kwoti li Stat Membru partikolari kieku jirkanta skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87/KE kif previst fl-Artikolu 10c(2) ta’ dik id-Direttiva.”

(7)

L-Artikolu 11(2) jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Il-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) jew (2) ta’ dan ir-Regolament għandhom jagħmlu d-determinazzjonijiet u pubblikazzjonijiet tagħhom, kif previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu skont l-Anness I u skont id-determinazzjoni u l-pubblikazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-ammont stmat tal-kwoti li għandhom jiġu rkantati jew skont l-emenda l-aktar riċenti tal-istima oriġinali tal-Kummissjoni, inkluż kwalunkwe aġġustament, imsemmija fl-Artikolu 10(3).”

(8)

Il-punti inċiżi li ġejjin jiżdiedu mal-Artikolu 14(1):

“(j)

kwalunkwe rtirar ta’ kwoti mill-irkantijiet skont l-Artikolu 22(5) jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1);

(k)

il-ħtieġa li pjattaforma tal-irkant tevita li twettaq irkant bi ksur ta’ dan ir-Regolament jew tad-Direttiva 2003/87/KE.”

(9)

L-Artikolu 16(2) u (3) jinbidlu b’dan li ġej:

“2.   Pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) għandha tiżgura li jkun hemm aċċess mill-bogħod għall-irkantijiet tagħha permezz ta’ interfaċċja elettronika aċċessibbli b’mod sigur u affidabbli permezz tal-Internet.

Barra minn hekk, pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) għandha toffri lill-offerenti l-alternattiva ta’ aċċess għall-irkantijiet tagħha permezz ta’ konnessjonijiet dedikati għall-interfaċċja elettronika.

3.   Pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) tista’ toffri mezz alternattiv wieħed jew aktar ta’ aċċess għall-irkantijiet tagħha, jekk il-mezz ewlieni ta’ aċċess ikun inaċċessibbli għal xi raġuni jew oħra, sakemm dawk il-mezzi alternattivi ta’ aċċess ikunu siguri u affidabbli u l-użu tagħhom ma jwassalx għal xi diskrimazzjoni fost l-offerenti.”

(10)

L-Artikolu 17 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 17

Taħriġ u “linja ta’ assistenza

Pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) għandha toffri modulu prattiku ta’ taħriġ ibbażat fuq l-Internet dwar il-proċess tal-irkant li tkun qed twettaq, inklużi gwida dwar kif wieħed jikkompleta u jippreżenta kwalunkwe formula, u simulazzjoni dwar kif tiġi sottomessa offerta f’irkant. Għandha wkoll tipprovdi linja ta’ assistenza aċċessibbli bit-telefown, faks u posta elettronika mill-inqas waqt il-ħin tax-xogħol ta’ kull jum ta’ negozjar.”

(11)

L-Artikolu 18(3) jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Persuni msemmija fil-paragrafu 1(b) jew (c) għandhom ikunu eliġibbli li japplikaw għall-ammissjoni biex jissottomettu offerti direttament fl-irkantijiet f’isem klijenti tagħhom meta jissottomettu offerti għal prodotti rkantati li ma jkunux strumenti finanzjarji, sakemm l-Istat Membru fejn huma stabbiliti jkun daħħal fis-seħħ leġiżlazzjoni li tippermetti lill-awtorità kompetenti nazzjonali rilevanti f’dak l-Istat Membru li tawtorizzahom li jissottomettu offerti f’isimhom jew f’isem klijenti tagħhom.”

(12)

L-Artikolu 19(1) u (2) jinbidlu b’dan li ġej:

“1.   Meta pjattaforma tal-irkant torganizza suq sekondarju, il-membri jew il-parteċipanti tas-suq sekondarju organizzat minn pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1), li jkunu persuni eliġibbli skont l-Artikolu 18(1) jew (2), għandhom ikunu ammessi jagħmlu offerti direttament fl-irkantijiet imwettqa minn dik il-pjattaforma tal-irkant mingħajr ebda rekwiżiti oħra ta’ ammissjoni, sakemm jitħarsu l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ir-rekwiżiti għal ammissjoni tal-membru jew parteċipant għal negozjar ta’ kwoti permezz tas-suq sekondarju organizzat mill-pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) ma jkunux anqas stretti minn dawk elenkati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

il-pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) tirċievi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex tivverifika l-issodisfar ta’ kwalunkwe rekwiżit imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li ma jkunx ġie vverifikat qabel.

2.   Persuni, li ma jkunux membri jew parteċipanti tas-suq sekondarju organizzat minn pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1), u li jkunu persuni eliġibbli skont l-Artikolu 18(1) jew (2), għandhom ikunu ammessi biex jagħmlu offerti direttament fl-irkantijiet imwettqa minn dik il-pjattaforma tal-irkant sakemm:

(a)

ikunu stabbiliti fl-Unjoni, operatur jew operatur tal-inġenji tal-ajru;

(b)

ikollhom kont tal-kwoti desinjat;

(c)

ikollhom kont bankarju desinjat;

(d)

jaħtru mill-inqas rappreżentant wieħed tal-offerent skont kif hemm iddefinit fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(3);

(e)

jissodisfaw lill-pjattaforma tal-irkant konċernata b’konformità mal-miżuri applikabbli ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti dwar l-identità tagħhom, l-identità tas-sidien benefiċjarji tagħhom, l-integrità u l-profil kummerċjali tagħhom u dak tan-negozjar, filwaqt li jitqiesu l-mezzi biex tkun stabbilita r-relazzjoni mal-offerent, it-tip ta’ offerent, in-natura tal-prodott irkantat, id-daqs tal-offerti prospettivi u l-mezzi għal ħlas u konsenja;

(f)

jissodisfaw lill-pjattaforma tal-irkant konċernata dwar il-qagħda finanzjarja tagħhom, b’mod partikolari li huma jkunu kapaċi jonoraw l-impenji finanzjarji tagħhom u l-obbligazzjonijiet kurrenti hekk kif isiru dovuti;

(g)

ikollhom fis-seħħ jew ikun possibbli li jkollhom fis-seħħ, meta jintalbu, il-proċessi interni, il-proċeduri u l-ftehimiet kuntrattwali meħtieġa biex iġibu fis-seħħ offerta ta’ daqs massimu imposta skont l-Artikolu 57;

(h)

jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 49(1).

Meta pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) ma torganizzax suq sekondarju, persuni li jkunu persuni eliġibbli skont l-Artikolu 18(1) jew (2), għandhom ikunu ammessi biex jagħmlu offerti direttament fl-irkantijiet imwettqa minn dik il-pjattaforma tal-irkant sakemm jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fis-subparagrafi (a) sa (h) ta’ dan il-paragrafu.”

(13)

Il-Paragrafi 1, 5, 6, 7, 9 u 10 tal-Artikolu 20 jinbidlu b’dan li ġej:

“1.   Qabel ma jissottomettu l-ewwel offerta direttament permezz ta’ kwalunkwe pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1), persuni eliġibbli skont l-Artikolu 18(1) jew (2) għandhom japplikaw lill-pjattaforma tal-irkant konċernata għal ammissjoni għal offerta.

Meta pjattaforma tal-irkant torganizza suq sekondarju, il-membri jew il-parteċipanti fis-suq sekondarju organizzat mill-pjattaforma tal-irkant konċernata li jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 19(1) għandhom jiġu ammessi biex jissottomettu offerti mingħajr ma japplikaw skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.”

“5.   Pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) tista’ tirrifjuta ammissjoni għal offerta fl-ikantijiet jekk l-applikant jirrifjuta xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

li jkun konformi mat-talbiet magħmula mill-pjattaforma tal-irkant għal informazzjoni jew kjarifika addizzjonali jew biex jissustanzja aktar l-informazzjoni mogħtija;

(b)

li jattendi stedina għal intervista magħmula mill-pjattaforma tal-irkant ta’ kwalunkwe uffiċjal tal-applikant, inkluż fil-post tan-negozju tiegħu jew banda oħra;

(c)

li jippermetti li jsiru investigazzjonijiet jew verifiki, mitluba mill-pjattaforma tal-irkant inkluż żjarat jew kontrolli fuq il-post fejn ikun jinsab in-negozju tal-applikant;

(d)

li jkun konformi mat-talbiet magħmula mill-pjattaforma tal-irkant għal kwalunkwe informazzjoni meħtieġa minn klijenti, il-klijenti tal-applikant jew mill-klijenti tal-klijenti tagħhom kif previst fl-Artikolu 18(4) sabiex tkun ivverifikata l-konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 19(3);

(e)

li jkun konformi mat-talbiet magħmula mill-pjattaforma tal-irkant għal kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 19(2).

6.   Pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) għandha tapplika l-miżuri previsti fl-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2005/60/KE fir-rigward tat-tranżazzjonijiet tagħha jew relazzjonijiet kummerċjali tagħha ma’ persuni politikament esposti irrispettivament mill-pajjiż tar-residenza tagħhom.

7.   Pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) għandha tesiġi li applikant għal ammissjoni għal offerta fl-irkantijiet tagħha jiżgura li klijenti tal-applikant ikunu konformi ma’ kwalunkwe talba magħmula skont il-paragrafu 5 u li kwalunkwe klijent tal-klijenti tal-applikant, kif previst fl-Artikolu 18(4), jagħmel l-istess.”

“9.   Applikant ma għandux jipprovdi lil ebda pjattaforma tal-irkant, maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1), informazzjoni li tkun falza jew qarrieqa. Applikant għandu jinnotifika lill-pjattaforma tal-irkant konċernata b’mod sħiħ, sinċier u minnufih dwar kwalunkwe bidla li jkun hemm fiċ-ċirkustanzi tiegħu li jistgħu jaffettwaw l-applikazzjoni tiegħu għal ammissjoni għal offerta f’irkantijiet imwettqa minn dik il-pjattaforma tal-irkant jew għal kwalunkwe ammissjoni għal offerta li tkun diġà ngħatatlu.

10.   Pjattaforma maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) għandha tiddeċiedi dwar applikazzjoni sottomessa lilha u tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-applikant bid-deċiżjoni tagħha.

Il-pjattaforma tal-irkant konċernata tista’:

(a)

tagħti ammissjoni mhux kundizzjonata għall-irkantijiet għal perjodu li ma jaqbiżx it-terminu tal-ħatra tagħha, inkluża kwalunkwe estensjoni jew tiġdid ta’ dik il-ħatra;

(b)

tagħti ammissjoni kundizzjonali għal irkantijiet għal perjodu li ma jaqbiżx it-terminu tal-ħatra tagħha, soġġett għall-issodisfar tal-kundizzjonijiet speċifikati, sa data partikolari, li għandu jkun ivverifikat kif xieraq mill-pjattaforma tal-irkant konċernata;

(c)

tirrifjuta li tagħti ammissjoni.”

(14)

Il-Paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 21 jinbidlu b’dan li ġej:

“1.   Pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) għandha tirrifjuta li tagħti ammissjoni għal offerta fl-irkantijiet tagħha, tirrevoka jew tissospendi kwalunkwe ammissjoni għal offerta diġà mogħtija lil kwalunkwe persuna li:

(a)

mhijiex jew li ma tkunx għadha eliġibbli tapplika għall-ammissjoni biex tissottometti offerti skont l-Artikolu 18(1) jew (2);

(b)

ma tissodisfax jew li ma tkunx għadha tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikoli 18, 19 u 20;

(c)

volontorjament jew ripetutament tikser dan ir-Regolament, it-termini u l-kundizzjonijiet tal-ammissjoni tagħha għal offerta fl-irkantijiet imwettqa mill-pjattaforma tal-irkant konċernata, jew istruzzjonijiet jew ftehimiet oħra relatati.

2.   Pjattaforma maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) għandha tirrifjuta li tagħti ammissjoni għal offerta fl-irkantijiet tagħha, tirrevoka jew tissospendi kwalunkwe ammissjoni għal offerta diġà mogħtija, jekk tissuspetta ħasil tal-flus, finanzjament tat-terroriżmu, attività kriminali jew abbuż mis-suq b’rabta mal-applikant, bil-kundizzjoni li jkun improbabbli li tali rifjut, revoka jew sospensjoni jfixklu l-isforzi tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jsegwu u jaqbdu l-awturi ta’ tali attivitajiet.

F’każ bħal dan il-pjattaforma tal-irkant konċernata għandha tagħmel rapport lill-unità tal-intelliġenza finanzjarja (FIU) imsemmija fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2005/60/KE skont l-Artikolu 55(2) ta’ dan ir-Regolament.

3.   Pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) tista’ tirrifjuta li tagħti ammissjoni fl-irkantijiet tagħha, tirrevoka jew tissospendi kwalunkwe ammissjoni għal offerta diġà mogħtija, lil kwalunkwe persuna:

(a)

li b’mod negliġenti tikser dan ir-Regolament, it-termini u l-kundizzjonijiet tal-ammissjoni tagħha għal offerta fl-irkantijiet imwettqa mill-pjattaforma tal-irkant konċernata, jew istruzzjonijiet jew ftehimiet oħra relatati;

(b)

li, b’mod ieħor, tkun ġabet ruħha b’mod li tagħmel ħsara lit-twettiq ordnat jew effiċjenti ta’ rkant;

(c)

li tissemma fl-Artikolu 18(1)(b) jew (c) jew l-Artikolu 18(2) u ma tkun offriet f’ebda rkant matul il-220 jum ta’ negozjar ta’ qabel.”

(15)

L-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-Paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Għall-Istati Membri li ma jkunux qed jipparteċipaw f’azzjonijiet konġunti kif previst fl-Artikolu 26(1) u (2), l-irkantatur għandu jinħatar mill-Istat Membru li qed jaħtru, f’biżżejjed żmien qabel ma jinbdew l-irkantijiet fil-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) u (2) sabiex jiġu konklużi u implimentati l-arranġamenti neċessarji ma’ dawn il-pjattaformi tal-irkant, inkluż kwalunkwe sistema tal-ikklirjar u sistema tas-saldu konnessa magħhom, sabiex jippermetti lill-irkantatur jirkanta l-kwoti f’isem l-Istat Membru li qed jaħtru f’dawn il-pjattaformi tal-irkantar skont termini u kundizzjonijiet miftiehma reċiprokament, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(7) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(8).”

(b)

Il-Paragrafu 5 jinbidel b’dan li ġej:

“5.   Il-kwoti li jiġu rkantati f’isem Stat Membru għandhom jiġu rtirati mill-irkantijiet kull meta dak l-Istat Membru ma jkollux fis-seħħ irkantatur maħtur kif suppost jew kull meta l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 2 mhumiex konklużi jew fis-seħħ.”

(16)

L-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

(a)

Jiddaħħal it-tieni u t-tielet subparagrafu fl-ewwel paragrafu:

“Mingħajr ħsara għat-tielet subparagrafu, il-kwoti li jiġu rkantati f’isem Stat Membru għandhom jiġu rtirati mill-irkantijiet kull meta dak l-Istat Membru ma jkollux fis-seħħ irkantatur maħtur kif suppost jew kull meta l-arranġamenti mas-sorveljatur tal-irkant mhumiex konklużi jew fis-seħħ.

Fejn raġunijiet ta’ force majeure jipprevjenu lis-sorveljatur tal-irkantijiet milli jwettaq, bis-sħiħ jew parzjalment, il-kompiti tiegħu fir-rigward ta’ rkant partikolari, il-pjattaforma tal-irkant konċernata tista’ tiddeċiedi li twettaq dak l-irkant bil-kundizzjoni li tieħu miżuri xierqa li jiżguraw il-monitoraġġ adegwat tal-irkant innifsu. Dak li ssemma qabel għandu japplika wkoll fejn il-ħatra tas-sorveljatur tal-irkant ġiet ittardjata sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2013, jew sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2013 fejn l-ewwel proċedura ta’ akkwist ma tirriżultax f’ħatra ta’ sorveljatur tal-irkant u tkun meħtieġa t-tieni proċedura ta’ akkwist.”

(b)

Jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Kwalunkwe Stat Membru li jingħaqad fl-azzjoni konġunta msemmija fil-paragrafu 2 wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta’ akkwist konġunt bejn l-Istati Membri parteċipanti u l-Kummissjoni għandu jaċċetta t-termini u l-kundizzjonijiet miftiehma mill-Istati Membri parteċipanti u l-Kummissjoni fil-ftehim tal-akkwist konġunt kif ukoll kwalunkwe deċiżjoni diġà adottata skont dak il-ftehim.

Wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim tal-akkwist konġunt u sa ma jingħaqad Stat Membru fl-azzjoni konġunta msemmija fil-paragrafu 2, dan jista’ jingħata status ta’ osservatur skont termini u kundizzjonijiet miftiehma fil-ftehim ta’ akkwist konġunt bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, soġġett għal kwalunkwe regola applikabbli dwar l-akkwist pubbliku.”

(17)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25(4) jinbidel b’dan li ġej:

“4.   Stat Membru li mhux qed jipparteċipa f’azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1) u (2) ta’ dan ir-Regolament imma li jagħżel li jaħtar il-pjattaforma tal-irkant tiegħu stess skont l-Artikolu 30(1) u (2) ta’ dan ir-Regolament jista’ jitlob lis-sorveljatur tal-irkant biex jipprovdi lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-pjattaforma tal-irkant konċernata, rapport tekniku dwar il-kapaċità tal-pjattaforma tal-irkant li jkun qed jipproponi jew li jkun beħsiebu jipproponi, biex iwettaq proċess tal-irkant skont ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u b’konformità mal-għanijiet stipulati fl-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2003/87/KE.”

(18)

L-Artikolu 26 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafi 1 u 2 jinbidlu b’dan li ġej:

“1.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 30, l-Istati Membri għandhom jaħtru pjattaforma tal-irkant għall-irkantar ta’ kwoti skont l-Artikolu 27, wara proċedura ta’ akkwist konġunt bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-azzjoni konġunta skont dan l-Artikolu.

2.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 30, l-Istati Membri għandhom jaħtru pjattaforma tal-irkant għall-irkantar ta’ kwoti skont l-Artikolu 28, wara proċedura ta’ akkwist konġunt bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-azzjoni konġunta skont dan l-Artikolu.

Pjattforma tal-irkant maħtura skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jirkanta kwoti skont l-Artikolu 28 sakemm jibdew l-irkantijiet fuq pjattaforma tal-irkant maħtura skont il-paragrafu 1.”

(b)

Il-Paragrafu 6 jinbidel b’dan li ġej:

“6.   Kwalunkwe Stat Membru li jingħaqad fl-azzjonijiet konġunti kif previst fil-paragrafi 1 u 2 wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta’ akkwist konġunt bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri li qed jipparteċipaw f’dik l-azzjoni għandu jaċċetta t-termini u l-kundizzjonijiet miftiehma bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri li jingħaqdu fl-azzjoni konġunta qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dak il-ftehim kif ukoll kwalunkwe deċiżjoni diġà adottata skont dak il-ftehim.

Kwalunkwe Stat Membru li jiddeċiedi skont l-Artikolu 30(4) li ma jipparteċipax fl-azzjoni konġunta kif previst fil-paragrafi 1 u 2 imma li jaħtar il-pjattaforma tal-irkant tiegħu stess jista’ jingħata status ta’ osservatur skont it-termini u l-kundizzjonijiet miftiehma fil-ftehim tal-akkwist konġunt bejn l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-azzjoni konġunta kif previst fil-paragrafi 1 u 2 u l-Kummissjoni soġġett għal kwalunkwe regola applikabbli tal-akkwist pubbliku.”

(19)

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-punt (e) il-frażi “permezz ta’ subappalt” tiġi mħassra.

(b)

Fil-punt (g), il-kelma “tissorvelja” tinbidel bil-kelma “tistħarreġ” u r-referenza għall-“Artikolu 44” tinbidel bir-referenza għall-“Artikolu 54”.

(20)

L-Artikolu 28 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-punt (e) tal-paragrafu 1, ir-referenza għal “ħlief dak l-Artikolu 40 għandhom japplikaw fi kwalunkwe każ” tinbidel b’ “mingħajr ħsara għall-Artikoli 44 sa 50.”

(b)

Il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Mingħajr ħsara għall-paragrafi 4 u 5, l-Artikolu 16(2) u (3), l-Artikoli 17 u 19 sa 21, l-Artikoli 36 sa 43, l-Artikoli 54 sa 56, l-Artikoli 60(3) u 63(4) u l-Artikolu 64 ma għandhomx japplikaw fir-rigward tal-irkantijiet imwettqa minn pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(2) jew 30(2).

4.   Il-paragrafu 3 ma għandux jipprekludi l-Artikolu 36(1) milli jkun applikabbli fir-rigward tal-irkantijiet ta’ kwoti fl-għamla ta’ spot ta’ (2) jumejn jew futuri ta’ ħamest (5) ijiem li huma strument finanzjarju skont it-tifsira tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/6/KE mwettqa minn pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(2) jew 30(2) f’ każ li l-Istat Membru fejn hija stabbilita l-pjattaforma tal-irkant ikun implimenta l-Artikolu 36(1) ta’ dan ir-Regolament jew fejn tali implimentazzjoni mhijiex meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 36(1) ta’ dan ir-Regolament.

5.   Il-paragrafu 3 ma għandux jipprekludi l-Artikoli 36(2) u 37 sa 43 milli jkunu applikabbli fir-rigward tal-irkantijiet ta’ kwoti fl-għamla ta’ spot ta’ (2) jumejn jew futuri ta’ ħamest (5) ijiem li mhumiex strument finanzjarju skont it-tifsira tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/6/KE mwettqa minn pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(2) jew 30(2) fejn l-Istat Membru f’każ li hija stabbilita l-pjattaforma tal-irkant ikun implimenta l-Artikolu 43 ta’ dan ir-Regolament jew fejn tali implimentazzjoni mhijiex meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 43 ta’ dan ir-Regolament.”

(21)

Jitħassar l-Artikolu 29(e).

(22)

L-Artikolu 30 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafi wieħed sa ħamsa jinbidlu b’dan li ġej:

“1.   Kwalunkwe Stat Membru li mhux qed jipparteċipa fl-azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1) u (2) jista’ jaħtar il-pjattaforma tal-irkant tiegħu stess għall-irkantar ta’ sehmu mill-volum ta’ kwoti kopert mill-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2003/87/KE li jkollu jkun irkantat kif previst fl-Artikolu 31(1) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Kwalunkwe Stat Membru li mhux qed jipparteċipa fl-azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1) u (2) ta’ dan ir-Regolament jista’ jaħtar il-pjattaforma tal-irkant tiegħu stess għall-irkantar ta’ sehmu mill-volum ta’ kwoti kopert mill-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2003/87/KE li jkollu jkun irkantat kif previst fl-Artikolu 31(2) ta’ dan ir-Regolament.

3.   Stati Membri li mhux qed jipparteċipaw fl-azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1) jew (2) jistgħu jaħtru l-istess pjattaforma tal-irkant jew pjattaformi tal-irkant separati għall-irkantar skont l-Artikolu 31(1) u (2) rispettivament.

4.   Kwalunkwe Stat Membru li mhux qed jipparteċipa fl-azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1) jew (2), għandu jinforma lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tiegħu li ma jipparteċipax f’azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1) u (2) imma li jaħtar il-pjattaforma tal-irkant tiegħu stess skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

5.   Kwalunkwe Stat Membru li mhux qed jipparteċipa fl-azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1) u (2), għandu jagħżel il-pjattaforma tal-irkant tiegħu stess maħtura skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu abbażi ta’ proċedura ta’ għażla konformi mal-liġi ta’ akkwist tal-Unjoni u dik nazzjonali fejn il-proċess tal-akkwist pubbliku jkun meħtieġ jew mil-liġi tal-Unjoni jew minn dik nazzjonali, rispettivament. Il-proċedura tal-għażla għandha tkun soġġetta għar-rimedji u proċeduri ta’ infurzar kollha applikabbli skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali.

Kwalunkwe perjodu ta’ ħatra tal-pjattaformi tal-irkant imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma għandux ikun itwal minn tliet snin li jista’ jiġġedded għal mhux aktar minn sentejn oħra. Madanollu, it-terminu tal-ħatra tal-pjattaforma tal-irkant imsemmija fil-paragrafu 2 għandu jiskadi jew tliet xhur mill-elenkar tal-pjattaforma tal-irkant imsemmija fil-paragrafu 1 skont il-paragrafu 7, erba’ xhur miċ-ċaħda ta’ dak l-elenkar, jew sitt xhur mill-bidu tal-irkantijiet fuq pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) f’każ li Stat Membru ma jkunx innotifika, skont l-Artikolu 30(6), pjattaforma tal-irkant imsemmija fl-Artikolu 30(1) sad-data tal-bidu tal-irkantijiet fuq pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1), skont liema tiġi l-ewwel.

Il-ħatra tal-pjattaformi tal-irkant imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tkun soġġetta għall-elenkar tal-pjattaforma tal-irkant konċernata fl-Anness III skont il-paragrafu 7. Ma għandhiex tiġi implimentata qabel id-dħul fis-seħħ tal-elenkar tal-pjattaforma tal-irkant konċernata fl-Anness III kif previst fil-paragrafu 7.”

(b)

L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu sitta jinbidel b’dan li ġej:

“6.   Kull Stat Membru li mhux qed jipparteċipa fl-azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1) u (2) imma li jagħżel li jaħtar il-pjattaforma tal-irkant tiegħu stess skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’notifika kompleta li jkun fiha dan kollu li ġej:

(a)

l-identità tal-pjattaforma tal-irkant li qed jipproponi li jaħtar;

(b)

ir-regoli operattivi dettaljati li għandhom jirregolaw il-proċess tal-irkant li għandu jitwettaq mill-pjattaforma/i tal-irkant li jipproponi li jaħtar, inkluż id-dispożizzjonijiet kuntrattwali dwar il-ħatra tal-pjattaforma tal-irkant konċernata inkluż kwalunkwe sistema tal-ikklirjar u kwalunkwe sistema tas-saldu relatati mal-pjattaforma tal-irkant kkonċernata li tistipula t-termini u l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-istruttura u l-livell tat-tariffi, l-immaniġjar kollaterali, il-ħlas u l-konsenja;

(c)

il-perjodi proposti għall-offerti, il-volumi individwali, id-dati tal-irkantijiet li jindikaw meta jkun hemm btajjel pubbliċi rilevanti, kif ukoll it-tip ta’ prodott irkantat, dati ta’ ħlasijiet u konsenji tal-kwoti li jkollhom ikunu rkantati f’irkantijiet individwali f’sena kalendarja partikolari, u kull informazzjoni oħra meħtieġa biex il-Kummissjoni tevalwa jekk il-kalendarju tal-irkantijiet propost ikunx kompatibbli mal-kalendarju tal-irkantijiet tal-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew (2), kif ukoll kalendarji oħra tal-irkantijiet proposti minn Stati Membri oħra mhux parteċipanti fl-azzjoni konġunta msemmija fl-Artikolu 26 imma li jagħżlu li jaħtru l-pjattaformi tal-irkant tagħhom stess;

(d)

ir-regoli dettaljati u l-kundizzjonijiet tas-sorveljanza u superviżjoni tal-irkantijiet li għandha tkun soġġetta għalihom il-pjattaforma tal-irkant proposta skont l-Artikolu 35(4), (5) u (6) kif ukoll ir-regoli dettaljati għall-protezzjoni kontra l-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, l-attività kriminali jew l-abbuż mis-suq, fosthom kwalunkwe miżura rimedjali jew sanzjoni;

(e)

il-miżuri dettaljati fis-seħħ iridu jikkonformaw mal-Artikoli 22(4) u 34 fir-rigward tal-ħatra tal-irkantatur.”

(c)

It-tieni subparagrafu tal-paragrafu 7 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Fin-nuqqas ta’ kwalukwe elenkar previst fl-ewwel subparagrafu, Stat Memrbu li mhux qed jipparteċipa fl-azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1) u (2) imma li jagħżel li jaħtar l-pjattaforma tal-irkant tiegħu stess skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandu juża l-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) jew (2) biex jirkanta sehemu mill-kwoti li kieku kienu jiġu rkantati fil-pjattaforma tal-irkant li jkollha tinħatar skont il-paragrafu 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu fil-perjodu sal-iskadenza ta’ tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-elenkar previst fl-ewwel subparagrafu.

Mingħajr ħsara għall-paragrafu 8, Stat Membru li mhux qed jipparteċipa fl-azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1) u (2) imma li jagħżel li jaħtar il-pjattaforma tal-irkanta tiegħu stess skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu jista’, xorta waħda, jipparteċipa fl-azzjoni konġunta għall-uniku fini li jkun jista’ jagħmel użu tal-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) u (2) kif previst fit-tieni subparagrafu. Tali parteċipazzjoni għandha sseħħ skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 26(6) u soġġetta għat-termini u kundizzjonijiet tal-ftehim tal-akkwist konġunt.”

(d)

L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 8 jinbidel b’dan li ġej:

“8.   Kwalunkwe Stat Membru li mhux qed jipparteċipa fl-azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1) u (2) imma li jagħżel li jaħtar il-pjattaforma tal-irkant tiegħu stess skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu jista’ jingħaqad mal-azzjoni konġunta prevista fl-Artikolu 26, skont l-Artikolu 26(6).”

(23)

L-Artikolu 32 huwa emendat kif ġej:

(a)

L-ewwel paragrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Il-volum tal-kwoti koperti mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE irkantati f’irkantijiet individwali mwettqa minn pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 30(1) jew (2) ta’ dan ir-Regolament ma għandux ikun akbar minn 20 miljun kwota u mhux anqas minn 3.5 miljun kwota; għajr fejn il-volum totali tal-kwoti, koperti mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE, li jrid ikun irkantat mill-Istat Membru li qed jaħtar ikun anqas minn 3.5 miljun f’sena kalendarja partikolari, fejn f’tali każ il-kwoti għandhom jiġu rkantati f’irkant wieħed kull sena kalendarja. Madankollu, il-volum ta’ kwoti koperti mill-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/87/KE irkantati f’irkant individwali mwettaq minn dawk il-pjattaformi tal-irkant fl-2012 ma għandux ikun akbar minn 6.5 miljun kwota u mhux inqas minn (1) miljun kwota.”

(b)

Is-sentenzi li ġejjin jiżdiedu fl-aħħar tat-tielet paragrafu:

“Dawn ir-rekwiżiti għandhom jitqiesu daqslikieku ġew issodisfati fejn kull pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 30(1) jew (2) tissodisfa dawn ir-rekwiżiti individwalment. Fir-rigward tas-sena kalendarja 2012, dak li ssemma qabel għandu japplika minn xahar mill-bidu tal-irkantijiet imwettqa minn kwalunkwe waħda minn dawn il-pjattaformi tal-irkant.”

(c)

L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej:

“4.   Il-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 30(1) jew (2) ta’ dan ir-Regolament għandhom jiddeterminaw u jippubblikaw il-perjodi għall-offerti, il-volumi individwali, id-dati ta’ rkantijiet, kif ukoll il-prodott irkantat, id-dati tal-ħlas u l-konsenja tal-kwoti koperti mill-Kapitoli II u III tad-Direttiva 2003/87/KE, li għandhom jiġu rkantati f’irkantijiet individwali kull sena, sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ qabel, jew malajr kemm jista’ jkun prattikabbli minn dakinhar ‘il quddiem. Il-pjattaformi tal-irkant konċernati għandhom jagħmlu d-determinazzjoni u l-pubblikazzjoni tagħhom biss wara d-determinazzjoni u l-pubblikazzjoni skont l-Artikoli 11(1) u 13(1) ta’ dan ir-Regolament mill-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) jew (2) ta’ dan ir-Regolament, sakemm tali pjattaforma tal-irkant ma tkunx ġiet maħtura diġà. Il-pjattaformi tal-irkant konċernati għandhom jagħmlu d-determinazzjoni u l-pubblikazzjoni tagħhom biss wara li jkunu kkonsultaw il-Kummissjoni u kisbu l-opinjoni tagħha dwarhom. Il-pjattaformi tal-irkant konċernati għandhom iqisu sewwa ħafna l-opinjoni tal-Kummissjoni.”

(d)

It-tielet subparagrafu li ġej jiżdied mar-raba’ paragrafu:

“Il-pjattaformi tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 30(1) jew (2) għandhom jiddeterminaw u jippubblikaw, kif previst fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu skont il-volumi attribwiti lill-Istat Membru li qed jaħtar il-pjattaforma tal-irkant konċernata kif stipulat fl-Anness I u l-aħħar determinazzjoni u pubblikazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-għadd stmat ta’ kwoti li għandhom jiġu rkantati msemmi fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/87/KE, billi jitqiesu d-daqs possibbli ta’ kwalunkwe allokazzjoni bla ħlas imnaqqsa jew li għandha tiġi mnaqqsa mill-kwantità ta’ kwoti li Stat Membru partikolari kieku jkun se jalloka skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/87/KE kif previst fl-Artikolu 10c(2) ta’ dik id-Direttiva.”

(24)

L-Artikolu 35 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-Paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.   L-irkantijiet għandhom jitwettqu biss fuq pjattaforma tal-irkant awtorizzata bħala suq irregolat.”

(b)

L-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 jinbidlu b’dan li ġej:

“4.   Pjattaforma tal-irkant tista’ tkun biss maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) fejn l-Istat Membru, fejn huma stabbiliti s-suq regolat tal-kandidat u l-operatur tas-suq tiegħu, ikun żgura li l-miżuri nazzjonali li jittrasponu it-Titolu III tad-Direttiva 2004/39/KE ikunu japplikaw għall-irkant ta’ spot ta’ jumejn jew futuri ta’ ħamest ijiem safejn ikun rilevanti.

Pjattaforma ta’ rkant tista’ tkun biss maħtura skont l-Artikoli 26(1) u 30(1) wara li l-Istat Membru, fejn huma stabbiliti s-suq regolat tal-kandidat u l-operatur tas-suq tiegħu, ikun żgura li l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru jkunu jistgħu jawtorizzawhom u jissorveljawhom skont il-miżuri nazzjonali li jittrasponu t-Titolu IV tad-Direttiva 2004/39/KE safejn ikun rilevanti.”

(c)

Il-Paragrafu 5 jinbidel b’dan li ġej:

“5.   L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru msemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu maħtura skont l-Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2004/39/KE għandhom jiddeċiedu dwar l-awtorizzazzjoni ta’ suq regolat maħtur, jew li għandu jiġi maħtur, skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) ta’ dan ir-Regolament, sakemm is-suq regolat u l-operatur tas-suq tiegħu jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tad-Direttiva 2004/39/KE, kif trasposti fid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru tal-istabbiliment tagħhom skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Id-deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni għandha tittieħed skont it-Titolu IV tad-Direttiva 2004/39/KE kif trasposta fid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru tal-istabbiliment tagħhom skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.”;

(25)

Is-sentenza li ġejja tiżdied mal-Artikolu 36(1):

“Dak li ssemma qabel ikun mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikoli 38 sa 40 ta’ dan ir-Regolament fuq l-użu ta’ informazzjoni privileġġata biex tiġi rtirata offerta.”

(26)

L-Artikoli 46(1) u (2) huma mħassra u jinbidlu b’dan li ġej:

“Kwoti rkantati minn kwalunkwe pjattaforma tal-irkant għandhom ikunu ttrasferiti mir-reġistru tal-Unjoni, qabel il-ftuħ tal-perjodu għall-offerti, f’kont tal-kwoti desinjat, biex jinżammu fil-kustodja tas-sistema tal-ikklirjajr jew tas-saldu li taġixxi bħala l-kustodi sakemm issir il-konsenja tal-kwoti lil offerenti rebbieħa jew lis-suċċessuri tagħhom fit-titolu, skont ir-riżultati tal-irkant, kif previst fir-Regolament applikabbli tal-Kummissjoni adottat skont l-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2003/87/KE.”

(27)

L-Artikolu 50(2) jitħassar u r-referenza għall-“paragrafi 1 jew 2” fil-paragrafu 3 tinbidel b’referenza għall-“paragrafu 1”.

(28)

L-Artikolu 52 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-Paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Mingħajr ħsara għall-paragrafu 2, l-ispejjeż tas-servizzi previsti fl-Artikoli 27(1) u 28(1) u Artikolu 31 għandhom jitħallsu permezz ta’ tariffi mħallsa mill-offerenti, bl-eċċezzjoni li kwalunkwe spiża tal-arranġamenti bejn l-irkantatur u l-pjattaforma tal-irkant imsemmija fl-Artikolu 22(2) u (3) jippermettu lill-irkantatur li jirkanta kwoti f’isem l-Istat Membru li qed jaħtar, iżda mhux inklużi l-ispejjeż ta’ kwalunkwe sistema ta’ kklirjar jew saldu konnessa mal-pjattaforma tal-irkant konċernata, għandhom ikunu mġarrba mill-Istat Membru li qed jirkanta.

L-ispejjeż imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jitnaqqsu mir-rikavati tal-irkant pagabbli lill-irkantaturi, skont l-Artikolu 44(2) u (3).”

(b)

L-ewwel, it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-paragrafu 2 jinbidlu b’dan li ġej:

“2.   Mingħajr ħsara għat-tielet subparagrafu, it-termini u l-kundizzjonijiet tal-ftehim ta’ akkwist konġunt, imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(6) jew il-kuntratt li jaħtar pjattaforma tal-irkant skont l-Artikolu 26(1) jew (2) jistgħu jidderogaw minn paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu billi jesiġu li Stati Membri li nnotifikaw lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 30(4) dwar id-deċiżjoni tagħhom li ma jipparteċipawx f’azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1) u (2), iżda sussegwentement jagħmlu użu tal-pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) jew (2), jista’ jkun meħtieġ li jħallas lill-pjattaforma tal-irkant konċernata, inklużi is-sistema/i ta’ kklirjar jew sistema/i ta’ saldu konnessi magħha, l-ispejjeż għas-servizzi previsti fl-Artikoli 27(1) u 28(1) relatati mas-sehem tal-kwoti li l-Istat Membru jirkanta mid-data meta Stat Membru jibda jirkanta permezz tal-pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikolu 26(1) jew (2) sat-tmiem jew l-iskadenza tat-terminu tal-ħatra ta’ dik il-pjattaforma tal-irkant.

Dak li ssemma qabel japplika għall-Istati Membri li ma ngħaqdux fl-azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1) u (2) fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta’ akkwist konġunt imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(6).

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika fejn Stat Membru jingħaqad f’azzjoni konġunta kif previst fl-Artikolu 26(1) jew (2) wara l-iskadenza tal-perjodu tal-ħatra msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(5), jew fejn juża l-pjattaforma tal-irkanta maħtura skont l-Artikolu 26(1) jew (2) biex jirkanta s-sehem tiegħu ta’ kwoti fin-nuqqas ta’ elenkar, skont l-Artikolu 30(7), ta’ pjattaforma tal-irkant li ġiet notifikata skont l-Artikolu 30(6).”

(c)

L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Is-sehem tal-ispejjeż tas-sorveljatur tal-irkant li jvarja skont l-għadd ta’ rkantijiet, kif speċifikat fil-kuntratt li jaħtar is-sorveljatur tal-irkant, għandu jiġi distribwit b’mod indaqs fuq l-għadd ta’ rkantijiet. L-ispejjeż l-oħrajn kollha tas-sorveljatur tal-irkant, kif speċifikati fil-kuntratt li jaħtar is-sorveljatur tal-irkant, għajr l-ispejjeż attribwibbli għal servizzi akkwistati mill-Kummissjoni u l-ispejjeż relatati ma’ kwalunkwe rapport li jsir skont l-Artikolu 25(4), għandhom jiġu distribwiti b’mod indaqs fuq l-għadd ta’ pjattaformi ta’ rkantijiet, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-kuntratt li jaħtar is-sorveljatur tal-irkant.”

(29)

L-Artikolu 54 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 54

Monitoraġġ tar-relazzjoni mal-offerenti

1.   Pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) għandha timmonitorja r-relazzjoni mal-offerenti ammessi biex joffru fl-irkantijiet tagħha tul kemm iddum teżisti, billi tagħmel dan li ġej:

(a)

teżamina bir-reqqa l-offerti magħmulin tul il-perkors ta’ dik ir-relazzjoni biex tiżgura li l-imġiba tal-offerenti tkun konsistenti mat-tagħrif tal-pjattaforma tal-irkant dwar il-klijent, in-negozju tiegħu u l-profil tar-riskju, inkluż, fejn ikun meħtieġ, is-sors ta’ fondi;

(b)

iżżomm arranġamenti u proċeduri effettivi għal monitoraġġ regolari tal-konformità minn persuni ammessi biex jissottomettu offerti skont l-Artikolu 19(1), (2) u (3) mar-regoli tagħha ta’ kondotta fis-suq;

(c)

timmonitorja tranżazzjonijiet magħmulin minn persuni ammessi biex jagħmlu offerti skont l-Artikoli 19(1), (2) u (3) u 20(6) bl-użu tas-sistemi tagħha biex tidentifika ksur tar-regoli msemmijin fil-punt (b) ta’ dan is-subparagrafu, kundizzjonijiet inġusti jew diżordinati ta’ rkantar jew kondotta li tista’ tinvoka abbuż mis-suq.

Meta tkun qed teżamina bir-reqqa offerti skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, il-pjattaforma tal-irkant konċernata għandha tagħti attenzjoni partikolari għal kwalunkwe attività li tqis li, min-natura tagħha, aktarx tkun partikolarment relata ma’ ħasil tal-flus, finanzjament tat-terroriżmu jew attività kriminali.

2.   Pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) għandha tiżgura li d-dokumenti, id-dejta jew l-informazzjoni li jkollha dwar offerent jinżammu aġġornati. Għal dan il-għan, din il-pjattaforma tal-irkant tista’:

(a)

titlob kwalunkwe informazzjoni dwar l-offerent, skont l-Artikolu 19(2) u (3) u l-Artikolu 20(5), (6) u (7), għall-finijiet ta’ monitoraġġ tar-relazzjoni ma’ dak l-offerent wara li jkun ammess biex jissottomettu offerti fl-irkantijiet, tul kemm iddum teżisti dik ir-relazzjoni u għall-perjodu ta’ ħames snin wara li tintemm;

(b)

tesiġi li kwalunkwe persuna ammessa biex toffri li tissottometti mill-ġdid applikazzjoni għal ammissjoni għal offerta f’intervalli regolari;

(c)

tesiġi li kwalunkwe persuna ammessa biex toffri li tinnotifika minnufih lill-pjattaforma tal-irkant konċernata bi kwalunkwe bidliet fl-informazzjoni sottomessa lilha skont l-Artikolu 19(2) u (3) u l-Artikolu 20(5), (6) u (7).

3.   Pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) għandhom iżommu rekords ta’:

(a)

l-applikazzjoni għal ammissjoni għal offerta sottomessa minn applikant, skont l-Artikolu 19(2) u (3), inkluża kwalunkwe emenda għaliha;

(b)

il-verifiki mwettqa:

(i)

tal-ipproċessar tal-applikazzjoni għal ammissjoni għal offerta sottomessa, skont l-Artikoli 19, 20 u 21;

(ii)

l-iskrutinju u monitoraġġ tar-relazzjoni, skont il-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1, wara l-ammissjoni tal-applikant għal offerta;

(c)

l-informazzjoni kollha b’rabta ma’ offerta partikolari sottomessa minn offerent partikolari f’irkant, inkluż kwalunkwe irtirar jew modifika ta’ offerta bħal din, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 6(4);

(d)

l-informazzjoni kollha b’rabta mat-twettiq ta’ kull irkant li fih offerent ikun issottometta offerta.

4.   Pjattaforma tal-irkant li tirkanta skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) għandha żżomm ir-rekords msemmija fil-paragrafu 3 sakemm offerent ikun ammess biex jissottometti offerti fl-irkantijiet tagħha u mill-anqas għal ħames snin wara t-tmiem tar-relazzjoni ma’ dak l-offerent.”

(30)

L-Artikolu 55(1), (2) u (4) jinbidel f’dan li ġej:

“1.   L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali msemmija fl-Artikolu 37(1) tad-Direttiva 2005/60/KE għandhom jagħmlu monitoraġġ u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex tkun żgurata l-konformità ta’ pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) mar-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta mill-klijent tal-Artikolu 19 u l-Artikolu 20(6) ta’ dan ir-Regolament, ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ u żamma ta’ rekords tal-Artikolu 54 ta’ dan ir-Regolament u r-rekwiżiti ta’ notifika tal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jkollhom is-setgħat previsti mill-miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 37(2) u (3) tad-Direttiva 2005/60/KE.

Pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) tista’ tinżamm responsabbli għal infrazzjonijiet tal-Artikolu 19, l-Artikoli 20(6) u (7), l-Artikolu 21(1) u (2) u l-Artikolu 54 ta’ dan ir-Regolament u l-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. Il-miżuri nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2005/60/KE għandhom japplikaw f’dan ir-rigward.

2.   Pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1), id-diretturi u l-impjegati tagħha, għandhom jikkooperaw bis-sħiħ mal-FIU msemmija fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 2005/60/KE, billi minnufih:

(a)

jgħarrfu lill-FIU, fuq inizjattiva tagħhom stess, meta jkunu jafu, jissuspettaw jew ikollhom motivi raġonevoli biex jissuspettaw li jkunu qed jitwettqu jew twettqu jew kien hemm tentattivi ta’ ħasil tal-flus, finanzjament tat-terroriżmu jew attività kriminali fl-irkantijiet;

(b)

jipprovdu lill-FIU, meta titlobhom, l-informazzjoni kollha meħtieġa, skont il-proċeduri stabbiliti mil-leġiżlazzjoni applikabbli.”

“4.   L-Istat Membru, li fit-territorju tiegħu tkun tinsab il-pjattaforma maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1), għandu jiżgura li l-miżuri nazzjonali li jimplimentaw l-Artikoli 26 sa 29, 32, l-Artikoli 34(1) u 35 tad-Direttiva 2005/60/KE japplikaw għall-pjattaforma tal-irkant konċernata”.

(31)

Fl-Artikolu 56(1), it-test għandu jiġi ssostitwit bit-test li ġej:

“1.   Pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, maħtura skont l-Artikolu 43(2) tad-Direttiva 2004/39/KE, responsabbli għas-superviżjoni tal-pjattaforma tal-irkant konċernata jew biex tinvestiga u tipprosegwixxi abbuż mis-suq li jseħħ fis-sistemi tal-pjattaforma tal-irkant konċernata jew permezz tagħha, suspett ta’ abbuż mis-suq minn kwalunkwe persuna ammessa biex tissottometti offerti fl-irkantijiet jew minn kwalunkwe persuna li f’isimha l-persuna ammessa biex tissottometti offerti fl-irkantijiet tkun qed taġixxi.

Għandhom japplikaw miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2005/60/KE.”

(32)

L-Artikolu 58 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 58

Regoli ta’ kondotta fis-suq jew kwalunkwe arranġament kuntrattwali ieħor

L-Artikoli 53 sa 57 għandhom ikunu mingħajr ħsara għal kwalunkwe azzjoni oħra li pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) tkun intitolata li tieħu skont ir-regoli ta’ kondotta fis-suq tagħha jew skont kwalunkwe arranġament kuntrattwali ieħor li jkun hemm, direttament jew indirettament, ma’ kwalunkwe offerent ammess biex jissottometti offerti fl-irkantijiet, sakemm tali azzjoni ma tkunx f’kunflitt mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 53 sa 57, jew tippreġudikahom.”

(33)

L-Artikolu 60(3) jinbidel b’dan li ġej:

“3.   Lista bl-ismijiet, indirizzi, numri tat-telefown u tal-faks, indirizzi tal-posta elettronika u siti elettroniċi tal-persuni kollha ammessi biex joffru f’isem oħrajn f’irkantijiet mwettqa minn kwalunkwe pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) għandha tkun ippubblikata fis-sit tal-Internet miżmuma tajjeb mill-pjattaforma tal-irkant konċernata.”

(34)

Il-frażi “issir pubblika” fl-Artikolu 62(3)(e) tinbidel b’ “tiġi żvelata jew issir pubblika”.

(35)

L-Artikolu 64 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 64

Dritt għal appell

1.   Pjattaforma tal-irkant maħtura skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) għandha tiżgura li jkollha lest mekkaniżmu straġudizzjarju biex jittratta lmenti minn applikanti għal ammissjoni għal offerta, offerenti ammessi biex joffru jew minn min l-ammissjoni tiegħu tkun rifjutata, revokata jew sospiża.

2.   L-Istati Membri fejn issir superviżjoni ta’ suq regolat maħtur bħala pjattaforma tal-irkant skont l-Artikoli 26(1) jew 30(1) jew l-operatur tas-suq tagħhom, għandhom jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-mekkaniżmu straġudizzjarju li jittratta lmenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tkun motivata sewwa u tkun soġġetta għad-dritt ta’ appell lill-qrati msemmija fl-Artikolu 52(1) tad-Direttiva 2004/39/KE. Dak id-dritt għandu jkun mingħajr ħsara għal kwalunkwe dritt ta’ appell direttament lill-qrati jew lill-korpi amministrattivi kompetenti previsti fil-miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 52(2) tad-Direttiva 2004/39/KE.”

(36)

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1031/2010 jinbidel kif stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 23 ta’ Novembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  ĠU L 302, 18.11.2010, p. 1.

(3)  ĠU L 290, 6.11.2010, p. 39.

(4)  ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

(5)  ĠU L 96, 12.4.2003, p. 16.


ANNESS

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1031/2010 jinbidel b’dan li ġej:

“ANNESS I

Kwoti rkantati fl-2012 skont l-Artikolu 10(1)

Stat Membru

Volum

Il-Belġju

2 979 000

Il-Bulgarija

3 277 000

Ir-Repubblika Ċeka

5 503 000

Id-Danimarka

1 472 000

Il-Ġermanja

23 531 000

L-Estonja

1 068 000

L-Irlanda

1 100 000

Il-Greċja

4 077 000

Spanja

10 145 000

Franza

6 434 000

L-Italja

11 324 000

Ċipru

307 000

Il-Latvja

315 000

Il-Litwanja

637 000

Il-Lussemburgu

141 000

L-Ungerija

1 761 000

Malta

120 000

Il-Pajjiżi l-Baxxi

3 938 000

L-Awstrija

1 636 000

Il-Polonja

14 698 000

Il-Portugall

2 065 000

Ir-Rumanija

5 878 000

Is-Slovenja

520 000

Is-Slovakkja

1 805 000

Il-Finlandja

1 965 000

L-Isvezja

1 046 000

Ir-Renju Unit

12 258 000

Total

120 000 000 ”


Top