EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XC0328(05)

Pubblikazzjoni tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u tal-ikel [titlu mhux uffiċjali]

OJ C 74, 28.3.2009, p. 74–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 74/74


Pubblikazzjoni tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u tal-ikel [titlu mhux uffiċjali]

(2009/C 74/07)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

TALBA GĦAL EMENDA

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

Talba għal emenda skont l-Artikolu 9

“PICODON DE L'ARDECHE” JEW “PICODON DE LA DROME”

Nru tal-KE: FR-PDO-0117-0550/29.03.2006

IĠP ( ) DPO (X)

1.   Intestatura tal-ispeċifikazzjoni għall-emendar:

X

Isem il-prodott

X

Deskrizzjoni tal-prodott

Image

Żona ġeografika

Image

Prova tal-oriġini

X

Metodu ta' produzzjoni

X

Rabta

X

Tikkettar

X

Kundizzjonijiet nazzjonali:

Image

Oħrajn [speċifika]

2.   Tip ta' Emenda/i:

Image

Emenda tad-dokument uniku jew tas-sommarju

X

Emenda tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DPO jew l-IĠP reġistrata li għaliha la d-dokument uniku u lanqas is-sinteżi ma ġew ippubblikati

Image

Emenda tal-ispeċifikazzjoni li ma tinvolvi l-ebda emenda tad-dokument uniku ppubblikat (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

Image

Emenda temporanja tal-ispeċifikazzjoni bħala riżultat tal-adozzjoni ta' miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

3.   Emenda/i:

3.1.   Denominazzjoni tal-prodott

L-isem tad-denominazzjoni huwa “Picodon” (minflok “Picodon de l'Ardèche jew Picodon de la Drôme”).

Raġuni:

Picodon huwa terminu tradizzjonali marbut maż-żona ġeografika fejn saret id-denominazzjoni tal-oriġini. Għadd kbir ta' dokumenti (kotba, kanzunetti, ittri, eċċ.) juru li dan it-terminu jintuża lokalment biex jirreferi għal ġobon lokali prodott f'dik iż-żona biss.

L-użu ta' dan it-terminu, li jirreferi għall-ġobon li ma jikkonformax mal-ispeċifikazzjonijiet ta' Picodon de la Drôme jew Picodon de l'Ardèche ikkawża l-konfużjoni għall-konsumatur. Il-produtturi għalhekk xtaqu li jerġgħu lura għall-isem tradizzjonali billi biddlu id-DPO sabiex tkun magħrufa biss bħala Picodon.

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott

Il-ġobon għandu l-għamla ta' ballun żgħir u tond b'dijametru ta' bejn 5 u 7 ċm, għoli ta' bejn 1,8 u 2,5 ċm (minflok 1 u 3 ċm) u b'piż ta' mill-inqas 60 gramma.

Il-qoxra hija rqiqa u għandha moffa ta' lewn isfar ċar jew abjad li xi kultant tkun ittikkjata bil-blu. Il-ġobna nnifisha għandha lewn abjad jew isfar, b'konsistenza omoġenea u delikata ħafna b'mod li tista' tinqata' faċilment għalkemm jekk titħalla timmatura iktar tista' titfarrak. It-togħma hija friska, karatteristika, mingħajr ma hi mielħa jew aċiduża wisq. Meta l-Picodon isirlu proċess speċjali ta' maturazzjoni magħruf bħala “affiné méthode Dieulefit” (il-metodu Dieulefit), il-ġobon jikseb il-karatteristiċi li ġejjin:

Dijametru: 4,5 ċm sa 6 ċm

Għoli: 1,3 ċm sa 2,5 ċm

Piż minimu: 45 gramma

Dan il-ġobon għandu wiċċ ta' lewn abjad, l-avorju, griż jew krema ċara b'xi traċċi ta' kulur. Għandu dehra tal-irħam u huwa delikat, omoġeneu u artab. It-togħma hija friska u għandu t-togħma karatteristika tal-ġobon magħmul mill-ħalib tal-mogħżakif ukoll daqsxejn pikkanti.

Raġuni:

Id-deskrizzjoni tal-prodott ġiet kompluta bil-piż u d-dijametru kif ukoll bid-dehra tal-qoxra kif ukoll tal-ġobna. L-għoli ġie speċifikat.

Il-ġobon magħruf bħala ''affiné méthode Dieulefit'' (il-metodu Dieulefit) fih ċerti karatteristiċi partikulari fid-dijametru, fl-għoli, fil-piż minimali u fl-aspett li jeħtieġ li jiġu speċifikati.

3.3.   Metodu ta' produzzjoni

Il-ħalib li jintuża għandu jiġi biss minn merħliet li jipproduċu l-ħalib u li huma mogħoż tar-razza Alpine, Saanen jew bhejjem imħallta minn dawn iż-żewġ razez jew inkella bhejjem ta'oriġini lokali.

Hemm speċifikazzjonijiet rigward in-numru massimu ta' mogħoż għal kull ettaru, l-oriġini tal-għalf tagħhom u l-kompożizzjoni tiegħu. Il-prodotti tal-għalf maħżun u prodotti ffermentati oħra ma jistgħux jintużaw fl-impriża bħala għalf għall-mogħoż. Safejn jippermettu l-kundizzjonijiet tat-temp, il-mogħoż iridu joħorġu fi spazju għall-eżerċizzju b'aċċess permanenti.

Hemm speċifikazzjonijiet rigward il-ħalib, iż-żmien ta' skadenza u l-kundizzjonijiet għall-użu tiegħu, it-tbaqqit (bl-użu tat-tames mill-istonku tal-bhejjem), iż-żmien li jieħu t-tbaqqit (il-kundizzjonijiet speċifiċi jiġu stabbiliti għall-produzzjoni tar-razzett), l-iffurmar (bl-idejn u bil-kuċċarun, bla ma jitħalla joqtor minn qabel u ġo forma bix-xfar ġejjin għat-tond), iż-żieda tal-melħ u t-tneħħija mill-forma (mhux iktar minn 48 siegħa wara).

Hemm xi speċifikazzjonijiet rigward l-ingredjenti awtorizzati li jistipulaw li l-ħalib ma jistax ikun konċentrat u li l-prodotti li qed jiġu ffabbrikati ma jistgħux jinħażnu f'temperatura taħt iż-żero jew f'atmosfera mmodifikata. Minbarra l-materja prima tal-ħalib, l-uniċi ingredjenti jew prodotti sekondarji jew addittivi awtorizzati fil-ħalib u waqt il-fabrikazzjoni huma t-tames, il-kulturi innoffensivi tal-batterji, il-ħmira, il-moffa, il-klorur tal-kalċju u l-melħ.

Hemm ukoll speċifikazzjonijiet dwar l-istadji ta' tnixxif (mhux inqas minn erbgħa u għoxrin siegħa), ta' maturazzjoni (għal mill-inqas tmint ijiem wara t-tnixxif, f'temperatura u fl-umdità speċifiċi). Il-ġobon m'għandux jinħareġ mill-post ta' fejn qed jiġi ffabbrikat qabel mill-inqas erbatax-il jum wara t-tbaqqit (minflok it-tnixxif u l-maturazzjoni ta' mill-inqas tnax-il jum minn wara t-tbaqqit), ħlief għall-ġobon frisk maħsub għal dawk li jimmaturaw il-ġobnijiet.

Il-ġobon magħruf bħala “affiné méthode Dieulefit” għandu kundizzjonijiet speċjali ta' manifattura (jiġifieri it-tqegħid tal-ġobon f'kaxxa għal mill-inqas ħmistax-il jum f'kundizzjonijiet li jiffavorixxu l-iżvilupp tal-moffa fil-wiċċ, kif ukoll it-tieni stadju ta' maturazzjoni f'kundizzjonijiet speċifiċi fejn il-ġobon jiġi maħsul mill-inqas darbtejn).

Raġuni:

Id-dettalji miżjuda mal-ispeċifikazzjoni jirrigwardaw il-prattiki li ntużaw mill-produtturi għall-manifattura tal-prodott iżda li s'issa ma ġewx stabbiliti fl-ispeċifikazzjoni.

Il-produtturi raw li hemm bżonn li dawn jintalbu sabiex jiġu inklużi formalment fl-ispeċifikazzjoni sabiex id-denominazzjoni tiġi mħarsa mid-devjazzjonijiet possibbli. Għalhekk, it-tagħrif addizzjonali huwa maħsub biex jipprovdi iktar dettalji fuq il-karattru tal-prodott filwaqt li jsaħħaħ ir-rabta tiegħu mal-oriġini.

Barra minn hekk, jidher li tekniki ġodda li għadd minnhom jikkonċernaw l-użu tat-trattament u l-addittivi għall-ġobon (li kien suġġett tar-regolamentazzjoni ġenerali), bħal mikrofiltrazzjoni, il-konċentrazzjoni parzjali tal-ħalib jew l-enżimi għall-maturazzjoni, jista' jkollhom konsegwenzi fuq il-karatteristiċi tal-ġobnijiet ta' denonminazzjoni tal-oriġini.

Deher għalhekk neċessarju li fl-ispeċifikazzjonijiet tad-denominazzjonijiet tal-oriġini jiġu speċifikati l-prattiki attwali li jikkonċernaw l-użu ta' trattamenti u addittivi għall-ħalib u fil-fabbrikazzjoni tal-ġobnijiet, sabiex jiġi evitat li l-prattiki futuri li mhumiex ikkunsidrati jaffettwaw il-karatteristiċi tal-ġobnijiet denominati.

3.4.   Rabta

Ir-rabta tinkludi tagħrif addizzjonali rigward:

L-istorja tal-produzzjoni tal-Picodon.

L-oriġini tal-isem tradizzjonali Picodon.

Id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-ġeografija, tal-klima u tal-ħamrija taż-żona.

Raġuni:

Il-produtturi xtaqu jenfasizzaw iktar ir-rabta maż-żona ġeografika.

3.5.   Tikkettar

Il-ġobon kollu li għandu d-denominazzjoni tal-oriġini “Picodon” għandu jkollu tikketta bl-isem tad-DPO, miktub b'font li hu żewġ terzi tad-daqs tal-ikbar font użat fuq it-tikketta bil-kliem “Appellation d'Origine Contrôlée” (Denominazzjoni tal-Oriġini Reġistrata). L-isem u l-indirizz tal-manifattur iridu jidhru fuq it-tikketta wkoll.

Raġuni:

It-tneħħija tal-ħtieġa għat-twaħħil tal-logo speċjali għad-denominazzjonijiet tal-oriġini reġistrati.

3.6.   Rekwiżiti nazzjonali

Décret du 29 décembre 1986” ġiet mibdula b'Décret relatif à l'appellation d'origine contrôlée“Picodon”.

SOMMARJU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“PICODON”

Nru tal-KE: FR-PDO-0117-0550-29.03.2006

DPO (X) IĠP ( )

Dan is-sommarju jippreżenta l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott b'finijiet ta' tagħrif biss.

1.   Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:

Isem:

Institut National de l'Origine et de la Qualité

Indirizz:

51, rue d'Anjou

75 008 Paris

FRANCE

Tel.

+33 153898000

Feks

+33 153898060

Posta elettronika:

info@inao.gouv.fr

2.   Grupp:

Isem:

Syndicat Drôme Ardèche de Défense et de Promotion du Picodon AOC

Indirizz:

48, avenue Louis Masson

26120 Chabeuil

FRANCE

Tel.

+33 475562606

Feks

+33 475420105

Posta elettronika: info@picodon-aoc.fr

info@picodon-aoc.fr

Kompożizzjoni:

produtturi/proċessuri ( X ) oħrajn ( X )

3.   Tip ta' prodott:

Klassi 1-3 Ġobnijiet

4.   Speċifikazzjoni:

(Sommarju tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   Isem

“Picodon”

4.2.   Deskrizzjoni

Il-Picodon huwa ġobon tal-ħalib tal-mogħża u għandu għamla ta' ballun żgħir u tond. Il-qoxra hija rqiqa u għandha moffa ta' lewn isfar ċar jew abjad li xi kultant tkun ittikkjata bil-blu. Il-ġobna nnifisha għandha lewn abjad jew isfar, b'konsistenza omoġenja u delikata ħafna b'mod li tista' tinqata' faċilment, għalkemm jekk titħalla timmatura iktar tista' titfarrak. It-togħma hija friska, mingħajr ma hi mielħa jew aċiduża wisq.

Dan il-ġobon għandu t-tikketta “affiné méthode Dieulefit” għandu l-wiċċ ta' lewn abjad, l-avorju, griż jew krema ċara b'xi traċċi ta' kulur. Għandu dehra tal-irħam u huwa delikat, omoġenju u artab. It-togħma hija friska u għandu t-togħma karatteristika tal-“mogħża” kif ukoll daqsxejn pikkanti.

Il-Picodon għandu piż ta' mill-inqas 60 gramma ħlief meta jkun “affiné méthode Dieulefit” fejn f'dan il-każ il-piż ikun ta' mill-inqas 45 gramma, minħabba li l-ħasil li jsirlu waqt il-proċess twil ta' maturazzjoni jtellilfu mill-piż.

Id-dijametru ta' dan il-ballun żgħir huwa ta' 5 sa 7 ċm b'għoli li jvarja minn 1,8 sa 2,5 ċm. Wara l-ħasil, il-Picodon li huwa “affiné méthode Dieulefit” ikun ta' daqs iżgħar: Dijametru ta' 4,5 sa 6 ċm, għoli ta' 1,3 sa 2,5 ċm.

Il-kontenut ta' xaħam (grass/niexef) huwa ta' mill-inqas 45 % u l-kontenut ta' materja niexfa ma jistax ikun inqas minn 40 % għal 100 gramma ġobon.

4.3.   Żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tinkludi l-muniċipalitajiet kollha fid-dipartimenti tal-Ardèche u ta' Drôme kif ukoll il-muniċipalitajiet kollha fil-cantons ta' Valréas (dipartiment ta' Vaucluse) u fil-canton ta' Barjac (dipartiment ta' Gard).

4.4.   Prova tal-oriġini

Il-produtturi tal-ħalib kollha, il-postijiet kollha tal-ipproċessar u kull post ta' maturazzjoni jeħtiġilhom jimlew dikjarazzjoni ta' identifikazzjoni reġistrata mis-servizzi ta' kontroll u li biha dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jidentifikaw l-operaturi kollha. Dawn tal-aħħar għandu jkollhom xi reġistri disponibbli għas-servizzi kif ukoll kwalunkwe dokumenti meħtieġa għall-kontroll tal-oriġini, tal-kwalità u tal-kundizzjonijiet tal-produzzjoni tal-ħalib u tal-ġobnijiet. Barra minn hekk, l-operaturi kollha jridu jipprovdu evidenza tal-kontijiet ċari ta' kull ġimgħa li jinkludu d-dħul u l-ħruġ tal-ħalib u tal-ġobnijiet.

Fl-aħħarnett isir eżami analitiku u organolettiku biex jiġi żgurat li l-prodotti mressqa għal dan l-eżami jwieġbu għall-kwalità u għat-tipiċità tad-denominazzjoni tal-oriġini.

4.5.   Metodu ta' produzzjoni

Il-produzzjoni tal-ħalib, il-fabbrikazzjoni u l-maturazzjoni tal-ġobnijiet iridu jitwettqu fiż-żona ġeografika.

Il-ħalib użat sabiex jinkiseb il-Picodon jiġi biss mill-mogħoż tar-razza Alpine jew Saanen jew mill-bhejjem imħallta minn dawn iż-żewġ razez jew mill-bhejjem ta' oriġini lokali. Il-merħla titmexxa skont id-drawwiet lokali. L-art użata bħala mergħa jew għall-produzzjoni tal-ġobon jew tal-qamħ għall-għalf tal-mogħoż trid tkun mill-inqas ettaru għal kull 10 mogħżiet. Il-porzjon bażiku tal-għalf tal-mogħoż irid ikun mill-inqas ta' 80 % u magħmul mill-ġwies jew mill-qamħ li ġej miż-żona ġeografika. Matul is-sena kollha l-mogħoż ma jingħatawx prodotti tal-għalf maħżun jew għalf ieħor iffermentat. Il-prodotti mnixxfa m'għandhomx jagħmlu iktar minn 20 % tal-għalf, ħlief f'ċirkustanzi klimatiċi speċjali. L-għalf bażiku tal-merħla jrid jiġi miż-żona speċifikata.

Il-mogħoż m'għandhomx jinżammu fl-għeluq permanenti. Safejn jippermettu l-kundizzjonijiet klimatiċi, il-bhejjem iridu joħorġu fi spazju għall-eżerċizzju.

Il-Picodon jiġi ffabbrikat bil-ħalib sħiħ tal-mogħża biss. Minbarra l-materja prima tal-ħalib, l-uniċi ingredjenti jew prodotti sekondarji jew addittivi awtorizzati fil-ħalib, u waqt il-fabbrikazzjoni, huma t-tames, il-kulturi innoffensivi tal-batterji, il-ħmira, il-moffa, il-klorur tal-kalċju u l-melħ.

Iż-żieda tal-ħalib konċentrat, il-ħalib tat-trab jew il-proteini tal-ħalib kif ukoll l-ultrafiltrazzjoni mhumiex permessi. Fil-produzzjoni fir-razzett il-ħalib irid ikun nej. Jista' jiġi termizzat għall-produzzjoni tal-ħalib.

It-tbaqqit tal-ħalib jinkiseb biż-żieda tal-katalist tal-ħalib jew tax-xorrox u li miegħu tiġi miżjuda kwantità żgħira tat-tames li joriġina minn xi annimal. It-temperatura tal-ħalib waqt it-tbaqqit trid tkun bejn 20 u 25 °C. Il-proċess ta' tbaqqit idum għaddej: 18 sa 48 siegħa biex jinkiseb pH ta' bejn 4 u 4,5.

Għall-ġobnijiet tal-irziezet it-tbaqqit għandu jsir mhux iktar minn 14-il siegħa wara l-ewwel teħid tal-ħalib.

L-użu ta' baqta ffriżata mhux permess.

Il-baqta ssir bl-idejn bil-kuċċarun, bla ma jitħalla joqtor minn qabel u jiġu ffurmati forom individwali bl-użu ta' jew mingħajr trej għad-distribuzzjoni. Il-ġobon irid jiġi mdawwar mill-inqas darba. Iż-żewġ naħat jiġu mmellħa b'melħ xott u rqiq jew nofsu-oħxon. Il-ġobon jitneħħa mill-forma mhux iktar minn 48 siegħa wara. Wara li jitħalla jinxef għal mhux inqas minn erbgħa u għoxrin siegħa f'temperatura massima ta' 23 °C, il-ġobon ikun lest għall-proċess ta' maturazzjoni.

Dan il-proċess idum mhux inqas minn 8 ijiem bejn 12 u 18 °C, f'atmosfera li jkollha mill-inqas 80 % ta' umdità relattiva.

Il-ġobon ma jistax jinbiegħ qabel 14-il jum wara t-tbaqqit.

Irid jiksaħ f'temperatura 'l fuq minn 0 °C.

Il-Picodon li huwa “affiné méthode Dieulefit” jgħaddi minn proċess ta' maturazzjoni itwal u li matulu l-ġobon jiġi maħsul minn ħin għall-ieħor:

Fl-ewwel stadju l-ġobon jitpoġġa f'kaxxa għal mill-inqas 15-il jum f'post umdu b'temperatura bejn 5 u 10 °C u b'umdità relattiva 'l fuq minn 80 %

It-tieni stadju ta' maturazzjoni jsir f'kamra saturata fl-umdità u b'temperatura bejn 13 u 17 °C. Dan l-istadju jdum iktar minn tmint ijiem u jinkludi mill-inqas żewġ ħasliet.

L-istadju ta' tnixxif idum mill-inqas erbgħa u għoxrin siegħa. Dan it-tnixxif għandu jsir b'mod naturali. It-tnixxif artifiċjali jintuża biss f'każ fejn il-kundizzjonijiet klimatiċi ma jippermettux tnixxif naturali.

Il-ġobon ma jistax jinbiegħ qabel xahar minn wara t-tbaqqit.

4.6.   Rabta

Drôme u l'Ardèche ilhom ħafna meqjusa fost l-aqwa dipartimenti fi Franza fejn hemm l-irziezet tal-mogħoż. Għalhekk mhix sorpriża jekk il-ġobon tal-mogħża f'dan ir-reġjun ilu jissemma' sa minn dejjem.

L-ewwel drabi fejn dehret il-kitba “Picodon” kien fis-seklu 19.

Partikularment jidher fil-“Glossaire du patois de Die” ta' Auguste Brossier li deher fl-1863. Kien hemm tren li kienet topera bejn Dieulefit u Montélimar u li tlaqqam “le Picodon” minħabba dawk li jimmaturaw il-ġobon tal-Picodon kienu jużaw dan it-tren u warajhom kienu jħallu riħa karatteristika.

Il-ġobon bl-isem “Picodon” ġej minn kelma fl-Occitan li tfisser ġobna żgħira b'togħma qawwija.

Minħabba li l-produzzjoni tal-ħalib tal-mogħża ssir l-aktar fil-ħarifa u fix-xitwa, il-produzzjoni tal-ġobon kienet l-uniku mod biex jiġi ppreservat il-ħalib żejjed li jibqa' fir-rebbiegħa u fis-sajf meta t-treddigħ ikun fil-quċċata tiegħu.

Il-fatt li l-konsum tal-ġobon ikun mifrux fix-xhur tax-xitwa jfisser li l-ġobnijiet ikunu laħqu stadji differenti ta' maturità.

Il-ġobon kien jiġi kkunsmat kemm kemm xott wara li jkun ilu jimmatura biss għal żmien qasir u kien jissejjaħ “picodon” jew ġeneralment “tomme”. Din id-drawwa alimentari inżammet u minn hawn wieħed jaħseb li “Picodon” oriġina, kif inhu stipulat fl-ispeċifikazzjoni bil-perjodu qasir ta' maturazzjoni ta' mill-inqas 14-il jum. Min-naħa l-oħra, matul ix-xitwa, il-ġobon żejjed tal-Picodon kien jinħażen ġo vażetti tal-fuħħar.

“Il-Picodon kien jiġi miksi bil-weraq u maħżun f'bitcho (xorta ta' ġarra tal-fuħħar b'żewġ manki). Kull ħmistax il-ġobon jitneħħa mill-ġarra, jiġi maħsul u jerġa' jinkesa bil-weraq.” B'dan il-metodu l-ġobon kien jinżamm għal ħafna żmien u kien jieħu l-irwejjaħ u t-togħmiet karatteristiċi.

Dan jidher li hu varjazzjoni tal-metodu “affiné méthode de Dieulefit” kif inhu magħruf bil-liġi.

Il-Picodon jiġi prodott fuq l-għoljiet li jiddominaw iż-żewġ naħat tal-Vallée du Rhône. Huwa tipiku ta' dan ir-reġjun fqir, niexef u muntanjuż fejn il-karatteristiċi ġeoloġiċi u klimatiċi tiegħu huma ta' vantaġġ biss għat-trobbija tal-mogħoż. Il-produzzjoni tal-ġobon tibqa' ssir u ilha għaddejja minn ġenerazzjoni għall-oħra u hija sors ta' introjtu indispensabbli.

Il-kriterji tal-produzzjoni huma speċifikati b'mod li jippreservaw il-karatteristiċi speċifiċi taż-żona u b'hekk jiġu riflessi fil-prodott.

4.7.   Korp ta' spezzjoni

Isem:

Institut national de l'Origine et de la Qualité (INAO)

Indirizz:

51, rue d'Anjou

75008 Paris

FRANCE

Tel.

+33 153898000

Feks

+33 153898060

Posta elettronika:

info@inao.gouv.fr

L'Institut National de l'Origine et de la Qualité huwa stabbiliment pubbliku ta' natura amministrattiva, b'personalità ċivili, u jaqa' taħt il-Ministeru tal-Agrikoltura.

Il-kontroll tal-kundizzjonijiet ta' produzzjoni ta' prodotti li għandhom denominazzjoni tal-oriġini qiegħed f'idejn l-INAO.

Isem:

Direction Générale de la Concurrence, de la Consommation et de la Répression des Fraudes (DGCCRF)

Indirizz:

59, Boulevard Vincent Auriol

75703 Paris Cédex 13

FRANCE

Tel.

+33 144871717

Feks

+33 144973037

Posta elettronika:

Id-DGCCRF huwa servizz tal-Ministeru tal-Ekonomija, tal-Finanzi u tal-Industrija.

4.8.   Tikkettar

Il-ġobon kollu li għandu d-denominazzjoni tal-oriġini “Picodon” għandu jkollu tikketta bl-isem tad-DPO, miktub b'font li hu żewġ terzi tad-daqs tal-ikbar font użat fuq it-tikketta bil-kliem “Appellation d'Origine Contrôlée” (Denominazzjoni tal-Oriġini Reġistrata). L-isem u l-indirizz tal-manifattur iridu jidhru fuq it-tikketta tal-ġobon.

Il-ġobon li jkun għadda mill-proċess ta' maturazzjoni skont il-metodu ta' maturazzjoni Dieulefit irid ikollu l-kliem “affiné méthode Dieulefit” fuq it-tikketta.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


Top