EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017XC1121(01)

Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tad-Dikjarazzjoni Kwanitattiva tal-Ingredjenti (QUID)

C/2017/7605

ĠU C 393, 21.11.2017, p. 5–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 393/5


Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tad-Dikjarazzjoni Kwanitattiva tal-Ingredjenti (QUID)

(2017/C 393/05)

WERREJ

1.

Introduzzjoni 5

2.

Obbligu ta' indikazzjoni tal-QUID 5

3.

Derogi mill-obbligu li tiġi indikata l-QUID 7

4.

Forom ta' espressjoni għall-QUID 10

5.

Pożizzjoni tal-QUID fuq it-tikkettar 12

L-iskop ta' dan l-Avviż tal-Kummissjoni huwa li jipprovdi linji gwida għan-negozji u għall-awtoritajiet nazzjonali dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tad-Dikjarazzjoni Kwantitattiva tal-Ingredjenti (QUID) fil-kuntest tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (minn hawn 'il quddiem, ir-“Regolament”). L-Avviż jissostitwixxi u jikkumplimenta l-linji gwida dwar il-QUID adottati skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE (2).

L-Avviż jirrifletti d-diskussjonijiet li kellu d-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (DĠ SANTE) mal-esperti mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Grupp ta' Ħidma dwar ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi.

Dan l-Avviż huwa mingħajr preġudizzju għall-interpretazzjoni li tista' tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

1.   Introduzzjoni

1.

Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 (ir-Regolament) jirrikjedi l-indikazzjoni tal-kwantità ta' ċerti ingredjenti jew kategoriji ta' ingredjenti użati fil-manifattura jew it-tħejjija tal-ikel kollu ppakkjat bil-lest (l-Artikolu 9(1), il-punt d) u l-Artikolu 22 tar-Regolament).

2.

Ir-rekwiżit li tiġi indikata l-QUID ma japplikax għall-ikel li jikkonsisti minn ingredjent wieħed għaliex il-kwantità tal-ingredjenti uniċi se tikkorrispondi għal 100 % fil-każijiet kollha.

3.

Hemm każijiet speċifiċi oħrajn ta' ikel ippakkjat bil-lest fejn il-QUID mhix meħtieġa (l-Anness VIII tar-Regolament). Barra minn hekk, il-QUID mhix meħtieġa għal “ikel mhux ippakkjat bil-lest” (ikel li jinbiegħ mhux ippakkjat bil-lest, jew li jiġi ppakkjat fil-post tal-bejgħ fuq talba tal-konsumatur jew jiġi ppakkjat minn qabel għall-bejgħ dirett) sakemm l-Istati Membri ma jkunux adottaw regoli nazzjonali li jirrikjedu dan għal tali ikel (l-Artikolu 44 tar-Regolament).

4.

Finalment, peress li l-QUID hija l-indikazzjoni kwantitattiva tal-ingredjenti, ma tapplikax għal kostitwenti li huma preżenti b'mod naturali fl-ikel u li ma ġewx miżjuda bħala ingredjenti, eż. kafeina (fil-kafè) u vitamini u minerali (fil-meraq tal-frott).

2.   Obbligu ta' indikazzjoni tal-QUID

5.

L-Artikolu 22(1) tar-Regolament jipprevedi li “L-indikazzjoni tal-kwantità ta' xi ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti użati fil-fabbrikazzjoni jew preparazzjoni ta' xi ikel għandha tkun meħtieġa fejn l-ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti konċernati:

(a)

jidhru fl-isem tal-ikel jew normalment ikunu assoċjati ma' dak l-isem mill-konsumaturi;

(b)

ikunu enfasizzati fuq it-tikkettar bi kliem, stampi jew grafika; jew

(c)

ikunu essenzjali biex jikkaratterizzaw xi ikel u jiddistingwuh mill-prodotti li magħhom jista' jiġi mfixkel minħabba ismu jew id-dehra tiegħu.”

6.

Fir-rigward tal-Artikolu 22(1), il-punt a) tar-Regolament, din id-dispożizzjoni tirrikjedi l-QUID fejn l-ingredjent jidher fl-isem tal-ikel, bħal, pereżempju “pizza tal-perżut u l-faqqiegħ”, “jogurt tal-frawli”, “muss tal-salamun”, “ġelat taċ-ċikkulata”. F'dawn il-każijiet, l-ingredjenti sottolinjati hawn fuq li jidhru fl-isem tal-ikel għandhom jiġu kwantifikati.

7.

L-Artikolu 22(1), il-punt a) tar-Regolament jirrikjedi wkoll il-QUID fejn il-kategorija tal-ingredjent tidher fl-isem tal-ikel bħal, pereżempju għaġina bil-mili tal-ħxejjex, fish fingers, ħobża tal-ġewż, torta tal-frott. F'dawn il-każijiet, il-QUID jenħtieġ li tirreferi għall-kontenut totali ta' ħxejjex, ħut, ġewż jew frott fl-ikel.

8.

Meta l-ingredjenti jkunu ingredjenti komposti  (3), jenħtieġ li japplika dan li ġej:

a.

Meta ingredjent kompost jidher fl-isem tal-ikel (eż. gallettini bil-mili tal-krema), il-QUID tal-ingredjent kompost (jiġifieri l-mili tal-krema) jenħtieġ li tiġi indikata.

b.

Meta ingredjent tal-ingredjent kompost jidher fl-isem tal-ikel (eż. gallettini bil-mili tal-krema li fiha l-bajd), il-QUID għal dan l-ingredjent (il-bajd) jenħtieġ li tingħata wkoll, flimkien mal-QUID tal-ingredjent kompost.

9.

L-Artikolu 22(1), il-punt a) tar-Regolament jirrikjedi wkoll il-QUID fejn il-konsumatur normalment jassoċja ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti mal-isem tal-ikel. Din għandha l-ikbar probabbiltà li tapplika fejn l-ikel jiġi deskritt bl-użu ta' ismijiet tradizzjonali (4) mingħajr iż-żieda ta' ismijiet deskrittivi (5). F'tali każijiet, bħala gwida biex wieħed jiddeċiedi liema ingredjenti għandhom il-probabbiltà li jiġu assoċjati mal-ikel identifikat biss permezz ta' isem tradizzjonali, jista' jiġi kkunsidrat isem deskrittiv għall-ikel. Il-QUID hemmhekk tkun qed tirreferi għall-ingredjenti ewlenin jew ta' valur identifikati għaliex huma dawk li normalment jiġu assoċjati mill-konsumaturi mal-isem tal-ikel.

Eżempji:

Ismijiet tradizzjonali

Eżempju ta' isem deskrittiv

QUID

“Lancashire hot pot”

Muntun u patata bil-basal, il-karrotti u l-gravy

Muntun

“Chilli con carne”

Kapuljat taċ-ċanga bil-fażola, it-tadam, il-bżar, il-basal u ċ-ċili

Kapuljat taċ-ċanga

“Forloren skildpadde”

Vitella, blalen tal-laħam ikkapuljat u blalen tal-ħut bil-basal, il-karrotti u zalza tax-sherry

Vitella

“Boudoir”

Gallettini bil-bajd

Bajd

“Brandade”

Platt ibbażat fuq il-patata u l-bakkaljaw

Bakkaljaw

“Cassoulet”

Platt ibbażat fuq il-fażola ħadra, iz-zalzett u l-biċċiet tal-laħam

Laħam

“Königinpastete”

Stuffat tal-vitella bl-ispraġ u l-faqqiegħ fl-għaġina

Vitella

“Königsberger Klopse”

Blalen tal-laħam ikkapuljat b'zalza bajda tal-kappar

Laħam

“Gulaschsuppe”

Soppa biċ-ċanga, il-basal u l-paprika

Ċanga

“Hutspot”

Platt ibbażat primarjament fuq il-karrotti u l-basal

Karrotti u basal

“Kåldolmar”

Weraq tal-kaboċċi mimlija bil-laħam ikkapuljat u r-ross

Laħam

“Kroppkakor”

Blalen tal-għaġina magħmula mill-patata u d-dqiq u mimlija bil-kapuljat tal-majjal moqli u ffumikat

Majjal

“Janssonin kiusaus” jew “Janssons frestelse”

Platt magħmul mill-patata u l-inċova

Inċova

Din id-dispożizzjoni jenħtieġ li ma tiġix interpretata, madankollu, f'tali mod li kull isem li taħtu jinbiegħ l-ikel jiġi finalment marbut ma' ingredjent speċifiku, b'riżultat ta' liema l-QUID għal dan l-ingredjent tkun trid tiġi ddikjarata. Triq issir valutazzjoni ta' każ b'każ. Pereżempju, mhux meħtieġ li tiġi indikata l-kwantità ta' tuffieħ użati fit-tħejjija tas-cider. B'mod simili, din id-dispożizzjoni ma timponix obbligu awtomatiku biex tindika l-kwantità ta' laħam għall-prodotti bħall-perżut ippreżervat niexef.

10.

L-Artikolu 22(1), il-punt b) tar-Regolament jipprevedi li: “L-indikazzjoni tal-kwantità ta' xi ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti użati fil-fabbrikazzjoni jew preparazzjoni ta' xi ikel għandha tkun meħtieġa fejn l-ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti konċernati: […](b) ikunu enfasizzati fuq it-tikkettar bi kliem, stampi jew grafika;[…]”.

11.

Skont l-Artikolu 22(1), il-punt b) tar-Regolament, ir-rekwiżit tal-QUID japplika:

(i)

fejn ingredjent partikolari jew kategorija ta' ingredjenti jkunu enfasizzati fuq it-tikketta minbarra fl-isem tal-ikel, eż. permezz ta' informazzjoni bħal

“bit-tiġieġ”

“magħmul bil-butir”

“bil-krema”

jew fejn ingredjent partikolari jew kategorija ta' ingredjenti jkunu enfasizzati permezz tal-użu ta' daqs, kulur u/jew stil differenti ta' kitba tal-ittri biex jirreferu għal ingredjenti partikolari xi mkien ieħor fuq it-tikketta fl-isem tal-ikel;

(ii)

fejn rappreżentazzjoni bi stampa tintuża biex tenfasizza b'mod selettiv ingredjent wieħed jew iktar, eż.:

casserole tal-ħut bi stampa jew illustrazzjoni prominenti ta' parti biss mill-ingredjenti tal-ħut;

(iii)

fejn ingredjent huwa enfasizzat permezz ta' xbieha li tevoka l-oriġini tiegħu, eż.:

xbieha jew tpinġija ta' baqra biex jiġu enfasizzati l-ingredjenti tal-ħalib: ħalib, butir.

12.

Hemm preżentazzjonijiet li jenħtieġ li ma jiġux ikkunsidrati bħala li jidħlu taħt din id-dispożizzjoni. Pereżempju:

fejn tingħata x-xbieha tal-ikel kif offrut għall-bejgħ; fejn rappreżentazzjoni bi stampa tkun fil-forma ta' “suġġeriment ta' kif għandu jisserva”, sakemm in-natura tar-rappreżentazzjoni bi stampa tkun magħmula ċara u ma tenfasizzax mod ieħor l-ikel li qed jinbiegħ u/jew kwalunkwe mill-ingredjenti tiegħu;

fejn ix-xbieha tirrappreżenta l-ingredjenti tal-ikel kollha mingħajr ma tenfasizza xi wieħed partikolari;

fejn, fil-każ ta' taħlita tal-ikel, rappreżentazzjoni bi stampa turi kif għandu jiġi ppreparat l-ikel skont l-istruzzjonijiet mingħajr ma tenfasizza xi ingredjent partikolari.

13.

L-Artikolu 22(1), il-punt c) tar-Regolament jipprevedi li: “L-indikazzjoni tal-kwantità ta' xi ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti użati fil-fabbrikazzjoni jew preparazzjoni ta' xi ikel għandha tkun meħtieġa fejn l-ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti konċernati: […](c) ikunu essenzjali biex jikkaratterizzaw xi ikel u jiddistingwuh mill-prodotti li magħhom jista' jiġi mfixkel minħabba ismu jew id-dehra tiegħu.”

14.

Il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni huwa li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-konsumaturi fl-Istati Membri fejn il-konsum ta' ċertu ikel huwa rregolat u/jew fejn il-konsumaturi jassoċjaw ċerti ismijiet ma' kompożizzjonijiet speċifiċi.

Il-firxa tal-ikel li għandu l-probabbiltà li jiġi affettwat hija żgħira ħafna, għaliex id-dispożizzjoni hija intenzjonata li tkopri prodotti li l-kompożizzjoni tagħhom tista' tvarja ħafna minn Stat Membru wieħed għall-ieħor iżda li normalment jitpoġġew fis-suq taħt l-istess isem.

Il-każijiet identifikati s'issa matul id-diskussjonijiet fil-passat mal-esperti tal-Istati Membri huma:

il-majoneż,

il-marżipan.

Biex japplika r-rekwiżit tal-QUID iridu jiġu ssodisfati b'mod kumulattiv żewġ kundizzjonijiet. L-ingredjent jew il-kategorija ta' ingredjenti trid tkun essenzjali kemm:

biex tikkaratterizza l-ikel, u

biex tiddistingwih mill-prodotti li magħhom jista' jiġi mfixkel minħabba ismu jew id-dehra tiegħu.

3.   Derogi mill-obbligu li tiġi indikata l-QUID

15.

L-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi każijiet fejn il-QUID mhix meħtieġa.

16.

Il-Punt 1(a)(i) tal-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi li “1. L-indikazzjoni kwantitattiva m'għandhiex tkun meħtieġa: (a) għal xi ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti: (i) li l-piż nett mingħajr ilma tagħhom hu indikat skont il-punt 5 tal-Anness IX; […]”.

Il-Punt 5 tal-Anness IX tar-Regolament jipprevedi li “Fejn ikel solidu jiġi ppreżentat f'forma likwida, il-piż nett tal-ikel imsoffi mil-likwidu għandu jiġi indikat ukoll. Fejn l-ikel ikun ġie suġġett għall-glazing, il-piż nett iddikjarat tal-ikel għandu jkun mingħajr il-glazing.

Għall-finijiet ta' dan il-punt, ‘il-forma likwida’ għandha tfisser il-prodotti li ġejjin, possibbilment f'taħlitiet u anki meta ffriżati jew iffriżati malajr, dment li l-likwidu ikun biss żieda mal-elementi essenzjali ta' dik il-preparazzjoni u għalhekk mhux fattur deċiżiv għax-xiri: ilma, taħlitiet ta' melħ fl-ilma, salmura, taħlitiet ta' ilma ta' aċidi fl-ikel, ħall, taħlitiet fl-ilma taz-zokkor, taħlitiet fl-ilma ta' sustanzi oħra ħelwin, ġulepp tal-frott jew tal-ħaxix fil-każ ta' frott jew ħxejjex.”

Għalhekk, f'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' hawn fuq tar-Regolament, kwalunkwe prodott li jrid jiddikjara l-piż nett bl-ilma msoffi u l-piż nett fuq it-tikketta tiegħu skont il-Punt 5 tal-Anness IX huwa eżenti mir-rekwiżit li jipprovdi QUID separata. Il-kwantità tal-ingredjent jew tal-kategorija ta' ingredjenti tista' tiġi kkalkulata mill-indikazzjoni tal-piż nett bl-ilma msoffi.

Eżempji: tonn fis-salmura, ananas fil-ġulepp.

B'analoġija, l-istess prinċipju bħal ta' hawn fuq jista' japplika wkoll fejn it-tikkettar ta' prodott ippreżentat f'forma likwida mhux kopert mill-Punt 5 tal-Anness IX (eż. żejt tal-ġirasol) jinkludi, fuq bażi volontarja, indikazzjoni tal-piż nett bl-ilma msoffi. Il-kwantità tal-ingredjent jew tal-kategorija ta' ingredjenti tista' tiġi kkalkulata mill-indikazzjoni tal-piż nett bl-ilma msoffi. Għalhekk, f'tali każ jenħtieġ li l-QUID ma jkunx hemm għalfejn tingħata.

L-eżenzjoni ma tapplikax fejn il-piż nett u l-piż nett bl-ilma msoffi jingħataw għal prodotti ta' ingredjenti mħalltin, fejn wieħed jew iktar minn dawn l-ingredjenti jiġi kkwotat fl-isem jew enfasizzat b'xi mod. L-ammont ta' kull ingredjent ma jistax jiġi kkalkulat mill-indikazzjonijiet tal-piż diġà mogħtija.

Eżempju: żebbuġ u bżar ippreżentati f'forma likwida. F'tali każ il-QUID hija meħtieġa għaż-żebbuġ u għall-bżar individwalment.

17.

Il-Punt 1(a)(ii) tal-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi li “1. L-indikazzjoni kwantitattiva m'għandhiex tkun meħtieġa: (a) għal xi ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti: […] (ii) li l-kwantitajiet tagħhom għandhom ikunu diġà jidhru fuq it-tikkettar skont id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni; […]”.

Id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li hemm referenza għalihom f'dan il-punt huma elenkati fit-tabella hawn taħt. Il-QUID mhix meħtieġa jekk il-leġiżlazzjoni diġà tirrikjedi l-kwantità tal-ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti inkwistjoni li għandhom jiġu indikati fuq it-tikketta. Madankollu, fejn, fil-każ ta' nektars u ġammijiet prodotti b'żewġ frottiet jew iktar individwalment enfasizzati fuq it-tikketta permezz ta' kliem jew xbihat jew inklużi individwalment fl-isem tal-ikel, il-kwantità jew il-perċentwal ta' dawk l-ingredjenti jridu jkunu indikati wkoll.

Id-Direttiva 1999/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6)

Estratti tal-kafè u estratti taċ-ċikwejra

(l-Artikolu 2)

Id-Direttiva 2000/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7)

Prodotti tal-kawkaw u taċ-ċikkulata

(l-Artikolu 3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE (8)

Meraq tal-frott u ċerti prodotti simili

(l-Artikolu 3(7): kontenut tal-frott tan-nektar)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/113/KE (9)

Ġammijiet tal-frott, jellies u marmellati u puree tal-qastan

(l-Artikolu 2)

18.

Il-Punt 1(a)(iii) tal-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi li “L-indikazzjoni kwantitattiva m'għandhiex tkun meħtieġa: (a) għal xi ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti: […] (iii) li huma użati fi kwantitajiet żgħar għall-finijiet ta' aromatizzanti; […]”

L-eżenzjoni jenħtieġ li tiftiehem bħala li mhix limitata għal “aromatizzanti” kif definit fir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10): tapplika għal kwalunkwe ingredjent (jew kategorija ta' ingredjenti) użati fi kwantitajiet żgħar biex jagħtu togħma lill-ikel (eż. tewm, ħxejjex aromatiċi, ħwawar).

Id-definizzjoni ta' “kwantitajiet żgħar” mhix definita fir-Regolament. Jenħtieġ li tiġi vvalutata fuq bażi ta' każ b'każ.

Eżempji: ħobż bit-tewm, chips togħma ta' prawn cocktail, chips togħma ta' tiġieġ.

19.

Il-Punt 1(a)(iv) tal-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi li “L-indikazzjoni kwantitattiva m'għandhiex tkun meħtieġa: (a) għal xi ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti: […] (iv) li, filwaqt li jidhru fl-isem tal-ikel, mhumiex tali li jiddeterminaw l-għażla tal-konsumatur fil-pajjiż fejn jinbiegħu minħabba li l-varjazzjoni fil-kwantità mhix essenzjali biex tikkaratterizza l-ikel jew ma tiddistingwihx minn ikel simili; […]”.

Din id-dispożizzjoni tipprevedi eżenzjoni mir-rekwiżit tal-QUID fejn il-kwantità ta' ingredjent imsemmi fl-isem tal-ikel ma taffettwax id-deċiżjoni tax-xiri tal-konsumatur.

L-eżenzjoni tapplika biss fejn l-isem tal-ingredjent jew tal-kategorija ta' ingredjenti jidher fl-isem tal-ikel. Tapplika wkoll fejn ir-ripetizzjonijiet identiċi tal-kliem użat għall-isem tal-ikel jidhru fuq l-uċuħ differenti tal-imballaġġ. Jenħtieġ li ma tapplikax jekk l-isem tal-ingredjent huwa enfasizzat, u b'mod partikolari fejn l-isem jidher barra mill-isem tal-ikel u fl-informazzjoni li tiġbed l-attenzjoni tax-xerrej għall-preżenza tal-ingredjent.

B'mod indikattiv, it-tipi ta' ikel koperti minn din l-eżenzjoni jistgħu jkunu:

malt whiskey/whisky u prodotti simili bħal grain vodka,

likuri standard li fid-denominazzjoni tagħhom jidher biss l-ingredjent użat biex jagħti togħma lill-alkoħol,

spirti tar-residwu tal-għasra, spirti tal-frott, spirti (preċeduti mill-isem tal-frotta) miksuba mill-maċerazzjoni u d-distillazzjoni, u Geist (bl-isem tal-frotta jew tal-materja prima użata) skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), l-Anness II, il-punti 6, 9, 16 u 17,

zalza tas-sojja,

stikek mielħa,

stikek biż-żerriegħa tal-pepprin,

stikek biż-żerriegħa tal-ġunġlien,

qamħirrum iqarmeċ,

birra tal-għasel.

20.

Il-Punt 1(b) tal-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi li “L-indikazzjoni kwantitattiva m'għandhiex tkun meħtieġa: (b) fejn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni jistipulaw preċiżament il-kwantità ta' ingredjent jew ta' kategorija ta' ingredjenti mingħajr ma jipprevedu l-indikazzjoni tagħhom fuq it-tikketta; […]”.

Fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma hemmx dispożizzjonijiet li jistipulaw kwantitajiet preċiżi tal-ingredjenti mingħajr ma jipprovdu għal indikazzjoni fuq it-tikkettar. Il-Punt 1(b) tal-Anness VIII tar-Regolament jirrikjedi “kwantità preċiża”. Għalhekk, l-impożizzjoni ta' ammont minimu ta' ingredjent jenħtieġ li ma tiġix ikkunsidrata bħala raġuni għal eżenzjoni skont din id-dispożizzjoni.

21.

Il-Punt 1(c) tal-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi li “L-indikazzjoni kwantitattiva m'għandhiex tkun meħtieġa: (c) fil-każijiet imsemmija fil-punti 4 u 5 tal-Parti A tal-Anness VII.”

22.

Il-Punt 4 tal-Parti A tal-Anness VII tar-Regolament jipprevedi li “Il-frott, il-ħaxix jew il-faqqiegħ, li ma tantx jippredominaw f'termini ta' użin u li huma użati fi proporzjonijiet li x'aktarx ivarjaw, użati f'taħlita bħala ingredjenti ta' xi ikel jistgħu jitqiegħdu flimkien fi grupp fil-lista ta' ingredjenti taħt l-isem ‘frott’, ‘ħxejjex’ jew ‘faqqiegħ’ flimkien mal-frażi ‘fi proporzjonijiet li jvarjaw’, segwiti immedjatament b'lista tal-frott, ħxejjex jew faqqiegħ preżenti. F'dawk il-każijiet, it-taħlita għandha titniżżel fil-lista ta' ingredjenti skont l-Artikolu 18(1), abbażi tal-piż totali tal-frott, ħxejjex jew faqqiegħ preżenti.”

F'dan il-każ, il-QUID mhix meħtieġa għal kull komponent ta' dik it-taħlita fejn l-ebda mill-komponenti ma huma predominanti b'mod sinifikanti f'termini ta' piż u dawk il-komponenti jintużaw fi proporzjonijiet li probabbilment ivarjaw.

23.

Il-Punt 5 tal-Parti A tal-Anness VII tar-Regolament jipprevedi li “Ingredjenti f'taħlitiet ta' ħwawar jew ħxejjex aromatiċi, fejn l-ebda minnhom ma tippredomina sew fil-proporzjon bl-użin jistgħu jitniżżlu f'ordni differenti dment li dik il-lista ta' ingredjenti tkun akkumpanjata b'espressjoni bħal ‘fi proporzjon varjabbli’.”

F'dan il-każ, il-QUID mhix meħtieġa għal kull komponent ta' dik it-taħlita fejn l-ebda mill-komponenti fit-taħlita ma huma predominanti b'mod sinifikanti bil-piż.

24.

Il-Punt 2 tal-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi li “Il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 22(1) m'għandhomx japplikaw fil-każ ta': (a) xi ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti koperti bl-indikazzjoni ‘fih dolċifikant(i)’ jew ‘għandu z-zokkor u dolċifikant(i)’ jekk dik l-indikazzjoni tkun mal-ikel, skont l-Anness III; jew (b) kwalunkwe vitamini u minerali miżjuda jekk dik is-sustanza tkun suġġetta għad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni.”

Billi timxi fuq l-istess prinċipju, il-QUID marbuta mal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 22(1) jenħtieġ li ma tkunx meħtieġa għal kwalunkwe nutrijent miżjud jew sustanza oħra b'effett nutrittiv jew fiżjoloġiku li huma ingredjenti ta' supplimenti tal-ikel fejn l-informazzjoni nutrittiva hija fornuta skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

4.   Forom ta' espressjoni għall-QUID

25.

Il-Punt 3(a) tal-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi li “L-indikazzjoni tal-kwantità ta' xi ingredjent jew kategorija tal-ingredjenti għandha (a) tkun espressa bħala perċentwal, li għandu jikkorrispondi għall-kwantità tal-ingredjent jew ingredjenti meta dawn jintużaw […]”.

Il-kwantità dikjarata ta' ingredjent hija kkalkulata abbażi tar-riċetta fil-mument ta' meta jiġu miżjuda l-ingredjenti, jiġifieri l-istess metodu kif jintuża biex jiddetermina l-ordni fil-lista tal-ingredjenti (l-Artikolu 18(1) tar-Regolament).

26.

Il-Punt 4 tal-Anness VIII tar-Regolament jelenka għadd ta' eżenzjonijiet mill-prinċipju dikjarat fil-punt 3(a), b'mod partikolari rilevanti għall-ikel li tilef l-indewwa wara t-trattament tiegħu, għall-ingredjenti volatili u għall-ikel u l-ingredjenti konċentrati u deidrati.

Iktar partikolari:

27.

Il-Punt 4(a) tal-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi li “B'deroga mill-punt 3: (a) fejn l-ikel ikun tilef mill-irtubija tiegħu minħabba trattament bis-sħana jew trattament ieħor, il-kwantità għandha tkun espressa bħala perċentwal li għandu jikkorrispondi għall-kwantità tal-ingredjent jew ingredjenti użati, marbut mal-prodott lest, sakemm dik il-kwantità jew il-kwantità totali tal-ingredjenti kollha indikati fuq it-tikkettar taqbeż il-100 %, f'liema każ il-kwantità għandha tiġi indikata abbażi tal-piż tal-ingredjent jew ingredjenti użati biex jiġu preparati 100 g tal-prodott lest;”.

Il-QUID fuq l-ikel li tilef l-indewwa wara l-produzzjoni (bħal kejkijiet, gallettini, torti, laħam ippreservat niexef) trid tkun ibbażata fuq il-kwantità tal-ingredjent fl-istadju ta' meta jkun fl-iskutella tat-taħlit espressa bħala perċentwal tal-kwantità tal-prodott lest. Pereżempju:

Għal “cookie tal-butir”, fejn il-butir biss ikun jeħtieġ il-QUID, il-kalkolu jrid ikun kif ġej:

Piż tal-ingredjenti:

Dqiq: 100 g

Zokkor: 40 g

Butir: 50 g

Bajd: 10 g

Piż totali tal-ingredjenti fl-iskutella tat-taħlit: 200 g

Piż totali tal-prodott lest wara li jinħema: 170 g

Kalkolu għall-QUID tal-butir bħala perċentwal: (50/170)*100 = 29,4 % butir.

Minħabba l-fatt li l-QUID tal-butir ma taqbiżx il-100 %, il-QUID għall-butir trid tkun espressa bħala perċentwal f'rabta mal-prodott lest (jiġifieri 29,4 %).

Madankollu, fil-każ li l-QUID taqbeż il-100 % f'rabta mal-prodott lest, trid tiġi pprovduta abbażi tal-piż tal-ingredjent(i) użat(i) biex jitħejjew 100 g tal-prodott lest. Pereżempju:

Għal prodott tal-laħam niexef (salami) magħmul mil-laħam tal-majjal, fejn il-laħam tal-majjal biss ikun jeħtieġ il-QUID, il-kalkolu jrid ikun kif ġej:

Piż tal-ingredjenti:

Laħam tal-majjal: 120 g

Melħ: 4,1 g

Trab tal-ħalib: 3 g

Ingredjenti oħrajn: 2,9 g

Piż totali tal-ingredjenti fl-iskutella tat-taħlit: 130 g

Piż totali tal-prodott lest: 100 g

Kalkolu għall-QUID tal-laħam tal-majjal bħala perċentwal: (120/100)*100 = 120 % laħam tal-majjal.

Minħabba l-fatt li l-kalkolu tal-QUID għal-laħam tal-majjal jaqbeż il-100 %, il-perċentwal irid jiġi sostitwit permezz ta' indikazzjoni abbażi tal-piż tal-laħam tal-majjal użat fit-tħejjija ta' 100 g ta' salami (eż. l-indikazzjoni tal-QUID tista' tkun espressa kif ġej: “120 g ta' laħam tal-majjal intużaw għall-produzzjoni ta' 100 g ta' salami”).

28.

Il-Punt 4(b) tal-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi li “B'deroga mill-punt 3: […] (b) il-kwantità tal-ingredjenti volatili għandha tiġi indikata abbażi tal-proporzjon tagħhom bl-użin fil-prodott lest;”.

L-indikazzjoni tal-QUID għall-ingredjenti volatili (eż. brandy f'kejk jew pudina) trid tkun ibbażata fuq il-kwantità tal-ingredjent fl-istadju ta' meta jkun fl-iskutella tat-taħlit espressa bħala perċentwal tal-kwantità tal-prodott lest.

29.

Il-Punt 4(c) tal-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi li “B'deroga mill-punt 3: […] (c) il-kwantità ta' ingredjenti użati f'forma konċentrata jew deidrata u magħmula mill-ġdid waqt il-fabbrikazzjoni tista' tiġi indikata abbażi tal-proporzjon tagħhom bl-użin kif meħud waqt il-konċentrazzjoni jew id-deidrazzjoni tagħhom;”.

Id-deroga ta' hawn fuq triq tinqara flimkien mal-Punt 2, il-Parti A tal-Anness VII tar-Regolament li jipprevedi li “Ingredjenti użati f'forma konċentrata jew deidrata u magħmula mill-ġdid waqt il-fabbrikazzjoni/Jistgħu jitniżżlu fl-ordni skont il-piż tagħhom kif irreġistrat qabel il-konċentrazzjoni jew id-deidrazzjoni tagħhom.” F'dan ir-rigward, fejn l-operatur tan-negozju tal-ikel jelenka l-ingredjenti li jagħmlu użu mid-dispożizzjoni tal-Anness VII, il-Parti A, il-Punt 2, irid jindika wkoll il-QUID skont id-dispożizzjoni taħt il-Punt 4(c) tal-Anness VIII.

30.

Il-Punt 4(d) tal-Anness VIII tar-Regolament jipprevedi li: “B'deroga mill-punt 3: […] (d) fil-każ ta' ikel konċentrat jew deidrat li hu intiż li jiġi magħmul mill-ġdid biż-żieda ta' ilma, il-kwantità tal-ingredjenti tista' tiġi indikata abbażi tal-proporzjon tagħhom bl-użin fil-prodott magħmul mill-ġdid.”

Id-deroga ta' hawn fuq triq tinqara flimkien mal-Punt 3, il-Parti A tal-Anness VII tar-Regolament li jipprevedi li “Ingredjenti użati f'ikel konċentrat jew deidrat, li huma intiżi biex jiġu magħmula mill-ġdid biż-żieda ta' ilma/Jistgħu jitniżżlu f'ordni proporzjonali tal-prodott magħmul mill-ġdid dejjem jekk il-lista ta' ingredjenti jkollha magħha espressjoni, bħala ‘ingredjenti tal-prodott magħmul mill-ġdid’ jew ‘ingredjenti tal-prodott lest biex jintuża’.” F'dan ir-rigward, fejn l-operatur tan-negozju tal-ikel jelenka l-ingredjenti li jagħmlu użu mid-dispożizzjoni tal-Anness VII, il-Parti A, il-Punt 3, irid jindika wkoll il-QUID skont id-dispożizzjoni taħt il-punt 4(d) tal-Anness VIII.

31.

Il-QUID jenħtieġ li tirrelata mal-ingredjenti kif indikat fil-lista tal-ingredjenti. L-ingredjenti indikati, pereżempju, bħala “tiġieġa”, “ħalib”, “bajda”, “banana” jenħtieġ li jiġu kwantifikati bħala mhux imsajrin/sħaħ, għaliex l-ismijiet użati ma jagħtux indikazzjoni tal-ipproċessar u għalhekk jimplikaw l-użu tal-ikel mhux imsajjar/sħiħ. L-ingredjenti identifikati bl-ismijiet li jindikaw li ntużaw f'forma apparti mill-forma mhux imsajjra/sħiħa tagħhom, eż. “tiġieġa mixwija”, “ħalib tat-trab”, “frott kristallizat”, jenħtieġ li jiġu kwantifikati kif użati.

32.

Il-Punt 1, il-Parti A tal-Anness VII tar-Regolament jipprevedi li l-ilma miżjud u l-prodotti volatili jridu jitniżżlu fl-ordni skont il-piż tagħhom tal-prodott lest. Madankollu, dan ma japplikax għall-ilma miżjud fil-każ li l-ammont tiegħu ma jaqbiżx il-5 % tal-piż tal-prodott lest. Din id-deroga ma tapplikax għal-laħam, il-preparazzjonijiet tal-laħam, prodotti tal-ħut mhux ipproċessati u molluski bivalvi mhux ipproċessati.

Madankollu, l-ammont ta' ilma miżjud taħt il-5 % irid jitqies għall-kalkolu tal-QUID tal-ingredjenti fl-ikel li miegħu ġie miżjud l-ilma.

33.

Il-kwantitajiet indikati fuq it-tikkettar jiddenominaw il-kwantità medja tal-ingredjent jew tal-kategorija ta' ingredjenti li jridu jissemmew. Kwantità medja tfisser il-kwantità tal-ingredjent jew tal-kategorija ta' ingredjenti miksuba b'riżultat ta' konformità mar-riċetta u l-prattika tajba ta' manifattura, li tippermetti għall-varjazzjonijiet normali tal-manifattura tal-produttur.

5.   Pożizzjoni tal-QUID fuq it-tikkettar

34.

Il-QUID hija dettall mandatorju elenkat fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament u trid tiġi ppreżentata fuq it-tikketta skont ir-regoli tal-Artikolu 13 “Preżentazzjoni tad-dettalji mandatorji”.

35.

Il-Punt 3(b) tal-Anness VIII tar-Regolament fih previst li “L-indikazzjoni tal-kwantità ta' xi ingredjent jew kategorija tal-ingredjenti għandha: […] (b) tidher jew fl-isem jew eżatt ħdejn l-isem tal-ikel jew fil-lista ta' ingredjenti b'konnessjoni mal-ingredjent jew kategorija ta' ingredjenti konċernati.”

36.

Fil-każ ta' kategoriji ta' ingredjenti mhux inklużi fil-Parti B tal-Anness VII u li għalhekk ma jistgħux jidhru waħidhom fil-lista tal-ingredjenti, il-QUID ta' dawn il-kategoriji trid tidher fl-isem tal-ikel jew eżattament ħdejh.

37.

Fil-każ tal-ikel li bħalissa huwa eżenti mill-elenkar tal-ingredjenti, l-indikazzjoni tal-QUID trid tidher fl-isem tal-ikel jew eżattament ħdejh sakemm ma tkunx indikata b'mod volontarju lista tal-ingredjenti fuq it-tikkettar, f'liema każ il-QUID tista' tidher fil-lista tal-ingredjenti.


(1)  ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.

(2)  ĠU L 33, 8.2.1979, p. 1.

(3)  Skont l-Artikolu 2(2), il-punt h) tar-Regolament, “ingredjent kompost” tfisser ingredjent li fih innifsu huwa r-riżultat ta' aktar minn ingredjent wieħed.

(4)  Isem tradizzjonali kif definit fl-Artikolu 2(2), il-punt o) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

(5)  Isem deskrittiv kif definit fl-Artikolu 2(2), il-punt p) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

(6)  ĠU L 66, 13.3.1999, p. 26.

(7)  ĠU L 197, 3.8.2000, p. 19.

(8)  ĠU L 10, 12.1.2002, p. 58.

(9)  ĠU L 10, 12.1.2002, p. 67.

(10)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34.

(11)  ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.

(12)  ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51.


Top