EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31998R0994

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta' għajnuna Statali orizzontali

ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1–4 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/10/2015; Revokat u sostitwit bi 32015R1588

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1998/994/oj

31998R0994



Official Journal L 142 , 14/05/1998 P. 0001 - 0004


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98

tas-7 ta' Mejju 1998

dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta' għajnuna Statali orizzontali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u partikolarment l-Artikolu 94 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkonsulta l-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

(1) Billi, skond l-Artikolu 94 tat-Trattat, il-Kunsill jista' jagħmel kull regolament xieraq għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 92 u 93 u jista', b'mod partikolari, jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li fihom l-Artikolu 93(3) għandu japplika u l-kategoriji ta' għajnuna eżentata minn din il-proċedura;

(2) Billi, taħt it-Trattat, l-istima tal-kompatibilità tal-għajnuna mas-suq komuni essenzalment tintemm għand il-Kummissjoni;

(3) Billi l-ħidma xierqa tas-suq intern titlob applikazzjoni stretta u effiċjenti tar-regoli tal-kompetizzjoni rigward għajnuna Statali;

(4) Billi l-Kummissjoni applikat l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat f'numru ta' deċiżjonijiet u ddikjarat ukoll il-politika tagħha f'numru ta' komunikazzjonijiet; billi, fid-dawl ta' l-esperjenza konsiderevoli tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat u t-testi ġenerali maħruġa mill-Kummissjoni abbażi ta' dawk id-disposizzjonijiet, huwa xieraq, sabiex tkun assigurata s-sorveljanza effiċjenti u tkun simplifikata l-amministrazzjoni, mingħajr ma tiddgħajjef is-sorveljanza tal-Kummissjoni, li l-Kummissjoni titħalla tiddikjara permezz ta' regolamenti, f'suġġetti fejn il-Kummissjoni għandha biżżejjed esperjenza sabiex tiddefinixxi kriterji ta' kompatibilità ġenerali, li ċertu kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq komuni skond disposizzjoni waħda jew aktar ta' l-Artikolu 92(2) u (3) tat-Trattat u huma eżenti mill-proċedura provduta fl-Artikolu 93(3) ta' l-istess;

(5) Billi regolamenti għal eżenzjoni ta' gruppi jżidu t-trasparenza u ċ-ċertezza legali; billi jistgħu jkunu direttament applikabbli mill-Qrati nazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 5 u 177 tat-Trattat;

(6) Billi huwa xieraq li l-Kummissjoni, meta taddotta regolamenti li jeżentaw kategoriji ta' għajnuna mill-obbligu ta' notifika provdut fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat, tispeċifika l-għan tal-għajnuna, il-kategoriji ta' benefiċjarji u l-limiti fuq l-għajnuna eżentata, l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ġabra tal-għajnuna u l-kondizzjonijiet ta' sorveljanza, sabiex tkun assigurata l-kompatibilità mas-suq komuni ta' għajnuna koperta b'dan ir-Regolament;

(7) Billi huwa xieraq li l-Kummissjoni tkun tista', meta taddotta regolamenti li jeżentaw ċertu kategoriji ta' għajnuna mill-obbligu ta' notifika fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat, timponi aktar kondizzjonijiet dettaljati sabiex tassigura l-kompatibilità mas-suq komuni ta' għajnuna koperta b'dan ir-Regolament;

(8) Billi jista' jkun ta' użu li jkunu stabbiliti limiti ta' kondizzjonijiet oħra xierqa li jitolbu n-notifika ta' premijiet ta' għajnuna sabiex iħallu l-Kummissjoni teżamina individwalment l-effett ta' ċertu għajnuna fuq il-kompetizzjoni u n-negozju bejn l-Istati Membri u l-kompatibilità tagħha mas-suq komuni;

(9) Billi l-Kummissjoni wara li tikkunsidra l-iżvilupp u l-ħidma tas-suq komuni, għandha tkun tista' tistabbilixxi permezz ta' regolament li ċertu għajnuna ma taderixxix mal-kriterji kollha ta' l-Artikolu 92(1) tat-Trattat u hija għalhekk eżenti mill-proċedura ta' notifika provduta fl-Artikolu 93(3), basta li l-għajnuna mogħtija lill-istess intrapriża fuq perjodu ta' żmien mogħti ma' teċċedix ċertu ammont fiss;

(10) Billi skond il-proċedura ta' l-Artikolu 93(1) tat-Trattat il-Kummissjoni hija marbuta, f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri li żżomm taħt reviżjoni kostanti s-sistemi kollha ta' għajnuna eżistenti; billi għal dan il-għan u sabiex tassigura l-aktar grad possibbli ta' trasparenza u kontroll adegwat huwa mixtieq li l-Kummissjoni tassigura t-twaqqif ta' sistema ta' reġistrazzjoni u ħażna ta' informazzjoni affidabbli dwar l-applikazzjoni ta' regolamenti li taddotta, li għalihom l-Istati Membri kollha għandhom aċċess, u li tirċievi l-informazzjoni kollha neċessarja mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-għajnuna eżentata minn notifikazzjoni li tissodisfa dan l-obbligu, li jista jkun eżaminat u evalwat ma' l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat Konsultattiv; billi għal dan il-għan huwa wkoll mixtieq li l-Kummissjoni tkun tista titlob dik l-informazzjoni sabiex tkun fornita kif xieraq sabiex tassigura l-effiċjenza ta' din ir-reviżjoni;

(11) Billi l-kontroll tal-għotja tal-għajnuna jinvolvi fatturi fattwali, legali u ekonomiċi ta' natura kumplessa ħafna u varjetà kbira f'ambjent li dejjem ikun qed jevolvi; billi l-Kummissjoni għandha għalhekk regolarment tirrevedi l-kategoriji ta' għajnuna li għandhom ikunu eżentati min-notifika; billi l-Kummissjoni għandha tkun tista tħassar jew temenda regolamenti li tkun addottat skond dan ir-Regolament meta ċ-ċirkostanzi jkunu tbiddlu rigward xi element importanti li jkun ikkostitwixxa l-qafas għall-addozzjoni jew fejn l-iżvilupp progressiv jew il-funzjoni tas-suq komuni titlob hekk;

(12) Billi l-Kummissjoni, f'relazzjoni mill-qrib u kostanti ma' l-Istati Membri, għandha tkun tista tiddefinixxi preċiżament l-iskop ta' dawn ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet annessi magħhom; billi, sabiex tipprovdi għal koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, huwa xieraq li jkun stabbilit kumitat konsultattiv dwar għajnuna Statali li għandu jkun ikkonsultat qabel il-Kummissjoni taddotta regolamenti skond dan ir-Regolament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Eżenzjonijiet tal-grupp

1. Il-Kummissjoni tista', permezz ta' regolamenti addottati f'konformità mal-proċeduri provduti fl-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament u f'konformità ma' l-Artikolu 92 tat-Trattat, tiddikjara li l-kategoriji li ġejjin għandhom ikunu kompatibbli mas-suq komuni u m'għandhomx ikunu soġġetti għall-bżonnijiet ta' notifika ta' l-Artikolu 93(3) tat-Trattat:

(a) għajnuna favur:

(i) intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

(ii) riċerka u żvilupp;

(iii) protezzjoni tal-ambjent;

(iv) impieg u taħriġ;

(b) għajnuna li tħares il-mappa approvata mill-Kummissjoni għal kull Stat Membru għall-għotja ta' għajnuna reġjonali.

2. Ir-regolamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jispeċifikaw għal kull kategorija ta' għajnuna:

(a) l-għan tal-għajnuna;

(b) il-kategoriji tal-benefiċjarji;

(ċ) limiti espressi jew f'termini ta' intensitajiet tal-għajnuna f'relazzjoni ma' sett ta' spejjeż eliġibbli jew ta' ammonti ta' għajnuna massima;

(d) il-kondizzjonijiet li jiggvernaw il-ġabra tal-għajnuna;

(e) il-kondizzjonijiet ta' sorveljanza kif speċifikati fl-Artikolu 3.

3. Ukoll, ir-regolamenti msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu, b'mod partikolari:

(a) iwaqqfu limiti jew kondizzjonijiet oħra għan-notifika tal-għotja ta' għajnuna individwali;

(b) jeskludu ċertu setturi mill-iskop tagħhom;

(ċ) jimponu aktar kondizzjonijiet għall-kompatibbilità tal-għajnuna eżentata taħt dawn ir-regolamenti.

Artikolu 2

De minimis

1. Il-Kummissjoni tista', permezz ta' regolament addottat skond il-proċedura provduta fl-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament, tiddeċiedi li, wara li kkunsidrat l-iżvilupp u l-funzjoni tas-suq komuni, ċertu għajnuna ma' tissodisfax il-kriterji kollha ta' l-Artikolu 92(1) u li huma għalhekk eżentati mill-proċedura ta' notifika li hemm provduta fl-Artikolu 93(3), basta li għajnuna mogħtija lill-istess intrapriża fuq perjodu ta' żmien mogħti ma' jeċċedix ċertu ammont fiss.

2. Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom, f'kull ħin, jikkomunikawlha kull informazzjoni addizzjonali rigward għajnuna eżentata taħt l-paragrafu 1.

Artikolu 3

Trasparenza u sorveljanza

1. Meta tkun qed taddotta regolamenti skond l-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha timponi regoli dettaljati fuq l-Istati Membri sabiex tassigura trasparenza u sorveljanza tal-għajnuna eżentata minn notifikazzjoni f'konformità ma' dawk ir-regolamenti. Dawn ir-regoli għandhom jikkonsistu, b'mod partikolari, fir-rekwiżiti provduti fil-paragrafi 2, 3 u 4.

2. Mal-implimentazzjoni ta' sistemi ta' għajnuna jew għajnuna individwali mogħtija 'l barra minn kull sistema, li kienet eżentata skond dawn ir-regolamenti, l-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni, ġabra fil-qosor tal-informazzjoni rigward dawn is-sistemi ta' għajnuna jew għajnuna individwali mhux koperta b'sistemi ta' għajnuna eżentati, bl-għan li jkunu ppublikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

3. L-Istati Membri għandhom jirreġistraw u jiġbru l-informazzjoni kollha dwar l-applikazzjoni ta' eżenzjonijiet ta' grupp. Jekk il-Kummissjoni għandha informazzjoni li twassalha sabiex tiddubita li regolament ta' eżenzjoni qed ikun applikat tajjeb, l-Istati Membri għandhom jgħaddulha kull informazzjoni li tikkunsidra neċessarja sabiex teżamina jekk għajnuna tħarisx dak ir-regolament.

4. Mill-inqas darba fis-sena, l-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni rapport dwar l-applikazzjoni ta' eżenzjonijiet ta' grupp, skond il-bżonnijiet speċifiċi tal-Kummissjoni, preferibbilment f'forma kompjuterizzata. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dawn ir-rapporti aċċessibbli għall-Istati Membri kollha. Il-Kumitat Konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 7 għandu jeżamina u jevalwa dawn ir-rapporti darba fis-sena.

Artikolu 4

Perjodu ta' validità u emendar tar-regolamenti

1. Regolamenti addottati skond l-Artikoli 1 u 2 għandhom japplikaw għal perjodu speċifiku. Għajnuna eżentata b'regolament addottat skond l-Artikoli 1 u 2 għandha tkun eżenti għall-perjodu ta' validità ta' dak ir-regolament u għall-perjodu ta' aġġustament li hemm provdut għalih fil-paragrafi 2 u 3.

2. Regolamenti addottati skond l-Artikoli 1 u 2 jistgħu ikunu ripetuti jew emendati fejn ċirkostanzi jinbiddlu dwar xi element importanti li kkostitwixxa raġuni għall-addozzjoni tagħhom jew fejn l-iżvilupp progressiv jew il-ħidma tas-suq komuni hekk tirrikjedi. F'dak il-każ ir-regolament il-ġdid għandu jipprovdi perjodu ta' aġġustament ta' sitt xhur għall-aġġustament ta' għajnuna koperta bir-regolament ta' qabel.

3. Regolamenti addottati skond l-Artikoli 1 u 2 għandhom jipprovdu għal perjodu kif imsemmi fil-paragrafu 2, jekk l-applikazzjoni tagħhom ma' tkunx estiża meta jiskadu.

Artikolu 5

Rapport ta' evalwazzjoni

Kull ħames snin il-Kummissjoni għandha tagħti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-regolament. Għandha tissottometti abbozz tar-rapport għall-kunsiderazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 7.

Artikolu 6

Smigħ ta' partijiet interessati

Fejn il-Kummissjoni taħseb li ser taddotta regolament, għandha tippubblika abbozz ta' l-istess sabiex tippermetti lill-partijiet u organizzazzjonijiet kollha interessati li jissottomettu l-kummenti tagħhom għalih matul limitu ta' żmien raġonevoli li għandu jkun iffissat mill-Kummissjoni u li m'għandu taħt l-ebda ċirkostanza jkun ta' anqas minn xahar.

Artikolu 7

Kumitat Konsultattiv

Kumitat konsultattiv, minn issa 'l quddiem msejjaħ il-Kumitat Konsultattiv dwar Għajnuna Statali, għandu jitwaqqaf. Għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u presedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

Artikolu 8

Konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv

1. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Kumitat Konsultattiv dwar Għajnuna Statali:

(a) qabel ma' tippubblika xi abbozz ta' regolament;

(b) qabel ma' taddotta xi regolament.

2. Konsultazzjoni tal-Kumitat għandha sseħħ f'laqgħa msejjħa mill-Kummissjoni. L-abbozzi u dokumenti li għandhom ikunu eżaminati għandhom ikunu mehmuża man-notifika. Il-laqgħa għandha sseħħ mhux aktar kmieni minn xahrejn wara li tkun intbagħtet in-notifika.

Dan il-perjodu jista' jitnaqqas fil-każ ta' konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b), meta urġenti jew f'każ sempliċi ta' estensjoni tar-regolament.

3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz, fil-perjodu li jistgħa jkun stipulat mill-President skond l-urġenza tal-każ, jekk neċessarju billi jittieħed vot.

4. L-opinjoni għandha tkun irreġistrata fil-minuti; ukoll, kull Stat Membru għandu jkollu d-dritt li jsaqsi li l-posizzjoni tiegħu tkun irreġistrata fil-minuti. Il-Kumitat Konsultattiv jista' jirrikmanda publikazzjoni tal-opinjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

5. Il-Kummissjoni għandha jikkunsidra b'mod l-aktar serju tal-opinjoni mogħtija mill-Kumitat. Għandha tinforma l-Kumitat dwar kif l-opinjoni tiegħu kienet ikkunsidrata.

Artikolu 9

L-aħħar disposizzjonijiet

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-ġurnata wara dik li fiha jkun ippublikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel fis-7 ta' Mejju 1998.

F'isem il-Kunsill

Il-President

M. Beckett

[1] ĠU C 262, tat-28.8.1997, p. 6.

[2] ĠU C 138, ta' l-4.5.1998.

[3] ĠU C 129, tas-27.4.1998, p. 70.

--------------------------------------------------

Top