EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Rekwiżiti tal-ekodisinn — smartphones, mowbajls għajr smartphones, telefons bla fili u slate tablets

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2023/1670 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-ismartphones, għat-telefowns ċellulari għajr l-ismartphones, għat-telefowns bla fili u għall-islate tablets

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan għandu l-għan li jillimita l-impatt ambjentali tat-telefowns ċellulari u tat-telefons bla fili li jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni Ewropea (UE) billi jintroduċi rekwiżiti minimi.

PUNTI EWLENIN

Karatteristiċi ewlenin

  • Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn huma stabbiliti fl-Anness II, inklużi regoli dwar:
    • ir-reżistenza għal waqgħat jew brix aċċidentali u protezzjoni minn trab u ilma;
    • id-durabbiltà tal-batteriji — batteriji tal-ismartphones u l-islate tablets għandhom jifilħu għal mill-inqas 800 ċiklu ta’ ċarġ u skariku filwaqt li jżommu mill-inqas 80 % tal-kapaċità inizjali tagħhom;
    • iż-żarmar u t-tiswija, inklużi l-obbligi għall-produtturi li jagħmlu l-ispare parts kritiċi disponibbli għas-sewwejja fi żmien 5–10 ijiem ta’ xogħol, u sa 7 snin wara t-tmiem tal-bejgħ tal-mudell tal-prodott fis-suq tal-UE;
    • l-aġġornamenti tas-sistema operatorja għal mill-inqas 5 snin wara li l-prodott ikun tqiegħed fis-suq;
    • aċċess mhux diskriminatorju għas-sewwejja professjonali għal kwalunkwe software jew firmware meħtieġ għas-sostituzzjoni.
  • Ir-regolament jispeċifika liema proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità japplikaw.
  • L-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE għandhom japplikaw il-proċeduri ta’ verifika stabbiliti fl-Anness IV meta jwettqu l-kontrolli tas-sorveljanza tas-suq.
  • Ir-regolament speċifikament jipprojbixxi apparati magħmula biex jibdlu l-prestazzjoni tagħhom taħt l-ittestjar.
  • L-Anness V jistabbilixxi parametri referenzjarji indikattivi għall-prodotti u t-teknoloġija bl-aqwa prestazzjoni disponibbli fis-suq.

Rieżami

  • Il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku u tippreżenta r-riżultati tagħha, inkluż, jekk xieraq, abbozz ta’ proposta għal reviżjoni, sal-20 ta’ Settembru 2027, lil Forum ta’ Konsultazzjoni stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2017/1369 (ara s-sommarju).

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan se japplika mill-20 ta’ Ġunju 2025 bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 6, li ilu japplika mill-20 ta’ Settembru 2023.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Ekodisinn. Politika għat-titjib, permezz ta’ disinn aħjar, tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, speċjalment l-effiċjenza enerġetika tagħhom.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1670 tas-16 ta’ Ġunju 2023 lli jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-ismartphones, għat-telefowns ċellulari għajr l-ismartphones, għat-telefowns bla fili u għall-islate tablets skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/826 (ĠU L 214, 31.8.2023, pp. 47–93).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1669 tas-16 ta’ Ġunju 2023 li jissupplimenta lir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tal-ismartphones u tal-islate tablets (ĠU L 214, 31.8.2023, pp. 9–46).

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/826 tas-17 ta’ April 2023 li jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-enerġija f’modalità mitfi, f’modalità standby u f’modalità standby man-network tat-tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 u (KE) Nru 107/2009 (ĠU L 103, 18.4.2023, pp. 29–47).

Ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (ĠU L 198, 28.7.2017, pp. 1–23).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2017/1369 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 285, 31.10.2009, pp. 10–35).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 08.02.2024

Top