SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
16 ta’ Frar 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KEE) Nru 2658/87 — Unjoni doganali u tariffa doganali komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Validità — Regolament (UE) Nru 301/2012 — Intestaturi 8703 u 8711 — Vettura bi tliet roti msejħa ‘Spyder’”
Fil-Kawża C‑145/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Marzu 2016, fil-proċedura
Aramex Nederland BV
vs
Inspecteur van de Belastingdienst/Douane,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn E. Regan, President tal-Awla, C. G. Fernlund u S. Rodin (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali : N. Wahl,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Aramex Nederland BV, minn W. de Wit u O. R. L. Gemin, konsulenti, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u M. H. S. Gijzen, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u P. Vanden Heede, bħala aġenti, |
rat id-deċiżjoni meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-intestaturi 8703 u 8711 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012, tad-9 ta’ Ottubru 2012 (ĠU 2012, L 304, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Aramex Nederland BV (iktar ’il quddiem “Aramex”) u l-Inspecteur van de Belastingdienst/Douane, dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ vettura bi tliet roti msejħa “Spyder” fi ħdan in-NM. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
In-NM, stabbilita mir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-sistema armonizzata ta’ deskrizzjoni u kodifikazzjoni tal-merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), ippreparata mill-Kunsill għall-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), u adottata bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Merkanzija, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983. Din il-konvenzjoni ġiet approvata, flimkien mal-Protokoll ta’ Emenda tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). |
4 |
L-intestatura 8703 tan-NM hija strutturat b’dan il-mod: “8703 [...] Karozzi bil-mutur u vetturi oħrajn bil-mutur prinċipalment maħsubin għat-trasport ta’ persuni (ħlief dawk ta’ titlu 8702), inklużi station wagons u karozzi tat-tlielaq:8703 21— — B’ċilindrata mhux akbar minn 1000 ċm3 :8703 21 10– – – Ġodda8703 21 90 [...]” – – – Użati |
5 |
L-intestatura 8711 tan-NM hija strutturata kif ġej: “8711 [...] Muturi (inklużi roti mutur (mopeds)) u roti mgħammrin b’mutur awżiljarju, bis-side-cars jew le; side-cars:8711 50 00– B’magna b’pistuni b’kombustjoni interna bil-moviment alternat b’ċilindrata akbar minn 800 ċm3[...] ” |
6 |
L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 301/2012, tat-2 ta’ April 2012, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda, adottat bis-saħħa tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87, jikklassifika fin-NM il-prodotti indikati fl-ewwel kolonna tat-Tabella li jidhru hemm taħt il-kodiċi indikat fir-rigward ta’ dawn il-prodotti fit-tieni kolonna ta’ din it-Tabella. Fir-rigward tas-sotto-intestatura 8703 21 10, l-imsemmija tabella tipprovdi: |
In-noti ta ’ spjega tas-SA
7 |
Skont l-Artikolu 6(1) tal- Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Merkanzija, kumitat imsemmi “Kumitat tas-Sistema Armonizzata” kompost mir-rappreżentanti ta’ kull parti kontraenti, ġie mwaqqaf fi ħdan il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali. Ix-xogħol tiegħu jikkonsisti, b’mod partikolari, f’li jipproponi emendi għall-imsemmija konvenzjoni u f’li jifformula noti ta’ spjega (iktar ’il quddiem in-“Noti ta’ Spjega tas-SA), opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni u opinjonijiet oħra dwar l-interpretazzjoni tas-SA. |
8 |
In-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8703 hija hekk ifformulata: “Bl-eċċezzjoni ta’ vetturi bil-mutur għat-trasport tal-persuni previsti taħt in-Nru 87.02, din l-intestatura tinkludi l-karozzi bil-mutur ta’ kull tip, inklużi l-vetturi bil-mutur anfibji għat-trasport tal-persuni, indipendentament mill-magna li tħaddimhom (magna bil-pistuni li taqbad fil-berqa jew bil-kompressjoni, magna elettrika,turbina li taħdem bil-gass, eċċ). (traduzzjoni mhux uffiċjali) Hija tkopri wkoll il-vetturi ħfief bi tliet roti b’mod partikolari:
[...] Jaqgħu, b’mod partikolari taħt din l-intestatura: [...]
|
9 |
In-Nota ta’ Spjega tas-SA rigward l-intestatura 8711 tipprovdi: “Din l-intestatura tkopri, minn naħa, il-vetturi bil-mutur kollha, b’żewġ roti intiżi essenzjalment għat-trasport ta’ persuni. (traduzzjoni mhux uffiċjali) [...] Huma wkoll ikklassifikati hawn il-vetturi bi tliet roti (tat-tip tal-iskuter, pereżempju), bil-kundizzjoni li ma jippreżentawx in-natura ta’ vettura bil-mutur tan-Nru 87.03 (ara n-Nota ta’ Spjega Nru 87.03). (traduzzjoni mhux uffiċjali) [...] Huma, min-naħa l-oħra, esklużi: [...] Il-vetturi b’erba’ roti, għat-trasport ta’ persuni, b’xażi tubulari, mgħammra b’sistema tal-istering bħal ta’ karozza, pereżempju bbażata fuq il-prinċipju Ackerman (Nru 87.03)”. (traduzzjoni mhux uffiċjali) |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
10 |
Fis-17 ta’ April 2013, wara dikjarazzjoni ta’ rilaxx għal ċirkulazzjoni libera ta’ vettura indikata bħala RD Spyder RS-S 990 SM5 DR 12 EUR (iktar ’il quddiem l-’iSpyder”) effettwata minn Aramex, l-amministrazzjoni fiskali Olandiża bagħtet lil din il-kumpannija avviż ta’ taxxa li jikkorrispondi għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-iSpyder fis-sotto-intestatura 8703 21 10. Fit-28 ta’ Mejju 2013, Aramex ressqet ilment kontra dan l-avviż, fejn qieset li l-iSpyder kellha tiġi kklassifikata fis-sotto-intestatura 8711 50 00. Dan l-ilment ġie miċħud fl-10 ta’ Settembru 2013. |
11 |
Ir-rikors ippreżentat minn Aramex quddiem ir-Rechtbank Noord-Holland (qorti tal-Olanda tat-Tramuntana, il-Pajjiżi l-Baxxi) kontra l-imsemmi avviż ta’ taxxa ġie miċħud bħala infondat minn sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2014. |
12 |
Fis-16 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrenti appellat minn din is-sentenza quddiem il-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi). Din il-qorti tal-aħħar qieset li ma huwiex possibbli li jiġi determinat b’mod inekwivoku jekk l-iSpyder, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet objettivi tagħha, għandha tiġi kkunsidrata bħala “motoċikletta” jew bħala “vettura bil-mutur”. |
13 |
Il-partijiet għall-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju ma jikkontestawx il-fatt li l-iSpyder serviet ta’ mudell għar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 301/2012, li fuq il-bażi tagħha din il-vettura ġiet ikklassifikata fl-intestatura 8703. Madankollu, Aramex tqis li dan ir-regolament huwa invalidu. |
14 |
Il-qorti tar-rinviju tirrimarka, fl-ewwel lok, li l-iSpyder hija mgħammra b’roti li d-dimensjonijiet tat-tajers tagħha huma komuni għall-vetturi bil-mutur iżda li dawn it-tajers huma mmanifatturati b’mod speċjali għall-motoċikletti bi tliet roti. |
15 |
Fit-tieni lok, l-iSpyder tippreżenta ġeometrija tal-istering li tissodisfa l-prinċipju Ackermann u għandha għall-bqija stering differenti ħafna minn dik ta’ vettura. Minflok ma għandha stering tal-vettura, hija mgħammra b’manubriju tat-tip ta’ motoċikletta, b’żewġ manki li fuqhom huma mmuntati l-kontrolli. Bid-differenza tal-istering ta’ vettura, wieħed ma jistax idawwar dan il-manubriju kompletament, peress li l-portata massima lejn il-lemin jew lejn ix-xellug hija ta’ madwar 45 grad, kif jagħmel il-manubriju ta’ motoċikletta. Barra minn hekk, ma hemm la xaft u lanqas kaxxa tal-istering li tikkonverti, bħal f’vettura bil-mutur, il-moviment ta’ rotazzjoni tax-xaft tal-istering f’moviment lineari minkejja li l-moviment ta’ rotazzjoni ta-xaft tal-istering tal-iSpyder huwa kkonvertit f’dan il-moviment minn mezz ieħor, jiġifieri bl-għajnuna ta’ konnessjoni pendenti. Ix-xebh mal-istering ta’ vettura bil-mutur huwa limitat għall-preżenza ta’ xaft tal-istering, vireg, roti u l-ġeometrija tal-istering diġà evokata li jissodisfaw il-prinċipju Ackerman. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li ma jirriżultax espressament mill-kliem tan‑Nota ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 8703 li l-preżenza, f’vettura ħafifa bi tliet roti, ta’ sistema tal-istering li tibbaża fuq il-prinċipju Ackerman huwa suffiċjenti biex wieħed ikun jista’ jitkellem fuq stering tat-tip ta’ karozza bil-mutur bħalma huwa l-każ għall-vetturi b’erba’ roti skont in-Nota ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 8703, punt 6. |
16 |
Skont il-qorti tar-rinviju, il-karatteristiċi mqajma fiż-żewġ punti preċedenti ta’ din is-sentenza jistgħu jkunu rilevanti biex jiġi determinat jekk l-iSpyder tikkorrispondi għall-kategorija ta’ “vetturi ħfief bi tliet roti” imsemmija fl-ewwel eżempju tan-Nota ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 8703. Madankollu, din il-qorti tirrikonoxxi li dawn l-eżempji ma humiex limitattivi. |
17 |
Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li għalkemm l-ewwel kolonna tal-Anness tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 301/2012 tindika bħala karatteristika reali li l-iSpyder hija mgħammra b’sistema tal-istering tat-tip ta’ karozza bil-mutur, ebda element stabbilit fit-tielet kolonna ta’ dan l-Anness ma jippermetti li wieħed ikun jaf jekk il-Kummissjoni Ewropea effettivament ivverifikat u fuq il-bażi ta’ liema kriterji. |
18 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, in-nutrizzjoni tad-dubji inkwantu għall-fondatezza tal-klassifikazzjoni rakkomandata mill-Kummissjoni, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari li ġejja: “Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 301/2012 huwa validu?” |
Fuq id-domanda preliminari
19 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-kompetenza ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’dan id-dawl, huwa obbligu, jekk inhu l-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2016, M. u S., C-303/15, EU:C:2016:771, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
20 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-Qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk in-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li vettura bi tliet roti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mgħammra b’tajers immanifatturati għall-motoċikletti bi tliet roti iżda simili għal dawk għall-vetturi bil-mutur, ikkontrollat permezz ta’ manubriju u mgħammar b’sistema tal-istering bbażat fuq il-prinċipju Ackermann, li jaqa’ taħt l-intestatura 8703 tan-NM. |
21 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li aġixxa b’kooperazzjoni mal-esperti tad-dwana tal-Istati Membri, attribwixxa lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tippreċiża l-kontenut tal-intestaturi tariffarji li fihom għandha tiġi kklassifikata merkanzija partikolari. Madankollu s-setgħa tal-Kummissjoni li tieħu l-miżuri msemmija fl-Artikolu 9(1)(a), (b), (d), u (e) tar-Regolament Nru 2658/87, bħala l-istabbiliment ta’ Noti kumplimentarji, ma tawtorizzahiex li temenda l-kontenut tal-intestaturi tariffarji li ġew stabbiliti fuq il-bażi tas-SA, stabbilita permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-SA, li fiha l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha, bis-saħħa tal-Artikolu 3 ta’ din tal-aħħar, li ma temendax il-portata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2015, Raytek u Fluke Europe, C‑134/13, EU:C:2015:82, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
22 |
Barra minn hekk, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-ispezzjonijiet, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandha titfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi proprji u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u min-noti ta’ taqsima jew ta’ kapitolu (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Lemnis Lighting, C‑600/15, EU:C:2016:937, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
23 |
Ċertament, id-destinazzjoni tal-prodott tista’ tikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn hija inerenti għall-imsemmi prodott, peress li l-inerenza għandha tkun tista tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħha. Madankollu, id-destinazzjoni tal-prodott hija kriterju rilevanti biss jekk il-klassifikazzjoni ma tistax issir fuq il-bażi biss tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tal-prodott (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, MIS, C‑288/15, EU:C:2016:424, punt 24). |
24 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li n-Noti ta’ Spjega tas-SA jikkostitwixxu motivi importanti biex jiżguraw applikazzjoni uniformi tat-tariffa doganali komuni u jipprovdu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Lemnis Lighting, C‑600/15, EU:C:2016:937, punt 37). |
25 |
Sabiex jiġi eżaminat jekk vettura bi tliet roti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ taqa’ taħt l-intestatura 8703, għandu jiġi kkonstatat qabelxejn li l-klassifikazzjoni tal-vetturi bi tliet roti fl-intestatura 8711 għandha natura sussidjarja meta mqabbla mal-klassifikazzjoni tagħhom fl-intestatura 8703, peress li, skont in-Nota ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 8711, din tal-aħħar tkopri biss dawn il-vetturi bil-kundizzjoni li ma jippreżentawx il-karatteristiċi ta’ vettura bil-mutur li taqa’ taħt l-intestatura 8703. |
26 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-kwisjtoni jekk hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ vettura bi tliet roti fl-intestatura 8703, il-fatt li din tuża jew le roti ta’ motoċikletti, għandu jiġi rrilevat li n-Nota ta’ Spjega tas-SA dwar din l-intestatura tindika li l-imsemmija intestatura tkopri, b’mod partikolari, il-vetturi ħfief bi tliet roti li jużaw muturi u roti ta’ motoċikletti u li, permezz tal-istruttura mekkanika tagħhom, jippreżentaw il-karatteristiċi ta’ vetturi bil-mutur infushom. |
27 |
Għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li n-Nota ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 8703 b’hekk tipprovdi xi eżempji ta’ vetturi bi tliet roti li għandhom jiġu kklassifikati f’din l-intestatura. |
28 |
Għaldaqstant, anki jekk il-vetturi msemmija bħala eżempji f’din in-nota jippreżentaw xi tagħmir analogu għal dak tal-motoċikletti, b’mod partikolari l-użu ta’ roti ta’ motoċikletti, l-eżistenza ta’ tali tagħmir ma tikkostitwixxix kundizzjoni tal-klassifikazzjoni fl-intestatura 8703 ta’ vetturi bi tliet roti li, bl-istruttura mekkanika tagħhom, jippreżentaw il-karatteristiċi ta’ vetturi bil-mutur. Minn dan isegwi li l-fatt li vettura ma tużax roti ta’ motoċikletta ma tostakolax il-klassifikazzjoni tagħha f’din l-intestatura. |
29 |
It-tieni nett, fir-rigward tad-domanda jekk il-vetturi bi tliet roti mgħammra b’sistema tal-istering li x-xebh tagħha ma’ dik li tgħammar il-vetturi bil-mutur hija limitata għall-fatt li tibbaża fuq il-prinċipju Ackermann huma li “għandh[om] sistema tal-istering bħal tal-karozzi bil-mutur”, fis-sens tan-Nota ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 8703, għandu jitfakkar li din in-nota tistabbilixxi, essenzjalment, li l-vetturi li jidħlu f’din l-intestatura huma l-vetturi ta’ kull tip li jippreżentaw ċerti karatteristiċi tekniċi bħal stering tat-tip ta’ karozza bil-mutur li tibbaża fuq il-prinċipju Ackermann (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Kawasaki Motors Europe, C‑15/05, EU:C:2006:259, punt 43). |
30 |
Barra minn hekk, jekk huwa veru li l-ewwel eżempju pprovdut min-Nota ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 8703 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “sistema tal-istering bħal tal-karozzi bil-mutur”, din l-istess nota tipprovdi li “[i]l-vetturi b’erba’ roti, b’xażi tubulari, mgħammra b’sistema tal-istering bħal ta’ karozza, pereżempju bbażata fuq il-prinċipju Ackerman”, jaqgħu taħt din l-intestatura. (traduzzjoni mhux uffiċjali) |
31 |
Minn dan isegwi li l-vetturi bi tliet roti mgħammra b’sistema tal-istering li x-xebh tagħhom ma’ dik li tgħammar il-vetturi bil-mutur hija limitata għall-fatt li tibbaża fuq il-prinċipju Ackerman għandhom “sistema tal-istering bħal tal-karozzi bil-mutur”, fis-sens tan-Nota ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 8703. |
32 |
It-tielet nett, fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ vettura bi tliet roti mgħammra b’manubriju fl-intestatura 8703, kif previst mir-Regolament Nru 301/2012, għandu jiġi kkonstatat li din il-karatteristika ma tidher la fil-kliem tal-intestatura 8711 u lanqas fin-Nota ta’ Spjega tas-SA dwar din l-intestatura. Għaldaqstant, il-fatt li vettura bi tliet roti hija mgħammra b’manubriju ma tipprekludix il-klassifikazzjoni tagħha fl-intestatura 8703. |
33 |
Ladarba l-fatt li s-sistema tal-istering ta’ vettura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija operata permezz ta’ manubriju u tibbaża fuq il-prinċipju Ackermann jikkostitwixxi karatteristika oġġettiva tagħha, li tippermetti li tkun ikklassifikata fl-intestatura 8703, id-destinazzjoni ta’ tali vettura ma hijiex, kuntrarjament għal dak li Aramex argumentat, kriterju rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħha. |
34 |
Fir-rigward tal-validità tar-Regolament Nru 301/2012, għandu jiġi kkonstatat li l-eżaminazzjoni tad-domanda preliminari ma rrilevat l-ebda element ta’ natura li taffettwa l-validità ta’ dan ir-regolament, sa fejn jipprevedi l-klassifikazzjoni fis‑sotto-intestatura 8703 21 00 ta’ vettura ġdida bil-mutur bi tliet roti mgħamra b’sistema tal-istering tat-tip ta’ karozza bil-mutur ikkontrollata permezz ta’ manubriju. |
35 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li vettura bi tliet roti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mgħammra b’tajers immanifatturati għall-motoċikletti bi tliet roti iżda simili għal dawk għall-vetturi bil-mutur, ikkontrollata permezz ta’ manubriju u mgħammra b’sistema tal-istering bbażat fuq il-prinċipju Ackermann, taqa’ taħt l-intestatura 8703 tan-NM. |
Fuq l-ispejjeż
36 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Firem |
( *1 ) * Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.