|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/90005 |
24.1.2025 |
Rettifika tal-Avviż tal-Kummissjoni — Gwida dwar l-għajxien indipendenti u l-inklużjoni fil-komunità ta’ persuni b’diżabilità fil-kuntest tal-finanzjament tal-UE
( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C, C/2024/7188, id-29 ta’ Novembru 2024 )
L-Avviż C/2024/7188 għandu jinqara kif ġej:
AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI
Gwida dwar l-għajxien indipendenti u l-inklużjoni fil-komunità ta’ persuni b’diżabilità fil-kuntest tal-finanzjament tal-UE
|
Dan l-avviż huwa maħsub purament bħala dokument ta’ gwida biex isostni t-tisrif f’realtà tad-dritt għal għajxien indipendenti u għall-inklużjoni fil-komunità fil-kuntest tal-finanzjament tal-UE f’konformità mal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u d-dritt applikabbli tal-Unjoni. Dan l-avviż ma joħloq l-ebda dritt u obbligu lil hinn minn dawk previsti fil-qafas legali. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biss hija kompetenti sabiex tinterpreta b’awtorità d-dritt tal-Unjoni. |
1. SFOND
L-Istrateġija Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021–2030 (1) (‘l-Istrateġija’) għandha l-għan li ttejjeb il-ħajja tal-persuni b’diżabilità fl-Unjoni Ewropea (UE) u lil hinn minnha, u tippromwovi l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor. L-Istrateġija tibni fuq il-prinċipji tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, il-pedamenti tal-politika tal-UE, minquxa fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE) u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (2) (‘il-Karta’). Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (3), b’mod partikolari l-prinċipju 17 dwar l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità, flimkien mal-Pjan ta’ Azzjoni (4) relatat tiegħu, isegwu wkoll l-objettiv li jinkisbu inklużjoni u rispett sħiħ għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u jikkontribwixxu għall-kisba ta’ għajxien indipendenti u inklużjoni fil-komunità għall-persuni b’diżabilità.
Id-dritt għal għajxien indipendenti għall-persuni b’diżabilità huwa minqux fl-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD, UN Convention on the Rights of Persons with Disabilities) (5), li għaliha l-UE u s-27 Stat Membru tagħha huma Partijiet. L-UNCRPD hija parti integrali mill-ordni legali (6) tal-UE. Il-partijiet għall-Konvenzjoni jridu jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw it-tgawdija sħiħa mill-persuni b’diżabilità tad-dritt għal għajxien indipendenti u għall-inklużjoni u l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fil-komunità, inkluż billi jiżguraw li:
|
(a) |
il-persuni b’diżabilità jkollhom l-opportunità li jagħżlu l-post ta’ residenza tagħhom u fejn u ma’ min jgħixu fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor u li ma jkunux obbligati jgħixu f’arranġament partikolari ta’ għajxien; |
|
(b) |
il-persuni b’diżabilità jkollhom aċċess għal firxa ta’ servizzi fid-dar, dawk residenzjali u servizzi oħra ta’ appoġġ tal-komunità, inkluża l-assistenza personali meħtieġa biex jiġu sostnuti l-għajxien u l-inklużjoni fil-komunità, u biex jiġu evitati l-iżolament jew is-segregazzjoni mill-komunità; |
|
(c) |
is-servizzi u l-faċilitajiet tal-komunità għall-popolazzjoni ġenerali jkunu disponibbli fuq bażi ugwali għall-persuni b’diżabilità u li dawn jirreaġixxu malajr għall-bżonnijiet tagħhom (7). |
Għalhekk, ċentrali għad-dritt għal għajxien indipendenti hija l-għażla individwali tal-post ta’ residenza, irrispettivament mid-diżabilità, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor fis-soċjetà, u li wieħed ikun jista’ jiddeċiedi l-arranġamenti tal-għajxien tiegħu skont il-preferenzi tiegħu.
Barra minn hekk, l-għajxien indipendenti u l-inklużjoni fil-komunità jeħtieġu l-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ komunitarju għall-persuni b’diżabilità, inkluża l-assistenza personali, kif ukoll aċċess għal servizzi u faċilitajiet komunitarji għall-popolazzjoni ġenerali.
Minkejja l-progress miksub s’issa, l-Istati Membri jinsabu fi stadji differenti fl-iżvilupp tal-kundizzjonijiet għal għajxien indipendenti u ħafna persuni b’diżabilità fl-UE għadhom jgħixu f’istituzzjoni. L-istimi jissuġġerixxu li hemm aktar minn miljun persuna b’diżabilità li għandhom inqas minn 65 sena u aktar minn 2 miljuni li għandhom 65 sena jew aktar li jgħixu f’istituzzjonijiet fl-EU 27 (8).
Il-promozzjoni tal-għajxien indipendenti u t-tranżizzjoni mill-kura istituzzjonali għal għajxien indipendenti u l-inklużjoni fil-komunità, proċess imsejjaħ ‘deistituzzjonalizzazzjoni’, u l-appoġġ għall-isforzi tal-Istati Membri f’din it-triq kienu prijorità għall-UE minn meta rratifikat l-UNCRPD (9). Fl-Unjoni Ewropea, il-fondi u l-impenn tal-UE fil-livell nazzjonali għamlu kontribuzzjonijiet sinifikanti għall-avvanz tal-għajxien indipendenti għall-persuni b’diżabilità f’perjodi ta’ programmazzjoni preċedenti. Il-fondi tal-UE jkomplu jappoġġaw l-istrateġiji u l-pjanijiet tal-Istati Membri għat-tranżizzjoni minn kura istituzzjonali għal servizzi bbażati fil-komunità u għajxien indipendenti. Ir-riċerka turi li l-fondi tal-UE kienu kruċjali biex jinbeda l-proċess tad-deistituzzjonalizzazzjoni f’għadd ta’ pajjiżi.
Filwaqt li jibni fuq il-prattiki tajbin stabbiliti s’issa, dan l-avviż ifittex li jipprovdi gwida prattika dwar l-użu tal-finanzjament tal-UE biex jippromwovi t-twettiq tad-dritt tal-persuni b’diżabilità għal għajxien indipendenti u inklużjoni fil-komunità.
Dan l-avviż għandu l-għan li juri kif għandhom jiġu applikati fil-prattika l-approċċi promossi fir-regolamenti li jirregolaw il-fondi tal-UE u ma jintroduċix kriterji jew kundizzjonijiet ġodda jew retroattivi għall-perjodu ta’ finanzjament 2021-2027. Ma joħloq l-ebda obbligu legali addizzjonali għall-Istati Membri. L-approċċ ippreżentat f’dan l-avviż huwa rilevanti għall-istrumenti kollha ta’ finanzjament tal-UE fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ tagħhom, inkluż l-azzjoni esterna tal-UE u l-proġetti ffinanzjati mill-UE internazzjonalment.
Dan l-avviż joffri gwida li hija mmirata lejn il-korpi ta’ implimentazzjoni tal-fondi tal-UE fil-livelli kollha (eż. l-awtoritajiet maniġerjali u l-korpi intermedjarji), kif ukoll dawk li jimplimentaw proġetti ffinanzjati mill-UE, relatati ma’ attivitajiet ta’ għajxien indipendenti, inklużi s-soċjetà ċivili, il-fornituri tas-servizzi, il-komunità akkademika, kif ukoll il-persuni b’diżabilità nfushom u l-familji tagħhom.
L-approċċ għall-promozzjoni tad-dritt għal għajxien indipendenti f’dan l-avviż iqis id-diversità tad-diżabilità u l-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-persuni b’diżabilità matul ħajjithom kollha permezz ta’ approċċ intersezzjonali (10). L-avviż jibni fuq inizjattivi oħra u jikkomplementahom, bħar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-kura fit-tul affordabbli u ta’ kwalità għolja (11), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Garanzija Ewropea għat-Tfal (12), l-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (13) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni relatata dwar sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal (14), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (15) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar approċċ komprensiv għas-saħħa mentali (16). Jibni wkoll fuq il-leġiżlazzjoni u l-gwida pprovduti biex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tal-ambjent mibni u diġitali, bħall-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà (17), il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għall-Ewropa’ (18), id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija 2024 (19), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rinnovazzjoni tal-bini (20) u l-inizjattiva ‘Bauhaus Ewropea l-Ġdida’ (21), inklużi l-Linji Gwida dwar l-Investiment tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (22), u t-trasport, kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti (23).
2. L-GĦOTI TA’ EFFETT LID-DRITT GĦAL GĦAJXIEN INDIPENDENTI: ORJENTAZZJONIJIET TA’ POLITIKA GĦALL-UŻU TAL-FONDI TAL-UE
L-għajxien indipendenti jipprovdi lill-persuni b’diżabilità bil-mezzi kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jeżerċitaw l-għażla u l-kontroll fuq id-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw ħajjithom (24), filwaqt li jkunu inklużi fil-komunità u kapaċi jinteraġixxu magħha. Dan jirrikjedi li l-post ta’ residenza tagħhom ma jkunx segregat jew iżolat mill-komunità lokali. L-għajxien indipendenti ma jfissirx li wieħed jgħix u jagħmel kollox waħdu u li jsir mingħajr ebda appoġġ, iżda pjuttost li l-persuni b’diżabilità jiġu appoġġati lejn l-awtonomija u l-parteċipazzjoni, u tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom biex jieħdu l-istess għażliet u jkollhom l-istess kontroll fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum bħal kulħadd fis-soċjetà.
Il-postijiet ta’ residenza tal-persuni b’diżabilità jistgħu jieħdu ħafna forom, minn abitazzjonijiet individwali sa arranġamenti ta’ koabitazzjoni, u tipi differenti ta’ kirjiet (eż. sjieda jew kiri). Il-post ta’ residenza jippermetti għajxien indipendenti meta jkun jinsab fil-komunità u meta jkun hemm aċċess għal servizzi u appoġġ fid-dar u dawk ibbażati fil-komunità, kif ukoll għal servizzi disponibbli għall-popolazzjoni ġenerali (eż. trasport u infrastruttura aċċessibbli, edukazzjoni inklużiva, impjieg, servizzi diġitali aċċessibbli). Is-servizzi bbażati fil-komunità jistgħu jiġu pprovduti fil-post ta’ residenza tal-utent, jew fil-komunità, bl-utent jivvjaġġa lejn is-servizz. Is-servizzi bbażati fil-komunità jinkludu l-hekk imsejħa servizzi ‘residenzjali’, bħal akkomodazzjoni soċjali, koabitazzjoni awtoġestita jew servizzi ta’ tqabbil mingħajr ħlas. Dawn is-servizzi għandhom l-għan li jiżguraw l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni fl-eżerċizzju mill-persuni b’diżabilità tad-dritt tagħhom għal akkomodazzjoni adegwata (25).
Il-postijiet ta’ residenza u s-servizzi bbażati fil-komunità għandhom karatteristiċi komuni li jippermettu għajxien indipendenti, bħal li: jirrispettaw il-libertà tal-għażla tal-persuni b’diżabilità dwar fejn u ma’ min għandhom jgħixu u mingħand min għandhom jirċievu l-assistenza; jiffaċilitaw l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni sħiħa fil-komunità; jippermettu l-awtodeterminazzjoni fuq id-deċiżjonijiet u l-attivitajiet ta’ kuljum. Dawn jippermettu rutini u attivitajiet differenti skont il-preferenzi tal-individwi u jippermettu lill-persuni b’diżabilità jgħixu jew jikkollegaw faċilment mal-familji u l-ħbieb tagħhom u fil-komunitajiet lokali tagħhom.
Għalhekk, l-għoti ta’ effett lill-għajxien indipendenti jinvolvi r-ridirezzjonar tal-investimenti u r-riżorsi minn ambjenti u servizzi istituzzjonali lejn postijiet ta’ residenza aċċessibbli u mhux segregati, servizzi bbażati fil-komunità u appoġġ (26) għall-persuni b’diżabilità. Dan jirrikjedi bidla fundamentali mill-mudell mediku ta’ kura għall-persuni b’diżabilità lejn approċċi tad-drittijiet tal-bniedem li japplikaw mudell soċjali għall-inklużjoni u l-parteċipazzjoni u li jpoġġu lill-persuna fiċ-ċentru. Dan jirrikjedi wkoll li jiġu stabbiliti pjanijiet individwali għall-persuni b’diżabilità li jivvalutaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuna u jqisu r-riżorsi disponibbli għall-individwu (fir-rigward tal-familja, l-introjtu, is-servizzi disponibbli fil-muniċipalità, eċċ.), biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bejn ir-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli.
It-tranżizzjoni lejn għajxien indipendenti tinvolvi t-tneħħija gradwali tal-infrastruttura u s-servizzi istituzzjonali eżistenti f’perjodu ta’ żmien definit b’mod ċar. Dan il-perjodu ta’ żmien jappoġġa l-koordinazzjoni u l-ippjanar bejn id-dipartimenti rilevanti u l-livelli tal-gvern. Il-perjodi ta’ żmien għat-tneħħija gradwali tal-istituzzjonijiet huma ġeneralment l-aktar effettivi meta jkunu realistiċi, ikunu jistgħu jintlaħqu, ikunu ikkomunikati lill-partijiet ikkonċernati kollha f’formati aċċessibbli u jkunu permessi mill-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji suffiċjenti. Huwa importanti li jiġi ppjanat ukoll l-użu futur tal-faċilitajiet istituzzjonali, jew l-għoti ta’ skop ġdid lilhom, ladarba jitbattlu, biex jiġi evitat li jiġġarrbu spejjeż addizzjonali u mhux meħtieġa.
Minħabba n-natura differenti tal-interventi biex tinkiseb id-deistituzzjonalizzazzjoni (27) u l-għajxien indipendenti, dawk l-interventi huma ġeneralment aktar effiċjenti jekk ikunu sostnuti minn qafas strateġiku (fil-forma ta’ (parti minn) strateġija ddedikata u/jew pjan ta’ azzjoni operazzjonali fil-livelli rilevanti), imħejji f’konsultazzjoni ma’ persuni b’diżabilità, bi:
|
a) |
skeda ta’ żmien definita b’mod ċar għall-proċess ta’ deistituzzjonalizzazzjoni ġenerali; |
|
b) |
analiżi bbażata fuq il-ħtiġijiet tad-diskrepanzi fl-investiment ibbażata fuq l-eżitu tal-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet individwali u mmappjar tal-infrastruttura, is-servizzi u l-forza tax-xogħol eżistenti; |
|
c) |
miri marbuta biż-żmien u indikaturi rispettivi; |
|
d) |
baġit u riżorsi ddedikati, inkluż għall-elaborazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet individwali għat-tranżizzjoni lejn għajxien indipendenti u għall-kisba tiegħu; |
|
e) |
governanza ċara u diviżjoni tar-responsabbiltajiet tal-partijiet ikkonċernati ewlenin li jimplimentaw l-azzjonijiet; |
|
f) |
sistema ta’ kontroll tal-kwalità robusta u indipendenti, inklużi mekkaniżmi tal-ilmenti aċċessibbli disponibbli għall-persuni b’diżabilità, għall-familji tagħhom jew għall-persuni li jirrappreżentaw l-interessi tagħhom; |
|
g) |
għodod ta’ monitoraġġ biex jiggwidaw ir-riformi strutturali meħtieġa u l-investimenti relatati. |
Idealment, l-immappjar tal-infrastruttura, is-servizzi u l-forza tax-xogħol eżistenti skont il-bżonnijiet stmati għall-appoġġ ikun il-bażi kemm għall-istrateġiji mfassla kif ukoll għall-investimenti għall-proċess ta’ deistituzzjonalizzazzjoni. L-ipprogrammar u l-monitoraġġ tal-fondi tal-UE għandhom ikunu sostnuti minn analiżi robusta tal-lakuni fil-livell lokali u reġjonali u pjani realistiċi biex jiġu indirizzati l-lakuni.
L-investimenti appoġġati mill-fondi tal-UE jipprovdu l-opportunità li jiġi segwit approċċ integrat li jikkombina l-forniment ta’ servizzi ma’ infrastruttura u tagħmir biex jiġi appoġġat l-għajxien indipendenti. L-investimenti għandhom it-tendenza li jkunu l-aktar effettivi meta l-ewwel jiġu żviluppati servizzi ta’ kwalità għolja bbażati fil-komunità, fid-dar u fil-familja, li jkunu affordabbli, aċċessibbli u inklużivi, jew, tal-anqas, b’mod parallel mal-iżviluppi korrispondenti ta’ infrastruttura aċċessibbli, mhux segregata u inklużiva. L-investimenti jistgħu jindirizzaw ukoll iż-żieda fil-forniment ta’ akkomodazzjoni soċjali aċċessibbli, inklużiva u mhux segregata (għal individwi u/jew familji), inkluż għal persuni akbar fl-età b’diżabilità (28). Dawn l-interventi normalment jeħtieġu koordinazzjoni b’saħħitha bejn id-diversi sorsi ta’ finanzjament disponibbli, kemm fil-livell ta’ programmazzjoni kif ukoll f’dak ta’ implimentazzjoni.
Il-proċess tad-deistituzzjonalizzazzjoni huwa ggwidat mill-pjanijiet individwali li jipprovdu l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet individwali u jakkumpanjaw lill-persuni b’diżabilità permezz tat-tranżizzjoni għal għajxien indipendenti, filwaqt li tiġi żgurata l-kontinwità tal-appoġġi. It-tranżizzjoni minn servizzi istituzzjonali għal servizzi bbażati fil-komunità tista’, f’xi każijiet, tirrikjedi interventi temporanji b’investimenti fl-infrastruttura soċjali u tal-kura tas-saħħa mmirati lejn ‘ l-aktar miżuri urġenti meħtieġa biex tiġi salvagwardjata s-sikurezza fiżika tar-residenti ’ (29), filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett tal-ogħla standards tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, imsejsa fuq l-UNCRPD u oqfsa rilevanti oħra tad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, jistgħu jkunu meħtieġa passi intermedji, li jirrispettaw ukoll l-ogħla standards tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali: (i) biex jiġu rrimedjati l-effetti tal-istituzzjonalizzazzjoni fit-tul tal-persuni b’diżabilità li jitilqu mill-istituzzjonijiet; (ii) u/jew biex jakkumpanjaw lill-persuni b’diżabilità, inklużi ż-żgħażagħ b’diżabilità, fl-iżvilupp tal-awtonomija u l-awtosuffiċjenza.
Il-protezzjoni tal-persuni b’diżabilità f’sitwazzjonijiet ta’ diżastri naturali jew emerġenzi umanitarji teħtieġ attenzjoni speċjali, sabiex l-isforzi ta’ emerġenza ma jappoġġawx l-istituzzjonalizzazzjoni kontinwa u li l-proċess tad-deistituzzjonalizzazzjoni jissaħħaħ matul il-miżuri ta’ rkupru (30).
3. MINN PRINĊIPJI GĦALL-PRATTIKA: L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-GĦAJXIEN INDIPENDENTI
Din it-taqsima tiddeskrivi l-elementi kostitwenti ewlenin għall-għajxien indipendenti u l-proċessi ta’ deistituzzjonalizzazzjoni li għandhom jiġu kkunsidrati meta jsiru investimenti bl-appoġġ tal-fondi tal-UE. Eżempji mhux eżawrjenti tal-appoġġ li jista’ jiġi pprovdut mill-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE għal kull qasam ta’ investimenti huma ppreżentati fit-Taqsima 4. Barra minn hekk, lista ta’ mistoqsijiet fl-Anness tagħti gwida ġenerali dwar liema kwistjonijiet speċifiċi jistgħu jitqiesu bħala awtovalutazzjoni meta jiġu segwiti l-approċċi riflessi f’dan l-Avviż.
3.1. Reviżjoni tal-arranġamenti tal-għajxien: il-prevenzjoni tal-istituzzjonalizzazzjoni, il-ħruġ mill-istituzzjonijiet u t-tbegħid mill-kultura istituzzjonali
L-iżgurar ta’ għajxien indipendenti għall-persuni b’diżabilità jirrikjedi wkoll sforzi biex tiġi evitata l-istituzzjonalizzazzjoni tagħhom mill-bidu. F’dan il-kuntest, huwa importanti li titqies id-diversità tad-diżabilità kif ukoll l-intersezzjonalità tad-diskriminazzjoni li l-individwi jistgħu jiffaċċjaw:
|
— |
F’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (31) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal (32), id-dritt tat-tfal kollha inklużi t-tfal b’diżabilità li jgħixu f’familja u fil-komunità, fl-aħjar interess tagħhom, jenħtieġ li jiġi protett u appoġġat permezz ta’ investimenti f’miżuri preventivi u intervent bikri. Tali miżuri jinkludu gwida u appoġġ għall-familji, inklużi familji tar-rispett, edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal aċċessibbli u inklużivi, edukazzjoni tradizzjonali aċċessibbli u inklużiva, kura tas-saħħa u appoġġ psikosoċjali, akkomodazzjoni aċċessibbli, arranġamenti ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-persuni li jindukraw il-familja, jew appoġġ fid-dar għall-familji, inklużi familji tar-rispett, inkluża assistenza personali għat-tfal, kif ukoll l-inklużjoni ta’ tfal b’diżabilità f’attivitajiet ta’ divertiment. Il-miżuri preventivi jistgħu jitqiegħdu fis-seħħ ukoll matul it-tranżizzjoni għall-ħajja adulta biex tiġi evitata l-istituzzjonalizzazzjoni aktar tard fil-ħajja. |
|
— |
Għall-persuni akbar fl-età u li għandhom diżabilità, l-investimenti preventivi għandhom l-għan li jipprevjenu u jimmaniġġjaw il-mard u t-telf relatat ta’ funzjonijiet li jistgħu jiżviluppaw f’età akbar, li jipprevjenu d-deterjorament fis-saħħa fiżika u/jew mentali u li jsaħħu l-kapaċità, jew jiżguraw l-appoġġ kontinwu biex jgħixu b’mod indipendenti, filwaqt li jtaffu wkoll l-esperjenza tagħhom tas-solitudni jew tal-iżolament soċjali, jiżguraw l-appoġġ u l-kura fil-komunità, kif ukoll jipprevjenu d-diskriminazzjoni fl-aċċess għal servizzi bbażati fuq ix-xjuħija u/jew l-istatus ta’ diżabilità assoċjat. Persuni b’mard newrodeġenerattiv li jistgħu jeħtieġu kura dedikata, li testendi sa kura ta’ 24 siegħa f’ambjent ibbażat fil-komunità jew fid-dar, jeħtieġu attenzjoni speċjali. Minbarra li jiġi żgurat li l-appoġġ u l-kura professjonali jkunu disponibbli, appoġġ adegwat għall-familja u għal dawk li jindukraw b’mod informali, inklużi l-protezzjoni soċjali, l-informazzjoni u t-taħriġ u, għal dawk li għandhom impjieg, il-liv tal-familja u l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli, jistgħu jikkontribwixxu għall-appoġġ tal-għajxien indipendenti. L-investimenti jistgħu jippermettu lill-persuna tibqa’ f’darha hi u tikber, ittejjeb l-aċċessibbiltà tal-abitazzjoni tagħha f’konformità mal-ħtiġijiet li qed jinbidlu tagħha, u żżomm il-mobbiltà fi ħdan il-komunità tagħha permezz ta’ trasport pubbliku aċċessibbli u ambjent mibni. |
|
— |
In-nisa u l-bniet b’diżabilità huma soġġetti għal diversi tipi ta’ diskriminazzjoni u huma f’riskju akbar ta’ vjolenza kemm fl-istituzzjonijiet kif ukoll barra minnhom. Ta’ min jiftakar li l-Istati Membri jridu jirrispettaw l-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-UE kif ukoll il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (CETS Nru 210) u l-UNCRPD li għandha l-għan li tiġġieled il-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Flimkien ma’ investimenti fl-iżvilupp ta’ servizzi aċċessibbli u affordabbli bbażati fil-komunità u fil-familja għall-persuni kollha b’diżabilità, l-Istati Membri huma mħeġġa jieħdu miżuri xierqa biex jindirizzaw l-aċċess mhux ugwali u l-ostakli li jiffaċċjaw in-nisa fl-aċċess għas-servizzi soċjali u l-appoġġ (33) u biex jinkludu perspettiva tal-ġeneru fil-politiki li jappoġġaw id-deistituzzjonalizzazzjoni. Fil-kuntest tat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE, wieħed għandu jżomm f’moħħu wkoll li l-persuni b’diżabilità minn minoranzi razzjali u etniċi u l-persuni LGBTIQ b’diżabilità jistgħu jkunu wkoll vittmi ta’ diskriminazzjoni intersezzjonali u jiffaċċjaw aċċess mhux ugwali fl-aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ komunitarju. |
|
— |
Adulti bi problemi ta’ saħħa mentali u/jew diżabilitajiet psikosoċjali u adulti b’diżabilitajiet intellettwali jew ħtiġijiet kumplessi ta’ appoġġ spiss jiffaċċjaw ostakli fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom li jagħżlu u jieħdu deċiżjonijiet dwar ħajjithom, b’mod partikolari f’sistemi ta’ tutela jew limitazzjonijiet oħra għall-kapaċità legali. L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi jirrikjedi d-disponibbiltà ta’ servizzi appoġġati tat-teħid tad-deċiżjonijiet (jiġifieri, servizzi li jipprovdu lill-persuni b’diżabilità l-opportunità li jiżviluppaw u jesprimu x-xewqat u l-preferenzi tagħhom fid-deċiżjonijiet li jikkonċernawhom (34)) u networks u kura u servizzi ta’ kwalità għolja, aċċessibbli u affordabbli fil-komunità, inklużi l-unitajiet mobbli tas-saħħa mentali. Għandha tingħata wkoll attenzjoni speċjali lit-tfal bi problemi ta’ saħħa mentali (35). |
|
— |
Il-persuni b’diżabilità li jgħixu f’żoni rurali jew remoti jista’ jkollhom ħafna inqas għażliet għal servizzi li jissodisfaw il-ħtiġijiet u l-preferenzi tagħhom. Dawn jistgħu jkunu mġiegħla jaċċettaw servizz li ma jkunx adattat għalihom, jew saħansitra li jkunu istituzzjonalizzati, b’riżultat ta’ dan. Jistgħu jkunu meħtieġa wkoll jirrilokaw ’il bogħod mill-familja u l-għeżież tagħhom biex jaċċessaw is-servizzi li jeħtieġu. Dan jitlob żieda fid-disponibbiltà u d-diversità ta’ servizzi ċċentrati fuq il-persuna f’żoni rurali li permezz tagħhom ikunu possibbli l-għajxien indipendenti u l-inklużjoni fil-komunità. |
|
— |
Ir-riskju tal-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar u l-faqar huwa għoli ħafna għall-persuni li jitilqu mill-istituzzjonijiet. Dan jitlob pakkett robust ta’ protezzjoni soċjali u appoġġ imfassal skont il-pjanijiet individwali li jinkludu l-ġestjoni tal-każijiet speċifiċi għall-persuni b’diżabilità li jitilqu mill-istituzzjonijiet, biex jiġu koperti l-ħtiġijiet immedjati u ta’ nofs it-terminu għar-risistemazzjoni. |
Teknoloġija ta’ assistenza affordabbli u soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi aċċessibbli huma kruċjali biex jiġi appoġġat l-għajxien awtonomu, biex tiġi pprovduta kura fid-dar u mill-bogħod, u biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn għajxien indipendenti għall-persuni b’diżabilità, inkluż f’żoni rurali u remoti. L-Intelliġenza Artifiċjali (IA) toħloq potenzjal bla preċedent għal ġenerazzjonijiet ġodda ta’ teknoloġiji ta’ assistenza b’funzjonalità akbar għall-kumpens tal-indebolimenti u biex jittaffew il-limitazzjonijiet tal-attività u r-restrizzjonijiet fuq il-parteċipazzjoni, inkluż għal persuni b’diżabilità intellettwali u mentali. L-IA tiffaċilita wkoll l-inkorporazzjoni ta’ karatteristiċi ta’ aċċessibbiltà fit-teknoloġiji tradizzjonali. L-interoperabbiltà bejn it-teknoloġiji aċċessibbli ta’ assistenza u dawk tradizzjonali hija kruċjali, filwaqt li tiżgura wkoll l-użu etiku u sikur ta’ tali teknoloġiji. It-taħriġ għall-persuni b’diżabilità u, fejn rilevanti, l-assistenti personali tagħhom, jista’ jgħinhom jitgħallmu kif jużaw u jżommu t-teknoloġiji ta’ assistenza.
L-għajxien indipendenti u d-deistituzzjonalizzazzjoni jimplikaw aċċess għal akkomodazzjoni adegwata, affordabbli, mhux segregata u aċċessibbli (għall-individwi u/jew għall-familji), li tqis il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet individwali tal-persuni b’diżabilità. L-investimenti f’akkomodazzjoni soċjali adattabbli u aċċessibbli fil-komunità huma kruċjali f’dan il-qasam. Id-dritt għal għajxien indipendenti mhuwiex konsistenti mal-prattika tas-sostituzzjoni ta’ ambjenti istituzzjonali fuq skala kbira b’ambjenti iżgħar (jew it-trasformazzjoni tagħhom fihom) fejn il-prekundizzjonijiet għal għajxien indipendenti u l-inklużjoni fil-komunità ma jiġux issodisfati (36), jew li persuni b’diżabilità jgħixu fi djarhom mingħajr il-mekkaniżmi ta’ appoġġ li jippermettu l-inklużjoni tagħhom fil-komunità. Il-pjanijiet individwali u l-approċċi ta’ ġestjoni tal-każijiet għandhom l-għan li jidentifikaw il-ħtiġijiet ta’ appoġġ individwali tal-persuni b’diżabilità u jiżguraw l-organizzazzjoni u l-għoti ta’ servizzi ffukati fuq il-ħtiġijiet tal-utent, kif ukoll il-kontinwità tal-appoġġ.
3.2. Approċċi ċċentrati fuq il-persuna għal għajxien indipendenti
Fl-aġġustament tax-xenarju tas-servizzi disponibbli u l-appoġġ għall-persuni b’diżabilità, approċċi ċċentrati fuq il-persuna għal għajxien indipendenti huma prijorità. Approċċi ċċentrati fuq il-persuna jqiegħdu lill-individwu fiċ-ċentru tas-servizzi, filwaqt li jissalvagwardjaw l-għażla u l-kontroll tal-persuni b’diżabilità fuq min qed jappoġġjahom u jiżguraw aċċess aħjar għal appoġġ imfassal apposta u livell ogħla ta’ koordinazzjoni tal-forniment tas-servizzi.
Ċentrali għall-forniment ta’ kura, servizzi u appoġġ iċċentrati fuq il-persuna hija d-disponibbiltà u l-affordabbiltà ta’ servizzi ta’ kwalità għolja bbażati fil-komunità, inklużi l-assistenza personali u l-kura professjonali fid-djar fil-post ta’ residenza:
|
— |
L-assistenza personali hija faċilitatur fundamentali tal-għajxien indipendenti u l-inklużjoni għall-persuni b’diżabilità. Hija servizz li jipprovdi għajnuna u appoġġ individwali lill-persuni b’diżabilità fl-aspetti kollha ta’ ħajjithom (eż. fejn jgħixu, fuq il-post tax-xogħol, l-attivitajiet soċjali jew ta’ divertiment tagħhom). L-iżgurar tad-disponibbiltà u l-effettività tal-mudelli ta’ assistenza personali huwa essenzjali biex jiġu appoġġati l-għajxien indipendenti u l-inklużjoni fil-komunità. L-assistenza personali tista’ tipprovdi lill-persuni b’diżabilità b’awtodeterminazzjoni sħiħa, b’aċċess għat-teħid ta’ deċiżjonijiet appoġġat fejn meħtieġ. L-assistenza personali għandha tkun individwalizzata u bbażata fuq il-ħtiġijiet (37). |
|
— |
Il-kura u l-appoġġ professjonali fid-djar jistgħu, minbarra l-iskemi ta’ assistenza personali, jippermettu lill-persuni b’diżabilità jkomplu jgħixu fil-post ta’ residenza abitwali tagħhom. Il-kura fid-dar tista’ tkopri firxa wiesgħa ta’ servizzi tas-saħħa u soċjali, inkluż appoġġ kemm mediku kif ukoll mhux mediku fid-dar. L-appoġġ mhux mediku jista’ jinkludi assistenza f’attivitajiet ta’ għajxien ta’ kuljum inkluż it-tisjir, it-tindif jew attivitajiet bażiċi oħra, bħal xogħol tad-dar. B’mod parallel, l-appoġġ għall-persuni li jindukraw il-familja huwa wkoll aspett importanti biex tiġi pprovduta kura fid-dar. |
|
— |
Minbarra t-titjib tal-aċċess għal servizzi ta’ appoġġ u kura ta’ kwalità għolja, il-persuni b’diżabilità jistgħu jiġu appoġġati permezz tal-għoti ta’ taħriġ u awtonomizzazzjoni biex jinkiseb livell massimu ta’ indipendenza u awtosuffiċjenza (38). |
|
— |
L-użu tas-servizzi disponibbli huwa mħeġġeġ billi jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar is-servizzi u l-programmi tasal għand l-utenti maħsuba tagħhom. Wieħed mill-modi kif l-Istati Membri jistgħu jagħmlu dan huwa permezz ta’ sensibilizzazzjoni effettiva mmirata lejn l-utent, inkluż f’daru, jew permezz ta’ organizzazzjonijiet tad-diżabilità rilevanti li jirrappreżentawhom. |
Il-mudelli ta’ finanzjament iċċentrati fuq il-persuna, spiss imsejħa baġits individwali jew baġits personali, jistgħu jiffaċilitaw it-tfassil tal-finanzjament għall-ħtiġijiet individwali tal-persuni b’diżabilità. Dawn jistgħu jippermettu lill-persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom jirranġaw l-appoġġ tagħhom stess, inkluża l-assistenza personali, jipprevjenu l-istituzzjonalizzazzjoni tagħhom u jipprovdulhom għażla u kontroll fuq liema servizzi jużaw, kif u fejn.
3.3. It-tneħħija tal-ostakli għall-inklużjoni fil-komunità
Il-prevenzjoni tal-iżolament u l-promozzjoni tal-inklużjoni fil-komunità huma possibbli biss jekk is-servizzi għall-popolazzjoni ġenerali jkunu disponibbli, aċċessibbli, inklużivi u adattabbli anki għall-persuni b’diżabilità. L-investimenti jistgħu għalhekk jappoġġaw l-aċċess ugwali għas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impjiegi, il-kultura u l-attivitajiet ta’ divertiment. F’dan ir-rigward, l-aċċessibbiltà tal-ambjent mibni, il-faċilitajiet komunitarji, l-infrastruttura, l-oġġetti u s-servizzi, inklużi t-trasport u l-akkomodazzjoni u tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni hija essenzjali (39). Dan jippermetti lill-persuni b’diżabilità jinnavigaw u jiċċaqilqu faċilment fi ħdan il-komunitajiet tagħhom mingħajr ma jiffaċċjaw ostakli.
L-istabbiliment ta’ sistemi u networks ta’ appoġġ organizzati, bħal gruppi ta’ appoġġ bejn il-pari jew konsulenza jew ċentri għal għajxien indipendenti jista’ wkoll jagħmilha aktar faċli għall-persuni b’diżabilità biex jiġu inklużi fis-soċjetà u jżommu rabtiet mal-komunità. L-appoġġ bejn il-pari għandu jkun awtodirett, indipendenti mill-istituzzjonijiet u l-professjonisti mediċi, u organizzat b’mod awtonomu minn persuni b’diżabilità (40). Il-benefiċċji ta’ networks informali jinkludu l-għoti tas-setgħa u l-indirizzar tat-trawma, il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet soċjali u politiċi tal-komunità u l-evitar tas-solitudni. Huwa ta’ benefiċċju li tali attivitajiet ikunu wkoll appoġġati finanzjarjament mill-awtoritajiet rilevanti.
Il-ħolqien jew l-iżvilupp ta’ opportunitajiet fis-suq tax-xogħol għall-persuni b’diżabilità huwa essenzjali għal għajxien indipendenti biex wieħed jiżgura l-introjtu proprju u biex wieħed isir finanzjarjament indipendenti. L-iżvilupp ta’ possibbiltajiet ta’ suq tax-xogħol miftuħ jirrikjedi investiment, fost l-oħrajn, f’ħarrieġa tax-xogħol, akkomodazzjoni raġonevoli u arranġamenti ta’ spazju tax-xogħol u taħriġ għall-koħaddiema, kif enfasizzat fil-Pakkett dwar l-Impjiegi għal Persuni b’Diżabbiltà (41). Is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali jenħtieġ li jitfasslu biex jippromwovu tranżizzjoni lejn is-suq tax-xogħol, filwaqt li jevitaw sitwazzjonijiet fejn l-individwi jitilfu l-appoġġ għall-introjtu meta jsibu impjieg.
Is-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, kemm fil-pubbliku ġenerali kif ukoll fost il-professjonisti li jaħdmu ma’ persuni b’diżabilità, hija fundamentali biex jinbidlu l-mentalitajiet u tiġi indirizzata l-istigma jew il-preġudizzju madwar il-persuni b’diżabilità. Is-sensibilizzazzjoni tista’ tgħin biex titkisser il-kultura tal-istituzzjonalizzazzjoni u tiffaċilita l-mixja lejn għajxien indipendenti u l-inklużjoni fil-komunità. F’dan ir-rigward, il-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni pubblika jistgħu jiġu żviluppati fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u jinkludu attivitajiet immirati lejn il-pubbliku ġenerali, il-fornituri tas-servizzi, l-uffiċjali pubbliċi kif ukoll il-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom.
3.4. l-ixprunar u l-iffaċilitar tat-trasformazzjoni fil-forniment tas-servizzi
Servizzi li jindirizzaw ostakli speċifiċi marbuta mad-diżabilità jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità skont approċċ iċċentrat fuq il-persuna. Is-servizzi ta’ kwalità għolja jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-kwalità, li jqisu l-esperjenza diretta tal-persuni b’diżabilità u jiggarantixxu li l-prinċipji, bħall-awtodeterminazzjoni, l-għażla libera u l-għajxien indipendenti jiġu rispettati u promossi. Prinċipji ta’ kwalità bħal dawn huma importanti fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u ta’ responsabbiltà għal firxa wiesgħa ta’ servizzi ta’ appoġġ komunitarju, kif ukoll servizzi tradizzjonali. L-oqfsa ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u l-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà madwar l-UE jistgħu għalhekk jevolvu biex jikkontribwixxu għat-titjib tal-esperjenza diretta tal-persuni.
Il-bini ta’ forza tax-xogħol b'saħħitha u mħarrġa tajjeb u t-titjib tal-attraenza tas-settur tas-servizzi ta’ kura u appoġġ, inkluż billi jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, huwa importanti biex tiġi żgurata l-kwalità tas-servizzi. Ir-reklutaġġ u ż-żamma ta’ professjonisti kwalifikati huma sfida li qed tikber fis-settur, li hija kkaratterizzata minn kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli, paga baxxa, xogħol part-time u mhux iddikjarat flimkien ma’ investiment insuffiċjenti fit-taħriġ u l-iżvilupp professjonali (42). Il-miżuri li jappoġġaw l-għajxien indipendenti u l-inklużjoni fil-komunità se jeħtieġu forza tax-xogħol kwalifikata, b’ħila u kbira biżżejjed. Barra minn hekk, huwa importanti li tiġi żviluppata u msaħħa l-professjoni ta’ assistent personali, inkluż permezz tal-għoti tat-taħriġ meħtieġ, l-aċċess għall-protezzjoni soċjali u l-perspettivi għall-progress fil-karriera. Dan jeħtieġ oqfsa legali ċari u allokazzjonijiet baġitarji pubbliċi għall-għoti ta’ assistenza personali.
Politiki effettivi jippromwovu t-taħriġ u jappoġġaw l-edukazzjoni inklużiva biex jipprovdu sensibilizzazzjoni dwar id-diżabilità u jinkoraġġixxu s-sensittività fost il-persunal fis-settur, inkluż dwar diżabilitajiet inviżibbli bħall-awtiżmu. L-opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid jistgħu jtejbu kemm l-attraenza tas-settur għal impjegati potenzjali u jixprunaw is-servizzi ta’ kura u ta’ appoġġ lejn l-eċċellenza. Jista’ jiġi pprovdut taħriġ li jiffoka fuq is-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u approċċi ċċentrati fuq il-persuna fl-għoti tas-servizzi, kif ukoll fuq kontenut speċifiku għad-diżabilità rilevanti għall-komunikazzjoni, il-mobbiltà, l-użu ta’ teknoloġiji ta’ assistenza, eċċ., fejn possibbli mill-persuni b’diżabilità nfushom. F’dan il-kuntest, ġiet żviluppata firxa ta’ programmi u appoġġ mill-UE biex tassisti lill-Istati Membri u lill-fornituri tas-servizzi fit-taħriġ u fir-reklutaġġ ta’ persunal ta’ kwalità għolja, inkluż: (i) sħubija għall-ħiliet għas-settur tal-kura fit-tul (43); u (ii) sett ta’ għodod dwar l-użu tal-fondi tal-Fond Soċjali Ewropew+ għat-taħriġ tal-persunal involut fl-għajxien indipendenti (44).
3.5. Konsultazzjoni u parteċipazzjoni
Skont l-Artikolu 4(3) tal-UNCRPD, il-Partijiet jeħtiġilhom jikkonsultaw mill-qrib u jinvolvu b’mod attiv lill-persuni b’diżabilità, inklużi t-tfal b’diżabilità, permezz tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politiki għall-implimentazzjoni tal-UNCRPD u fi proċessi oħra ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw kwistjonijiet relatati ma’ persuni b’diżabilità. Il-konsultazzjonijiet huma opportunità biex il-persuni b’diżabilità jiġu involuti b’mod sinifikanti, fid-diversità kollha tagħhom, inklużi dawk b’esperjenza diretta tal-istituzzjonijiet u l-familji tagħhom, kif ukoll it-tfal (45) u r-rappreżentanti legali tagħhom. Huwa importanti li jiġu involuti persuni b’indebolimenti differenti, inklużi diżabilitajiet intellettwali jew psikosoċjali, jew persuni bi ħtiġijiet ta’ appoġġ kumplessi, peress li huma aktar f’riskju li jiġu istituzzjonalizzati, u li jitħallew lura fit-tranżizzjoni lejn servizzi bbażati fil-komunità (46). Il-fehmiet u l-preferenzi tal-persuni b’diżabilità jenħtieġ li jiġu kkunsidrati matul it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tas-servizzi u l-pjanijiet immirati lejhom, inklużi miżuri li jappoġġaw l-għajxien indipendenti u l-inklużjoni fil-komunità. Fejn rilevanti, tali proċessi parteċipattivi jenħtieġ li jitwettqu fil-livelli kollha tal-gvern, inklużi l-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.
Konsultazzjonijiet effettivi dwar il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet biex jappoġġaw il-proċess tad-deistituzzjonalizzazzjoni u t-tranżizzjoni lejn il-ħajja komunitarja jimplikaw li l-informazzjoni tiġi pprovduta f’formati aċċessibbli appoġġati minn sensibilizzazzjoni xierqa. Ġew stabbiliti diversi rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà fil-livell tal-UE, b’mod partikolari dwar is-servizzi u l-prodotti jew l-ambjent diġitali u fiżiku fl-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà (47) u għas-siti web u l-applikazzjonijiet mobbli kollha tas-settur pubbliku fid-Direttiva dwar l-Aċċessibbiltà għall-Web (48). L-Istati Membri u l-fornituri tas-servizzi huma mħeġġa wkoll jipprovdu informazzjoni f’formati aċċessibbli għal persuni b’tipi differenti ta’ diżabilità, inkluż l-użu ta’ lingwa tas-sinjali, braille jew formati faċli biex jinqraw, u li huma xierqa għall-età.
Is-sħubija fl-implimentazzjoni tal-finanzjament tal-UE, mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, bħall-korpi rilevanti li jirrappreżentaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-servizzi soċjali, is-soċjetà ċivili u l-korpi indipendenti tad-drittijiet fundamentali u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, tibqa’ prinċipju ewlieni fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi appoġġati mill-fondi tal-UE.
4. APPOĠĠ MILL-FONDI TAL-UE GĦAT-TRANŻIZZJONI LEJN GĦAJXIEN INDIPENDENTI U L-INKLUŻJONI FIL-KOMUNITÀ TA’ PERSUNI B’DIŻABILITÀ
Għal ħafna snin, il-fondi tal-UE appoġġaw investimenti nazzjonali u reġjonali u riformi strutturali biex jiġu żviluppati servizzi bbażati fil-familja u fil-komunità minflok kura istituzzjonali. Il-fondi jgħinu b’dan il-mod biex itejbu s-sitwazzjoni fuq il-post.
L-Istati Membri ġew imħeġġa jikkomplementaw il-finanzjament nazzjonali tagħhom bil-fondi taħt ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RDK), b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), biex joffru xenarju differenzjat ta’ servizzi bbażati fil-komunità, fid-dar u fil-familja ta’ kwalità, aċċessibbli, mhux segregati, iċċentrati fuq il-persuna, affordabbli u mhux residenzjali.
L-Istati Membri inkludew ukoll riformi u investimenti li jippromwovu għajxien indipendenti u opportunitajiet indaqs għall-persuni b’diżabilità fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs) taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF). L-istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI) appoġġa riformi relatati mal-inklużjoni soċjoekonomika ta’ persuni b’diżabilità.
Il-programm InvestEU appoġġa investimenti f’akkomodazzjoni soċjali aċċessibbli u affordabbli biex jittejbu l-aċċessibbiltà u l-aċċess għall-akkomodazzjoni għall-persuni b’diżabilità (49).
Fil-kuntest tal-politika tat-tkabbir u l-politika Ewropea tal-viċinat, l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (50) u l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (51) jappoġġaw investimenti fil-qasam tal-għajxien indipendenti u d-deistituzzjonalizzazzjoni. Speċifikament għall-Ukrajna, il-Faċilità għall-Ukrajna (52) tipprevedi appoġġ għad-deistituzzjonalizzazzjoni tal-kura u r-riabilitazzjoni tal-persuni b’diżabilità.
L-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE teħtieġ ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-konformità mal-Karta (53). Il-kundizzjoni abilitanti orizzontali dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-UNCRPD fil-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ qafas nazzjonali biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-UNCRPD. Dan il-qafas nazzjonali jrid jinkludi objettivi b’għanijiet li jistgħu jitkejlu, u arranġamenti speċifiċi biex jiġi żgurat li politika, leġiżlazzjoni u standards ta’ aċċessibbiltà jiġu riflessi kif xieraq fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi.
Il-kundizzjoni abilitanti tal-UNCRPD hija waħda mill-prerekwiżiti għall-implimentazzjoni effettiva tal-fondi li jeħtieġ li tibqa’ tiġi rispettata matul il-perjodu ta’ programmazzjoni. Id-dispożizzjoni dwar il-prinċipji orizzontali, b’mod partikolari dwar l-iżgurar tal-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità trid titqies matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi (54).
Barra minn hekk, il-kundizzjoni abilitanti orizzontali tirrikjedi wkoll rapportar lill-Kumitat ta’ Monitoraġġ dwar każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-UNCRPD ta’ operazzjonijiet appoġġati mill-Fondi u lmenti rigward l-UNCRPD.
Barra minn hekk, għall-fini li jsir użu mill-FEŻR u mill-FSE+ għall-investimenti fl-inklużjoni soċjali, il-kundizzjoni abilitanti tematika 4.4 skont l-RDK tirrikjedi li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ politika strateġika nazzjonali jew reġjonali jew oqfsa leġiżlattivi għall-inklużjoni soċjali u għat-tnaqqis tal-faqar, inkluż miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra s-segregazzjoni fl-oqsma kollha, u miżuri għall-bidla minn kura istituzzjonali għal kura bbażata fil-familja u fil-komunità.
Għall-investimenti taħt il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul, il-kundizzjoni abilitanti tematika 4.6 skont l-RDK tirrikjedi li jkun fis-seħħ qafas strateġiku ta’ politika nazzjonali jew reġjonali, li jkun fih immappjar tal-ħtiġijiet tas-saħħa u tal-kura fit-tul, kif ukoll miżuri għall-promozzjoni ta’ servizzi bbażati fil-komunità u fil-familja permezz tad-deistituzzjonalizzazzjoni, inklużi l-prevenzjoni u l-kura primarja, il-kura fid-djar, u s-servizzi bbażati fil-komunità. L-Istati Membri ntalbu jiżguraw li l-investimenti appoġġati mill-fondi ta’ Koeżjoni jkunu konformi mal-politika rilevanti u mad-dispożizzjonijiet legali u mal-oqfsa meħtieġa skont il-kundizzjonijiet abilitanti, li jeħtieġ li jiġu rispettati matul il-perjodu kollu ta’ programmazzjoni (55).
Il-finanzjament tal-UE għen biex jiġu appoġġati xi oqsma ewlenin ta’ investiment u riformi biex jiġi promoss id-dritt tal-għajxien indipendenti u jitmexxa ’l quddiem il-proċess tad-deistituzzjonalizzazzjoni. Dawn jinkludu:
|
— |
għażliet ta’ akkomodazzjoni mhux segregati fil-komunità tradizzjonali, b’mod partikolari akkomodazzjoni soċjali aċċessibbli u servizzi li jiffaċilitaw l-aċċess għall-akkomodazzjoni; |
|
— |
servizzi mhux residenzjali ċċentrati fuq il-persuna bbażati fil-komunità, fil-familja u fid-djar, inkluż appoġġ għal assistenti personali u ħaddiema soċjali, kura fid-djar u networks ta’ appoġġ bejn il-pari; tagħmir relatat u teknoloġiji ta’ assistenza; il-bini tal-kapaċità tal-forza tax-xogħol u l-amministrazzjoni pubblika; |
|
— |
l-iżgurar tal-aċċessibbiltà u l-inklużività ta’ servizzi tradizzjonali komplementari ta’ kwalità, bħall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, l-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa; |
|
— |
appoġġ tekniku għat-tfassil u l-implimentazzjoni effiċjenti tar-riformi, imsemmija hawn fuq. |
Din it-taqsima tipprovdi eżempji aktar dettaljati tat-tipi ta’ miżuri li jrawmu l-iżvilupp ta’ servizzi bbażati fil-komunità u fil-familja u appoġġ għal għajxien indipendenti u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ deistituzzjonalizzazzjoni li l-fondi tal-UE (eż. il-FSE+, il-FEŻR, il-RRF, it-TSI jew InvestEU) jistgħu jgħinu bl-appoġġ tagħhom. L-eżempji pprovduti jistgħu jappoġġaw l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni ta’ programmi ffinanzjati mill-UE f’konformità mal-UNCRPD.
4.1. Strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali komprensivi biex jappoġġaw l-għajxien indipendenti u d-deistituzzjonalizzazzjoni
Eżempji ta’ azzjonijiet tal-Istati Membri li jistgħu jiġu appoġġati minn finanzjament tal-UE (lista mhux eżawrjenti) (56):
|
— |
valutazzjonijiet, analiżi, rieżamijiet fil-fond, immappjar tal-infrastruttura, servizzi, kapital uman, ħiliet, mekkaniżmi tal-ilmenti, bħala l-bażi għat-tħejjija tal-oqfsa strateġiċi, speċjalment f’kooperazzjoni mal-akkademja, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, is-servizzi soċjali, il-korpi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem; |
|
— |
proċess konsultattiv dwar it-tħejjija tal-qafas strateġiku (inklużi diskussjonijiet madwar mejda, konferenzi, sessjonijiet ta’ ħidma, żjarat fuq il-post u attivitajiet rilevanti oħra); |
|
— |
l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ ġbir ta’ data dwar persuni fl-istituzzjonijiet u fid-dar li jeħtieġu kura u ħarsa ġenerali lejn persuni li jixtiequ jitilqu minn istituzzjonijiet residenzjali; |
|
— |
il-bini tal-kapaċità għat-tħejjija ta’ qafas strateġiku dwar it-tranżizzjoni lejn għajxien indipendenti, u għall-istabbiliment ta’ pjattaforma ta’ koordinazzjoni biex jitrawwem approċċ integrat tas-sistemi soċjali u tas-saħħa fl-Istat Membru, kif ukoll sinerġiji mas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u l-infurzar tal-liġi; |
|
— |
l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-qafas strateġiku, inklużi wkoll il-komunikazzjoni u l-evalwazzjoni; |
|
— |
appoġġ tekniku għat-tfassil u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-azzjonijiet imsemmija hawn fuq, inkluż appoġġ bl-ittestjar, il-pilotaġġ ta’ azzjonijiet, il-bini ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u l-kapaċità ta’ kontroll għall-awtoritajiet. |
4.2. Reviżjoni tal-arranġamenti tal-għajxien: il-prevenzjoni tal-istituzzjonalizzazzjoni, il-ħruġ mill-istituzzjonijiet u t-tbegħid mill-kultura istituzzjonali
Il-fondi tal-UE jgħinu biex jappoġġaw l-investimenti mill-Istati Membri f’akkomodazzjoni soċjali individwali aċċessibbli u inklużiva. Dan l-aħħar il-Kummissjoni ppubblikat sett ta’ għodod li jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-opportunitajiet kollha għall-appoġġ offruti mill-fondi tal-UE fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali u s-servizzi assoċjati (57).
Eżempji ta’ azzjonijiet fejn il-finanzjament tal-UE jista’ jappoġġa lill-Istati Membri (lista mhux eżawrjenti):
|
— |
il-forniment ta’ akkomodazzjoni soċjali individwali aċċessibbli, bħal appartamenti individwali fil-komunità ġenerali, tagħmir korrispondenti li jappoġġa l-għajxien indipendenti, u appoġġ minn assistenti personali; |
|
— |
appoġġ fid-dar permezz ta’ investimenti fl-adattament u l-aċċessibbiltà (inkluża l-introduzzjoni ta’ servizzi tas-saħħa elettronika), kif ukoll fit-tagħmir u s-soluzzjonijiet ta’ assistenza; |
|
— |
it-titjib tal-aċċess għal akkomodazzjoni adegwata mhux segregata u servizzi essenzjali għall-persuni b’diżabilità, miżuri ta’ akkumpanjament biex jittejjeb l-aċċess għal akkomodazzjoni aċċessibbli, b’mod partikolari akkomodazzjoni soċjali; |
|
— |
miżuri għall-prevenzjoni tal-istituzzjonalizzazzjoni mfassla għall-ħtiġijiet ta’ gruppi fil-mira differenti (eż. intervent bikri, gwida u appoġġ għall-familji, edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal aċċessibbli u inklużivi għat-tfal b’diżabilità, aċċess għall-impjiegi, servizzi bbażati fil-komunità fil-kura tas-saħħa u dik soċjali, soluzzjonijiet ta’ assistenza, sistemi ta’ appoġġ); |
|
— |
miżuri li jgħinu fl-appoġġ tal-inklużjoni matul il-kriżijiet u l-isforzi ta’ rispons rapidu, kif ukoll l-inklużjoni fil-miżuri ta’ evakwazzjoni, ta’ sokkors u ta’ rkupru u l-aċċessibbiltà sħiħa tal-appoġġ f’sitwazzjonijiet ta’ diżastri u ta’ emerġenza umanitarja. |
4.3. Approċċi ċċentrati fuq il-persuna għal għajxien indipendenti
Eżempji ta’ azzjonijiet li jistgħu jiġu appoġġati b’finanzjament mill-UE (lista mhux eżawrjenti):
|
— |
l-iżvilupp ta’ network integrat u komprensiv ta’ servizzi bbażati fil-komunità ċċentrati fuq il-persuna, inkluż għal persuni b’diżabilità intellettwali u/jew psikosoċjali, bħall-assistenza personali, il-kura fid-djar, l-appoġġ fi kriżijiet, is-servizzi ta’ konsulenza; |
|
— |
infrastruttura bbażata fil-komunità li tipprovdi servizzi għall-promozzjoni tal-għajxien indipendenti (58); |
|
— |
miżuri li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni li jindukraw lill-persuni b’diżabilità, speċjalment il-membri tal-familja; |
|
— |
miżuri relatati ma’ infrastruttura, prodotti u servizzi aċċessibbli kif ukoll teknoloġiji u servizzi ta’ assistenza; |
|
— |
miżuri biex jiġu introdotti/żviluppati baġits personali u l-pilotaġġ tagħhom; miżuri innovattivi għall-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ fil-komunità; |
|
— |
appoġġ għall-impjiegi u politiki attivi tas-suq tax-xogħol, kif ukoll aċċessibbiltà u akkomodazzjoni raġonevoli, immirati biex itejbu l-impjieg ta’ persuni b’diżabilità; |
|
— |
appoġġ lill-impjegaturi u lill-impjegati fil-ġlieda kontra l-isterjotipi u l-ħolqien ta’ ambjent tax-xogħol pożittiv għall-persuni b’diżabilità, filwaqt li tingħata attenzjoni lil diżabilitajiet differenti, inklużi diżabilitajiet intellettwali; |
|
— |
appoġġ tekniku għat-tfassil u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-azzjonijiet imsemmija hawn fuq, inkluż appoġġ bl-ittestjar, bil-pilotaġġ ta’ azzjonijiet, bil-bini tal-kapaċità għall-awtoritajiet. |
4.4. It-tneħħija tal-ostakli għall-inklużjoni fil-komunità
Eżempji ta’ azzjonijiet li jistgħu jiġu appoġġati b’finanzjament mill-UE (lista mhux eżawrjenti):
|
— |
miżuri li jtejbu l-aċċess għal servizzi soċjali ġenerali u l-aċċessibbiltà u l-inklużività tagħhom, b’mod partikolari servizzi relatati mal-impjiegi u l-edukazzjoni, assistenza soċjali bbażata fil-komunità, kura tas-saħħa u servizzi psikoloġiċi; |
|
— |
appoġġ biex jiżdied l-aċċess għall-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ (inkluż għall-adulti) għall-persuni b’diżabilità u t-tlestija tagħhom; |
|
— |
appoġġ għar-reġistrazzjoni ta’ tfal b’diżabilità f’servizzi inklużivi u ġenerali ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal flimkien ma’ tfal mingħajr diżabilità, inkluż permezz ta’ approċċi innovattivi u l-iżgurar ta’ għadd suffiċjenti ta’ persunal kwalifikat (għalliema/riabilitaturi/terapisti tat-taħdit/speċjalisti oħra); |
|
— |
żieda fl-aċċess għas-servizzi elettroniċi fuq bażi ugwali ma’ oħrajn biex tiġi promossa l-inklużjoni elettronika ta’ persuni b’diżabilità, u l-investiment fil-litteriżmu diġitali inklużi l-ħiliet fl-aċċessibbiltà diġitali; |
|
— |
l-iżvilupp u l-adattament tal-infrastrutturi soċjali, tas-saħħa, tal-impjiegi, tal-akkomodazzjoni, tal-kultura, tat-turiżmu, tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, li huma aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità, l-unitajiet mobbli (eż. għas-saħħa (mentali)); |
|
— |
l-iżvilupp ta’ mezzi ta’ trasport aċċessibbli biex jittejjeb l-aċċess għal servizzi tradizzjonali; |
|
— |
appoġġ tekniku għat-tfassil u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-azzjonijiet imsemmija hawn fuq, inkluż appoġġ bl-ittestjar, bil-pilotaġġ ta’ azzjonijiet, bil-bini tal-kapaċità għall-awtoritajiet. |
4.5. L-ixprunar u l-iffaċilitar tat-trasformazzjoni fil-forniment tas-servizzi
Eżempji ta’ azzjonijiet li l-fondi tal-UE jistgħu jgħinu permezz tal-appoġġ tagħhom (lista mhux eżawrjenti):
|
— |
taħriġ dwar l-għajxien indipendenti għall-awtoritajiet pubbliċi, il-kura tas-saħħa kif ukoll il-persunal tas-servizzi soċjali u ta’ appoġġ, inklużi l-assistenti personali u l-ħaddiema soċjali, anke fil-kuntest tal-bidla minn kura istituzzjonali għal servizzi bbażati fil-familja u fil-komunità u azzjonijiet preventivi; |
|
— |
l-iżvilupp ta’ kurrikuli għal profili/impjiegi okkupazzjonali f’servizzi ta’ appoġġ ibbażati fil-komunità u servizzi tradizzjonali; |
|
— |
it-titjib tal-istatus u l-professjonalizzazzjoni tas-servizzi soċjali, inkluż permezz tat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid; |
|
— |
l-iżvilupp ta’ infrastruttura u/jew tagħmir ta’ taħriġ, inkluż biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u servizzi aċċessibbli u ta’ assistenza, immirati lejn il-persunal ta’ servizzi mhux residenzjali bbażati fil-familja u fil-komunità; |
|
— |
l-iżvilupp, il-pilotaġġ u l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u ta’ responsabbiltà; |
|
— |
appoġġ tekniku għat-tfassil u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-azzjonijiet imsemmija hawn fuq, inkluż appoġġ bl-ittestjar, bil-pilotaġġ ta’ azzjonijiet, bil-bini tal-kapaċità għall-awtoritajiet. |
4.6. Konsultazzjoni u parteċipazzjoni
Eżempji ta’ azzjonijiet li l-Fondi tal-UE jistgħu jgħinu permezz tal-appoġġ tagħhom (lista mhux eżawrjenti):
|
— |
l-involviment tas-soċjetà ċivili, il-korpi indipendenti tad-drittijiet fundamentali u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabilità, fit-tfassil, fl-implimentazzjoni (l-iżvilupp ta’ kriterji tal-għażla, sejħiet għal proposti), fil-monitoraġġ, u fl-evalwazzjoni tal-programmi, inkluż fil-kumitati ta’ monitoraġġ; |
|
— |
l-involviment tas-soċjetà ċivili, il-korpi indipendenti tad-drittijiet fundamentali u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabilità fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-oqfsa strateġiċi. |
5. MONITORAĠĠ TAL-PROGRESS
It-titjib tal-ġbir ta’ data diżaggregata
Huwa importanti li jiġi mmonitorjat il-progress lejn id-deistituzzjonalizzazzjoni tal-persuni b’diżabilità kemm biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku fit-tul fis-seħħ kif ukoll biex l-għażliet ta’ politika fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali jiġu infurmati. Il-monitoraġġ jeħtieġ sistemi mtejba ta’ ġbir tad-data f’termini ta’ kopertura (eż. dwar l-għadd u s-sitwazzjoni tal-għajxien ta’ persuni b’diżabilità li jgħixu f’istituzzjonijiet), diżaggregazzjoni (skont l-età, il-ġeneru, it-tip ta’ diżabilità), u x-xejra. L-Eurostat qed jaħdem mal-Istati Membri fuq l-iżvilupp ta’ ġbir ta’ data dwar persuni li jgħixu f’istituzzjonijiet, li bħalissa mhumiex koperti minn stħarriġiet madwar l-UE kollha. Għaddejja ħidma biex tiġi investigata l-possibbiltà li jiġu inklużi persuni li jgħixu f’istituzzjonijiet fil-mewġiet futuri ta’ ġbir ta’ data tal-istħarriġ Ewropew dwar l-intervisti dwar is-saħħa (EHIS), b’perjodiċità ta’ 6 snin. Il-metodoloġija proposta se tiġi ttestjata fis-snin li ġejjin u tista’ tiġi kkunsidrata għall-mewġa li jmiss tal-EHIS skedata għall-2031 (f’każ ta’ eżitu pożittiv tal-ittestjar).
Monitoraġġ tal-investimenti
Il-proċessi ta’ deistituzzjonalizzazzjoni jistgħu jkunu effettivi biss meta jkunu sostnuti minn qafas strateġiku fit-tul, b’perjodu ta’ żmien ċar, miri marbuta biż-żmien, inkluż dwar l-għeluq tal-istituzzjonijiet u l-għadd ta’ persuni li jagħmlu t-tranżizzjoni lejn servizzi bbażati fil-komunità, baġit allokat, għodod ta’ monitoraġġ relatati u proċess ta’ rieżami tal-prestazzjoni. Il-persuni b’diżabilità u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom jenħtieġ li jiġu involuti u kkonsultati b’mod sinifikanti fl-istadji kollha, mill-abbozzar tal-istrateġiji sal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-investimenti. L-involviment tal-persuni b’diżabilità bħala utenti tas-servizzi u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom jenħtieġ li ma jkunx limitat għall-għoti ta’ feedback, iżda jinkludi wkoll il-parteċipazzjoni fis-segwitu tar-riżultati tal-evalwazzjoni, biex jiġi ppjanat kwalunkwe titjib u aġġustament. Il-korpi indipendenti tad-drittijiet fundamentali u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem huma fost il-partijiet ikkonċernati li għandhom ikunu involuti fil-monitoraġġ tal-investimenti. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni u l-monitoraġġ jenħtieġ li jkunu disponibbli għall-pubbliku, sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà u jiġi appoġġat dibattitu pubbliku sinifikanti dwar id-deistituzzjonalizzazzjoni.
Fl-azzjoni esterna, l-investimenti għall-persuni b’diżabilità b’mod ġenerali, u b’mod partikolari fl-għajxien indipendenti, jiġu mmonitorjati permezz tal-indikatur tad-diżabilità tal-OECD, li jsegwi kif id-diżabilità tiġi integrata fil-kooperazzjoni esterna u fl-assistenza ta’ emerġenza (59).
ANNESS
Għodda ta’ awtovalutazzjoni għal operazzjonijiet taħt il-Fondi tal-UE li jiżguraw l-għajxien indipendenti ta’ persuni b’diżabilità. Kwistjonijiet ewlenin
Il-mistoqsijiet ta’ hawn taħt jistgħu jintużaw bħala eżempji għall-awtovalutazzjoni tal-allinjament tal-operazzjonijiet u tal-proġetti mal-approċċi deskritti fl-Avviż tal-Kummissjoni Gwida dwar l-għajxien indipendenti u l-inklużjoni fil-komunità, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-UNCRPD.
Din l-għodda ta’ awtovalutazzjoni hija maħsuba purament bħala għodda ta’ gwida u ma toħloq l-ebda obbligu legali fuq l-Istati Membri (60). Hija tipprovdi biss bażi indikattiva biex tiffaċilita l-awtovalutazzjoni possibbli, mhijiex vinkolanti u ma tippreġudikax il-konformità tal-operazzjonijiet u l-proġetti kkonċernati mar-rekwiżiti applikabbli.
ĠENERALI
|
— |
Id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, kif indikat mill-UNCRPD, huma affettwati mill-operazzjoni/proġett? |
|
— |
Id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE huma affettwati mill-operazzjoni/proġett?
|
L-operazzjoni/proġett hija parti minn qafas strateġiku dwar l-għajxien indipendenti u d-deistituzzjonalizzazzjoni?
KUNĊETTWALI
|
— |
Tuża definizzjoni ta’ persuni b’diżabilità allinjata mal-UNCRPD u mal-istrumenti legalment vinkolanti tal-UE (jiġifieri d-Direttiva 2019/882)? |
|
— |
Jekk l-operazzjoni/il-proġett jinvolvi l-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ għall-persuni b’diżabilità, hemm ippjanati miżuri biex jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizzi jkunu mħarrġa u infurmati dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni b’diżabilità? |
|
— |
L-operazzjoni/il-proġett jaffettwa d-dritt tal-persuni b’diżabilità għal għajxien indipendenti u inklużjoni fil-komunità (pereżempju, iċ-ċaqliq ta’ persuni barra minn darhom, it-tqegħid ta’ persuni f’istituzzjoni)? |
|
— |
L-operazzjoni/il-proġett jirrispetta bis-sħiħ u ma jirrestrinġix il-kapaċità ġuridika tal-persuni b’diżabilità? |
|
— |
L-operazzjoni tipprevedi miżuri preventivi biex jiġu evitati l-abbuż jew il-vjolenza kontra persuni b’diżabilità? Hemm mekkaniżmi ta’ rappurtar u azzjonijiet ta’ rimedju previsti f’każijiet bħal dawn? |
|
— |
Ivverifikajt li l-inizjattiva ma tiddiskriminax kontra persuni b’diżabilità? |
|
— |
L-operazzjoni/il-proġett iqis, fejn xieraq, il-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u l-bniet b’diżabilità? |
|
— |
L-operazzjoni/il-proġett iqis, fejn xieraq, il-ħtiġijiet speċifiċi tal-persuni akbar fl-età, il-persuni mingħajr dar, u l-persuni LGBTIQ b’diżabilità? |
|
— |
L-operazzjoni/il-proġett jirrispetta d-drittijiet tat-tfal b’diżabilità (inklużi dawk imċaħħda mill-kura tal-ġenituri)? |
GĦAJXIEN INDIPENDENTI U INKLUŻJONI FIL-KOMUNITÀ
|
— |
Jekk l-operazzjoni/il-proġett jinvolvi infrastruttura:
|
|
— |
Meta l-operazzjoni/il-proġett jinvolvi servizzi ta’ appoġġ għal persuni b’diżabilità:
|
|
— |
Dwar il-persuni li jibbenefikaw mill-inizjattiva:
|
|
— |
L-operazzjoni/il-proġett juri kif il-persuni b’diżabilità se jibqgħu fil-komunità jew jirritornaw fiha? Is-servizzi pprovduti lill-popolazzjoni ġenerali huma inklużivi għad-diżabilità u aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità? |
|
— |
L-operazzjoni/il-proġett jiżgura l-aċċessibbiltà tas-servizzi kollha li jindirizza? |
|
— |
Qed tiġi kkunsidrata l-provvista ta’ teknoloġiji ta’ assistenza? |
KONSULTAZZJONI
|
— |
Involvejt u kkonsultajt persuni b’diżabilità u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom fit-tfassil tal-operazzjoni/tal-proġett? |
|
— |
L-operazzjoni/il-proġett fih pjanijiet għall-involviment ta’ persuni b’diżabilità jew l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom fl-implimentazzjoni, fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni tiegħu? |
(1) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM (2021) 101 final) (Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021–2030).
(2) B’mod partikolari: (i) it-(Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) u l-Artikoli 10 u 19 tiegħu dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabilità; u (ii) il-(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea) u l-Artikolu 26 tagħha dwar id-dritt tal-persuni b’diżabilità li jibbenefikaw minn miżuri mfassla biex jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u okkupazzjonali tagħhom, u l-parteċipazzjoni fil-ħajja tal-komunità.
(3) Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1606&langId=mt).
(4) Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1607&langId=mt).
(5) Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) (un.org).
(6) Skont l-Artikolu 216(2) TFUE, il-ftehimiet konklużi mill-Unjoni jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE għandha fil-fatt tinqara fid-dawl tal-UNCRPD u tal-Karta, ara pereżempju s-sentenzi fil-kawżi Ca Na Negreta (C-631/22, ECLI:EU:C:2024:53) u AP Assistenzprofis (C-518/22, ECLI:EU:C:2023:956).
(7) Matul is-snin, il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (il-Kumitat tas-CRPD) ipprovda interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni, b’mod partikolari fil-Kumment Ġenerali Nru 5 tiegħu tal-2017 dwar l-għajxien indipendenti u l-inklużjoni fil-komunità u l-Linji Gwida aktar reċenti tal-2022 dwar id-deistituzzjonalizzazzjoni, inkluż f’emerġenzi. Dawn huma dokumenti mhux legalment vinkolanti li jippreżentaw il-gwida tal-Kumitat tas-CRPD bl-għan li jiggwidaw lill-Partijiet lejn l-għoti ta’ effett lid-dritt tal-persuni b’diżabilità li jgħixu b’mod indipendenti u jiġu inklużi fil-komunità.
(8) Grammenos, S., COVID-19 and persons with disabilities – Statistics on health, care, isolation and networking, Publications Office of the European Union, 2021 (https://data.europa.eu/doi/10.2767/25503).
(9) Il-Kummissjoni Ewropea (2010), Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010–2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli, COM (2010) 0636 final.
(10) F’konformità ma’ Strateġiji oħra tal-Unjoni ta’ Ugwaljanza li jagħtu wkoll l-attenzjoni dovuta lill-intersezzjonalità: Strateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE Kontra r-Razziżmu 2020-2025, il-Qafas Strateġiku tar-Rom għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni 2020-2030, u l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025.
(11) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 2022 dwar l-aċċess għall-kura fit-tul affordabbli u ta' kwalità għolja (ĠU C 476, 15.12.2022, p. 1).
(12) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1004 tal-14 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixi Garanzija Ewropea għat-Tfal (ĠU L 223, 22.6.2021, p. 14).
(13) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM (2021) 142 final) - Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal.
(14) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (SWD (2024) 98 final) (Rakkomandazzjoni dwar l-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal fl-aħjar interessi tat-tfal | Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)).
(15) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE 2022/0263) (L-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal – il-miri ta’ Barċellona għall-2030).
(16) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM (2023) 298 final) (Approċċ komprensiv lejn is-saħħa mentali).
(17) Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).
(18) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2020) 662 final) (Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għall-Ewropa - l-ekoloġizzazzjoni tal-binjiet tagħna, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-ħajja).
(19) Id-Direttiva (UE) 2024/1275 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L, 2024/1275, 8.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1275/oj).
(20) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/786 tat-8 ta’ Mejju 2019 dwar ir-rinnovazzjoni tal-bini (ĠU L 127, 16.5.2019, p. 34).
(21) Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida: sbieħ, sostenibbli, flimkien. Unjoni Ewropea (europa.eu)
(22) SWD tal-Kummissjoni Linji Gwida dwar l-Investiment tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida tad-29 ta’ Lulju 2024 (europa.eu)
(23) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2020)789 final): Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur.
(24) Il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità 2017 (Kumment ġenerali Nru 5 dwar l-għajxien indipendenti u l-inklużjoni fil-komunità).
(25) Il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità 2022 (Linji gwida dwar id-deistituzzjonalizzazzjoni, inkluż f’emerġenzi).
(26) Appoġġ lill-persuni b’diżabilità ‘ jista’ jiġi pprovdut f’diversi forom, inkluż iżda mhux limitat għall-appoġġ uman. Dan jista’ jinkludi appoġġ informali, bħal xogħol ta’ kura u appoġġ mhux imħallas, primarjament minn familji u networks personali ta’ persuni b’diżabilità; appoġġ formali, ipprovdut permezz ta’ servizzi ta’ appoġġ u ħaddiema ta’ appoġġ (pereżempju, assistenti personali professjonali, interpreti tal-lingwa tas-sinjali u ħaddiema tal-kura domestika); jew permezz ta’ prodotti (pereżempju, prodotti ta’ assistenza u teknoloġiji ġodda) ’. L-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR): Prattiki tajbin ta’ sistemi ta’ appoġġ li jippermettu l-inklużjoni komunitarja ta’ persuni b’diżabilità, 2023.
(27) Il-linji gwida tal-2022 tal-Kumitat tas-CRPD jiddefinixxu d-deistituzzjonalizzazzjoni bħala tranżizzjoni li tinkludi proċessi interkonnessi li jeħtieġ li jiffukaw fuq ir-restawr tal-awtonomija, l-għażla u l-kontroll għall-persuni b’diżabilità dwar kif, fejn u ma’ min jiddeċiedu li jgħixu.
(28) Ara l-Premessa 6 tar-Regolament (UE) 2021/1060: ‘ Jenħtieġ li l-Fondi ma jappoġġawx azzjonijiet li jikkontribwixxu għal kwalunkwe forma ta’ segregazzjoni jew esklużjoni, u, meta jiffinanzjaw l-infrastruttura, jenħtieġ li jiżguraw l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità.’
(29) Id-Deċiżjoni tal-Ombudsman dwar l-inkjesta fuq inizjattiva proprja dwar kif il-Kummissjoni Ewropea timmonitorja l-fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-UE biex tiżgura li dawn jintużaw biex jippromwovu d-dritt tal-persuni b’diżabilità għal għajxien indipendenti u inklużjoni fil-komunità (OI/2/2021/MHZ).
(30) Il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità 2022 (Linji gwida dwar id-deistituzzjonalizzazzjoni, inkluż f’emerġenzi).
(31) Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (ohchr.org)
(32) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (SWD (2024) 98 final) (Rakkomandazzjoni dwar l-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal fl-aħjar interessi tat-tfal | Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)).
(33) Il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, Kumment ġenerali Nru 5 dwar l-Artikolu 19 – id-dritt li wieħed jgħix b’mod indipendenti u jiġi inkluż fil-komunità, 27 ta’ Ottubru 2017, CRPD/C/GC/5. General comment No.5 on Article 19 - the right to live independently and be included in the community | OHCHR.
(34) Il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, Kumment ġenerali Nru 5 dwar l-Artikolu 19 – id-dritt li wieħed jgħix b’mod indipendenti u jiġi inkluż fil-komunità, 27 ta’ Ottubru 2017, CRPD/C/GC/5. General comment No.5 on Article 19 - the right to live independently and be included in the community. | OHCHR.
(35) Il-Kummissjoni Ewropea nediet approċċ komprensiv għas-saħħa mentali li jiffoka b’mod qawwi fuq il-prevenzjoni u l-inklużjoni soċjali ta’ persuni bi problemi ta’ saħħa mentali. Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM (2023) 298 final) dwar approċċ komprensiv għas-saħħa mentali (https://health.ec.europa.eu/publications/comprehensive-approach-mental-health_en).
(36) Ara t-Taqsima 2.
(37) Il-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, Linji Gwida dwar id-deistituzzjonalizzazzjoni, inkluż f’emerġenzi, 9 ta’ Settembru 2022, CRPD/C/5. CRPD/C/5: Linji gwida dwar id-deistituzzjonalizzazzjoni, inkluż f’emerġenzi (2022) | OHCHR.
(38) L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, 2018, From institutions to community living for persons with disabilities: perspectives from the ground (europa.eu).
(39) Matul il-perjodu 2021-2027, l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità trid titqies matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi appoġġati mill-FSE+ u mill-FEŻR. L-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2021/1060.
(40) Il-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, Linji Gwida dwar id-deistituzzjonalizzazzjoni, inkluż f’emerġenzi, 9 ta’ Settembru 2022, CRPD/C/5 (OHCHR).
(41) Inizjattiva ewlenija tal-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1597&langId=en).
(42) Dan huwa wkoll objettiv tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kura fit-tul fejn l-Istati Membri huma mħeġġa jinvestu fil-forza tax-xogħol tal-kura fit-tul, filwaqt li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u l-aċċess għat-taħriġ (ĠU C 476, 15.12.2022, p. 1).
(43) Pact for Skills, Driving up training and lifelong learning in long-term care – A Skills Partnership, 2 ta’ Mejju 2023 (Arranġament tal-Ftehim dwar il-Ħiliet (europa.eu)).
(44) Komunità ta’ Prattika dwar l-Inklużjoni Soċjali (Sett ta’ għodod: L-Użu tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) għat-Taħriġ tal-Persunal f’Appoġġ għall-Għajxien Indipendenti).
(45) F’konformità mad-dritt tat-tfal għall-parteċipazzjoni, kif minqux fl-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.
(46) Il-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, Kumment ġenerali Nru 5 dwar l-Artikolu 19 – id-dritt li wieħed jgħix b’mod indipendenti u jiġi inkluż fil-komunità, 27 ta’ Ottubru 2017, CRPD/C/GC/5 (General comment No.5 on Article 19 - the right to live independently and be included in the community | OHCHR).
(47) Direttiva (UE) 2019/882, l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà, Taqsima III tal-Anness I, 17 ta’ April 2019 (L-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà).. L-Istati Membri kienu obbligati jdaħħlu l-att fil-liġijiet nazzjonali tagħhom sat-28 ta’ Ġunju 2022, u japplikaw ir-regoli tiegħu mit-28 ta’ Ġunju 2025. Mid-data tal-aħħar, il-konsumaturi se jkunu jistgħu jressqu lmenti quddiem il-qrati jew l-awtoritajiet nazzjonali jekk is-servizzi ma jirrispettawx ir-regoli l-ġodda.
(48) Direttiva (UE) 2016/2102 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).
(49) Eżempji ta’ proġetti fil-qasam tal-akkomodazzjoni affordabbli u soċjali appoġġati minn InvestEU jistgħu jinstabu hawnhekk: Operazzjonijiet InvestEU - lista - Unjoni Ewropea (europa.eu).
(50) Ir-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Settembru 2021 li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III) (ĠU L 330, 20.9.2021, p. 1).
(51) Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1).
(52) Ir-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna (ĠU L, 2024/792, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/792/oj).
(53) Artikolu 9(1) 2021-2027 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni dwar il-prinċipji orizzontali. Ara wkoll l-Avviż tal-Kummissjoni Gwida dwar l-iżgurar tar-rispett għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fl-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (‘Fondi SIE’) (ĠU C 269, 23.7.2016, p. 1).
(54) Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2021/1060.
(55) Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2021/1060.
(56) Eżempji rilevanti wkoll għall-azzjoni esterna tal-UE u għall-proġetti ffinanzjati mill-UE internazzjonalment fl-ambitu tal-appoġġ tagħhom.
(57) Il-Kummissjoni Ewropea, Social housing and beyond - Operational toolkit on the use of EU funds for investments in social housing and associated services, 18 ta’ April 2024 (Katalgu tal-pubblikazzjonijiet - Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni - Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)).
(58) Din tista’ tinkludi wkoll l-adattament u l-aċċessibbiltà tas-servizzi ġenerali, bħall-uffiċċji tat-tobba tal-familja, il-fiżjoterapisti, il-psikologi, it-terapisti okkupazzjonali, speċjalisti oħra. Il-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità ma għandhomx jiġu indirizzati f’servizzi paralleli għal grupp fil-mira wieħed biss iżda permezz tal-iffaċilitar tal-aċċess tagħhom għas-servizzi diġà ġenerali (u l-estensjoni tal-kapaċitajiet u s-servizzi tagħhom li joffru).
(59) Nota ta’ gwida: Leaving no one behind - Disability inclusion in EU external action. Disponibbli fuq:
https://capacity4dev.europa.eu/media/131345/download/c69c327a-5719-4ae9-984b-8f1793b8604a.
(60) Jew għall-pajjiżi benefiċjarji fil-kuntest tal-azzjoni esterna tal-UE u tal-proġetti ffinanzjati mill-UE internazzjonalment.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7188/corrigendum/2025-01-24/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)