EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0662

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għall-Ewropa - l-ekoloġizzazzjoni tal-binjiet tagħna, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-ħajja

COM/2020/662 final

Brussell, 14.10.2020

COM(2020) 662 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għall-Ewropa - l-ekoloġizzazzjoni tal-binjiet tagħna, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-ħajja

{SWD(2020) 550 final}


1. It-tisħiħ tar-rinnovazzjoni tal-bini għan-newtralità klimatika u għall-irkupru

L-istokk tal-bini tal-Ewropa huwa uniku kif ukoll eteroġenju fil-mod kif jesprimi d-diversità kulturali u l-istorja tal-kontinent tagħna. Iżda mhux sorpriża li huwa wkoll qadim u jinbidel bil-mod ħafna. Iktar minn 220 miljun unità tal-bini, li jirrappreżentaw 85 % tal-istokk tal-bini tal-UE, inbnew qabel l-2001. 85-95 % tal-binjiet li jeżistu llum se jkunu għadhom jeżistu fl-2050.

Il-biċċa l-kbira ta’ dawk il-binjiet eżistenti mhumiex effiċjenti fl-użu tal-enerġija 1 . Ħafna minnhom jiddependu fuq il-fjuwils fossili għat-tisħin u għat-tkessiħ, u jużaw teknoloġiji qodma u apparati elettrodomestiċi li jaħlu l-enerġija. Il-faqar enerġetiku għadu sfida maġġuri għal miljuni ta’ Ewropej. B’mod kumplessiv, il-binjiet huma responsabbli għal madwar 40 % tal-konsum totali tal-enerġija tal-UE, u għal 36 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-enerġija 2 . 

Il-kriżi tal-COVID-19 xeħtet lenti iktar iffokata fuq il-binjiet tagħna, l-importanza tagħhom għal ħajjitna u l-fraġilitajiet tagħhom. Matul il-pandemija, id-dar kienet il-punt fokali tal-ħajja ta’ kuljum għal miljuni ta’ Ewropej: uffiċċju għal dawk li jaħdmu bit-telexogħol, skola preprimarja jew klassi għat-tfal u għall-istudenti, u ċentru għax-xiri online jew għat-tniżżil tal-kontenut ta’ divertiment għal ħafna nies. L-iskejjel kellhom jadattaw għall-apprendiment mill-bogħod. L-infrastruttura tal-isptarijiet kienet taħt pressjoni qawwija. In-negozji privati kellhom jaġġustaw ruħhom mill-ġdid għat-tbegħid soċjali. Uħud mill-effetti tal-pandemija jaf ikomplu fit-tul u joħolqu domanda ġdida fir-rigward tal-binjiet tagħna u l-profil enerġetiku u tar-riżorsi tagħhom, u b’hekk ikomplu jżidu l-ħtieġa li jiġu rinnovati profondament u fuq skala kbira.

Filwaqt li l-Ewropa qed tirsisti biex tegħleb il-kriżi tal-COVID-19, ir-rinnovazzjoni toffri opportunità unika biex mill-ġdid nerġgħu naħsbu fil-binjiet tagħna u niddisinjawhom u nimmodernizzawhom biex nagħmluhom adattati għal soċjetà iktar ekoloġika u diġitali u nsostnu l-irkupru ekonomiku.

Fil-Pjan tal-Mira Klimatika għall-2030 3 , il-Kummissjoni pproponiet li tnaqqas l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra fl-UE b’minn tal-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-1990. L-effiċjenza enerġetika hija komponent essenzjali għat-teħid ta’ azzjoni, filwaqt li s-settur tal-bini huwa wieħed mill-oqsma li fih iridu jiżdiedu l-isforzi. Sabiex tilħaq il-mira ta’ 55 % tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2030, l-UE għandha tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-binjiet b’60 %, il-konsum finali tal-enerġija tagħhom b’14 % u l-konsum tal-enerġija għat-tisħin u għat-tkessiħ bi 18 % 4 . Għalhekk, huwa meħtieġ b’mod urġenti li l-UE tiffoka fuq kif il-binjiet tagħna jistgħu jsiru iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, inqas intensivi fl-użu tal-karbonju matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom u iktar sostenibbli. Permezz tal-applikazzjoni ta’ prinċipji taċ-ċirkolarità fir-rinnovazzjoni tal-bini, jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra relatati mal-materjali fil-binjiet.

 

Illum, 11 % biss tal-istokk tal-bini eżistenti tal-UE jsirlu xi livell ta’ rinnovazzjoni kull sena. Madankollu, qajla ħafna, ix-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni jindirizzaw ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija. Ir-rata annwali ponderata ta’ rinnovazzjoni enerġetika hija baxxa – xi 1 %. Madwar l-UE, f’0,2 % tal-istokk tal-bini biss isiru rinnovazzjonijiet profondi kull sena li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija b’minn tal-inqas 60 % 5 , u f’xi reġjuni, ir-rati ta’ rinnovazzjoni enerġetika huma kważi assenti għalkollox. B’dan ir-ritmu, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju mis-settur tal-bini għan-newtralità klimatika jeħtieġ sekli sħaħ. Wasal il-mument li tittieħed azzjoni.

Din mhijiex biss kwistjoni tat-tnaqqis tal-kontijiet tal-enerġija u tat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Ir-rinnovazzjoni tista’ tiftaħ il-bibien beraħ għal diversi possibbiltajiet u tista’ tiġġenera benefiċċji soċjali, ambjentali u ekonomiċi estensivi. Bl-istess intervent, il-binjiet jistgħu jsiru iktar favur is-saħħa, iktar ekoloġiċi, interkonnessi f’distrett tal-viċinat, iktar aċċessibbli, reżiljenti għal avvenimenti naturali estremi, u mgħammra b’punti tal-iċċarġjar għall-elettromobbiltà u b’parkeġġi tar-roti. Il-binjiet intelliġenti jistgħu jipprovdu data essenzjali li tikkonforma mal-privatezza għall-ippjanar u għas-servizzi tal-bliet. Ir-rinnovazzjoni profonda tista’ tnaqqas il-pressjoni favur il-kostruzzjoni f’imħadar, u tgħin il-preservazzjoni tan-natura, tal-bijodiversità u tal-art agrikola għammiela.

L-investiment fil-binjiet jista’ wkoll iservi ta’ stimolu tant meħtieġ fl-ekosistema tal-kostruzzjoni u fl-ekonomija usa’. Ix-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni jirrikjedu ħafna ħaddiema, joħolqu l-impjiegi u l-investimenti msejsa fuq ktajjen tal-provvista li spiss ikunu lokali, jistgħu jiġġeneraw domanda għal tagħmir effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi u jwasslu biex il-proprjetajiet ikollhom valur fit-tul. Sal-2030 jistgħu jinħolqu 160 000 impjieg ekoloġiku addizzjonali fis-settur tal-kostruzzjoni tal-UE permezz ta’ mewġa ta’ rinnovazzjoni 6 . Din tista’ tkun ta’ valur kbir għal settur li fih 90 % tal-operaturi huma SMEs, li qalgħu daqqa ta’ ħarta sew mill-impatt ekonomiku tal-kriżi tal-COVID-19. L-attività fil-kostruzzjoni naqset bi 15,7 % meta mqabbla mal-2019 u l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika naqsu bi 12 % fl-2020. Anke jekk ikun mistenni rkupru, x’aktarx li s-settur iġarrab impatt li jdum.

Issa l-Ewropa għandha ċans tad-deheb sabiex permezz tar-rinnovazzjoni twassal benefiċċji tan-newtralità klimatika u tal-irkupru għal kulħadd. Permezz tal-istrument għall-irkupru tal-UE NextGenerationEU, flimkien mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE, se jkun disponibbli volum ta’ riżorsi bla preċedent li jistgħu jintużaw ukoll biex tinbeda r-rinnovazzjoni għall-irkupru, għar-reżiljenza u għal inklużjoni soċjali akbar. L-indirizzar tal-effiċjenza enerġetika flimkien mal-aċċessibbiltà jwassal biex il-bini jkun iktar sostenibbli u jkun jista’ jintuża iktar fil-kuntest ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ 7 .

Abbażi ta’ dan, din il-Komunikazzjoni tippreżenta strateġija biex tiskatta Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għall-Ewropa, li tneħħi xkiel li ilu jeżisti għar-rinnovazzjoni favur l-effiċjenza enerġetika u fl-użu tar-riżorsi, tappoġġa investiment ġdid fuq perjodu sostnut li jibda mill-binjiet pubbliċi u inqas effiċjenti, tixpruna d-diġitalizzazzjoni u toħloq opportunitajiet ta’ impjiegi u ta’ tkabbir tul il-katina tal-provvista tar-rinnovazzjoni.

L-objettiv huwa li minn tal-inqas tiġi rduppjata r-rata annwali ta’ rinnovazzjoni enerġetika tal-binjiet residenzjali u mhux residenzjali sal-2030 u li jitrawmu rinnovazzjonijiet enerġetiċi profondi. Il-mobilizzazzjoni tal-forzi fil-livelli kollha biex dawn l-għanijiet jintlaħqu se tirriżulta f’35 miljun unità tal-bini rinnovati sal-2030. Il-profondità u ż-żieda fir-rata tar-rinnovazzjoni se jkollhom jinżammu wara l-2030 ukoll sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika fl-UE kollha sal-2050.

2. Il-prinċipji ewlenin għar-rinnovazzjoni tal-bini sal-2030 u sal-2050 

L-UE trid tadotta strateġija komprensiva u integrata li tinvolvi firxa wiesgħa ta’ setturi u ta’ atturi abbażi tal-prinċipji ewlenin li ġejjin:

-“l-Effiċjenza Enerġetika Tiġi l-Ewwel” 8 bħala prinċipju gwida orizzontali tal-governanza klimatika u enerġetika Ewropea u lil hinn minnha, kif deskritt fil-Patt Ekoloġiku Ewropew 9 u fl-istrateġija tal-UE dwar l-Integrazzjoni tas-Sistemi tal-Enerġija 10 , sabiex jiġi żgurat li nipproduċu biss l-enerġija li tassew neħtieġu;

-L-Affordabbiltà, sabiex il-binjiet sostenibbli u b’rendiment tajjeb fl-użu tal-enerġija jkunu disponibbli b’mod wiesa’, b’mod partikolari għall-unitajiet domestiċi b’introjtu medju u b’introjtu iktar baxx kif ukoll għall-persuni u għaż-żoni vulnerabbli;

-Id-Dekarbonizzazzjoni u l-integrazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli 11 . Ir-rinnovazzjoni tal-bini għandha tħaffef l-integrazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari s-sorsi lokali, u għandha tippromwovi użu usa’ tas-sħana mormija. Għandha tintegra s-sistemi tal-enerġija fil-livelli lokali u reġjonali sabiex jgħinu fid-dekarbonizzazzjoni tat-trasport kif ukoll tat-tisħin u tat-tkessiħ;

-Mentalità li tqis iċ-ċiklu tal-ħajja u ċ-ċirkolarità. L-imminimizzar tal-impronta tal-binjiet jirrikjedi l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u ċ-ċirkolarità flimkien mat-trasformazzjoni ta’ partijiet mis-settur tal-kostruzzjoni f’bir tal-karbonju, pereżempju permezz tal-promozzjoni tal-infrastruttura ekoloġika u l-użu ta’ materjali organiċi tal-bini li jistgħu jaħżnu l-karbonju, bħall-injam minn sorsi sostenibbli;

-Standards għoljin tas-saħħa u tal-ambjent. Dawn għandhom jiżguraw kwalità għolja tal-arja, ġestjoni tajba tal-ilma, il-prevenzjoni tad-diżastri u l-protezzjoni mill-perikli relatati mal-klima 12 , it-tneħħija tas-sustanzi li jagħmlu l-ħsara bħall-asbestos u r-radon u l-protezzjoni minnhom, is-sikurezza siżmika u fir-rigward tan-nirien. Barra minn hekk, għandha tiġi żgurata l-aċċessibbiltà sabiex jinkiseb aċċess ugwali għall-popolazzjoni tal-Ewropa, inkluż il-persuni b’diżabbiltà u ċ-ċittadini anzjani.

-L-indirizzar tal-isfidi tewmin tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali flimkien. Il-binjiet intelliġenti jistgħu jippermettu l-produzzjoni u l-użu effiċjenti tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-livell tad-djar, tad-distretti jew tal-bliet. Flimkien mas-sistemi intelliġenti tad-distribuzzjoni tal-enerġija, dawn jippermettu li jkun hemm binjiet effiċjenti ħafna u b’żero emissjonijiet.

-Ir-rispett għall-estetika u għall-kwalità arkitettonika 13 . Ir-rinnovazzjoni trid tirrispetta l-prinċipji tal-konservazzjoni tad-disinn, tas-sengħa, tal-patrimonju u tal-ispazji pubbliċi.

3. It-twettiq ta’ rinnovazzjoni iktar rapida u profonda għal binjiet aħjar 

L-UE stabbiliet qafas regolatorju u sett ta’ strumenti ta’ finanzjament biex tippromwovi l-effiċjenza enerġetika, ir-rinnovazzjoni tal-bini u l-varar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-livell tal-bini, tal-viċinati u tad-distretti. Il-Pakketti dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha tal-2018 u tal-2019 immodernizzaw dan il-qafas, ħolqu bażi solida għall-integrazzjoni tas-suq tal-enerġija, għall-varar ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u għall-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika, u d-dispożizzjonijiet tagħhom jeħtieġ li jiġu implimentati għalkollox bħala kwistjoni ta’ prijorità assoluta mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati kollha.

Dan il-qafas wassal għal progress sostanzjali fir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija: il-binjiet il-ġodda llum jikkonsmaw nofs l-enerġija li kienu jikkonsmaw binjiet ġodda simili 20 sena ilu. Bis-saħħa tal-iskemi tal-obbligi tal-effiċjenza enerġetika, għadd dejjem jikber ta’ kumpaniji tal-enerġija qed jiżguraw li l-klijenti tagħhom jiffrankaw l-enerġija, u qed joffru pakketti kummerċjali li kulma jmur qed jindirizzaw ir-rinnovazzjoni tal-bini u l-immodernizzar tas-sistemi. L-Ewropa tirrappreżenta madwar 40 % tal-investimenti dinjija fit-titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-bini (EUR 85-90 biljun fis-sena), bis-settur tal-bini fuq quddiem nett fl-applikazzjoni tal-prinċipji taċ-ċiklu tal-ħajja 14 . Minkejja dan, il-livell ta’ rinnovazzjonijiet tal-binjiet eżistenti għadu persistentement baxx u mhux profond.

Ir-rinnovazzjoni hija mxekkla minn xkiel f’punti differenti tul il-katina tal-valur – mid-deċiżjoni inizjali li ssir rinnovazzjoni, sal-finanzjament u t-tlestija tal-proġett. Pereżempju, meta tiġi kkunsidrata rinnovazzjoni, il-benefiċċji mill-iffrankar tal-enerġija jistgħu jkunu inċerti jew mhux spjegati u mifhuma sew, speċjalment mill-utenti finali. Jaf ikun diffiċli li jitkejlu u jiġu monetizzati 15 . Ir-rinnovazzjoni tista’ wkoll tkun għalja, diffiċli li tiġi organizzata u tirrikjedi ħafna żmien biex titwettaq. Il-mobilizzazzjoni tal-finanzjament jaf tkun diffiċli, b’mod partikolari fil-livell lokali u reġjonali. Il-fondi pubbliċi spiss ikunu skarsi u jkun diffiċli li jitħalltu minħabba l-ostakli regolatorji u minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità fl-amministrazzjonijiet pubbliċi.

Sabiex jingħata bidu għall-varar sostenibbli u fuq skala kbira tar-rinnovazzjoni madwar l-Ewropa kollha, jeħtieġ li jitneħħa x-xkiel ewlieni f’kull punt tal-katina tal-provvista.

Abbażi tal-analiżi tagħha u konsultazzjoni pubblika 16 , il-Kummissjoni identifikat l-oqsma ta’ intervent li ġejjin u kienet fit-tmun għat-teħid ta’ azzjonijiet kritiċi biex ikun hemm bidla radikali fil-profondità u fl-iskala tar-rinnovazzjonijiet:

1)It-tisħiħ tal-informazzjoni, taċ-ċertezza tad-dritt u tal-inċentivi biex is-sidien u l-inkwilini pubbliċi u privati 17 jwettqu r-rinnovazzjonijiet. Fl-2021, il-Kummissjoni se tirrevedi d-Direttivi dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija 18 . Se tipproponi li jiġi introdott obbligu iktar rigoruż biex ikun hemm Ċertifikati tar-Rendiment fl-Użu tal-Enerġija flimkien mal-introduzzjoni gradwali ta’ standards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija obbligatorji għall-binjiet eżistenti. Se tipproponi wkoll li r-rekwiżiti għar-rinnovazzjoni tal-bini jiġu estiżi għal-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika. Il-valutazzjonijiet tal-impatt li jakkumpanjaw dawn ir-reviżjonijiet leġiżlattivi se jikkunsidraw opzjonijiet differenti f’termini tal-livell, tal-kamp ta’ applikazzjoni u tat-tempestività ta’ dawn ir-rekwiżiti.

2)L-iżgurar ta’ finanzjament adegwat u mmirat sew. L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021 19 u l-Gwida dwar il-Pjanijiet ta’ Reżiljenza u Rkupru 20 identifikaw ir-rinnovazzjoni tal-bini bħala prijorità għall-pjanijiet nazzjonali ta’ rkupru fil-kuntest tal-Inizjattiva Ewlenija Ewropea “Rinnovazzjoni”. Apparti l-irkupru, din il-Komunikazzjoni tipproponi li jiżdiedu l-volum u l-impatt tal-finanzjament mill-UE billi jiġu pprovduti iktar għotjiet, assistenza teknika, appoġġ għall-iżvilupp tal-proġetti u selfiet, u billi jkun possibbli li dawn jiġu kkombinati kuntrarjament għal dak li kien jiġri fil-passat meta dan ma kienx possibbli. Il-Kummissjoni se tippromwovi suq ġenwin għas-servizzi tal-enerġija u se ssaħħaħ l-aċċess għal finanzjament privat attraenti 21 permezz tal-Istrateġija Mġedda għall-Finanzi Sostenibbli. L-appoġġ għall-aċċess għas-servizzi essenzjali tal-enerġija għandu jkun disponibbli għan-nies fil-bżonn 22 .

3)Iż-żieda tal-kapaċità għat-tħejjija u għall-implimentazzjoni tal-proġetti. Il-Kummissjoni se żżid l-assistenza teknika u se twassalha eqreb tal-atturi reġjonali u lokali, b’mod partikolari billi ssaħħaħ l-Assistenza Ewropea għall-Enerġija Lokali (ELENA) u billi tuża t-tieqa tal-assistenza teknika fil-kuntest tal-Fond għar-Reżiljenza u għall-Irkupru. 

4)Il-promozzjoni ta’ interventi komprensivi u integrati ta’ rinnovazzjoni għal binjiet intelliġenti, l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-abilitazzjoni tal-kejl tal-konsum reali tal-enerġija. L-Indikatur il-ġdid tal-Potenzjal ta’ Intelliġenza 23  jippromwovi rinnovazzjonijiet favur id-diġitalizzazzjoni. Fil-qafas tar-reviżjoni li għaddejja attwalment tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini, il-Kummissjoni se tikkunsidra kif il-kriterji tas-sostenibbiltà jistgħu jappoġġaw l-introduzzjoni ta’ prodotti tal-kostruzzjoni iktar sostenibbli fix-xogħlijiet tal-kostruzzjoni u jrawmu l-introduzzjoni tal-iktar teknoloġiji reċenti.

5)L-adattar tal-ekosistema tal-kostruzzjoni biex twassal rinnovazzjoni sostenibbli, ibbażata fuq soluzzjonijiet ċirkolari, l-użu u l-użu mill-ġdid ta’ materjali sostenibbli, u l-integrazzjoni ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura. Il-Kummissjoni tipproponi li jiġi promoss l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet industrijali sostenibbli standardizzati u l-użu mill-ġdid tal-materjal ta’ skart. Se tiżviluppa pjan direzzjonali għall-2050 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu fil-binjiet, inkluż permezz tal-użu ta’ prodotti b’bażi bijoloġika, u se tirrieżamina l-miri għall-irkupru tal-materjali. Sabiex jissaħħu l-għarfien espert u l-ħiliet tal-ħaddiema fis-settur tar-rinnovazzjoni, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri permezz tal-Aġenda għall-Ħiliet u l-Patt għall-Ħiliet li jmiss tagħha u permezz tal-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta sabiex jiġu ffinanzjati l-inizjattivi ta’ taħriġ u ta’ taħriġ mill-ġdid, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali.

6)L-użu tar-rinnovazzjoni bħala għodda biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku u l-aċċess għal abitazzjonijiet favur is-saħħa għall-unitajiet domestiċi kollha, inkluż għall-persuni b’diżabbiltà u għall-anzjani. Il-Kummissjoni qed tippreżenta Rakkomandazzjoni dwar il-faqar enerġetiku. Il-Kummissjoni se tniedi Inizjattiva għal Abitazzjonijiet għall-But ta’ Kulħadd għal 100 proġett ewlieni u se teżamina jekk ir-riżorsi tal-baġit tal-UE flimkien mad-dħul tal-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS) jistgħux jintużaw u kif jistgħu jintużaw biex jiffinanzjaw skemi nazzjonali tal-effiċjenza enerġetika u tal-iffrankar tal-enerġija mmirati lejn il-popolazzjoni b’introjtu iktar baxx. 

7)Il-promozzjoni tad-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ, li hija responsabbli għal 80 % tal-enerġija kkonsmata fil-binjiet residenzjali, permezz tar-reviżjonijiet tal-2021 tad-Direttivi dwar l-Enerġija Rinnovabbli u l-Effiċjenza fl-Enerġija u tal-EU ETS, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri ta’ miżuri tal-ekodisinn u tat-tikkettar, kif ukoll l-appoġġ għal approċċi distrettwali.

 

Dawn l-azzjonijiet ewlenin u diversi miżuri ta’ politika, regolatorji u ta’ finanzjament ta’ appoġġ huma deskritti f’iktar dettall fit-taqsimiet li ġejjin.

3.1. It-tisħiħ tal-informazzjoni, taċ-ċertezza tad-dritt u tal-inċentivi għar-rinnovazzjoni

Il-punt tat-tluq ta’ rinnovazzjoni sostenibbli huwa dejjem deċiżjoni individwali, li tibbilanċja l-benefiċċji u l-kostijiet mistennija. Minkejja dan, illum, fost l-ikbar xkiel għat-teħid ta’ deċiżjoni bħal din, hemm in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-profil attwali tal-enerġija u tar-riżorsi tal-binjiet u l-benefiċċji potenzjali tar-rinnovazzjoni, in-nuqqas ta’ fiduċja fl-iffrankar reali tal-enerġija u l-inċentivi opposti bejn is-sidien u l-inkwilini.

Xi Stati Membri ddeċidew li jindirizzaw din is-sitwazzjoni billi jintroduċu livelli minimi ta’ rendiment sa skadenza speċifikata ta’ konformità jew f’ċerti mumenti tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ bini 24 . Dawn ir-rekwiżiti jipprovdu xi ħaġa konkreta għall-aspettattivi tal-investituri u tan-negozji u jaħdmu l-aħjar flimkien ma’ ċertifikati u finanzjament affidabbli tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Il-vantaġġi ta’ tali spinta regolatorja jinkludu t-tfassil ta’ linji ċari għat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’binjiet b’ħafna sidien, li jirriflettu r-rendiment fl-użu tal-enerġija fil-valur ta’ bini, u li jirrimedjaw għall-għarfien ġenerali baxx dwar il-benefiċċji tar-rinnovazzjoni.

Filwaqt li se tibni fuq prattiki tajbin bħal dawn, il-Kummissjoni se tipproponi standards minimi obbligatorji tar-rendiment fl-użu tal-enerġija bħala parti mir-reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (EPBD) sa tmiem l-2021, wara valutazzjoni tal-impatt li tħares lejn il-kamp ta’ applikazzjoni, l-iskeda ta’ żmien u l-introduzzjoni gradwali tal-implimentazzjoni progressiva ta’ tali rekwiżiti, inkluż il-ħtieġa li l-politiki ta’ appoġġ jiġu akkumpanjati. Tali miżuri se jiffaċilitaw il-kollegament tal-inċentivi nazzjonali, reġjonali u lokali speċifiċi u se jappoġġjaw il-konformità ma’ dawn l-istandards minimi.

Il-Kummissjoni tqis li ċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija (EPC) u d-disponibbiltà tagħhom f’bażijiet tad-data aċċessibbli jtejbu t-trasparenza tar-rendiment tal-istokk tal-bini. Fil-livell tal-bini, l-EPCs jagħtu informazzjoni dwar ir-rendiment fl-użu tal-enerġija, is-sehem tas-sorsi rinnovabbli ta’ enerġija u l-kostijiet tal-enerġija. Fil-livell distrettwali, reġjonali, nazzjonali jew tal-Unjoni, dawn huma kruċjali għall-identifikazzjoni tal-binjiet bl-agħar rendiment li b’mod urġenti jeħtieġu rinnovazzjoni. Dawn jistgħu jintużaw biex jiġi evalwat it-titjib relattiv għall-investiment qabel u wara x-xogħlijiet u biex il-finanzjament jiġi kkollegat mar-rinnovazzjoni ta’ kwalità.

L-EPBD diġà tistabbilixxi rekwiżiti għall-EPCs f’każ ta’ kostruzzjoni, bidla fl-okkupanti tal-binjiet u għal binjiet okkupati minn awtoritajiet pubbliċi u li spiss iżurhom il-pubbliku, ta’ iktar minn 250 m2. Madankollu, il-kopertura tal-EPC għadha limitata, u diversi Stati Membri għandhom inqas minn 10 % tal-istokk tal-bini bl-EPCs. Il-kwalità u l-ipprezzar ġust tagħhom jibqgħu problema li tnawwar il-fiduċja f’din l-għodda. Ftit ħafna mill-EPCs huma bbażati fuq awditi fiżiċi tal-enerġija, u ma jirriflettux l-interkonnettività u l-potenzjal ta’ intelliġenza tal-binjiet. Minħabba li kulma jmur qed isiru disponibbli soluzzjonijiet għall-kejl u għall-ġestjoni tar-rendiment tal-binjiet fl-użu tal-enerġija waqt li jkun qed jintużaw, il-Kummissjoni se tipproponi li l-qafas tal-EPC jiġi aġġornat, filwaqt li jitqiesu t-teknoloġiji emerġenti tal-kejl tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Dan se jinkludi li wieħed iħares lejn format tad-data uniformi tal-UE li jinqara mill-magni 25 għaċ-ċertifikati u dispożizzjonijiet iktar strinġenti dwar id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-bażijiet tad-data u tar-repożitorji diġitali federati għall-EPCs. 

Il-Kummissjoni se teżamina wkoll il-ħtieġa li r-rekwiżiti tal-awditi tal-enerġija 26 jiġu estiżi għal binjiet mhux residenzjali ikbar u iktar kumplessi bħall-isptarijiet, l-iskejjel jew l-uffiċċji, sabiex tiġi mmassimizzata wkoll il-komplementarjetà mal-EPCs.

Ir-rekwiżiti leġiżlattivi eżistenti għax-xiri u għar-rinnovazzjoni ta’ binjiet pubbliċi eżistenti attwalment ikopru biss il-binjiet pubbliċi li huma okkupati mill-gvernijiet ċentrali u li huma proprjetà tagħhom, li jirrappreżentaw madwar 4,5 % tal-binjiet pubbliċi kollha. Bħala parti mir-reviżjoni tal-EED, il-Kummissjoni se teżamina l-ħtieġa li r-rekwiżiti tar-rinnovazzjoni jiġu estiżi għall-binjiet fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika, inkluż il-Kummissjoni, u li r-rata annwali ta’ rinnovazzjoni tiżdied.

Ir-rinnovazzjoni profonda mhux dejjem tista’ tinkiseb f’daqqa. Għalhekk huwa importanti li jinħolqu kundizzjonijiet aħjar għar-rinnovazzjoni fi stadji. Il-Kummissjoni se tintroduċi Logbooks Diġitali tal-Bini 27 li se jintegraw id-data kollha relatata mal-bini li tiġi pprovduta mill-Passaporti tar-Rinnovazzjoni tal-Bini 28 li jmiss, mill-Indikaturi tal-Potenzjal ta’ Intelliġenza, mil-Livell(i) 29 u mill-EPCs sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà u l-integrazzjoni tad-data tul ir-rinnovazzjoni kollha.

Flimkien mal-Istati Membri, mal-partijiet ikkonċernati, mal-atturi tas-suq u mal-fornituri tad-data, il-Kummissjoni se tesplora jekk huwiex possibbli li l-Osservatorju Ewropew tal-Istokk tal-Bini 30 jsir repożitorju Ewropew ċentrali għal data affidabbli dwar l-istokk tal-bini u r-rendiment fl-użu tal-enerġija tiegħu u tappoġġa t-tfassil ta’ inċentivi f’dan id-dominju.

3.2. Finanzjament imsaħħaħ, aċċessibbli u iktar immirat

Ir-rinnovazzjoni tal-bini hija wieħed mis-setturi li qed jiffaċċjaw l-ikbar diskrepanza fl-investiment fl-UE. Skont l-istimi tal-Kummissjoni, sabiex tintlaħaq il-mira klimatika proposta ta’ 55 % sal-2030, huma meħtieġa madwar EUR 275 biljun ta’ investimenti addizzjonali kull sena 31 .

Fis-settur tal-bini residenzjali, in-nuqqas ta’ inċentivi pubbliċi sempliċi, attraenti u faċilment aċċessibbli għar-rinnovazzjoni u n-nuqqas ta’ prodotti ta’ finanzjament issimplifikati spiss jissemmew bħala xkiel. Anke meta fil-prinċipju l-finanzjament ikun disponibbli, in-nuqqas ta’ informazzjoni u n-nuqqas ta’ għarfien tal-finanzjament disponibbli, il-proċeduri kkumplikati jew id-diffikultajiet regolatorji għall-aċċess tal-finanzi pubbliċi jillimitaw l-użu tiegħu. Fis-settur mhux residenzjali, in-nuqqas ta’ finanzjament għall-binjiet ta’ proprjetà pubblika u n-nuqqas ta’ inċentivi finanzjarji adattati għall-binjiet kummerċjali huma tnejn mill-iktar ostakli rilevanti.

Sabiex jingħeleb dan ix-xkiel, jeħtieġ li tittieħed azzjoni fuq aspetti differenti biex jitrawwem l-użu aħjar tal-fondi pubbliċi nazzjonali u tal-UE u jiġi mobilizzat sehem ikbar ta’ fondi privati. Il-fondi pubbliċi nazzjonali u dawk tal-UE jistgħu jkunu mmirati b’mod iktar effettiv u jiġu allokati aħjar lill-utenti finali billi jitħaffef il-mod li bih jitħalltu diversi sorsi ta’ finanzjament, u b’hekk l-intensità tal-appoġġ tkun proporzjonali għar-rendiment, jissaħħu l-assistenza għall-iżvilupp tekniku jew tal-proġetti u jiġu promossi sinerġiji ma’ mekkaniżmi bbażati fuq is-suq.

Il-finanzjament mill-UE jixpruna l-investiment għar-rinnovazzjoni

Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u l-istrument għall-irkupru NextGenerationEU jipprovdu opportunità bla preċedent għat-tnedija tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni. Qatt qabel ma kienu jeżistu possibbiltajiet ta’ investiment bħal dawn għal dan is-settur kruċjali.

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li attwalment qed tiġi nnegozjata u li l-Kunsill Ewropew qabel li jallokalha EUR 672,5 biljun, li 37 % minnhom se jkunu mmirati lejn in-nefqa relatata mal-klima, tista’ tappoġġa l-investiment fir-rinnovazzjoni u r-riformi relatati mal-effiċjenza enerġetika fl-Istati Membri kollha. Fl-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021, il-Kummissjoni pproponiet l-Inizjattivi Ewlenin Rinnovazzjoni u Żieda fir-Ritmu għal intervent ikkoordinat mill-Istati Membri kollha, ibbażat fuq proġetti inklużi fil-Pjanijiet nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħhom 32 .

Sabiex issostni l-implimentazzjoni ta’ dawn l-Inizjattivi Ewlenin, il-Kummissjoni se tikkomplementa l-Gwida għall-Istati Membri dwar it-tħejjija tal-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza 33 bi gwida mfassla apposta għal kull Stat Membru fil-kuntest tal-valutazzjoni individwali tal-Pjanijiet Nazzjonali Integrati għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) 34 u tal-Istrateġiji ta’ Rinnovazzjoni fit-Tul. Eżempju ta’ komponenti possibbli ta’ Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza dwar ir-rinnovazzjoni u l-effiċjenza tal-bini fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi se jingħata mill-Kummissjoni biex jagħti gwida prattika lill-Istati Membri 35 . Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-Azzjonijiet Miftiehma eżistenti 36 biex tgħin lill-Istati Membri jiskambjaw il-prattiki tajbin u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni matul iż-żmien.

Il-Politika ta’ Koeżjoni storikament kienet tirrappreżenta sors ewlieni ta’ finanzjament pubbliku mill-UE għall-investiment dirett fit-titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-binjiet u se tibqa’ taqdi dan ir-rwol matul il-perjodu 2021-2027 37 . Tikkomplementa l-Faċilità temporanja għall-Irkupru u r-Reżiljenza u tipprovdi appoġġ integrat għar-rinnovazzjoni tal-bini, inkluż għal programmi ta’ rinnovazzjoni mfassla apposta fil-livelli lokali u reġjonali. Billi jużaw l-esperjenza mill-perjodi ta’ programmazzjoni preċedenti, l-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw li l-programmi kofinanzjati tagħhom tal-effiċjenza enerġetika u fl-użu tar-riżorsi jkunu mmirati sew lejn il-ksib ta’ rendiment għoli fl-użu tal-enerġija. Il-monitoraġġ ta’ dan ir-rendiment se jittejjeb permezz ta’ sistema ta’ indikaturi iktar dettaljata u robusta.

L-Istati Membri għandhom jikkomplementaw ukoll il-varar ta’ programmi kofinanzjati tal-UE bi skemi ta’ appoġġ addizzjonali, b’mod partikolari biex jiġi mobilizzat il-finanzjament privat 38 . Fiż-żoni rurali, il-finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) jista’ jintuża biex jittejbu l-effiċjenza enerġetika u l-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli.

Id-dokumenti ta’ programmazzjoni għandhom jistabbilixxu prijoritajiet ta’ rinnovazzjoni meħuda mill-NECPs u mill-Istrateġiji ta’ Rinnovazzjoni fit-Tul. L-Istati Membri li għadhom ma ppreżentawx l-Istrateġiji ta’ Rinnovazzjoni fit-Tul huma mistiedna jagħmlu dan peress li huma parti mill-kundizzjonijiet abilitanti meħtieġa għall-aċċess tal-Fondi ta’ Koeżjoni mill-2021 ’il quddiem.

Filwaqt li jibni fuq l-esperjenza pożittiva tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u jikkumplementa sorsi oħra ta’ finanzjament mill-UE, InvestEU se jaġixxi bħala programm ta’ appoġġ uniku għall-investiment fil-livell tal-UE biex jipprovdi assistenza teknika u finanzjament appoġġat minn garanzija tal-baġit tal-UE biex jiġu mobilizzati l-investimenti privati. Fit-Tieqa tal-Investiment Soċjali u l-Ħiliet u fit-Tieqa tal-Infrastruttura Sostenibbli tal-InvestEU, il-prodotti finanzjarji ddedikati lir-rinnovazzjoni tal-bini fl-użu tal-enerġija se jimmiraw lejn is-settur residenzjali u se jiffokaw fuq l-abitazzjonijiet soċjali u għall-but ta’ kulħadd, il-binjiet pubbliċi, l-iskejjel u l-isptarijiet, l-SMEs u l-appoġġ għall-ESCOs biex jissimplifikaw l-ikkuntrattar għar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija.

Abbażi tal-esperjenza miksuba permezz tal-inizjattivi ta’ Finanzjament Privat għall-Effiċjenza Enerġetika u ta’ Finanzjament Intelliġenti għal Binjiet Intelliġenti, il-Kummissjoni se taħdem biex tiffaċilita soluzzjonijiet skont il-ħtiġijiet li jkunu aċċessibbli faċilment għall-promoturi tal-proġetti u tuża sett uniku ta’ regoli. B’mod konkret, dan ifisser li Stat Membru se jkun jista’ jittrasferixxi parti mill-finanzjament disponibbli fil-kuntest tal-Politika ta’ Koeżjoni għall-kompartiment tal-InvestEU tal-Istat Membru. Il-programm InvestEU se jippermetti wkoll il-kollegament tal-prodotti finanzjarji appoġġati mill-garanzija tal-InvestEU b’assistenza teknika ddedikata lill-banek u l-intermedjarji, l-awtoritajiet lokali u l-benefiċjarji finali. Ir-regoli ssimplifikati jippermettu wkoll li s-selfiet jiġu kkombinati ma’ għotjiet u l-proġetti bl-aqwa rendiment jiġu ppremjati b’rata ogħla ta’ għotjiet.

Fil-kuntest tal-Inizjattiva Ewropea tiegħu għar-Rinnovazzjoni tal-Bini li għadha kif ġiet stabbilita, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) se jintensifika l-appoġġ tiegħu għall-aggregazzjoni ta’ proġetti ta’ rinnovazzjoni tal-bini f’portafolli u għall-għoti ta’ appoġġ finanzjarju mfassal apposta, li jvarja minn selfiet tradizzjonali fit-tul għall-finanzjament ta’ garanziji, ta’ ekwità jew ta’ kontijiet riċevibbli. Sabiex jiżdied il-volum u l-impatt tas-self għall-effiċjenza enerġetika tal-binjiet, il-BEI għandu jkun jista’ jikkombina b’mod iktar faċli l-assistenza teknika, l-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti, is-selfiet u l-għotjiet bħala pakkett uniku.

Il-Kummissjoni se taħdem f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, mal-BEI u mal-parteċipanti fis-suq biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tar-regoli għall-kombinament ta’ programmi u ta’ strumenti tal-UE, ta’ fondi nazzjonali u ta’ fondi privati għall-proġetti ta’ rinnovazzjoni.

Bħala parti mir-reviżjoni li għadha għaddejja tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa u l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali u għall-Enerġija, il-Kummissjoni se tistabbilixxi regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li jkunu iktar sempliċi, iktar ċari u iktar faċli biex jiġu applikati għar-rinnovazzjoni tal-bini, b’mod partikolari fis-setturi residenzjali u soċjali, u se tiċċara l-ambitu tal-għajnuna mill-Istat għall-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli għall-awtokonsum. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni qed tirrevedi r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex tiffaċilita l-kofinanzjament tal-garanziji tal-InvestEU mill-Istati Membri 39 .

Fl-aħħar nett, filwaqt li tibni fuq l-esperjenza miksuba f’xi kuntesti nazzjonali, il-Kummissjoni lesta li tagħti pariri lill-Istati Membri li qed jikkunsidraw li jużaw id-dħul mill-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) u l-opportunitajiet ta’ finanzjament fil-kuntest tal-Fond għall-Modernizzazzjoni tal-ETS bħala sors ta’ finanzjament għall-programmi ta’ rinnovazzjoni tal-bini, b’mod partikolari għall-unitajiet domestiċi b’introjtu iktar baxx.

L-attrazzjoni tal-investiment privat u l-istimular tal-finanzjament ekoloġiku b’self

Minħabba l-profil tar-riskju baxx tal-investimenti fl-effiċjenza enerġetika 40 u l-prospetti tad-domanda li se ġġib magħha mewġa ta’ rinnovazzjoni, l-offerta ta’ finanzjament privat b’mod konġunt ma’ servizzi innovattivi għar-rinnovazzjoni se tkun proposta ta’ negozju li kulma jmur se ssir iktar attraenti. Atturi bħall-ESCOs, l-utilitajiet jew il-banek diġà jużaw u jipprovdu pariri tekniċi. Dawn jistgħu joffru lis-sidien tal-proprjetajiet l-appoġġ tant meħtieġ f’termini ta’ ideat u finanzjament fil-fażijiet kollha ta’ proċess ta’ rinnovazzjoni. Jistgħu jippromwovu l-aggregazzjoni ta’ proġetti żgħar, jistgħu joffru kundizzjonijiet favorevoli għal proġetti kumplessi bi żminijiet twal ta’ rkupru tal-kostijiet, u jistgħu jgħaqqdu lid-diversi atturi involuti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar ir-rinnovazzjoni tal-binjiet.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-perċezzjoni tar-riskju u jżidu l-inċentivi tas-suq bħat-tariffi tal-iffrankar tal-enerġija, l-iskemi ta’ appoġġ pubbliku bi ħlas skont ir-rendiment u s-sejħiet għall-offerti tal-iffrankar tal-enerġija biex jiġu attirati l-intermedjarji u l-aggregaturi privati. L-Istati Membri għandhom jesploraw ukoll soluzzjonijiet ta’ finanzjament innovattivi permezz ta’ skemi fuq it-taxxa u fuq il-kont jew finanzi kkollegati mal-proprjetà, kif ukoll għodod tat-tassazzjoni 41 biex jiġu ġġenerati inċentivi ekonomiċi għall-finanzjament tar-rinnovazzjoni tal-bini. L-iskemi eżistenti tal-obbligi dwar l-effiċjenza enerġetika skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija jistgħu jintużaw b’mod effettiv għat-tipi kollha ta’ binjiet 42 biex jinvolvu intermedjarji ġodda bħall-utilitajiet, jipprovdu għarfien espert tekniku u joffru servizzi aggregati biex jitnaqqsu l-kostijiet amministrattivi u tat-tranżazzjonijiet.

L-involviment tal-ESCOs permezz ta’ sħubijiet pubbliċi-privati huwa possibbiltà biex jiġi attirat l-investiment, jinġabru flimkien investimenti fuq skala żgħira u mifruxa, jitnaqqsu l-kostijiet tal-bidu u jiġi ppremjat l-iffrankar tal-enerġija. L-akkoppjament tal-kuntratti għar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija mal-ikkuntrattar tar-reżiljenza mill-assiguraturi jista’ jgħin lis-suq jiġġestixxi r-riskju tal-investiment minħabba li l-assiguraturi jkollhom għarfien espert dwar il-valutazzjoni u l-offerta ta’ protezzjoni mir-riskji ambjentali u klimatiċi kif ukoll minn riskji oħra.

Sabiex tgħin fit-tnaqqis tal-kostijiet tat-tranżazzjonijiet, il-Kummissjoni se tħeġġeġ l-istandardizzazzjoni tal-kuntratti u tal-istrumenti finanzjarji fil-livell nazzjonali u Ewropew, billi tuża fora eżistenti biex tgħin fir-replikazzjoni u fiż-żieda tal-aqwa prattiki u ta’ approċċi innovattivi. Il-Kummissjoni se tappoġġa b’mod attiv dawn il-modi kif jiġu attivati l-investimenti tas-settur privat permezz tal-Fora tal-Grupp ta’ Istituzzjonijiet Finanzjarji għall-Effiċjenza Enerġetika (EEFIG) u tal-Investiment fl-Enerġija Sostenibbli (SEI).

Mewġa ta’ rinnovazzjoni tista’ tkun ukoll opportunità biex jiġi xprunat l-iżvilupp ta’ self ekoloġiku u ta’ finanzjament ipotekarju. Sistema mmodernizzata tal-EPCs li turi titjib fl-effiċjenza tippermetti lill-banek u lil istituzzjonijiet finanzjarji oħra joffru kreditu u finanzjament ipotekarju favur l-ekoloġizzazzjoni tal-portafolli tagħhom u biex jiġbru flimkien il-binjiet bħala kollateral għall-ħruġ ta’ bonds koperti. Għadd ta’ inizjattivi mmexxija mis-suq diġà qed jippruvaw skemi innovattivi għal self u għal finanzjament ipotekarju favur l-effiċjenza enerġetika 43 . Fil-pass li jmiss, il-karbonju tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu jista’ jiġi inkluż f’din il-valutazzjoni u jiġi kkollegat mal-finanzjament għal soluzzjonijiet ċirkolari.

Permezz tal-Istrateġija Mġedda għall-Finanzi Sostenibbli tal-UE, il-Kummissjoni qed teżamina standards u tikketti addizzjonali għall-prodotti finanzjarji sostenibbli, bħal ipoteki ekoloġiċi, selfiet ekoloġiċi u bonds ekoloġiċi. Dan se jgħin biex jiġi żgurat li l-prodotti ta’ self għall-effiċjenza enerġetika u fl-użu tar-riżorsi jiġu offruti b’mod usa’ u jkunu iktar viżibbli għall-konsumaturi. Ir-rieżamijiet tad-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju 44 u d-Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumatur 45  jipprovdu opportunitajiet biex ir-riskju possibbilment iktar baxx tal-kreditu tal-prodotti finanzjarji sostenibbli jiġi riflessi b’mod adegwat 46 . Barra minn hekk, l-Awtorità Bankarja Ewropea qed tanalizza jekk trattament prudenzjali ddedikat fir-regolamentazzjoni bankarja tal-prodotti finanzjarji assoċjati mal-objettivi tas-sostenibbiltà, bħar-rinnovazzjoni tal-bini, ikunx iġġustifikat. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra wkoll miżuri biex tinkorpora r-riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza fir-regolamentazzjoni prudenzjali fir-rieżamijiet tagħha tar-regoli għall-banek (ir-Regolament u d-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital) u għall-assiguraturi (id-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II). Il-BEI se jikkunsidra wkoll li jappoġġa modi ġodda biex jiġi attirat il-finanzjament privat għar-riabilitazzjoni tal-bini, inkluż il-mobilizzazzjoni ta’ swieq ġodda tas-self jew tat-titolizzazzjoni bbażati fuq ipoteki għall-effiċjenza enerġetika.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qed tiżviluppa t-Tassonomija tal-UE 47 , bi kriterji tekniċi tal-iskrinjar għas-settur tal-binjiet biex tidderieġi l-kapital privat lejn investimenti sostenibbli fir-rinnovazzjoni tal-bini fl-użu tal-enerġija, filwaqt li sserraħ fuq iċ-Ċertifikati tar-Rendiment fl-Użu tal-Enerġija u standards tal-bini b’użu ta’ kważi żero enerġija. Bħala parti mir-reviżjoni tal-EPBD, il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll l-introduzzjoni ta’ standard ta’ “rinnovazzjoni profonda”, sabiex tippermetti l-ankrar ta’ finanzjament privat sinifikanti ma’ investimenti trasparenti, li jistgħu jitkejlu u li huma ġenwinament “ekoloġiċi”.

Dawn l-inizjattivi kollha jistgħu jgħinu lill-klijenti jaċċessaw il-finanzjament b’termini orħos u jgħinu fil-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ finanzjament privat dinamiku li jikkomplementa l-fondi pubbliċi, l-inċentivi tat-taxxa u forom oħra ta’ appoġġ finanzjarju pubbliku.

3.3 Iż-żieda fil-kapaċità u fl-assistenza teknika

It-tħejjija ta’ proġett tajjeb ta’ rinnovazzjoni, flimkien mal-aqwa sorsi ta’ finanzjament disponibbli, hija diffiċli u spiss ikkumplikata ħafna għall-individwi jew għall-awtoritajiet lokali żgħar. Għalhekk, l-assistenza teknika se taqdi rwol ewlieni għaż-żieda mistennija fir-rati u fil-kwalità tar-rinnovazzjoni. Parti minn din l-assistenza hija f’idejn l-Istati Membri, iżda l-UE tista’ taqdi rwol iktar b’saħħtu.

Abbażi tat-tagħlimiet meħuda mill-faċilità ELENA, mill-Finanzjament Privat għall-Effiċjenza Enerġetika (PF4EE), mill-Politika ta’ Koeżjoni, mill-programm JASPERS u mill-faċilità tal-Assistenza għall-Iżvilupp tal-Proġetti (PDA) ta’ Orizzont 2020, il-Kummissjoni se tissimplifika u se ssaħħaħ l-assistenza teknika, b’objettiv prijoritarju li jintlaħaq grupp ikbar ta’ benefiċjarji, inkluż dawk ta’ daqs iżgħar. Ġie propost li l-finanzjament imsaħħaħ għall-faċilità ELENA jiġi miċ-ċentru konsultattiv tal-InvestEU u possibbilment minn programmi Ewropej oħra.

Il-Kummissjoni, flimkien mal-BEI, se tgħin lill-Istati Membri jfasslu programmi nazzjonali jew lokali li jirreplikaw il-mudell ELENA 48 u li jippremjaw l-implimentazzjoni rapida u r-rendiment għoli fl-użu tal-enerġija bl-użu ta’ tliet flussi ta’ finanzjament: il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni (bħala appoġġ awtonomu jew bħala parti minn operazzjoni ta’ strument finanzjarju), il-kompartiment tal-Istati Membri tal-InvestEU, jew il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-BEI se jappoġġaw l-istabbiliment ta’ punti uniċi ta’ servizz standardizzati li jistgħu jiġu varati malajr fil-livelli nazzjonali, reġjonali jew lokali għall-għoti ta’ pariri u ta’ soluzzjonijiet ta’ finanzjament imfassla apposta biex jakkumpanjaw lis-sidien tad-djar jew lill-SMEs matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-proġetti tagħhom. L-atturi lokali jistgħu jibnu fuq din il-pjattaforma biex joħolqu ċentri ta’ kompetenza għal diversi tipi ta’ pariri dwar ir-rinnovazzjoni sostenibbli.

Sors addizzjonali ta’ appoġġ għall-kapaċità se jiġi offrut permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku l-ġdid tal-Pjan għall-Irkupru, il-Faċilità tal-Bliet tal-UE u l-Faċilità tal-Assistenza għall-Iżvilupp tal-Proġetti fil-kuntest ta’ LIFE, u l-bini tal-kapaċitajiet amministrattivi u l-assistenza teknika fil-kuntest tal-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2020. Barra minn hekk, il-proposta leġiżlattiva tal-Politika ta’ Koeżjoni tinkludi wkoll il-ħolqien ta’ Inizjattiva Urbana Ewropea biex jissaħħaħ l-approċċ integrat u parteċipattiv għall-iżvilupp urban sostenibbli. Għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali interessati li jvaraw investimenti fir-rinnovazzjoni tal-bini bħala parti mit-tiġdid urban, is-Suq tal-Bliet Intelliġenti Ewropew joffri pjan ta’ azzjoni 49 ta’ suċċess biex jiggwida lill-awtoritajiet nazzjonali jagħmlu dan.

3.4. Il-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi, it-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema u l-attrazzjoni ta’ talenti ġodda

Id-disinn, l-installazzjoni u t-tħaddim ta’ soluzzjonijiet ċirkolari u b’livell baxx ta’ karbonju spiss jirrikjedu livell għoli ta’ għarfien tekniku. Huma meħtieġa wkoll ħiliet speċifiċi għall-ġestjoni sikura ta’ binjiet storiċi u għas-salvagwardja tal-valur tal-patrimonju tagħhom. It-trasformazzjoni lejn stokk tal-bini newtrali għall-klima se tkun possibbli biss jekk l-impjiegi eżistenti jiġu ttrasformati biex jinkludu ħiliet ekoloġiċi u ċirkolari u jekk jitfaċċaw profili ta’ impjiegi ġodda, bħal speċjalisti fir-rinnovazzjoni profonda tal-bini, installaturi għal soluzzjonijiet teknoloġiċi avvanzati, jew maniġers tal-Immudellar tal-Informazzjoni dwar il-Bini. Il-professjonisti li jkunu infurmati tajjeb biss jistgħu jaqdu r-rwol potenzjalment ewlieni tagħhom li joffru lill-utenti finali l-iktar opportunitajiet tekniċi disponibbli reċenti għall-effiċjenza enerġetiku u fl-użu tar-riżorsi. Fl-aħħar nett, il-professjonisti jirrikjedu t-taħriġ biex itejbu l-aċċessibbiltà fir-rinnovazzjonijiet.

Diġà qabel il-kriżi tal-COVID-19, kien hemm nuqqas ta’ ħaddiema kkwalifikati biex iwettqu r-rinnovazzjoni u l-modernizzazzjoni sostenibbli tal-bini. Il-potenzjal għaż-żamma u għall-ħolqien tal-impjiegi f’dan is-settur kien u għadu kbir. L-effiċjenza enerġetika fil-binjiet hija l-ikbar ġeneratur ta’ impjiegi għal kull miljun euro investit 50 . Li kieku l-Istati Membri kellhom jimplimentaw malajr miżuri biex itejbu l-iżolament, is-sistemi tekniċi tal-bini u l-apparati elettrodomestiċi, mill-ewwel ifeġġu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol. Il-politiki għandhom jindikaw lis-suq li huma meħtieġa soluzzjonijiet innovattivi u sostenibbli. Pereżempju, il-bijoekonomija tista’ tipprovdi materjali ġodda b’livell baxx ta’ karbonju għal rinnovazzjonijiet profondi, u b’hekk iżżid opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi għall-ispeċjalisti.

Iż-żieda tal-preżenza u tar-rwol tan-nisa fis-settur tal-kostruzzjoni tista’ tgħin biex tittejjeb id-disponibbiltà ta’ ħiliet u ta’ professjonisti kkwalifikati. Huwa essenzjali li jiġu reveduti l-istrateġiji tat-taħriġ vokazzjonali u edukattiv bl-involviment tal-industrija, bil-ħolqien ta’ ambjent tax-xogħol inklużiv u aċċessibbli u billi jingħelbu l-preġudizzji. L-SMEs għandhom jingħataw aċċess aħjar għall-informazzjoni dwar il-programmi ta’ taħriġ u ta’ apprendistati. Is-sħab soċjali, inkluż ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem tas-settur tal-kostruzzjoni fil-livell nazzjonali u Ewropew, għandhom għarfien espert sod fit-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, fl-attrazzjoni ta’ talent ġdid u fil-promozzjoni ta’ ambjent tax-xogħol inklużiv u għandhom jiġu involuti fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ miżuri biex dawn l-għanijiet jintlaħqu.

Il-perspettiva tas-sikurezza u tas-saħħa okkupazzjonali tal-ħaddiema fil-kostruzzjoni – settur b’riskju komparattivament għoli ta’ aċċidenti u ta’ mard – hija importanti u għandu jkun hemm konformità mar-rekwiżiti ġuridiċi għall-protezzjoni tal-ħaddiema, b’attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tal-ħaddiema li jirrinnovaw binjiet qodma mill-esponiment għall-asbestos, anke permezz ta’ taħriġ xieraq 51 .

Sabiex tindirizza dawn il-kwistjonijiet, u filwaqt li tibni fuq l-Aġenda għall-Ħiliet tal-2020 u l-Pjan ta’ Azzjoni għal kooperazzjoni settorjali dwar il-ħiliet 52 , il-Kummissjoni se tniedi l-Patt għall-Ħiliet u tlaqqa’ flimkien lill-partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi bl-objettiv kondiviż tat-titjib tal-ħiliet u tat-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol tal-Ewropa. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw il-fondi tan-Next Generation EU, il-Fond Soċjali Ewropew+ u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta. L-apprendistati u forom oħra ta’ apprendiment ibbażat fuq ix-xogħol jiffaċilitaw it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. Il-pakkett tal-Kummissjoni ta’ Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ tal-1 ta’ Lulju 2020 ħabbar Alleanza Ewropea għall-Apprendistati mġedda. Bl-appoġġ tal-inizjattiva Build Up Skills li tkompli fil-kuntest tal-programm LIFE, l-Istati Membri jistgħu jaġġornaw l-analiżi tal-lakuni tagħhom u l-Pjanijiet Direzzjonali Nazzjonali għat-taħriġ filwaqt li fl-2021 il-Kummissjoni se tiżviluppa materjal tat-taħriġ dwar l-użu ta’ Livell(i) 53 . 

3.5.    Il-ħolqien ta’ ambjent mibni sostenibbli

Fl-aħħar mill-aħħar, it-twettiq tal-profondità u tal-volum ta’ rinnovazzjoni li l-Ewropa teħtieġ, jirrikjedi settur tal-kostruzzjoni li jkun b’saħħtu u kompetittiv, u li jħaddan l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà biex tiżdied il-kwalità u jitnaqqsu l-kostijiet.

Il-kumpaniji Ewropej huma minn ta’ quddiem fl-innovazzjoni, fil-manifattura, fid-distribuzzjoni u fl-installazzjoni ta’ varjetà ta’ oġġetti u servizzi relatati mal-iffrankar tal-enerġija u mal-enerġija rinnovabbli fil-binjiet. Il-konsolidazzjoni ta’ dan ir-rwol mexxej tirrikjedi l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi industrijalizzati sabiex jiġu limitati l-kostijiet u d-durata tax-xogħlijiet, diġitalizzazzjoni iktar rapida u l-integrazzjoni sħiħa tal-prinċipji taċ-ċirkolarità tul il-katina tal-valur: il-ksib ta’ materja prima sikura, sostenibbli u sekondarja, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ u l-immaniġġjar tal-iskart. L-industrijalizzazzjoni tista’ tiskatta ċiklu virtwuż bejn id-domanda ogħla għal rinnovazzjoni iktar profonda u t-tnaqqis tal-kostijiet għal prodotti iktar intelliġenti u iktar sostenibbli.

Il-Kummissjoni tippromwovi s-sostenibbiltà ambjentali ta’ soluzzjonijiet u ta’ materjali tal-bini, inkluż l-injam u l-materjali b’bażi bijoloġika, is-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u l-materjali rriċiklati abbażi ta’ approċċ komprensiv ta’ valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja. Se tindirizza r-rendiment tas-sostenibbiltà tal-prodotti tal-kostruzzjoni fil-kuntest tar-reviżjoni tagħha tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini u sal-2023 se tiżviluppa pjan direzzjonali sal-2050 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu fil-binjiet. Il-Kummissjoni se tħaffef ukoll il-ħidma mal-organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni dwar l-istandards tar-reżiljenza għall-klima għall-binjiet.

Sa tmiem l-2024, il-Kummissjoni se tirrieżamina l-miri tal-irkupru tal-materjali stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE għall-iskart tal-kostruzzjoni u tad-demolizzjoni. Il-Kummissjoni se ddaħħal fis-seħħ miżuri biex iżżid il-pjattaformi tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ u tappoġġa suq intern għall-materja prima sekondarja li jiffunzjona tajjeb. Livell(i), il-prinċipji tal-Ekonomija Ċirkolari għad-disinn tal-binjiet u l-Protokoll tal-UE għall-Immaniġġjar tal-Iskart tal-Kostruzzjoni u tad-Demolizzjoni jiggwidaw lill-utent biex japplika dawn il-prinċipji fil-proġetti ta’ rinnovazzjoni.

L-introduzzjoni ta’ teknoloġiji diġitali u innovattivi u ta’ investimenti fihom mis-settur tal-kostruzzjoni għadha baxxa 54 . Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tappoġġa d-diġitalizzazzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni permezz ta’ Orizzont Ewropa, iċ-Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali u l-Faċilitajiet ta’ Ttestjar u ta’ Sperimentazzjoni. L-għodod diġitali 55 jgħinu biex jiġi rreġistrat il-progress tax-xogħlijiet u l-użu tal-materjali, filwaqt li jżidu l-produttività. Pereżempju, tewmi diġitali ta’ binja, abilitat permezz ta’ data tal-immappjar 3D, jipprovdi informazzjoni dwar ir-rendiment tal-bini f’ħin reali u jipprevjeni l-aċċidenti serji billi jgħin fit-tbassir ta’ nuqqasijiet potenzjali fis-sistemi tal-bini. L-iffrankar tal-kostijiet huwa preżenti tul il-katina tal-valur permezz ta’ proċeduri amministrattivi u xogħlijiet fiżiċi mħaffa. Il-binjiet intelliġenti u l-kostruzzjoni abilitata b’mod diġitali jiġġeneraw ġabriet kbar ta’ data għaċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-kostruzzjoni, tal-użu u tar-rinnovazzjoni tal-binjiet biex ikunu jistgħu jitħaddmu aħjar. Il-Kummissjoni se tikkunsidra li tistabbilixxi qafas ta’ governanza għall-ispazji tad-data b’azzjonijiet ulterjuri biex jiġu żviluppati spazji tad-data allokati, inkluż fl-oqsma tal-enerġija, tal-manifattura u tal-kostruzzjoni.

L-Immudellar tal-Informazzjoni dwar il-Bini (BIM) itejjeb it-trasparenza u jnaqqas il-kostijiet u l-użu tar-riżorsi. Il-Kummissjoni se tipprovdi rakkomandazzjoni għall- promozzjoni tal-Immudellar tal-Informazzjoni dwar il-Bini fl-akkwist pubbliku għall-kostruzzjoni u se tipprovdi metodoloġija għall-klijenti pubbliċi għat-twettiq ta’ analiżi tal-kostijiet u tal-benefiċċji għall-użu tal-BIM fis-sejħiet għall-offerti pubbliċi. Il-pjattaformi industrijali diġitali se jippermettu lill-partijiet ikkonċernati jiġbru din id-data u jużawha aħjar. Il-Kummissjoni se tiżviluppa wkoll Qafas unifikat tal-UE għall-għoti tal-permessi diġitali fl-ambjent mibni u se tistabbilixxi skema fdata għaċ-ċertifikazzjoni tal-arloġġi tal-effiċjenza enerġetika fil-binjiet li jistgħu jkejlu t-titjib reali fir-rendiment fl-użu tal-enerġija.

Ir-riċerka trid tixpruna wkoll l-innovazzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni. Is-Sejħa għal Patt Ekoloġiku Ewropew, parti minn Orizzont 2020, tinkludi qasam iddedikat lill-“Binjiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi”. Orizzont Ewropa se jappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni fir-rigward tat-teknoloġiji tal-enerġija, is-sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità tal-materjali u tas-sistemi għall-kostruzzjoni, filwaqt li jqis il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ kull reġjun ġeografiku tal-Ewropa. Fit-tħejjija tal-implimentazzjoni tal-Programm Orizzont Ewropa, attwalment il-Kummissjoni qed tikkunsidra Sħubija Pubblika-Privata dwar l-Ambjent Mibni Sostenibbli Ċċentrat fuq in-Nies (Built4People) u Missjoni ddedikata dwar il-Bliet Intelliġenti u Newtrali għall-Klima. Is-sħubija tista’ twassal għall-innovazzjoni fil-binjiet u fl-industrija tal-kostruzzjoni u l-missjoni tista’ turi t-trasformazzjoni sistemika ta’ 100 belt Ewropea flimkien lejn in-newtralità għall-klima sal-2030 u għaċ-ċittadini 56 .

Barra minn hekk, jekk tiġi adottata, is-Sħubija Kofinanzjata għal Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa 57 tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet newtrali għall-klima għas-sistemi tat-tisħin u tat-tkessiħ fil-binjiet. Programmi oħra ta’ rilevanza għad-dominji tar-riċerka u tal-innovazzjoni fir-rigward tar-rinnovazzjoni tal-bini jinkludu l-programmi reġjonali (anke fid-dawl tas-Siġill ta’ Eċċellenza), u l-programm LIFE l-ġdid. B’mod partikolari, is-subprogramm għal Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa fil-kuntest ta’ LIFE se jappoġġa l-mewġa ta’ rinnovazzjoni billi se jindirizza x-xkiel komportamentali u mhux teknoloġiku għar-rinnovazzjoni 58 .

3.6. It-tqegħid ta’ approċċ integrat, parteċipattiv u bbażat fuq il-viċinat fil-qalba tal-mewġa ta’ rinnovazzjoni

Sabiex wieħed jaħsad il-potenzjal ta’ mewġa ta’ rinnovazzjoni f’termini ta’ kobenefiċċji, huwa meħtieġ approċċ integrat li jkun diġà ġie ppruvat b’suċċess. Id-djar “intelliġenti” jistgħu jippromwovu l-kumdità tal-utenti, u jżidu l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u ta’ surplus ta’ enerġija fil-binjiet. F’xi proġetti pilota, il-binjiet bl-appartamenti kienu mgħammra b’pannelli solari fotovoltajċi fuq il-bjut, bil-ħżin termali u bil-pompi tas-sħana. Kull binja kienet ikkollegata ma’ grilja lokali, li talimenta punti tal-iċċarġjar għall-karozzi elettriċi. L-applikazzjoni ta’ arloġġi intelliġenti 59 għenet biex tirrikonċilja l-provvista tal-enerġija mad-domanda għaliha bl-iktar mod effiċjenti. B’riżultat ta’ dan, il-binjiet ġew ittrasformati minn konsumaturi għal produtturi tal-enerġija, b’effiċjenza enerġetika għolja, b’kostijiet tal-enerġija mnaqqsa għall-unitajiet domestiċi, bl-integrazzjoni tal-elettromobbiltà u b’benefiċċji sistemiċi għall-istabbiltà tal-grilji.

Dan huwa biss eżempju ta’ dak li jista’ jinkiseb permezz ta’ rinnovazzjoni diġitali integrata li tikkombina l-ħżin tal-enerġija u l-flessibbiltà min-naħa tad-domanda, il-ġenerazzjoni tal-enerġija fil-post minn sorsi rinnovabbli, l-Internet tal-Oġġetti tal-komponenti tas-sistema, l-apparati elettrodomestiċi u l-punti tal-iċċarġjar għall-elettromobbiltà. Dan jippromwovi parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fis-sistema tal-enerġija bħala prosumaturi.

L-EPBD 60 diġà tipprevedi miżuri għall-promozzjoni ta’ infrastruttura intelliġenti u għall-introduzzjoni ta’ punti tal-iċċarġjar għall-elettromobbiltà. F’konformità mal-objettiv li jiġu varati iktar minn miljun stazzjon tal-iċċarġjar pubbliku sal-2025, il-Kummissjoni se tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ tagħhom u se tikkunsidra jekk ikollhomx bżonn jissaħħu. Barra minn hekk, flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tippreżenta l-atti ta’ implimentazzjoni u l-atti delegati dwar l-Indikatur tal-UE tal-Potenzjal ta’ Intelliġenza, bħala għodda biex jitkejjel il-potenzjal ta’ intelliġenza tal-binjiet u biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tas-sidien u tal-inkwilini tal-bini.

Għall-iktar prodotti sostenibbli reċenti u għall-prodotti li jintegraw l-enerġija rinnovabbli, bħal mill-prodotti fotovoltajċi, il-Kummissjoni se timmappja l-isfidi li jiltaqgħu magħhom dawn il-prodotti fis-suq uniku u se tikkunsidra modi kif tneħħi x-xkiel identifikat, inkluż permezz tar-rikonoxximent reċiproku. Suq Uniku li jiffunzjona tajjeb ineħħi x-xkiel regolatorju u amministrattiv għall-provvista transfruntiera tas-servizzi u jiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku tal-iskemi nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni u tal-assigurazzjoni għall-ispeċjalisti tar-rinnovazzjoni u tal-effiċjenza enerġetika.

Is-sinerġiji għar-rinnovazzjoni jsiru evidenti meta jiġu estiżi għal approċċi distrettwali u komunitarji. L-aggregazzjoni tal-proġetti f’dan il-livell tista’ twassal għal distretti b’użu ta’ żero enerġija jew saħansitra għal distretti b’enerġija pożittiva 61  (eż. sistemi avvanzati tat-tisħin u tat-tkessiħ distrettwali b’potenzjal kbir għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u għall-irkupru tas-sħana mormija). Dawn joffru modi orħos ta’ dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ u jistgħu joffru effiċjenzi fis-sistema fuq skala industrijali permezz ta’ bidla biex ma jibqgħux jintużaw il-fjuwils fossili, iktar flessibbiltà u ħżin termali, u l-ħolqien ta’ spazju għan-natura. Minbarra użu iktar razzjonali u estetiku tal-ispazju, approċċ ibbażat fuq id-distretti jista’ jippermetti li jsir titjib fl-abitazzjonijiet qodma b’inqas aċċessibbiltà u servizzi ta’ mobbiltà.

Il-komunitajiet tal-enerġija jiġġeneraw, jikkonsmaw, jaħżnu u jbigħu l-enerġija, u jistgħu joffru għodod għall-iktar ċittadini vulnerabbli sabiex joħorġuhom mill-faqar enerġetiku. Sabiex tisfrutta l-potenzjal kollu tagħhom bħala atturi attivi fis-sistema tal-enerġija, il-Kummissjoni se tħares mill-qrib lejn l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Suq għall-Elettriku 62 u tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u se tuża azzjonijiet miftiehma biex tappoġġa l-ħolqien u d-diffużjoni progressivi tagħhom fl-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni se tkompli tesplora kif tista’ tippromwovi l-komunitajiet tal-enerġija u xxerred il-prattiki tajbin 63 .

Abbażi tal-involviment wiesa’ u inklużiv tal-abitanti permezz ta’ strutturi kooperattivi u punti uniċi ta’ servizz b’varjetà wiesgħa ta’ pariri utli, approċċi distrettwali bħal dawn jistgħu jittrasformaw lil viċinati sħaħ u joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ negozju. Il-proġetti eżemplari ta’ rinnovazzjoni distrettwali 64 jistgħu jiġu inklużi fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u jwittu t-triq għal mewġa ġdida ta’ distretti dekarbonizzati.

L-Istati Membri, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali għandhom ikomplu jaħtfu l-opportunità li jiffinanzjaw l-investimenti f’kuntest lokali bħala parti mill-istrumenti territorjali fil-kuntest tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR): Investimenti Territorjali Integrati (ITIs), Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD) u LEADER. Barra minn hekk, l-awtoritajiet urbani jistgħu jużaw l-allokazzjoni minima obbligatorja tal-FEŻR għall-iżvilupp urban sostenibbli implimentat fil-post permezz ta’ strateġiji integrati ta’ żvilupp urban u territorjali.

Fil-livell lokali, il-Patt tas-Sindki jappoġġa koalizzjoni ġdida ta’ bliet li għandhom ir-rieda li jimpenjaw ruħhom għal wegħdiet ambizzjużi rigward ir-rinnovazzjoni tal-bini. Dan il-proċess jista’ jikkontribwixxi għall-aġġornamenti futuri tal-Istrateġiji ta’ Rinnovazzjoni fit-Tul u jista’ jirriżulta f’akkwist ekoloġiku aggregat li s-sindki jimpenjaw ruħhom li jagħmlu skont il-Patt. Il-proġett Xerrejja Kbar għall-Klima u għall-Ambjent ikompli jrawwem il-kollaborazzjoni bejn ix-xerrejja pubbliċi l-kbar bħall-bliet, ir-reġjuni, l-isptarijiet, il-korpi ċentrali għax-xiri, u l-utilitajiet, biex jippruvaw u jintroduċu teknoloġiji ġodda f’żoni bħas-siti ta’ kostruzzjoni b’żero emissjonijiet.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluż permezz tal-Patt Klimatiku u l-Forum ta’ Livell Għoli dwar il-kostruzzjoni, b’azzjonijiet ta’ appoġġ għar-riġenerazzjoni tal-viċinati Ewropej bis-saħħa tal-vitalità kulturali, ekonomika u soċjali.

3.7. Il-Bauhaus Ewropew ġdid: Rikonċiljazzjoni tal-istil mas-sostenibbiltà

Il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni ma tirrigwardax biss l-istokk tal-bini eżistenti. Hija l-bidu ta’ proċess li jħares ’il quddiem biex jirrikonċilja s-sostenibbiltà mal-istil. Kif ħabbret il-President von der Leyen fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni fis-16 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni se tniedi l-Bauhaus Ewropew Ġdid biex tiġi żviluppata estetika Ewropea ġdida li tikkombina r-rendiment mal-inventiva.

Il-Bauhaus Ewropew Ġdid se jaġixxi bħala inkubatur għall-innovazzjoni u għall-kreattività biex jixpruna disinn sostenibbli madwar l-Ewropa u lil hinn minnha, li jkun attraenti wkoll għaċ-ċittadini u tajjeb għal buthom. Se joħloq network bejn il-prattikanti minn dixxiplini differenti u se jimmobilizza lill-persuni kreattivi biex jimmaġinaw mill-ġdid kif l-istil ta’ ħajja sostenibbli jista’ jkun fil-futur u kif għandu jkun.

Il-Bauhaus Ewropew Ġdid huwa proġett interdixxiplinari li se joħloq spazji ta’ sperimentazzjoni fejn l-arti, il-kultura, ix-xjenza u t-teknoloġija jistgħu jitħalltu, u jistgħu jimmaġinaw, jittestjaw u juru soluzzjonijiet ġodda li jgħinu biex jiġu żviluppati swieq pilota ġodda. Se jkollu żewġ dimensjonijiet. L-ewwel waħda hija network ta’ ħassieba, pjanifikaturi, arkitetti, imprendituri, studenti u ċittadini li jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw is-sostenibbiltà fl-istil. It-tieni dimensjoni tkun tikkonsisti fi proġetti eżistenti reali tal-bini madwar l-UE.

Il-Bauhaus Ewropew Ġdid se jkun ukoll aċċelleratur għal soluzzjonijiet, teknoloġiji u prodotti ekoloġiċi u diġitali li jkunu soċjalment u estetikament promettenti. Se jrawwem soluzzjonijiet innovattivi f’termini ta’ arkitettura u materjali. Il-materjali bbażati fuq in-natura bħall-injam jistgħu jaqdu rwol kruċjali fid-disinn tal-Bauhaus Ewropew Ġdid peress li jista’ jkollhom benefiċċju doppju: l-istokkjar tal-emissjonijiet tal-karbonju fil-bini u l-evitar tal-emissjonijiet li kienu jkunu meħtieġa għall-produzzjoni ta’ materjali konvenzjonali tal-kostruzzjoni.

Il-Bauhaus Ewropew Ġdid se jiġi stabbilit fi tliet fażijiet: id-Disinn, it-Twettiq u t-Tixrid. Minn issa sas-sajf tal-2021, il-Kummissjoni se twettaq proċess parteċipattiv wiesa’ ta’ kokreazzjoni għad-“disinn” tiegħu, bl-għan li tniedi sejħiet għall-proposti fil-kuntest tal-Qafas Pluriennali li jmiss fil-programmi rilevanti kollha. It-“twettiq” tal-ewwel kostruzzjoni jew trasformazzjoni tal-Bauhaus Ewropew Ġdid se jibda fit-tieni nofs tal-2021.

Iżda dan se jkun biss il-bidu. L-għan huwa t-“tixrid” ta’ network ta’ diversi Bauhaus b’karatteristiċi differenti, filwaqt li dejjem jinżamm amment tat-trasformazzjoni sabiex ngħixu flimkien b’mod sostenibbli. Fl-ewwel mewġa, nimmiraw li fl-2022 nistabbilixxu serje ta’ ħames Bauhaus fundaturi f’pajjiżi differenti tal-UE. Il-proġetti kollha jkunu jittrattaw l-ambjent mibni kollu kemm hu iżda għandhom jiffukaw fuq aspetti differenti bħall-isfidi klimatiċi, l-aċċessibbiltà, il-koeżjoni soċjali, il-kostruzzjoni diġitali, il-bijoriżorsi sostenibbli, eċċ. Fit-tieni mewġa, jistgħu jiżdiedu diversi Bauhaus oħrajn madwar l-UE u anke globalment.

Il-proġett se jitmexxa b’mod konġunt minn bord konsultattiv ta’ esperti esterni li jinkludi xjentisti, arkitetti, disinjaturi, artisti, pjanifikaturi u s-soċjetà ċivili biex jiġi żgurat li l-Bauhaus Ewropew Ġdid jibqa’ għaddej fit-triq it-tajba u jilħaq l-objettivi tiegħu.

4. L-oqsma ta’ prijorità għar-rinnovazzjoni tal-bini

Filwaqt li l-miżuri deskritti hawn fuq huma mfassla biex tiġi mobilizzata r-rinnovazzjoni tal-binjiet kollha, tliet oqsma jistħoqqilhom attenzjoni speċifika: a) l-indirizzar tal-faqar enerġetiku u tal-binjiet bl-agħar rendiment; b) ir-rinnovazzjoni ta’ binjiet pubbliċi, bħal faċilitajiet amministrattivi, edukattivi u tal-kura tas-saħħa u c) id-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ. Dawn l-oqsma għandhom jitqiesu bħala prijorità għat-tfassil tal-politika u għall-finanzjament, peress li joffru potenzjal enormi biex jiżdiedu r-rati ta’ rinnovazzjoni, filwaqt li jwasslu ffrankar kbir tal-enerġija u bini iktar favur is-saħħa u iktar komdu għaċ-ċittadini.

4.1. L-indirizzar tal-faqar enerġetiku u tal-binjiet bl-agħar rendiment

Peress li kważi 34 miljun Ewropew ma għandhomx il-flus biex iżommu darhom sħuna biżżejjed 65 , l-indirizzar tal-faqar enerġetiku huwa kompitu urġenti għall-UE u għall-Istati Membri tagħha. Kull sena 800 000 dar soċjali jeħtieġu r-rinnovazzjoni, li tirrikjedi finanzjament addizzjonali 66 ta’ madwar EUR 57 biljun fis-sena.

Il-binjiet mhux effiċjenti spiss huma sinonimi mal-faqar enerġetiku u mal-problemi soċjali 67 . Dan sikwit ifisser li n-nies b’introjtu baxx ma tantx ikollhom kontroll fuq in-nefqa tagħhom għall-enerġija, u dan jikkawża ċirku vizzjuż ta’ kontijiet għoljin tal-enerġija, arretrati 68 u problemi ta’ benesseri u tas-saħħa. In-nies f’binjiet mhux effiċjenti huma iktar esposti għal perjodi ta’ kesħa, għal mewġiet ta’ sħana u għal impatti oħra tat-tibdil fil-klima 69 . Il-kundizzjonijiet sanitarji u ta’ kumdità inadegwati fl-ambjenti tal-abitazzjonijiet u tax-xogħol, bħat-temperaturi ta’ ġewwa inadegwati, il-kwalità ħażina tal-arja u l-esponiment għal sustanzi kimiċi u għal materjali li jagħmlu l-ħsara, jikkontribwixxu għal produttività iktar baxxa, għal problemi tas-saħħa kif ukoll għal mortalità u għal morbidità ogħla.

Il-binjiet b’rendiment batut għandhom potenzjal kbir ta’ titjib, iżda r-rinnovazzjoni tagħhom tiffaċċja xkiel persistenti li jvarja minn ostakli regolatorji għal fatturi strutturali. Ir-rinnovazzjoni tal-abitazzjonijiet soċjali u b’diversi appartamenti tiffaċċja xkiel addizzjonali minħabba l-proċess kumpless tat-teħid ta’ deċiżjonijiet 70 . L-indirizzar ta’ dan ix-xkiel jitlob approċċ integrat li jqis ukoll l-ambjent soċjali u l-affordabbiltà tal-abitazzjonijiet. Standards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija flimkien ma’ finanzjament li jillimita n-nefqa netta ta’ kull xahar tal-abitanti jistgħu jħaffu r-rinnovazzjoni b’mod sinifikanti, kif spjegat fit-taqsimiet 3.1. u 3.2. Is-servizzi ta’ akkumpanjament u l-assistenza teknika huma essenzjali għall-binjiet bl-agħar rendiment.

Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll it-twessigħ tal-użu tal-ESCOs u tal-kuntratti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, li jidher li ħadem tajjeb f’xi Stati Membri 71 , permezz tar-reviżjoni li jmiss tal-EED biex ir-rinnovazzjoni tkun tajba għall-but tal-unitajiet domestiċi kollha, inkluż dawk li jkollhom kapaċità limitata li jkopru l-kostijiet tal-bidu.

Is-soluzzjonijiet ta’ finanzjament għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx għan-newtralità tal-kostijiet iridu jindirizzaw il-kostijiet operattivi, tal-kera u tal-enerġija kif ukoll it-taxxi lokali permezz tal-użu ta’ għotjiet, miżuri ta’ rinnovazzjoni ssussidjata jew l-użu ta’ ffrankar tal-enerġija għall-ħlas lura (filwaqt li jillimitaw l-investiment tal-bidu għall-għotjiet disponibbli). Tali soluzzjonijiet jistgħu jiġu varati flimkien ma’ mikrokrediti appoġġati minn fond ta’ garanzija għall-promozzjoni tal-kondiviżjoni ġusta tal-kostijiet bejn is-sidien u l-inkwilini, skemi ta’ finanzjament fuq il-kont u skemi ta’ finanzjament fuq it-taxxa. L-unitajiet domestiċi vulnerabbli jridu jiġu protetti miż-żidiet fil-kera li jaf ikun hemm wara li jsiru r-rinnovazzjonijiet. L-offerta ta’ selfiet imħallta u ta’ garanziji minn sorsi pubbliċi u privati permezz ta’ punti uniċi ta’ servizz tista’ trawwem il-fiduċja fir-rinnovazzjoni u tiżgura li jiġu ssodisfati ċerti rekwiżiti ta’ kwalità 72 .

F’konformità mal-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha, l-Istati Membri jridu jużaw il-Pjanijiet Nazzjonali Integrati għall-Enerġija u l-Klima u l-Istrateġiji ta’ Rinnovazzjoni fit-Tul tagħhom biex jidentifikaw l-abitazzjonijiet ta’ persuni fir-riskju ta’ faqar enerġetiku u jiżviluppaw strateġiji effettivi biex dawn jiġu rrinnovati bħala kwistjoni prijoritarja 73 . B’mod parallel ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tippreżenta Rakkomandazzjoni dwar il-Faqar Enerġetiku 74 sabiex tiggwida lill-Istati Membri fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ tali strateġiji biex jitnaqqas il-faqar enerġetiku. Il-Kummissjoni se tkompli tagħtihom l-assistenza fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet finanzjarji mmirati lejn l-unitajiet domestiċi b’introjtu iktar baxx, flimkien ma’ aċċess iktar faċli għas-servizzi essenzjali, għall-awditi tal-enerġija u għaċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.

Xi Strateġiji ta’ Rinnovazzjoni fit-Tul diġà qed jintroduċu taħlita ta’ miżuri biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost gruppi vulnerabbli fil-mira u programmi ta’ iżolament li jikkombinaw l-appoġġ finanzjarju u prattiku 75 . L-Osservatorju tal-Istokk tal-Bini tal-UE 76 , l-Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku tal-UE 77 , il-Missjoni dwar il-Bliet ta’ Orizzont Ewropa 78  u l-Uffiċċju tal-Patt tas-Sindki tal-UE 79  jistgħu jkomplu jassistu lill-Istati Membri biex iqisu u jidentifikaw is-segmenti fil-bżonn, u biex jikkollegaw l-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni ma’ indikaturi u politiki soċjali biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku.

Sabiex jiġi żgurat li l-proġetti tal-abitazzjonijiet soċjali lokali jkollhom aċċess għall-kapaċità teknika kollha meħtieġa, il-Kummissjoni se tniedi l-Inizjattiva għal Abitazzjonijiet għall-But ta’ Kulħadd. Se tipprova tadotta approċċ ta’ viċinat intelliġenti fir-rigward ta’ 100 distrett bi proġetti ewlenin ta’ rinnovazzjoni u se tipprovdi pjanijiet ta’ azzjoni għar-replikazzjoni, filwaqt li tistabbilixxi l-abitabbiltà u l-iktar innovazzjonijiet reċenti fuq quddiem nett. Se timmobilizza sħubijiet ta’ proġetti transsettorjali u tikkollegahom mal-atturi lokali, inkluż mill-ekonomija soċjali, sabiex tippromwovi l-proċessi effiċjenti, ċirkolari u modulari, il-mudelli ta’ involviment soċjali biex ir-residenti jingħataw is-setgħa, l-iżviluppi inklużivi u aċċessibbli u l-innovazzjoni kulturali.

Sabiex tindirizza l-isfidi speċifiċi fil-postijiet rurali u remoti, il-Kummissjoni fl-2021 se tressaq Komunikazzjoni dwar il-Viżjoni fit-Tul għaż-Żoni Rurali sabiex tanalizza l-aspetti soċjali u infrastrutturali fiż-żoni rurali u teżamina l-azzjoni possibbli f’terminu qasir u medju.

L-użu ta’ soluzzjonijiet industrijali standardizzati applikati bħala parti minn pakkett komprensiv ta’ rinnovazzjoni jippermetti rinnovazzjoni orħos u iktar rapida b’impatt limitat fuq ir-residenti u jista’ jkun ta’ rilevanza partikolari fil-każ tal-abitazzjonijiet soċjali 80 . F’dan il-kuntest, il-potenzjal ta’ ftehimiet ta’ xiri rigward l-effiċjenza bbażati fuq kejl intelliġenti tal-iffrankar reali miksub għandu wkoll jiġi ppruvat u għandu jiżdied b’mod qawwi.

Fl-aħħar nett, l-impriżi soċjali huma sħab importanti fl-indirizzar tal-faqar enerġetiku permezz ta’ soluzzjonijiet soċjalment innovattivi, inkluż kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-enerġija, it-taħriġ mill-ġdid ta’ persuni qiegħda biex isiru konsulenti dwar il-faqar enerġetiku jew ix-xiri ta’ apparati elettrodomestiċi effiċjenti fl-użu tal-enerġija għall-kiri, u għandhom jiġu involuti bis-sħiħ fil-mewġa ta’ rinnovazzjoni.

4.2. Il-binjiet pubbliċi u l-infrastruttura soċjali juru t-triq ’il quddiem

L-infrastruttura soċjali pubblika u privata, il-binjiet amministrattivi pubbliċi, l-abitazzjonijiet soċjali, l-istituzzjonijiet kulturali, l-iskejjel, l-isptarijiet u l-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa jistgħu jqanqlu l-mewġa ta’ rinnovazzjoni, filwaqt li jservu bħala mudell u punt ta’ referenza għall-industrijalizzazzjoni tal-kostruzzjoni u għall-kobenefiċċji li minnufih isiru viżibbli għall-pubbliku.

Fil-bidu tal-2021, il-Kummissjoni se toħroġ gwida dwar il-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika Tiġi l-Ewwel” sabiex tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi jqisu sew il-kostijiet u l-benefiċċji usa’ kollha tal-investimenti fl-ambjent mibni, li jistgħu prattikament jiġu applikati fl-akkwist pubbliku.

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tar-rekwiżiti leġiżlattivi eżistenti għar-rinnovazzjoni tal-binjiet pubbliċi, sa Ġunju 2021 il-Kummissjoni se tipproponi l-ħtieġa li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti jiġi estiż għal-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika u li jiżdied l-obbligu annwali ta’ rinnovazzjoni bħala parti mir-reviżjoni tal-EED. Dan se jsir flimkien mal-introduzzjoni gradwali ta’ standards minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija fil-kuntest tar-reviżjoni tal-EPBD sa tmiem l-2021. Il-Kummissjoni se tiżviluppa wkoll gwida komprensiva dwar l-investimenti pubbliċi sostenibbli permezz tal-akkwist.

Barra minn hekk, sa Ġunju 2022, il-Kummissjoni se teżamina l-possibbiltà li tiżviluppa kriterji tal-akkwist pubbliku ekoloġiku għall-binjiet pubbliċi bħal binjiet bl-uffiċċji u skejjel relatati maċ-ċiklu tal-ħajja u mar-reżiljenza għall-klima u bbażati fuq Livell(i). Il-Kummissjoni se toħroġ ukoll, abbażi tal-valutazzjoni li jmiss tal-Istrateġiji ta’ Rinnovazzjoni fit-Tul, stadji importanti indikattivi għar-rinnovazzjoni tal-binjiet tas-servizz pubbliku u privat għall-2030 u għall-2040 bil-ħsieb li l-istokk tal-bini jiġi dekarbonizzat sal-2050.

4.3. Id-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ

L-immodernizzar tas-sistemi tat-tisħin u tat-tkessiħ tal-binjiet huwa essenzjali għad-dekarbonizzazzjoni tal-istokk tal-bini tal-UE, għall-varar tal-potenzjal lokali tal-enerġija rinnovabbli u għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili importati. Fl-UE, it-tisħin, it-tkessiħ u l-misħun domestiku jirrappreżentaw madwar 80 % tal-enerġija kkonsmata fil-binjiet residenzjali. Żewġ terzi 81 ta’ din l-enerġija tiġi mill-fjuwils fossili. Ħafna sistemi huma qodma u mhumiex effiċjenti u nofshom ilhom iktar miċ-ċiklu tal-ħajja tas-servizz previst tagħhom. Is-sistemi awtonomi jipprovdu sa 88 % tal-provvista tas-sħana u s-sistemi tat-tisħin distrettwali jipprovdu t-12 % li jifdal 82 .

Skont il-valutazzjoni tal-impatt għall-Pjan tal-Mira Klimatika għall-2030, is-settur residenzjali jkollu jgħaddi mill-ogħla tnaqqis fid-domanda għall-enerġija għat-tisħin u għat-tkessiħ, li jvarja bejn -19 % u -23 %, meta mqabbel mal-2015. Ir-rata annwali ta’ sostituzzjoni tat-tagħmir tat-tisħin ikollha tilħaq madwar 4 % kemm fis-settur residenzjali kif ukoll f’dak tas-servizzi. Matul l-istess perjodu, is-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u tas-sħana mormija jkollu jiżdied għal 38-42 % 83 biex jintlaħaq l-objettiv.

Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli 84 flimkien mad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija 85 jirrikjedu li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni bil-valutazzjoni tagħhom dwar kif se jiddekarbonizzaw is-sistemi tat-tisħin u tat-tkessiħ tagħhom billi jużaw il-potenzjal tagħhom għall-effiċjenza, għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u għas-sħana mormija, u jinkludu dan kollu fil-valutazzjoni komprensiva li trid issir sa Diċembru 2020.

Abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa, ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli sa Ġunju 2021 se tikkunsidra t-tisħiħ tal-mira eżistenti tat-tisħin u tat-tkessiħ minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli f’konformità mal-ambizzjoni ogħla tal-mira klimatika proposta għall-2030, u l-introduzzjoni ta’ rekwiżit biex jintużaw livelli minimi ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-binjiet. Ir-reviżjoni se tesplora sett ta’ miżuri għall-promozzjoni ta’ tisħin u ta’ tkessiħ avvanzati, inkluż it-teknoloġiji minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli b’temperatura baxxa u t-teknoloġiji tas-sħana u tal-kesħa mormija b’effiċjenza għolja kif ukoll l-iżvilupp ta’ pjanijiet lokali u reġjonali għat-tisħin u għat-tkessiħ, u għall-indirizzar tax-xkiel tal-investiment kapitali tal-bidu għoli. Se tippromwovi wkoll l-użu ta’ gassijiet dekarbonizzati li jistgħu joħolqu sinerġiji lokali mas-setturi industrijali u tar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali u agrikolu. Il-Kummissjoni se tipproponi miżuri biex tiffaċilita l-aċċess għal sħana u għal kesħa mormija u minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli 86 .

Abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa, ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija sa Ġunju 2021 se ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi biex iħejju, jiffinanzjaw u jimplimentaw l-ippjanar komprensiv għat-tisħin u għat-tkessiħ f’koordinazzjoni mal-proġetti ta’ rinnovazzjoni. L-awtoritajiet lokali u l-kumpaniji tal-utilitajiet għandhom rwol importanti fil-ħolqien tal-qafas regolatorju, tal-kundizzjonijiet tas-suq u tal-ħiliet meħtieġa kif ukoll fit-tħejjija ta’ sensiela robusta ta’ proġetti biex tiġi ffinanzjata l-modernizzazzjoni tas-sistemi tat-tisħin u tat-tkessiħ. Sabiex titwettaq id-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ fil-viċinati u fil-livell nazzjonali, jeħtieġ li jkun hemm ippjanar integrat, informazzjoni speċifika dwar l-istokk tal-bini u opzjonijiet ta’ provvista tal-enerġija 87 . 

Id-Direttiva Qafas dwar l-Ekodisinn 88 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni dwar it-tikkettar 89  enerġetiku u tal-ekodisinn speċifiku għall-prodotti se jiġu żviluppati iktar biex ikomplu jiġu promossi standards ambjentali għoljin, filwaqt li jipprovdu lill-pubbliku b’informazzjoni dwar l-iktar prodotti effiċjenti u jidderieġu l-inċentivi finanzjarji lejn il-prodotti bl-ogħla rendiment.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet pubbliċi jikkunsidraw li jużaw it-tassazzjoni tal-enerġija u tas-CO2 ħalli jippromwovu bidla biex ma jibqgħux jintużaw il-fjuwils fossili. Il-valutazzjonijiet tal-impatt li jmiss għar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni ewlenija dwar il-klima u l-enerġija prevista sa Ġunju 2021 se jagħtu ħarsa lejn l-estensjoni tal-użu tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet biex jiġu inklużi l-emissjonijiet mill-binjiet 90 . Attwalment l-EU ETS tkopri madwar 30 % tal-emissjonijiet mit-tisħin tal-binjiet minħabba l-kopertura tat-tisħin distrettwali kif ukoll tat-tisħin elettriku.

5. Konklużjoni

F’għaxar snin, il-binjiet tal-Ewropa se jkollhom dehra notevolment differenti. Il-binjiet se jkunu l-mikrokożmi ta’ soċjetà iktar reżiljenti, iktar ekoloġika u diġitalizzata, u jkunu operattivi f’sistema ċirkolari billi jnaqqsu l-ħtiġijiet enerġetiċi, l-ġenerazzjoni tal-iskart u l-emissjonijiet f’kull punt u jużaw mill-ġdid dak li jkun meħtieġ. Is-soqfa u l-ħitan tagħhom se jżidu s-superfiċe ekoloġika tal-bliet tagħna u se jtejbu l-klima u l-bijodiversità urbana. Bejn l-erba’ ħitan tagħhom, il-binjiet se jospitaw apparati elettrodomestiċi intelliġenti u diġitalizzati, li jipprovdu data f’ħin reali dwar kif, meta u fejn ġiet ikkonsmata l-enerġija. L-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi, fosthom ir-roti, il-karozzi u l-vannijiet, fil-binjiet residenzjali u bl-uffiċċji se tkun esperjenza komuni li tikkomplementa l-infrastruttura tal-iċċarġjar aċċessibbli pubblikament. Ħafna iktar Ewropej se jkunu prosumaturi, u se jipproduċu l-elettriku għall-awtokonsum jew saħansitra jbigħuh lura lill-grilja. B’mod gradwali, il-fjuwils fossili se jisparixxu gradwalment mit-tisħin u mit-tkessiħ.

L-approċċi distrettwali se jgħaqqdu lin-nies u lill-komunitajiet. Il-binjiet se jkunu jikkonsmaw inqas enerġija, iktar abitabbli, u iktar favur is-saħħa għal kulħadd. Il-bliet se jsiru iktar ekoloġiċi u se jsiru konnessi aħjar man-natura. Se jitfaċċaw impjiegi u profili professjonali ġodda. L-industrija tal-kostruzzjoni tal-Ewropa se tistagħna permezz tal-opportunitajiet ipprovduti minn rata sostnuta ta’ rinnovazzjonijiet u se tikkonsolida l-pożizzjoni globali tagħha minn ta’ quddiem fil-materjali innovattivi, u b’hekk is-settur tal-bini jinbidel minn sors tal-karbonju għal bir tal-karbonju. L-effetti pożittivi se jkollhom riperkussjonijiet fuq ekosistemi industrijali oħra. Se jiżviluppaw swieq ġodda u akbar għall-kostruzzjoni ekoloġika kif ukoll għas-self ekoloġiku u għall-finanzjament ipotekarju.

Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi strateġija biex tħaddan, tħaffef u tixpruna din it-trasformazzjoni skont l-objettiv tan-newtralità għall-klima, tapplika l-prinċipji taċ-ċirkolarità, tikkontribwixxi għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u għall-kompetittività tal-Ewropa u tipproteġi d-dritt li kulħadd ikollu abitazzjoni tajba għal butu, abitabbli, aċċessibbli u favur is-saħħa filwaqt li jiġi ssalvagwardjat il-patrimonju kulturali.

Il-Kummissjoni se tagħti pariri u tappoġġa lill-Istati Membri biex jippjanaw u jimplimentaw miżuri ambizzjużi għar-rinnovazzjoni fil-kuntest tal-pjanijiet għall-irkupru tagħhom. Fix-xhur li ġejjin, se tippreżenta sett komprensiv ta’ azzjonijiet regolatorji u ta’ politika biex jitneħħa x-xkiel eżistenti li qed ixekkel ir-rinnovazzjoni, b’mod partikolari permezz tar-reviżjoni tad-Direttivi dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u l-Enerġija Rinnovabbli u permezz tat-tisħiħ tal-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet fil-kuntest tal-pakkett ta’ segwitu tal-2030 sa Ġunju 2021. Dan se jiġi kkomplementat minn firxa ta’ inizjattivi ulterjuri inkluż ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija, kif stabbilit fil-pjan ta’ azzjoni anness.

Ir-rinnovazzjoni għandha tkun proġett kondiviż fl-Ewropa kollha. Il-mobilizzazzjoni u s-sjieda tal-bliet, tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tal-partijiet ikkonċernati, tal-gvernijiet nazzjonali u taċ-ċittadini se jkunu kruċjali biex dan il-proġett jiġi sostnut. Il-Kummissjoni se taħdem fi sħubija mill-qrib mal-Kumitat tar-Reġjuni u mal-awtoritajiet lokali u muniċipali, inkluż billi tuża l-Patt Klimatiku. Se tiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajbin u l-ispirazzjoni reċiproka permezz ta’ networks transfruntiera bħal kumitati tal-UE, azzjonijiet miftiehma jew gruppi ta’ esperti, fora tal-partijiet ikkonċernati, il-Patt tas-Sindki u s-Suq tal-Bliet Intelliġenti.

Il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni tista’ tappoġġa l-irkupru kemm għall-individwi kif ukoll għall-ekonomija, u l-ksib tal-benefiċċji tagħha jrid jiġi sostnut fit-tul. Il-Kummissjoni se ssegwi l-progress fir-rinnovazzjoni permezz tas-Semestru Ewropew u l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar stabbiliti fil-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, b’mod partikolari permezz tal-Grupp ta’ Ħidma Tekniku dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Governanza, b’enfasi partikolari fuq l-implimentazzjoni tal-NECPs tal-Istrateġiji ta’ Rinnovazzjoni fit-Tul.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Bank Ewropew tal-Investiment, lill-Istati Membri, liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jiddiskutu l-istrateġija stabbilita f’din il-Komunikazzjoni u biex jikkontribwixxu għall-azzjonijiet meħtieġa biex tiżdied ir-rinnovazzjoni effiċjenti fl-użu tal-enerġija u sostenibbli tal-binjiet. Jekk niġbdu ħabel wieħed flimkien fil-livelli kollha, nistgħu nqanqlu Mewġa ta’ Rinnovazzjoni Ewropea.

(1)

Il-kodiċijiet tal-bini b’regolamentazzjoni speċifika dwar l-iżolament termali tal-involukru tal-bini bdew jitfaċċaw wara s-sebgħinijiet tas-seklu 20 fl-Ewropa. Dan ifisser li ammont kbir tal-istokk tal-bini tal-UE tal-lum inbena mingħajr l-ebda rekwiżit tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija: terz (35 %) tal-istokk tal-bini tal-UE għandu iktar minn 50 sena, filwaqt li iktar minn 40 % tal-istokk tal-bini nbena qabel l-1960. Kważi 75 % minnu mhuwiex effiċjenti fl-użu tal-enerġija skont l-istandards attwali tal-bini. Sors: ir-rapport tal-JRC “Achieving the cost-effective energy transformation of Europe’s buildings” (Il-ksib tat-trasformazzjoni tal-enerġija kosteffettiva tal-binjiet tal-Ewropa).

(2)

Dawn iċ-ċifri jirreferu għall-użu u għat-tħaddim tal-binjiet, inkluż l-emissjonijiet indiretti fis-settur tal-enerġija u tat-tisħin, mhux iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom. Huwa stmat li l-karbonju inkorporat fil-kostruzzjoni jammonta għal madwar 10 % tal-emissjonijiet annwali totali tal-gassijiet serra fid-dinja kollha, ara IRP, Resource Efficiency and Climate Change (L-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi u t-Tibdil fil-Klima), 2020, u l-UN Enviroment Emissions Gap Report 2019 (Ir-Rapport tan-NU dwar id-Diskrepanza fl-Emissjonijiet Ambjentali tal-2019).

(3)

Il-Komunikazzjoni dwar “It-Tisħiħ tal-Ambizzjoni Klimatika tal-Ewropa għall-2030”, COM(2020) 562 final

(4)

Meta mqabbla mal-livelli tal-2015, Ara SWD(2020) 176 final.

(5)

Ara r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/786 dwar ir-Rinnovazzjoni tal-Bini tal-2019.

(6)

Employment and Social Developments in Europe, Annual Review 2019 (L-Impjiegi u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa, Rieżami Annwali 2019) il-Kummissjoni Ewropea.

(7)

 It-tneħħija tax-xkiel għall-aċċessibbiltà hija obbligu għall-UE u għall-Istati Membri kollha bħala Partijiet għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà.

(8)

Ara l-Artikolu 2(18) tar-Regolament (UE) 2018/1999 dwar il-Governanza:‘L-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel’ tfisser li fid-deċiżjonijiet dwar l-ippjanar, il-politika u l-investimenti marbutin mal-enerġija, jitqiesu sew il-miżuri alternattivi ta’ kosteffiċjenza tal-effiċjenza enerġetika u ta’ provvista tal-enerġija aktar effiċjenti, b’mod partikolari permezz ta’ ffrankar enerġetiku kosteffiċjenti fil-konsum finali, ta’ inizjattivi ta’ ġestjoni tad-domanda u konverżjoni, ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni aktar effiċjenti tal-enerġija filwaqt li fl-istess ħin jintlaħqu l-objettivi ta’ dawk id-deċiżjonijiet”.

(9)

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, COM(2019) 640 final.

(10)

 Nixprunaw ekonomija newtrali għall-klima: Strateġija tal-UE għall-Integrazzjoni tas-Sistemi tal-Enerġija, COM(2020) 299 final.

(11)

Din tirreferi għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli li tiġi prodotta fil-post jew fil-qrib.

(12)

Binjiet reżiljenti għall-klima tfisser li l-binjiet jiġu rinnovati biex ikunu reżiljenti għall-perikli klimatiċi akuti u kroniċi relatati mat-temperatura, mar-riħ, mal-ilma u mal-massa solida, skont kif ikun xieraq. Lista sħiħa ta’ perikli bħal dawn hija inkluża fit-Tabella 1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1208.

(13)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Davos “Towards a High-quality Baukultur in Europe” (Lejn Baukultur ta’ Kwalità Għolja fl-Ewropa) adottata mill-Ministri Ewropej għall-Kultura u mill-partijiet ikkonċernati fl-2018, “l-arkitettura ta’ kwalità” mhux biss tiġi ddefinita permezz tal-estetika u tal-funzjonalità iżda wkoll permezz tal-kontribut tagħha għall-kwalità tal-ħajja tan-nies u għall-iżvilupp sostenibbli tal-bliet u taż-żoni rurali tagħna.

(14)

 L-azzjonijiet tal-ekonomija ċirkolari jistgħu jwasslu għal tnaqqis sa 60 % tal-gassijiet serra relatati mal-materjali emessi tul iċ-ċikli tal-ħajja tal-binjiet. https://www.eea.europa.eu/highlights/greater-circularity-in-the-buildings

(15)

 Ara r-rapport tal-JRC “Untapping multiple benefits: hidden values in environmental and building policies” (Il-ksib ta’ diversi benefiċċji: valuri moħbija fil-politiki ambjentali u tal-bini)

(16)

 Ir-rapport ta’ sinteżi tal-proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati huwa disponibbli fuq il-portal Semma’ Leħnek ( hawnhekk ) u fuq il-paġna web iddedikata tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni ( hawnhekk ).

(17)

 Fil-binjiet residenzjali, il-fehim insuffiċjenti dwar l-użu u l-iffrankar tal-enerġija jiġi kklassifikat bħala xkiel importanti ħafna / importanti minn iktar rispondenti tal-Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa dwar il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni, iktar minn kwalunkwe xkiel ieħor. Fost l-ikbar xkiel għar-rinnovazzjoni tal-bini hemm l-interessi differenti bejn is-sidien tad-djar u l-okkupanti tad-djar, in-nuqqas ta’ qbil bejn diversi sidien u d-diffikultajiet fl-ippjanar tax-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni tal-bini.

(18)

Id-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (EED), kif emendata bid-Direttiva 2018/2002; Id-Direttiva (UE) 2010/31 dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (EPBD) kif emendata bid-Direttiva.

(19)

COM(2020) 575 final

(20)

Ippubblikata fis-17 ta’ Settembru 2020

(21)

 In-nuqqas ta’ riżorsi jew ir-riżorsi limitati għall-finanzjament tar-rinnovazzjoni tal-bini jiġu kklassifikati bħala xkiel importanti ħafna / importanti mill-maġġoranza kbira ta’ 92 % tar-rispondenti tal-Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa dwar il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni

(22)

Ara l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-prinċipju 20

https://ec.europa.eu/commission/priorities/deeper-and-fairer-economic-and-monetary-union/european-pillar-social-rights/european-pillar-social-rights-20-principles_mt

(23)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni C(2020) 6930, li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi skema komuni fakultattiva tal-Unjoni Ewropea għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-binjiet), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2020) 6929, li jagħti dettalji dwar il-modalitajiet tekniċi għall-implimentazzjoni effettiva ta’ skema komuni fakultattiva tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni tal-potenzjal ta’ intelliġenza tal-binjiet.

(24)

 Fil-kuntest tal-Istrateġiji ta’ Rinnovazzjoni fit-Tul tagħha, Franza adottat sett progressiv ta’ miżuri għal dan l-għan, li jibdew bi projbizzjoni fuq iż-żieda fil-kera fil-każ ta’ bini b’rendiment fqir (“passoire énergétique”, l-ebda rendiment speċifikat) mill-2021, projbizzjoni fuq il-kiri ta’ dan il-bini mill-2023 u obbligu ta’ rinnovazzjoni mill-2028 tal-binjiet bl-agħar rendiment. Fin-Netherlands, il-binjiet kollha bl-uffiċċji se jkollhom ikunu klassi C tal-EPC sal-2023 u klassi A tal-EPC sal-2030. Il-Fjandri, fil-Belġju, qed jikkunsidraw ukoll proposti ta’ politika għal livell minimu tal-EPC għall-binjiet mhux residenzjali mill-2030 u livell minimu tal-EPC għall-kirjiet residenzjali.

(25)

In-nuqqas ta’ format komuni tad-data jirriżulta f’ċertifikati bħala fajl pdf u b’hekk jipprevjeni l-aċċess, l-użu u l-analiżi faċli tad-data rilevanti.

(26)

Sa Ġunju 2021, bħala parti mir-reviżjoni tal-EED. Attwalment, l-awditi tal-enerġija huma obbligatorji għall-impriżi l-kbar u l-Istati Membri jridu jistabbilixxu programmi biex iħeġġu lill-SMEs iwettquhom, iżda l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditi mhijiex obbligatorja.

(27)

 Il-Logbooks Diġitali tal-Bini se jservu bħala repożitorji tad-data dwar binjiet individwali u se jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tal-informazzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni, u bejn is-sidien u l-inkwilini tal-bini, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-awtoritajiet pubbliċi.

(28)

 Kif previst mill-EPBD, il-Passaporti tar-Rinnovazzjoni tal-Bini se jipprovdu pjan direzzjonali ċar għar-rinnovazzjoni fi stadji tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ bini, u se jgħinu lis-sidien u lill-investituri jippjanaw l-aqwa żmien u l-kamp ta’ applikazzjoni għall-interventi.

(29)

 Livell(i), il-qafas reċenti tal-Kummissjoni jkopri l-użu tal-enerġija, tal-materjali u tal-ilma, il-kwalità u l-valur tal-binjiet, is-saħħa, il-kumdità, ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u l-kost taċ-ċiklu tal-ħajja. https://ec.europa.eu/environment/eussd/buildings.htm

(30)

Ara https://ec.europa.eu/energy/topics/energy-efficiency/energy-efficient-buildings/eu-bso_en

(31)

Ara “Identifying Europe’s recovery needs” (L-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ rkupru tal-Ewropa), SWD(2020) 98 final u “It-Tisħiħ tal-Ambizzjoni Klimatika tal-Ewropa għall-2030 – Ninvestu f’futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna”, SWD(2020) 176 final.

(32)

L-appoġġ minn programmi oħra tal-UE bħal InvestEU, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, LIFE u Orizzont Ewropa kif ukoll minn fondi nazzjonali jistgħu jiġu kkombinati wkoll mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

(33)

 COM(2020) 575 final, l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021

(34)

 Għal valutazzjonijiet individwali, jekk jogħġbok ara SWD(2020)900-SWD(2020)926

(35)

https://ec.europa.eu/info/departments/recovery-and-resilience-task-force

(36)

L-istabbiliment ta’ enfasi tematika ddedikata dwar l-Inizjattiva Ewlenija Rinnovazzjoni, u l-involviment ta’ rappreżentanti mid-diversi ministeri nazzjonali kkonċernati bħala parti mill-Azzjoni Miftiehma tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija ( https://epbd-ca.eu ) f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Azzjonijiet Miftiehma dwar id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, u f’komunikazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma Tekniku fil-kuntest tal-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija.

(37)

Fl-2014-2020, madwar EUR 17-il biljun f’Fondi ta’ Koeżjoni kienu ddedikati lir-rinnovazzjoni tal-bini.

(38)

Permezz tal-fondi tal-FEŻR, il-Kroazja ffinanzjat ir-rinnovazzjoni ta’ 250 000 m2 u 69 binja pubblika, bħal sptarijiet u skejjel preprimarji b’iffrankar annwali mistenni ta’ 70 GWh.

(39)

 Rieżami mmirat tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (għajnuna mill-Istat): kamp ta’ applikazzjoni estiż biex il-fondi nazzjonali jiġu kkombinati ma’ ċerti programmi tal-Unjoni (it-tieni konsultazzjoni) https://ec.europa.eu/competition/consultations/2020_gber/consultation_document_mt.pdf

(40)

Effiċjenza enerġetika ogħla titqies li hija korrelatata ma’ rati iktar baxxi ta’ inadempjenza ipotekarja u ma’ żieda fil-valur tal-assi. Sors: Final report on correlation analysis between energy efficiency and risk (Rapport finali dwar l-analiżi tal-korrelazzjoni bejn l-effiċjenza enerġetika u r-riskju). EeDaPP. https://eedapp.energyefficientmortgages.eu/wp-content/uploads/2020/08/EeDaPP_D57_27Aug20-1.pdf

(41)

Bħal pereżempju l-inċentivi tat-taxxa u l-krediti fil-kuntest tat-tassazzjoni diretta (eż. it-tassazzjoni korporattiva u fuq l-introjtu) u t-tassazzjoni ambjentali (taxxi fuq il-karbonju), it-tassazzjoni fuq il-proprjetà li tiffavorixxi binjiet aħjar, l-allokazzjoni tad-dħul mit-taxxa għar-rinnovazzjoni, id-deprezzament tat-taxxa li jiffavorixxi l-investimenti fir-rinnovazzjoni, ir-rati tal-VAT għas-servizzi tal-kostruzzjoni u għall-materjali sostenibbli skont id-Direttiva tal-VAT (l-Anness III), kif ukoll it-taxxi u t-tariffi reġjonali u lokali. Ara wkoll Bertoldi, P, Economidou, M, Palermo, V, Boza‐Kiss, B, Todeschi, V. How to finance energy renovation of residential buildings: Review of current and emerging financing instruments in the EU (Kif tiffinanzja r-rinnovazzjoni tal-bini residenzjali fl-użu tal-enerġija: Rieżami tal-istrumenti ta’ finanzjament attwali u emerġenti fl-UE). WIREs Energy Environ. 2020;e384. https://doi.org/10.1002/wene.384

(42)

L-iffrankar tal-enerġija miksub skont dawn l-obbligi jikkontribwixxi għat-twettiq tal-obbligu tal-iffrankar tal-enerġija skont l-Artikolu 7 tal-EED.

(43)

Bl-użu ta’ għotjiet minn Orizzont 2020, il-Federazzjoni Ewropea tal-Ipoteki – il-Kunsill Ewropew tal-Bonds Koperti (EMF-ECBC) ilu jiżviluppa Inizjattiva ta’ Ipoteki favur l-Effiċjenza Enerġetika b’sett ta’ azzjonijiet ta’ appoġġ biex jiġi stimolat il-finanzjament privat fir-rinnovazzjoni ta’ binjiet residenzjali u kummerċjali li jiffrankaw l-enerġija.

(44)

 Id-Direttiva 2014/17/UE

(45)

Id-Direttiva 2008/48/KE

(46)

 Ara l-EaDaPP, Final results of the correlation analysis between energy efficiency and risk (Ir-riżultati finali tal-analiżi tal-korrelazzjoni bejn l-effiċjenza enerġetika u r-riskju), 2020.

(47)

Permezz ta’ żewġ atti delegati: dwar il-Mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih u dwar Tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, kif ukoll dwar l-Użu sostenibbli u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma u tal-baħar, il-Kontroll u l-prevenzjoni tat-tniġġis u l-Protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u tal-ekosistemi. Ir-Regolament (UE) 2020/852, ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13.

(48)

Bl-użu tal-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni, tal-kompartiment tal-Istati Membri tal-InvestEU jew tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

(49)

Is-Suq tal-Bliet Intelliġenti jibni fuq l-esperjenzi u l-eżiti ta’ 17-il proġett ta’ dimostrazzjoni ta’ bliet kooperattivi transfruntiera fuq skala kbira, magħrufa bħala “proġetti ewlenin”. Dawn il-proġetti ewlenin jiġbru flimkien 120 belt, abbażi ta’ finanzjament ta’ iktar minn EUR 400 miljun permezz ta’ Orizzont 2020 li wassal ammonti ferm ogħla ta’ investimenti. Iktar informazzjoni hija disponibbli fuq https://smartcities-infosystem.eu/scc-lighthouse-projects.

(50)

12-18-il impjieg lokali għal kull miljun euro investit, IEA, Irkupru Sostenibbli, Ġunju 2020.

(51)

 F’konformità mal-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2009/148/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-esponiment għall-asbestos fuq ix-xogħol

(52)

 Il-Pjan ta’ Azzjoni għal kooperazzjoni settorjali dwar il-ħiliet se jiżviluppa strateġija settorjali għall-informazzjoni dwar il-ħiliet u għall-iżvilupp ta’ ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol, inkluż l-iżvilupp tal-kurrikuli ewlenin vokazzjonali Ewropej rilevanti u l-introduzzjoni tat-taħriġ.

(53)

 Livell(i) huwa approċċ Ewropew komuni għall-valutazzjoni u għar-rapportar dwar is-sostenibbiltà tal-binjiet. Ara https://ec.europa.eu/environment/eussd/buildings.htm  

(54)

Attwalment, 70 % tad-ditti tal-kostruzzjoni jiddedikaw inqas minn 1 % tad-dħul tagħhom lil proġetti diġitali u innovattivi, u l-introduzzjoni tal-Immudellar tal-Informazzjoni dwar il-Bini (BIM) għadha partikolarment baxxa. It-teknoloġiji, bħall-IoT, l-intelliġenza artifiċjali, ir-robots, u t-tewmin diġitali jnaqqsu l-ħin meħtieġ għax-xogħlijiet fiżiċi.

(55)

Inkluż l-Immudellar tal-Informazzjoni dwar il-Bini (BIM), is-Sistema ta’ Informazzjoni Ġeografika (GIS) u r-Realtà Awmentata

(56)

Il-Missjoni dwar “il-Bliet Intelliġenti u Newtrali għall-Klima” ta’ Orizzont Ewropa għandha l-għan li tappoġġa, li tippromwovi u li turi t-trasformazzjoni sistemika ta’ 100 belt Ewropea lejn in-newtralità għall-klima sal-2030, u lil dawn il-bliet tagħmilhom ċentri ta’ sperimentazzjoni u ta’ innovazzjoni għall-bliet kollha, u b’hekk l-Ewropa tkun minn ta’ quddiem fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-isforzi tagħha jsiru newtrali għall-klima sal-2050.

(57)

 Is-Sħubija Kofinanzjata għat-Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa tkopri l-oqsma kollha tal-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija u hija kkollegata mal-Pjanijiet Nazzjonali Integrati għall-Enerġija u l-Klima.

(58)

Bħal definizzjonijiet ta’ ipoteki ekoloġiċi, finanzjament ikkollegat mal-proprjetà, jew mudelli ġodda ta’ punt uniku ta’ servizz.

(59)

L-arloġġi intelliġenti għandhom potenzjal qawwi li jżidu s-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi rigward ix-xejriet tal-konsum tal-enerġija. L-arloġġi intelliġenti tal-gass huma rekwiżit skont id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija li jikkomplementa l-obbligi dwar l-arloġġi intelliġenti tal-elettriku. 

(60)

 Id-Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija

(61)

Fejn diversi binjiet jottimizzaw il-konsum tal-enerġija fil-binjiet kollha kif ukoll fis-sistema usa’ tal-enerġija. Dawn id-distretti huma kkaratterizzati minn bilanċ annwali pożittiv tal-enerġija u jintegraw mal-enerġija rinnovabbli lokali, mal-ħżin lokali (kemm tal-elettriku kif ukoll tas-sħana), mal-grilji enerġetiċi intelliġenti, mar-rispons għad-domanda, mal-ġestjoni tal-enerġija l-iktar avvanzata (elettriku, tisħin u tkessiħ), mal-interazzjoni/involviment tal-utenti u mal-ICT. Il-proġetti tad-“Distretti b’Enerġija Pożittiva” jiġu żviluppati permezz ta’ Proġetti Ewlenin ta’ Orizzont 2020 ( https://smartcities-infosystem.eu/scc-lighthouse-projects ) u fi proġetti fejn l-Istati Membri jikkooperaw permezz tal-Inizjattiva tal-Programmazzjoni Konġunta (JPI) ( https://jpi-urbaneurope.eu/ped ) ta’ Ewropa Urbana, kif ukoll permezz tal-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġiji tal-Enerġija li għandu grupp iddedikat biex jappoġġa tali proġetti.

(62)

Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE

(63)

Dawn jistgħu jinkludu t-tagħlimiet meħuda minn proġetti ffinanzjati mill-UE, ara pereżempju https://www.rescoop.eu/the-rescoop-model

(64)

 Bħal dawk li qed jipparteċipaw fil-Missjoni proposta ta’ Orizzont Ewropa dwar “100 Bliet Newtrali għall-Klima sal-2030 — miċ-ċittadini u għaċ-ċittadini”.

(65)

 Data mill-2018. Eurostat, SILC [ilc_mdes01]).

(66)

Ir-Rapport tat-Task Force ta’ Livell Għoli dwar l-Investiment fl-Infrastruttura Soċjali fl-Ewropa, Jannar 2018.

(67)

 Pereżempju, l-EEFIG identifika studji li juru li r-rati ta’ inadempjenza ta’ ipoteki bi klassifikazzjonijiet tal-enerġija tajbin fiċ-Ċertifikati tar-Rendiment fl-Użu tal-Enerġija jistgħu jkunu baxxi sa 0,92 %, meta mqabbla ma’ 1,18 % għal ipoteki bi klassifikazzjonijiet tal-enerġija batuti fiċ-Ċertifikati tar-Rendiment fl-Użu tal-Enerġija (rata ta’ inadempjenza ogħla bi 28 %).

(68)

Fl-2018, 30,3 miljun persuna ma setgħux ilaħħqu mal-kontijiet tal-utilitajiet, inkluż il-kontijiet tal-enerġija, u għalhekk kienu fir-riskju li l-provvista tagħhom tinqatalhom.

(69)

 L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, ir-Rapport Nru 22/2018: Unequal exposure and unequal impacts: social vulnerability to air pollution, noise and extreme temperatures in Europe (Esponiment u impatti mhux ugwali: il-vulnerabbiltà soċjali għat-tniġġis tal-arja, għall-istorbju u għat-temperaturi estremi fl-Ewropa).

(70)

Ara  https://ec.europa.eu/jrc/en/publication/energy-efficiency-upgrades-multi-owner-residential-buildings-review-governance-and-legal-issues-7-eu

(71)

Ara r-rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka dwar l-istatus tal-kumpaniji tal-enerġija fl-UE https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/bitstream/JRC106624/kjna28716enn.pdf. Bħala eżempju, fl-Estonja, minn April 2010, ġew kostruwiti mill-ġdid madwar 1 100 binja b’diversi appartamenti (prinċipalment bl-użu ta’ elementi kostruwiti minn qabel).

(72)

  Il-Fond Rotanti KredEx tal-Estonja jappoġġa l-kombinament ta’ selfiet, ta’ garanziji għas-selfiet u ta’ għotjiet. Il-Fond Rotanti Nazzjonali għall-Iffrankar tal-Enerġija fin-Netherlands jaħdem flimkien mal-istokk totali ta’ abitazzjonijiet għall-kiri li huwa mistenni li jilħaq medja tal-klassi B tal-EPC sal-2021.

(73)

Fid-Danimarka, il-ftehim dwar l-enerġija tal-2018 jalloka DKK 200 miljun fis-sena mill-2021 sal-2024 għall-iffrankar tal-enerġija fil-binjiet. L-għotja se tingħata lis-sidien tal-bini li jistgħu juru l-ogħla potenzjal ta’ ffrankar tal-enerġija biex jiġi żgurat li l-għotjiet ikunu mmirati lejn l-inqas segmenti effiċjenti fl-użu tal-enerġija tal-istokk tal-bini nazzjonali.

(74)

 Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C(2020) 9600 dwar il-Faqar Enerġetiku.

(75)

BE, ir-Reġjun Fjamming. Il-gruppi vulnerabbli jikkwalifikaw għal skennjar tal-enerġija fi djarhom bla ħlas; kull sena qed isiru iktar minn 20 000 skennjar ta’ dan it-tip.

(76)

  https://ec.europa.eu/energy/topics/energy-efficiency/energy-efficient-buildings/eu-bso_en  

(77)

  https://www.energypoverty.eu/  

(78)

  https://ec.europa.eu/info/horizon-europe-next-research-and-innovation-framework-programme/missions-horizon-europe/climate-neutral-and-smart-cities_en

(79)

https://www.patttassindki.eu/

(80)

Eżempji ta’ proġetti għall-industrijalizzazzjoni tal-proċessi ta’ rinnovazzjoni tal-bini li ġew kofinanzjati mill-UE: Transition Zero , Energiesprong , 4RinEU , BERTIM , MORE-CONNECT , P2Endure , Pro-GET-OnE , DRIVE 0 .

(81)

Fl-2017, is-sehem kumplessiv tal-fjuwils fossili fit-tisħin tal-binjiet kien ta’ 76,5 %.

(82)

 Madankollu, fid-Danimarka u fil-Latvja, sa 60 % tas-sħana tiġi pprovduta mis-sistemi tat-tisħin distrettwali.

(83)

Meta mqabbel ma’ 33 % fix-xenarju ta’ referenza. 

(84)

 L-Artikolu 15(7) tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (2018/2001/UE).

(85)

 L-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (2012/27/UE).

(86)

 Ħafna binjiet industrijali, ta’ kumplessi kummerċjali u tas-servizzi, bħaċ-ċentri tad-data, attwalment jirrilaxxaw fl-ambjent sħana jew kesħa ta’ eċċess li jistgħu jintużaw mill-ġdid. Fost iż-żoni b’potenzjal notevoli hemm iċ-ċentri kummerċjali u ċ-ċentri tad-data.

(87)

Enfasizzat permezz tar-rekwiżit li sal-31 ta’ Diċembru 2020 titwettaq valutazzjoni komprensiva tal-potenzjal għal tisħin u għal tkessiħ distrettwali effiċjenti f’konformità mal-Artikolu 14(1) u mal-Anness VIII tad-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija, kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/826. It-tieni rawnd li jmiss ta’ valutazzjonijiet komprensivi għandu jintegra wkoll ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 15(7) tar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli billi jintegra l-valutazzjonijiet tal-potenzjal li jintużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kif ukoll sħana u kesħa mormija għat-tisħin u għat-tkessiħ.

(88)

Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija.

(89)

 Ir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 1-23)

(90)

COM(2020) 562 final

Top

Brussell, 14.10.2020

COM(2020) 662 final

ANNESS

tal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għall-Ewropa - l-ekoloġizzazzjoni tal-binjiet tagħna, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-ħajja

{SWD(2020) 550 final}


Anness: Il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni: azzjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni u skedi ta’ żmien indikattivi

It-tisħiħ tal-informazzjoni, taċ-ċertezza tad-dritt u tal-inċentivi għar-rinnovazzjoni

Ir-reviżjoni taċ-Ċertifikati tar-Rendiment fl-Użu tal-Enerġija u l-proposta għall-introduzzjoni ta’ standards minimi obbligatorji tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għat-tipi kollha ta’ binjiet fl-EPBD

2021

Ir-reviżjoni tar-rekwiżiti dwar l-awditi tal-enerġija fl-EED

2021

Il-proposta dwar il-Passaporti tar-Rinnovazzjoni tal-Bini u l-introduzzjoni ta’ għodda diġitali unika li tgħaqqadhom mal-Logbooks Diġitali tal-Bini

2023

L-iżvilupp ta’ pjan direzzjonali tal-prestazzjoni tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu għall-2050 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju mill-binjiet u l-avvanz fil-valutazzjoni komparattiva nazzjonali flimkien mal-Istati Membri

2023

Finanzjament imsaħħaħ, aċċessibbli u iktar immirat appoġġat minn assistenza teknika

 Finanzjament imsaħħaħ propost għall-faċilità ELENA miċ-ċentru konsultattiv tal-InvestEU u possibbilment minn programmi Ewropej oħra

2021

Il-konsiderazzjoni tal-introduzzjoni ta’ standard ta’ “rinnovazzjoni profonda” bħala parti mir-reviżjoni tal-EPBD

2021

Ir-reviżjoni tal-linji gwida għall-verifika tar-reżistenza klimatika għall-proġetti appoġġati mill-UE

2021

L-appoġġ għat-tneħħija tar-riskji għall-investimenti fl-effiċjenza enerġetika, u proposta biex ir-riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ASG) jiġu inkorporati fil-liġi dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital u d-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II

2021

Ir-rieżami tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa u l-Linji Gwida dwar l-Enerġija u l-Għajnuna Ambjentali 

2021

Il-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi, it-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema u l-attrazzjoni ta’ talenti ġodda

L-għoti ta’ appoġġ lill-Istati Membri biex jaġġornaw il-pjanijiet direzzjonali nazzjonali tagħhom għat-taħriġ tal-forza tax-xogħol tal-kostruzzjoni permezz tal-Inizjattiva Build Up Skills u għajnuna għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet 2020

2020

Ambjent mibni sostenibbli

Ir-rieżami tal-miri tal-irkupru tal-materjali u l-appoġġ għas-suq intern għall-materja prima sekondarja

2024

Il-preżentazzjoni ta’ Qafas unifikat tal-UE għall-permessi diġitali u r-rakkomandazzjoni tal-Immudellar tal-Informazzjoni dwar il-Bini fl-akkwist pubbliku

2021

L-appoġġ tad-diġitalizzazzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni permezz ta’ Orizzont Ewropa, iċ-Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali u l-Faċilitajiet ta’ Ttestjar u ta’ Sperimentazzjoni

2021

It-tqegħid ta’ approċċ integrat, parteċipattiv u bbażat fuq il-viċinat fil-qalba tar-rinnovazzjoni

L-istabbiliment ta’ pjattaforma kreattiva ta’ Bauhaus Ewropew li tikkombina s-sostenibbiltà mal-arti u d-disinn

2020

L-appoġġ tas-soluzzjonijiet tal-enerġija sostenibbli u dekarbonizzati permezz ta’ Orizzont Ewropa u l-ispazju ta’ kokreazzjoni tar-R&I 

2020

L-iffaċilitar tal-iżvilupp tal-komunitajiet tal-enerġija u tal-azzjoni lokali permezz tas-Suq tal-Bliet Intelliġenti Ewropew

2020

L-appoġġ tal-iżvilupp ta’ standards tal-bini reżiljenti għall-klima

2020

L-indirizzar tal-faqar enerġetiku u tal-binjiet bl-agħar rendiment

It-tnedija tal-Inizjattiva għal Abitazzjonijiet għall-But ta’ Kulħadd bħala proġett pilota f’100 distrett li se jiġi rinnovat

2021

Il-binjiet pubbliċi u l-infrastruttura soċjali juru t-triq ’il quddiem

Il-proposta biex ir-rekwiżiti għar-rinnovazzjoni tal-binjiet fl-EED jiġu estiżi għal-livelli amministrattivi pubbliċi kollha 

2021

Abbażi ta’ Livell(i), l-iżvilupp ta’ kriterji tal-akkwist pubbliku ekoloġiku relatati maċ-ċiklu tal-ħajja u mar-reżiljenza għall-klima għal ċerti binjiet pubbliċi

2022

Id-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ

L-iżvilupp ta’ miżuri tal-ekodisinn u tat-tikkettar enerġetiku

2020

Il-valutazzjoni tal-estensjoni tal-użu tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għall-emissjonijiet mill-binjiet 

2021

Ir-reviżjoni tal-RED u tal-EED u l-kunsiderazzjoni tat-tisħiħ tal-mira eżistenti tat-tisħin u tat-tkessiħ minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-introduzzjoni ta’ rekwiżit għal proporzjonijiet minimi ta’ enerġija rinnovabbli fil-binjiet. L-iffaċilitar ukoll tal-aċċess ta’ sħana u kesħa mormija u minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli lura fis-sistemi tal-enerġija

2021

Top