Ir-Regolament (UE) 2024/1183 jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 (ir-regolament dwar l-identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji, ara sommarju) jwaqqaf il-qafas Ewropew għall-identità diġitali, li jagħti mandat lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) biex jipprovdu liċ-ċittadini, residenti u negozjanti tagħhom b’Kartiera Ewropea għall-Identità Diġitali, mibnija fuq l-istess speċifikazzjonijiet, sat-tmiem tal-2026. Dan il-qafas għandu l-għan li jassikura identifikazzjoni sikura taċ-ċittadini tal-UE online u offline u jħalli aċċess bla xkiel u affidabblifi sew għas-servizzi transkonfinali diġitali pubbliċi kif ukoll għal dawk privati.
PUNTI EWLENIN
Il-qafas Ewropew għall-identità diġitali
Il-qafas Ewropew għall-identità diġitali jinkludi tliet konfigurazzjonijiet.
Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali. il-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha ser ikunu jistgħu jidentifikaw lilhom infushom permezz ta’ apparat mobbli biex jaċċessaw servizzi pubbliċi u privati madwar l-Ewropa kollha, waqt li jibqa’ jkollhom kontroll sħiħ tad-data tagħhom stess.
Rikonoxximent reċiproku tal-iskemi elettroniċi ta’ identifikazzjoni. Kull Stat Membru ser jaċċetta mezzi elettroniċi ta’ identifikazzjoni minn Stati Membri oħra għal awtentifikazzjoni transkonfinali biex jaċċessaw servizz pubbliku.
Servizzi fiduċjarji. Dawn jinkludu qafas legali għal servizzi bħal firem elettroniċi, siġilli u kronogrammi, flimkien ma’ lista ta’ servizzi fiduċjarji ġodda bħall-ġestjoni ta’ apparati tal-ħolqien ta’ firma elettronika mill-bogħod kwalifikata, il-ġestjoni ta’ apparati għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi mill-bogħod kwalifikati,il-ħruġ ta’ attestazzjoni elettronika kwalifikata ta’ attributi, servizzi ta’ arkivjar elettroniku kwalifikat u reġistri elettroniċi kwalifikati, li jassikuraw li tranżazzjonijiet ikunu sikuri, siguri u affidabbli.
Il-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali
Il-Kartiera Ewropea tal-Identità Diġitali hi mezz ta’ identifikazzjoni elettronika li tippermetti li utent jaħżen, jiġġestjona u jivvalida b’mod sigur id-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna u attestazzjonijiet elettroniċi ta’ attributi Il-persuni li jużaw il-kartiera f’kapaċità personali ser ikunu jistgħu jiffirmaw b’mod elettroniku l-validità legali, mingħajr ebda ħlas.
Il-karatteristiċii tagħha jinkludu dawn li ġejjin:
Rabta ma’ identitajiet diġitali nazzjonali. Il-kartieri jistgħu jkunu marbuta mal-identitajiet diġitali nazzjonali tal-utenti.
Awtentifikazzjoni. L-utenti jistgħu jawtentifikaw online kif ukoll offline, u jassikuraw li d-data tkun maqsuma biss b’mod selettiv.
Prova ta’ attributi personali. L-utenti jistgħu jixxerjaw dokumenti diġitali, bħal liċenzji tas-sewqan, dokumenti tal-ivvjaġġar, akkademiċi u kwalifiki vokazzjonali u dokumenti tal-kont bankarju.
Kontroll tad-data. L-utenti jistgħu jagħżlu liema aspetti tal-identità u data tagħhom huma jaqsmu ma’ partijiet terzi u jiġġestjonaw (pereżempju jitolbu, jaħżnu, jaqsmu jew iħassru) id-data tagħhom stess.
Ġenerazzjoni ta’ psewdonimu. Għal aktar privatezza, l-utenti jistgħu jiġġeneraw psewdonimi kkriptjati maħżuna lokalment ġol-kartiera.
Konnessjonijiet siguri. Il-kartiera tħalli qsim dirett u sigur ta’ data, u awtentifikazzjoni ma’ Kartieri Ewropej tal-Identità Diġitali.
Trasparenza. L-utenti jistgħu jaċċessaw reġistru tat-tranżazzjoni, jaraw dashboard komuni u jużaw firem elettroniċi kwalifikati.
Sors miftuħ u sigurtà
Għal trasparenza sħiħa, is-software tal-applikazzjoni tal-kartiera hu liċenzjat sors miftuħ. Waqt li ċerti komponenti jistgħu jibqgħu mhux mikxufa għal raġuniijiet ta’ sigurtà, dan l-approċċ ta’ sors miftuħ għandu l-għan li jrawwem il-fiduċja u l-innovazzjoni madwar il-qafas kollu.
Salvagwardji u aċċessibiltà
Użu volontarju. Il-kartiera tibqa’ fakultattiva għal kollox għaċ-ċittadini kollha, bi protezzjonijiet robusti kontra diskriminazzjoni għal dawk li jagħżli li ma jużawhiex.
Ebda spejjeż moħbija. Il-ħruġ ta’ kartiera, l-użu u l-verifika tagħha huma bla ħlas għall-individwi, bl-Istati Membri jkopru l-ispejjeż tal-validazzjoni biex jiggarantixxu li l-kartiera tibqa’ aċċessibbli.
Limiti stretti tal-ipproċessar tad-data. L-ipproċessar tad-data hu maħsub li jkun limitat għal dak li hu neċessarju biex il-kartiera tiffunzjona. Ebda data personali addizzjonali ma tista’ tkun aċċessata jew maħżuna mill-fornituri tal-kartiera.
Konformità u akkontabilità
Standards rigorużi għal reġistrazzjoni, monitoraġġ ui validazzjoni jassikuraw li biss entitajiet verifikati jużaw il-kartiera. Partijiet dipendenti1 li joffru servizzi permezz tal-kartiera ser jirreġistraw fi ħdan l-Istat Membru tagħhom, u jżommu akkontabilità u traċċabilità.
Parti dipendenti. Persuna fiżika jew ġuridika li tiddependi fuq identifikazzjoni elettronika jew servizz fiduċjarju.
DOKUMENT PRINĊIPALI
Ir-Regolament (UE) 2024/1183 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward tal-istabbiliment tal-Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali (ĠU L., 2024/1183, ).
DOKUMENTI RELATATI
Id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali (ĠU L 323, , pp. 4–26).
Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L. 257, , pp. 73-114).
Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru. 910/2014 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.