SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

15 ta’ Marzu 2018 ( *1 ) ( 1 )

“Għajnuna mill-Istat – Kundizzjonijiet għall-użu tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves minn kumpannija ta’ trasport marittimu – Użu esklużiv ta’ infrastrutturi ffinanzjati minn fondi pubbliċi, mingħajr kuntratt ta’ konċessjoni – Eżenzjoni minn parti mit-taxxi portwali – Ilment ta’ kompetitur – Deċiżjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat fi tmiem il-proċedura ta’ eżami preliminari – Diffikultajiet serji waqt l-eżami tal-miżuri kkonċernati – Żvilupp tas-sitwazzjoni inkwistjoni matul il-proċedura amministrattiva – Kunċett ta’ vantaġġ mogħti permezz tar-riżorsi tal-Istat – Żbalji ta’ evalwazzjoni tal-fatti u żbalji ta’ liġi – Deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali li tissospendi l-effetti ta’ sejħa għal offerti – Rekwiżit ta’ eżami diliġenti u imparzjali tal-ilment”

Fil-Kawża T-108/16,

Naviera Armas, SA, stabbilita f’Las Palmas de Gran Canaria (Spanja), irrappreżentata minn J. L. Buendía Sierra u Á. Givaja Sanz, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouchagiar, G. Luengo u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Fred Olsen, SA, stabbilita fi Santa Cruz de Tenerife (Spanja), irrappreżentata minn F. Marín Riaño, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni C(2015) 8655 finali tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36628 (2015/NN) (ex 2013/CP) – Spanja – Fred Olsen,

Il-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise u R. da Silva Passos (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: M. J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-21 ta’ Settembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Ir-rikorrenti, Naviera Armas, SA, hija kumpannija tat-tbaħħir stabbilita fil-gżejjer tal-Canarias (Spanja). Hija toffri servizzi kummerċjali ta’ trasport marittimu ta’ persuni u ta’ merkanzija bejn il-gżejjer prinċipali ta’ dan l-arċipelagu, bejn dan tal-aħħar u Spanja kontinentali, kif ukoll bejn Spanja kontinentali u l-Marokk. Ir-rikorrenti twettaq b’mod partikolari rotta marittima bejn il-port ta’ Las Palmas de Gran Canaria (Spanja) u dak ta’ Santa Cruz de Tenerife (Spanja).

2

Peress li Gran Canaria u Tenerife huma l-gżejjer tal-arċipelagu tal-Canarias bl-ikbar popolazzjoni, it-traffiku marittimu kummerċjali bejn dawn iż-żewġ gżejjer jirrappreżenta parti sostanzjali tad-dħul mill-bejgħ tal-kumpanniji tat-tbaħħir attivi f’dan l-arċipelagu.

Trasport marittimu kummerċjali li jitlaq minn Puerto de Las Nieves (Gran Canaria)

3

Puerto de Las Nieves (Spanja) huwa port li jinsab fuq il-kosta tal-majjistral ta’ Gran Canaria, faċċata ta’ Tenerife. Dan il-port, li qabel kien port tas-sajd, kien ġie adattat għat-traffiku kummerċjali f’nofs is-snin 1990. Sa mill-aħħar tas-snin 1990, l-infrastruttura tiegħu bdiet tilqa’ l-laneċ veloċi.

4

Il-kumpannija tat-tbaħħir Fred Olsen, SA, li hija waħda mill-kompetituri prinċipali tar-rikorrenti, kienet l-ewwel waħda li f’Novembru tal-1993 talbet l-awtorizzazzjoni sabiex tistabbilixxi linja regolari ta’ trasport kummerċjali ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija bejn Puerto de Las Nieves u l-port ta’ Santa Cruz de Tenerife.

5

Fid-data tal-21 ta’ Diċembru 1994, id-Direttorat Ġenerali tal-Marina Merkantili tal-Ministeru Spanjol tax-Xogħlijiet Pubbliċi, tat-Trasport u tal-Ambjent, awtorizza lil Fred Olsen topera linja ta’ navigazzjoni bejn dawn iż-żewġ portijiet. Din l-awtorizzazzjoni ngħatat abbażi tal-prinċipju prior in tempore, potior in jure.

6

Sa minn dak iż-żmien, Fred Olsen baqgħet l-unika kumpannija tat-tbaħħir li topera linja ta’ trasport kummerċjali ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija bejn Puerto de Las Nieves u l-port ta’ Santa Cruz de Tenerife. Sa mill-1999, din il-linja bdiet titwettaq permezz ta’ żewġ laneċ veloċi li jiltaqgħu f’nofs it-traġitt, kull waħda minn dawn il-laneċ titlaq mill-port tat-tluq tagħha fl-istess ħin.

7

L-użu minn Fred Olsen tal-infrastruttura ta’ Puerto de Las Nieves huwa suġġett għall-ħlas ta’ diversi taxxi previsti mill-Artikolu 115 bis tad-decreto legislativo 1/1994 por el que se aprueba el texto refundido de las disposiciones legales vigentes en materia de tasas y precios públicos de la Comunidad Autónoma de Canarias (id-Digriet Leġiżlattiv 1/1994 dwar l-approvazzjoni tar-riformulazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ fil-qasam tat-taxxi u tal-prezzijiet pubbliċi tal-Komunità Awtonoma tal-Canarias) tad-29 ta’ Lulju 1994 (BOC Nru 98, tal-10 ta’ Awwissu 1994, p. 5603). Dawn it-taxxi jirrigwardaw b’mod partikolari d-dħul u l-waqfien tal-laneċ fil-port (iktar ’il quddiem it-“taxxa T 1”), l-ittrakkar (iktar ’il quddiem it-“taxxa T 2”), il-passiġġieri (iktar ’il quddiem it-“taxxa T 3”), il-merkanzija (iktar ’il quddiem it-“taxxa T 4”) u s-servizzi ta’ ħażna u ta’ użu ta’ postijiet jew bini (iktar ’il quddiem it-“taxxa T 9”).

8

Sa mill-1994 ir-rikorrenti talbet diversi drabi lid-Direttorat Ġenerali ta’ Puertos Canarios (l-Uffiċċju Pubbliku tal-Portijiet Kanarji) (iktar ’il quddiem id-“DGPC”) sabiex tkun tista’ titrakka fi Puerto de Las Nieves, l-ewwel permezz ta’ laneċ konvenzjonali u wara t-talba ppreżentata fit-3 ta’ Lulju 2013 permezz ta’ laneċ veloċi. Sat-twettiq tax-xogħlijiet ta’ estensjoni tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves fl-2014, id-DGPC ċaħad dawn it-talbiet kollha. Dawn id-deċiżjonijiet kienu bbażati essenzjalment fuq il-kapaċità limitata akkoljittiva ta’ Puerto de Las Nieves u fuq in-neċessità li tkun żgurata s-sigurtà tal-manuvri tal-laneċ waqt id-dħul f’dan il-port u ġewwa fih.

9

Dawn l-istess raġunijiet iġġustifikaw iċ-ċaħda mid-DGPC tat-talba mressqa fl-2004 minn kumpannija tat-tbaħħir oħra (Trasmediterránea) sabiex titrakka fi Puerto de Las Nieves permezz ta’ lanċa veloċi.

Proċedura amministrattiva u żvilupp tas-sitwazzjoni inkwistjoni matul l-imsemmija proċedura

10

Fis-26 ta’ April 2013, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem il-Kummissjoni Ewropea ilment li permezz tiegħu allegat, b’mod partikolari, li l-awtoritajiet Spanjoli kienu, permezz ta’ diversi miżuri relattivi għall-Puerto de Las Nieves, taw għajnuna mill-Istat illegali lil Fred Olsen (iktar ’il quddiem l-“ilment”).

11

Skont l-ilment, din l-għajnuna tirriżulta, l-ewwel nett, mid-deċiżjoni tad-DGPC li tagħti lil Fred Olsen id-dritt esklużiv li tiżviluppa attivitajiet ta’ trasport marittimu kummerċjali li jitilqu minn Puerto de Las Nieves mingħajr ma ħarġet sejħa għal offerti pubblika, trasparenti u nondiskriminatorja, it-tieni nett, minn eżenzjoni parzjali għal Fred Olsen mill-ħlas ta’ ċerti tariffi portwali, jiġifieri t-taxxi T 2 u T 9, u t-tielet nett, mill-finanzjament permezz ta’ fondi pubbliċi tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves, mibnija bil-ħsieb li tintuża esklużivament minn Fred Olsen.

12

Verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment kienet mibgħuta lill-awtoritajiet Spanjoli, li ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom fl-4 ta’ Lulju 2013. Fl-20 ta’ Awwissu 2013, l-awtoritajiet Spanjoli bagħtu lill-Kummissjoni osservazzjonijiet addizzjonali bi tweġiba għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni.

13

Fit-22 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti ittra li kienet tinkludi evalwazzjoni preliminari li tipprovdi li mill-ewwel dehra l-miżuri inkwistjoni ma jidhrux li jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. L-ittra mibgħuta lir-rikorrenti kienet tagħti x’tifhem li l-awtoritajiet Spanjoli kienu, minn naħa, ġabu provi ta’ ħlas korrett tat-taxxi portwali minn Fred Olsen, u min-naħa l-oħra pproduċew rapport tekniku li juri l-kapaċità limitata ta’ Puerto de Las Nieves. Din l-ittra kienet tagħmel riferiment ukoll għall-intenzjoni tal-awtoritajiet Spanjoli li jkabbru l-infrastruttura ta’ dan il-port.

14

Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti kkontestat din l-evalwazzjoni preliminari u enfasizzat il-bżonn li l-Kummissjoni tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE. Fit-18 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni bagħtet dawn l-osservazzjonijiet lill-awtoritajiet Spanjoli, li wieġbu fit-18 ta’ Marzu 2014.

15

F’Ottubru 2014, il-Kummissjoni saret taf mill-gazzetti li kienet ġiet organizzata sejħa għal offerti sabiex jingħata aċċess għall-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves għal finijiet ta’ trasport marittimu kummerċjali. Fuq inizjattiva tagħha stess Fred Olsen issottomettiet osservazzjonijiet lill-Kummissjoni, li warajhom din tal-aħħar talbet, permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Diċembru 2014, lill-awtoritajiet Spanjoli jibgħatulha ċerta informazzjoni u sabiex iżommuha informata b’mod regolari fuq l-iżvolġiment ta’ din is-sejħa għal offerti. L-awtoritajiet Spanjoli wieġbu għal din l-ittra fis-16 ta’ Jannar 2015 u sussegwentement bagħtu diversi ittri ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni bejn ix-xhur ta’ Frar u Ottubru 2015. Fred Olsen ukoll informat lill-Kummissjoni bl-iżvilupp tas-sejħa għal offerti darbtejn matul is-sena 2015.

16

Skont l-informazzjoni li waslet lill-Kummissjoni, is-sejħa għal offerti inkwistjoni kienet ippubblikata mid-DGPC fl-14 ta’ Ottubru 2014, bil-ħsieb li jiġu attribwiti żewġ lottijiet relattivi għal skedi tat-traffiku kummerċjali fi Puerto de Las Nieves. Din is-sejħa għal offerti kienet ir-riżultat ta’ tkabbir f’dan il-port fl-2014, intiż sabiex jippermetti lil żewġ laneċ veloċi jittrakkaw fih fl-istess ħin. Fl-24 ta’ Novembru 2014, il-Kunsill Amministrattiv tad-DGPC ċaħad ir-rikors ippreżentat minn Fred Olsen kontra din is-sejħa għal offerti. B’deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2015, huwa attribwixxa l-ewwel lott lil Fred Olsen u t-tieni wieħed lir-rikorrenti, peress li dawn kienu l-unika żewġ kumpanniji offerenti.

17

Fred Olsen ikkontestat ir-riżultat ta’ din is-sejħa għal offerti quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Canarias, Sala de lo Contencioso-Administrativo, Sección Primera de Santa Cruz de Tenerife (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Canarias, l-Awla ta’ Tilwim Amministrattiv, l-Ewwel Sezzjoni ta’ Santa Cruz de Tenerife, Spanja), għar-raġuni li dan imur kontra r-regoli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. B’mod parallel għar-rikors tagħha dwar il-mertu, Fred Olsen talbet is-sospensjoni ġudizzjarja tas-sejħa għal offerti. Is-sospensjoni kienet milqugħa permezz ta’ digriet tas-27 ta’ Frar 2015 (iktar ’il quddiem id-“digriet ta’ sospensjoni tas-27 ta’ Frar 2015”), ikkonfermat b’digriet tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) tas-7 ta’ Lulju 2016.

18

B’ittra tas-6 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni stedina sabiex taġixxi fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE. Fit-28 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Spanjoli l-aħħar talba għal informazzjoni, li għaliha wieġbu fit-23 ta’ Novembru ta’ din l-istess sena.

Id-deċiżjoni kkontestata

19

Fit-8 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2015) 8655 finali dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36628 (2015/NN) (ex 2013/CP) – Spanja – Fred Olsen (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

20

Fil-paragrafu 42 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li qabel xejn hemm lok li teżamina flimkien l-ewwel u t-tielet oġġezzjoni invokati fl-ilment, li essenzjalment kienu intiżi sabiex jikkontestaw il-vantaġġ li minnu kienet ibbenefikat Fred Olsen minħabba l-użu esklużiv tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves minn din il-kumpannija mingħajr ebda sejħa għal offerti pubblika, trasparenti u nondiskriminatorja.

21

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq erba’ motivi sabiex fil-paragrafu 62 tad-deċiżjoni kkontestata kkonkludiet, li dan l-użu esklużiv ma kien wassal għall-għoti ta’ ebda għajnuna mill-Istat.

22

L-ewwel nett, fil-paragrafu 43 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li kemm l-iżvilupp inizjali ta’ Puerto de Las Nieves sabiex jippermetti t-trasport kummerċjali kif ukoll l-adattament tiegħu sabiex jilqa’ laneċ veloċi twettqu qabel l-għoti tas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T-128/98, EU:T:2000:290). Il-Minn dan kollu, il-Kummissjoni ddeduċiet li f’dik l-epoka, li l-awtoritajiet kompetenti setgħu jikkunsidraw b’mod leġittimu li l-finanzjament pubbliku tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat u għalhekk ma jeħtieġx komunikazzjoni lill-Kummissjoni.

23

It-tieni nett, fil-paragrafu 44 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat essenzjalment, li l-infrastruttura portwali li tippermetti t-tluq tat-trasport kummerċjali minn Puerto de Las Nieves, inizjalment, la kienet ippjanata u lanqas żviluppata speċifikament sabiex tibbenefika minnha Fred Olsen jew kwalunkwe kumpannija tat-tbaħħir oħra.

24

It-tielet nett, fil-paragrafu 45 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni rrilevat li r-rikorrenti ma kinitx allegat li l-livell ta’ taxxi portwali dovuti fir-rigward tal-użu portwali ta’ Las Nieves minn Fred Olsen iwassal għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni ddeduċiet li din il-parti tal-ilment ma tidentifika ebda vantaġġ mogħti permezz tar-riżorsi tal-Istat, u li tali vantaġġ ma jistax jirriżulta mill-fatt waħdu, li de facto Fred Olsen kienet l-unika utent portwali ta’ Puerto de Las Nieves.

25

Ir-raba’ nett, fil-paragrafi 46 sa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat jekk is-sitwazzjoni kkontestata fl-ilment kinitx konformi mal-prattika deċiżjonali tagħha li l-utent ta’ infrastruttura portwali ffinanzjata permezz ta’ fondi pubbliċi ma jirċevix għajnuna mill-Istat meta, minn naħa, l-operatur tal-infrastruttura jirċievi mingħand dan l-utent taxxi paragunabbli ma’ dawk miġbura f’portijiet paragunabbli oħra, u min-naħa l-oħra, l-aċċess għal din l-infrastruttura huwa miftuħ u nondiskriminatorju.

26

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li f’dan il-każ din hija ssodisfatta, fid-dawl tal-assigurazzjoni mogħtija mir-Renju ta’ Spanja, mhux ikkontestata mir-rikorrenti, li d-DGPC jiġbor l-istess taxxi portwali fil-portijiet kollha li jaqgħu fil-kompetenza tiegħu fil-gżejjer tal-Canarias.

27

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn il-perijodu ta’ qabel it-3 ta’ Lulju 2013 u l-perijodu ta’ wara din id-data, li fiha r-rikorrenti uriet għall-ewwel darba b’mod formali x-xewqa tagħha li tibda’ attivitajiet ta’ trasport marittimu kummerċjali permezz ta’ laneċ veloċi mill-Puerto de Las Nieves.

28

Għal dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ qabel it-3 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni kkunsidrat essenzjalment li ladarba ebda kumpannija tat-tbaħħir ma kienet uriet ix-xewqa li topera f’dan il-port permezz ta’ laneċ veloċi, seta’ jiġi kkunsidrat li l-awtoritajiet Spanjoli ma kienu adottaw ebda miżura li tirriżerva l-użu esklużiv tal-port għal Fred Olsen jew li għandha karattru diskriminatorju fir-rigward tal-utenti potenzjali l-oħra. F’dan ir-rigward, hija enfasizzat li t-talbiet għal aċċess għall-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves magħmula preċedentement minn Transmediterránea u r-rikorrenti kienu jirrigwardaw laneċ konvenzjonali u li l-awtoritajiet Spanjoli kienu stabbilixxew li l-aċċess għall-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves mil-laneċ veloċi biss kien iġġustifikat għal raġunijiet ta’ sigurtà.

29

Għal dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ wara t-3 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni rrikonoxxiet qabel xejn li d-DGPC ma kienx f’pożizzjoni li jilqa’ t-talba tar-rikorrenti li jkollha aċċess għall-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves fl-1 ta’ Settembru ta’ din l-istess sena, fid-dawl tal-qosor ta’ din l-iskadenza. Madankollu, hija kkunsidrat li sa minn din it-talba, id-DGPC, bħala amministratur tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves, kellu jieħu l-passi neċessarji sabiex jiżgura aċċess nondiskriminatorju għal din l-infrastruttura għal kull utent potenzjali li jopera permezz ta’ laneċ veloċi.

30

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li fid-dawl tas-sejħa għal offerti mnedija wara t-tkabbir tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves fl-2014, id-DGPC kien issodisfa dan l-obbligu f’terminu raġonevoli sa mid-data tat-talba għal aċċess tar-rikorrenti tat-3 ta’ Lulju 2013. F’dan ir-rigward, fil-paragrafu 59 tad-deċiżjoni kkontestata hija speċifikat li l-għoti ta’ żewġ lottijiet relattivi għal skedi flimkien ma’ żieda tal-kapaċità akkoljittiva ta’ vetturi fuq il-moll ta’ Puerto de Las Nieves, kien aħjar mit-tnaqqis tal-frekwenza tal-imbarkar u d-diżimbarkar mil-laneċ ta’ Fred Olsen, peress li l-ewwel nett, din l-aħħar kumpannija setgħet b’mod leġittimu tippretendi li żżomm il-kundizzjoni tagħha għall-użu ta’ dan il-port, u li t-tieni nett, tali tnaqqis kien ikollu effetti ta’ benefiċċju limitati fuq il-kompetizzjoni.

31

Fil-paragrafi 60 sa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li ladarba t-taxxi mitluba għall-użu infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves kienu l-istess bħal dawk miġbura f’portijiet paragunabbli, u li barra minn hekk l-istatus quo riżultanti mid-digriet ta’ sospensjoni tas-27 ta’ Frar 2015 kien temporanju, id-DGPC kien ħa l-passi neċessarji sabiex jiżgura aċċess miftuħ u nondiskriminatorju għal dan il-port u li għalhekk Fred Olsen ma kienet ibbenefikat minn ebda għajnuna mill-Istat. Madankollu hija enfasizzat li din il-konklużjoni ma għandhiex tipprekludi li d-DGPC milli jkompli bl-isforzi tiegħu sabiex jippermetti malajr kemm jista’ jkun lil kumpannija oħra li topera permezz ta’ laneċ veloċi toffri servizzi ta’ trasport minn Puerto de Las Nieves.

32

Għal dak li jirrigwarda t-tieni oġġezzjoni bbażata fuq eżenzjoni parzjali mill-ħlas ta’ ċerti taxxi portwali mogħtija lil Fred Olsen, fil-paragrafu 63 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li l-awtoritajiet Spanjoli kienu kkonfermaw li t-taxxi portwali kollha applikabbli kienu imposti fuq Fred Olsen u li barra minn hekk dawn urew li tal-inqas wara l-2005, din il-kumpannija kienet ħallset l-avviżi ta’ tassazzjoni kollha ndirizzati lilha.

33

Fil-paragrafu 66 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wara li fakkret essenzjalment li ma kinitx kompetenza tagħha li tiddeċiedi dwar il-mod kif kienu applikati t-taxxi portwali, ikkunsidrat li ma kienx stabbilit li Fred Olsen kienet ibbenefikat minn xi vantaġġ fir-rigward tat-taxxa T 9 peress li skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet Spanjoli, din it-taxxa kienet ikkalkolata bl-istess mod fil-portijiet Kanarji kollha li jaqgħu fil-kompetenza tad-DGPC.

34

Il-Kummissjoni ċaħdet ukoll l-argument li t-taxxa T 2 kellha tkun imposta fuq Fred Olsen, għal dak li jirrigwarda l-użu minn din tal-aħħar tar-rampi mobbli, għal perijodi ta’ 24 siegħa u mhux biss għall-perijodu li matulu dawn kienu effettivament użati. Fil-fatt hija speċifikat li kienet irċeviet indikazzjonijiet suffiċjenti minn-naħa tal-awtoritajiet Spanjoli fis-sens li t-taxxa T 2 kienet ikkalkolata bl-istess mod mid-DGPC għall-portijiet Kanarji kollha li jaqgħu fil-kompetenza tiegħu. Ladarba ma kienx stabbilit li Fred Olsen kienet irċeviet xi vantaġġ f’dan ir-rigward, fil-paragrafu 70 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat, li l-eżami tal-kundizzjonijiet l-oħra previsti mill-Artikolu 107(1) TFUE sabiex miżura tkun ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat ma huwiex neċessarju f’dan il-każ.

35

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, fil-paragrafu 71 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ddeduċiet li l-miżuri inkwistjoni ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

36

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

37

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Ġunju 2016, Fred Olsen talbet li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

38

Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Settembru 2016, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent.

39

L-intervenjenti ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fil-31 ta’ Ottubru 2016. Fid-19 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din in-nota, filwaqt li fis-17 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni informat lill-Qorti Ġenerali li ma kellhiex osservazzjonijiet dwarha.

40

Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, din il-kawża ġiet assenjata lid-Disa’ Awla li fiha kien innominat Imħallef Relatur ġdid.

41

Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottata abbażi tal-Artikolu 90 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, sabiex iwieġbuhom waqt is-seduta.

42

Ir-rikorrenti titlob essenzjalment li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara ammissibbli u fondati l-motivi ta’ annullament imqajma fir-rikors, u konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

43

Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

44

Ir-rikorrenti tqajjem motiv wieħed insostenn tar-rikors tagħha, ibbażat fuq l-ommissjoni, minn naħa tal-Kummissjoni, li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, minkejja d-diffikultajiet serji li jirriżultaw mill-evalwazzjoni tal-miżuri kkontestati fl-ilment. Dan il-motiv uniku huwa bbażat fuq tliet argumenti relattivi għat-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari u l-intensità tal-iskambji li seħħew matulha bejn il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja, fuq żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti, u finalment fuq żbalji ta’ liġi kif ukoll motivazzjoni mhux suffiċjenti.

45

Wara li preliminarjament titfakkar il-ġurisprudenza applikabbli f’din il-kawża, hemm lok li jiġu eżaminati fl-ewwel lok l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti insostenn tat-talba għal annullament tagħha li jirrigwardaw id-diffikultajiet serji li qamu matul il-proċedura ta’ eżami preliminari nnifisha, u fit-tieni lok l-argumenti relattivi għall-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

Kunsiderazzjonijiet preliminari

46

Skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Kummissjoni ma tkunx konvinta, wara l-ewwel eżami fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 108(3) TFUE, li miżura jew ma tikkostitwixxix “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE jew inkella, għalkemm ikklassifikata bħala għajnuna, hija kompatibbli mat-Trattat, jew meta din il-proċedura ma ppermettitilhiex tegħleb id-diffikultajiet kollha li qamu fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura kkunsidrata, din l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) KE mingħajr ma jkollha f’dan ir-rigward marġni diskrezzjonali (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C-487/06 P, EU:C:2008:757, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-400/99, EU:C:2005:275, punt 48).

47

Dan l-obbligu huwa espressament ikkonfermat mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(4) flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) (sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C-487/06 P, EU:C:2008:757, punt 113, u tal-14 ta’ Settembru 2016, Trajektna luka Split vs Il-Kummissjoni, T-57/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:470, punt 59; ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Asociación de Estaciones de Servicio de Madrid et Federación Catalana de Estaciones de Servicio vs Il-Kummissjoni, T-95/03, EU:T:2006:385, punt 134 u l-ġurisprudenza ċċitata), riprodotti essenzjalment fl-Artikolu 4(4) u fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9), li daħal fis-seħħ fl-14 ta’ Ottubru 2015 u għalhekk kien applikabbli fid-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.

48

Barra minn hekk, il-kunċett ta’ diffikultajiet serji, li l-preżenza tagħhom tobbliga lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, huwa ta’ natura oġġettiva. L-eżistenza ta’ tali diffikultajiet, li l-preżenza tagħhom tobbliga lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ eżami formali, għandha tiġi mfittxija mhux biss fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tal-att ikkontestat, iżda wkoll fl-evalwazzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni tkun ibbażat ruħha, b’mod oġġettiv, billi jsir paragun bejn il-motivazzjoni tad-deċiżjoni u l-elementi li l-Kummissjoni kellha meta ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża mas-suq komuni (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni, C-431/07 P, EU:C:2009:223, punt 63; tat-18 ta’ Novembru 2009, Scheucher – Fleisch et vs Il-Kummissjoni, T-375/04, EU:T:2009:445, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T-123/09, EU:T:2012:164, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-legalità mwettaq mill-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, intrinsikament, ma jistax ikun limitat għat-tfittxija tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni (sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2011, 3F vs Il-Kummissjoni, T-30/03 RENV, EU:T:2011:534, punt 55, u tas-17 ta’ Marzu 2015, Pollmeier Massivholz vs Il-Kummissjoni, T-89/09, EU:T:2015:153, punt 49 (mhux ippubblikata)). Stħarriġ ġudizzjarju sħiħ huwa ferm iktar neċessarju, meta bħal f’dan il-każ, ir-rikorrenti tikkontesta l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni tal-klassifikazzjoni nnifisha tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, peress li dan il-kunċett, kif stabbilit fit-Trattat FUE, għandu natura legali u għandu jiġi interpretat abbażi ta’ elementi oġġettivi (sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C-487/06 P, EU:C:2008:757, punt 111, u tas-17 ta’ Marzu 2015, Pollmeier Massivholz vs Il-Kummissjoni, T-89/09, EU:T:2015:153, punt 47 (mhux ippubblikata)).

50

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li n-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari jikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji (ara s-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2015, Pollmeier Massivholz vs Il-Kummissjoni, T-89/09, EU:T:2015:153, punt 50 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Ir-rikorrenti għandha l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, u tista’ tinħeles minn tali oneru billi tippreżenta serje ta’ indizji konkordanti dwar, minn naħa, iċ-ċirkustanzi u t-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari u, min-naħa l-oħra, il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata (sentenzi tat-3 ta’ Marzu 2010, Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni, T-36/06, EU:T:2010:61, punt 127, u tas-16 ta’ Settembru 2013, Colt Télécommunications France vs Il-Kummissjoni, T-79/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:463, punt 37; ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2001, Prayon-Rupel vs Il-Kummissjoni, T-73/98, EU:T:2001:94, punt 49).

Fuq l-argumenti dwar il-proċedura ta’ eżami preliminari

52

Ir-rikorrenti tibbaża qabel xejn fuq it-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari kif ukoll fuq il-frekwenza għolja tal-iskambji bejn il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja matulha sabiex turi li l-eżami tal-miżuri inkwistjoni ta’ lok għal diffikultajiet serji.

53

Minn naħa, il-perijodu ta’ iktar minn sentejn u tmien xhur bejn il-preżentazzjoni tal-ilment u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kien eċċessiv, fid-dawl tat-terminu massimu ta’ xahrejn previst għall-proċedura ta’ eżami preliminari fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999, u wara l-abrogazzjoni tiegħu, fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament 2015/1589. Dan it-tul juri l-kumplessità tal-kawża, u huwa għalhekk li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata biss wara l-intimazzjoni mir-rikorrenti.

54

Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti targumenta essenzjalment li n-numru ta’ skambji li seħħew bejn il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja, deskritti fid-deċiżjoni kkontestata, qabżu bil-bosta dak li setgħet tinkludi investigazzjoni preliminari fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Din il-frekwenza ta’ skambji, li tista’ tiġi spjegata min-nuqqas ta’ kooperazzjoni mir-Renju ta’ Spanja, ma tistax tinftiehem fin-nuqqas ta’ diffikultajiet serji fl-eżami tal-ilment. Id-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom il-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ eżami preliminari huma kkorroborati mill-fatt li kien biss permezz tal-midja li hija saret taf bl-organizzazzjoni ta’ sejħa għal offerti wara l-preżentazzjoni tal-ilment, u li barra minn hekk, huwa biss bla ħsara għall-emenda sostanzjali tas-sitwazzjoni inkwistjoni u tan-natura temporanja tas-sospensjoni ġudizzjarja ta’ din is-sejħa għal offerti li hija kkonkludiet l-ineżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fid-deċiżjoni kkontestata.

55

Il-Kummissjoni kellha hija stess tirrikonoxxi, fil-kuntest ta’ din l-istanza, li kienet deliberament ittardjat l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tistenna r-riżultat ta’ din is-sejħa għal offerti. Dan jirriżulta mill-fatt li mill-perspettiva tal-Kummissjoni, il-ftuħ tal-aċċess għall-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves kien essenzjali għall-eżami tal-miżuri inkwistjoni, u li għall-kuntrarju ta’ dak li l-Kummissjoni dejjem argumentat, l-allegata assenza tal-vantaġġ mogħti permezz tar-riżorsi tal-Istat ma kinitx ikkunsidrata bħala determinanti.

56

Fir-rigward tat-tentattiv tal-Kummissjoni li tiġġustifika t-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari permezz tan-numru ta’ argumenti mressqa mir-rikorrenti, ibbażati fuq diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, dan ma kienx fondat. Minn naħa, il-Kummissjoni kellha immedjatament tagħżel li tittratta separatament il-parti tal-ilment ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 106 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 102 TFUE, u dik li hija l-oġġett tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kellha tiddeċiedi li tikklassifika l-ewwel parti tal-ilment sa mid-19 ta’ Lulju 2013, sabiex din bl-ebda mod ma kienet tittardja l-eżami tal-miżuri inkwistjoni.

57

Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li hija esprimiet il-perspettiva tagħha fuq l-analiżi tal-miżuri kkontestati darba biss, jiġifieri meta hija ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni, u li konsegwentement id-dewmien matul il-proċedura ta’ eżami preliminari fl-ebda każ ma jista’ jiġi attribwit lilha.

58

Bħall-intervenjenti, il-Kummissjoni tenfasizza li la l-intensità tal-iskambji mal-Istat Membru kkonċernat matul il-proċedura ta’ eżami preliminari u lanqas t-tul tagħha ma juru neċessarjament l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fl-analiżi tal-miżuri inkwistjoni. It-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari jista’ jiġi spjegat mill-piż ta’ xogħol li għandha l-Kummissjoni li jirriżulta, b’mod partikolari, minn ilmenti oħra jew talbiet repetuti għal informazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat, jew anki minn żvilupp taċ-ċirkustanzi.

59

Skont il-Kummissjoni, l-ewwel nett, l-evalwazzjoni tat-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li hija kienet ikkomunikat lir-rikorrenti l-konklużjonijiet preliminari tagħha sa mit-22 ta’ Ottubru 2013 u li sussegwentement dawn prattikament baqgħu l-istess. It-tieni nett, is-sitwazzjoni inkwistjoni kompliet tiżviluppa matul il-proċedura ta’ eżami preliminari kollha, sa mit-talba għal aċċess għall-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves magħmula mir-rikorrenti fit-3 ta’ Lulju 2013, u d-deċiżjoni kkontestata kienet adottata xi xhur biss wara d-digriet ta’ sospensjoni fis-27 ta’ Frar 2015. It-tielet nett, it-tul tal-proċedura huwa spjegat b’mod partikolari fuq il-bażijiet multipli tal-ilment imressqa mir-rikorrenti, li kellhom ikunu eżaminati minn unitajiet differenti tal-Kummissjoni. Ir-raba’ nett, in-numru ta’ reazzjonijiet tar-rikorrenti matul il-proċedura ta’ eżami preliminari kienu jeħtieġu multiplikazzjoni tal-iskambji mal-awtoritajiet Spanjoli, sabiex jingħata dawl fuq il-miżuri inkwistjoni. Dwar l-intensità tal-iskambji mal-awtoritajiet Spanjoli, din kienet dovuta prinċipalment għall-fatt li l-Kummissjoni, wara li saret taf bis-sejħa għal offerti, ikkunsidrat li l-konoxxenza tar-riżultat tagħha tippermettilha tadotta deċiżjoni iktar konkreta u iktar utli dwar il-miżuri inkwistjoni. Madankollu, il-Kummissjoni tenfasizza essenzjalment li la dan l-iżvilupp taċ-ċirkustanzi u lanqas il-fatt li r-riżultat tas-sejħa għal offerti kien ġie sospiż ġudizzjarjament ma kienu ta’ natura li jinfluwenzaw il-konstatazzjoni li l-miżuri inkwistjoni ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

60

F’dan ir-rigward, għandu qabel xejn jitfakkar li fil-każ fejn il-miżuri statali kontenzjużi ma jiġux ikkomunikati mill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni ma tkunx marbuta tipproċedi b’eżami preliminari ta’ dawn il-miżuri f’terminu partikolari. Madankollu, peress li l-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, hija għandha, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna mill-Istat, twettaq eżami diliġenti u imparzjali ta’ ilment li jallega l-eżistenza ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni. B’mod partikolari minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax ittawwal indefinittivament l-eżami preliminari ta’ miżuri statali li huma s-suġġett ta’ ilment, meta bħal f’dan il-każ, taċċetta li tibda tali eżami billi titlob l-informazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat (sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2006, Air One vs Il-Kummissjoni, T-395/04, EU:T:2006:123, punt 61; tat-12 ta’ Diċembru 2006, Asociación de Estaciones de Servicio de Madrid u Federación Catalana de Estaciones de Servicio vs Il-Kummissjoni, T-95/03, EU:T:2006:385, punt 121, u tad-9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T-30/01 sa T-32/01 u T-86/02 sa T-88/02, EU:T:2009:314, punt 260). L-uniku għan ta’ dan l-eżami huwa fil-fatt li jippermetti lill-Kummissjoni tifforma opinjoni inizjali dwar il-klassifikazzjoni tal-miżuri sottomessi għall-evalwazzjoni tagħha u dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni (ara s-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T-512/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:989, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

In-natura raġonevoli tat-tul ta’ proċedura ta’ eżami preliminari għandha tkun evalwata skont iċ-ċirkustanzi proprji għal kull kawża u, b’mod partikolari, skont il-kuntest li taqa’ fih, stadji proċedurali differenti li l-Kummissjoni għandha ssegwi, il-kumplessità tal-kawża kif ukoll l-interess tal-partijiet ikkonċernati (ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, Regione autonoma della Sardegna et vs Il-Kummissjoni, T-394/08, T-408/08, T-453/08 u T-454/08, EU:T:2011:493, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2011, 3F vs Il-Kummissjoni, T-30/03 RENV, EU:T:2011:534, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Ottubru 2014, Portovesme vs Il-Kummissjoni, T-291/11, EU:T:2014:896, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

F’dan il-każ, l-ilment tar-rikorrenti tressaq quddiem il-Kummissjoni fis-26 ta’ April 2013 u hija kkomunikat il-konklużjonijiet preliminari tagħha lir-rikorrenti fit-22 ta’ Ottubru tal-istess sena. B’hekk il-Kummissjoni kienet konformi mar-regola li tinsab fil-punt 48 tal-Kodiċi ta’ Prattiki Tajba għall-Kondotta ta’ Proċeduri ta’ Kontroll tal-Għajnuna mill-Istat (ĠU 2009, C 136, p. 13), li jipprovdi li “[f]i żmien tnax-il xahar, fil-prinċipju, il-Kummissjoni għalhekk, ser tipprova […] tibgħat ittra amministrattiva inizjali lil min qed jilmenta fejn fiha tagħti l-opinjonijiet preliminari tagħha dwar każijiet li mhux prijoritarji” (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Trajektna luka Split vs Il-Kummissjoni, T-57/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:470, punt 67).

63

Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fit-8 ta’ Diċembru 2015, jiġifieri iktar minn 31 xahar wara li rċeviet l-ilment u iktar minn sentejn wara l-komunikazzjoni lir-rikorrenti tal-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni.

64

Issa, anki jekk jiġi kkunsidrat id-dritt tal-Kummissjoni li tagħti gradi ta’ prijorità differenti lill-ilmenti li jkollha quddiemha (ara s-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2007, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni, T-475/04, EU:T:2007:196, punt 158 u l-ġurisprudenza ċċitata), it-termini imsemmija fil-punt 63 iktar ’il fuq qabżu b’mod notevoli dak li bħala prinċipju jimplika l-ewwel eżami tal-miżuri kkontestati fl-ilment. F’dan ir-rigward, ġie deċiż li tali ċirkustanza tista’, flimkien ma’ elementi oħra, tindika li l-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni li jeħtieġu l-ftuħ tal-proċedura prevista mill-Artikolu 108(2) TFUE (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2000, SIC vs Il-Kummissjoni, T-46/97, EU:T:2000:123, punt 102; tas-27 ta’ Settembru 2011, 3F vs Il-Kummissjoni, T-30/03 RENV, EU:T:2011:534, punt 72, u tal-14 ta’ Settembru 2016, Trajektna luka Split vs Il-Kummissjoni, T-57/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:470, punt 62).

65

Għandu jiġi evalwat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, it-tul partikolari f’dan il-każ tal-proċedura ta’ eżami preliminari setax jirriżulta parzjalment minn ċirkustanzi oġġettivi li ma għandhom x’jaqsmu ma’ ebda diffikultà serja li ltaqgħet magħha waqt l-eżami tal-miżuri inkwistjoni.

66

Qabel xejn, fir-rigward tal-fatt li fl-ilment ir-rikorrenti invokat ksur mhux biss tal-Artikolu 107 TFUE, iżda wkoll tal-Artikoli 102 u 106 TFUE, hemm lok li jiġi enfasizzat li din l-aħħar parti tal-ilment setgħet kienet ikklassifikata sa mid-19 ta’ Lulju 2013. Kif ġustament tenfasizza r-rikorrenti, it-trattament mill-Kummissjoni tal-parti tal-ilment iddedikata għall-allegat ksur tal-Artikoli 102 u 106 TFUE ma seta’ għalhekk jikkawża ebda dewmien sinjifikattiv fl-eżami preliminari tal-miżuri msemmija fl-ilment bħala li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

67

Imbagħad fir-rigward tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni inkwistjoni matul il-proċedura amministrattiva, għandu jiġi rrilevat li fil-fatt ir-rikorrenti ppreżentat lid-DGPC talba għall-awtorizzazzjoni għall-ittrakkar f’Puerto de Las Nieves fit-3 ta’ Lulju 2013, jiġifieri ftit iktar minn xahrejn wara l-preżentazzjoni tal-ilment lill-Kummissjoni. Kif jirriżulta mill-paragrafi 23 sa 27 tad-deċiżjoni kkontestata, din it-talba mhux biss tat lok għal deċiżjoni ta’ rifjut tad-DGPC, iżda wasslet ukoll lil dan tal-aħħar jikkunsidra li jawtorizza lil kumpannija tat-tbaħħir oħra topera f’Puerto de Las Nieves għall-finijiet ta’ trasport kummerċjali, u f’din il-perspettiva, li jibda x-xogħol ta’ organizzazzjoni ta’ dan il-port kif ukoll li jorganizza proċedura ta’ sejħa għal offerti. Tali ċirkustanzi oġġettivi kienu mingħajr dubju ta’ natura li wasslu għal tibdil tal-kundizzjonijiet li fihom l-intervenjenti kienet sa dakinhar awtorizzata tuża l-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves. Ladarba dawn il-kundizzjonijiet kienu preċiżament is-suġġett tal-parti tal-ilment dwar l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lill-intervenjenti, l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fuq imsemmija tikkostitwixxi ċirkustanza oġġettiva ta’ natura li tiġġustifika t-tul tat-terminu meħtieġ għat-trattament ta’ dan l-ilment.

68

L-istess japplika fir-rigward tar-rikors tal-intervenjenti kontra s-sejħa għal offerti, ippreżentat quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Canarias, Sala de lo Contencioso-Administrativo, Sección Primera de Santa Cruz de Tenerife (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Canarias, l-Awla ta’ Tilwim Amministrattiv, l-Ewwel Sezzjoni ta’ Santa Cruz de Tenerife, Spanja), kif ukoll tad-digriet ta’ sospensjoni tas-27 ta’ Frar 2015, ladarba dawn iċ-ċirkustanzi li ġew wara l-preżentazzjoni tal-ilment kellhom l-effett li joħolqu stat ta’ inċertezza dwar iż-żamma jew le tal-kundizzjonijiet tal-użu tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves mill-intervenjenti, imsemmija fl-ilment.

69

Finalment fir-rigward tal-iskambji multipli bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Spanjoli, għandu jitfakkar li l-fatt waħdu li qamu diskussjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat matul il-proċedura ta’ eżami preliminari u li f’dan il-kuntest, setgħet intalbet informazzjoni komplementari mill-Kummissjoni dwar il-miżuri sottomessi għall-istħarriġ tagħha, ma jistax fih innifsu jiġi kkunsidrat bħala prova li din l-istituzzjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni (ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2011, 3F vs Il-Kummissjoni, T-30/03 RENV, EU:T:2011:534, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

F’dan ir-rigward, minn naħa, hemm lok li jiġi enfasizzat li r-rikorrenti kkontestat b’mod iddettaljat l-evalwazzjoni preliminari li tinsab fl-ittra mibgħuta lilha mill-Kummissjoni fit-22 ta’ Ottubru 2013 u li din iċ-ċirkustanza setgħet tiġġustifika li l-Kummissjoni tfittex li tikseb informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet Spanjoli.

71

Min-naħa l-oħra, l-iżvilupp tas-sitwazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ, eżaminat fil-punti 67 u 68 iktar ’il fuq, kien ukoll ta’ natura li jiġġustifika skambji ġodda mar-Renju ta’ Spanja fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves għall-finijiet ta’ trasport kummerċjali, u konsegwentement li jtawwal l-eżami preliminari tagħhom. Dan japplika iktar u iktar f’dan il-każ fejn l-intervenjenti, fuq inizjattiva tagħha stess, ippreżentat osservazzjonijiet lill-Kummissjoni wara li din talbet spjegazzjonijiet mill-awtoritajiet Spanjoli fir-rigward tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti u imbagħad matul is-sena 2015 informat darbtejn lill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp ta’ din l-istess sejħa għal offerti (ara l-punt 15 iktar ’il fuq).

72

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li kemm l-iżvolġiment tal-proċedura, kemm l-iżvilupp tas-sitwazzjoni inkwistjoni kif ukoll l-iskambji addizzjonali li rriżultaw bejn il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja, minn naħa, u bejn il-Kummissjoni u l-intervenjenti, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu ċirkustanzi oġġettivi li setgħu kkontribwixxew għat-tul tal-eżami preliminari tal-miżuri identifikati fl-ilment bħala għajnuna mill-Istat.

73

Konsegwentement, it-tul tal-proċedura ta’ eżami preliminari ma jurix fih innifsu diffikultajiet serji li jobbligaw lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

74

Għalhekk għandhom jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra invokati mir-rikorrenti insostenn tal-motiv uniku u intiżi sabiex jistabbilixxu li l-kontenut stess tad-deċiżjoni kkontestata, inkluża l-parti ta’ din id-deċiżjoni li fiha kien eżaminat l-iżvilupp taċ-ċirkustanzi ta’ wara l-preżentazzjoni tal-ilment, jipprovdu indizji fis-sens li l-eżami tal-miżuri inkwistjoni qajjem diffikultajiet serji li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

Fuq l-argumenti relattivi għall-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

75

It-tieni u t-tielet parti tal-uniku motiv, li permezz tagħhom ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-fatti u żbalji ta’ liġi, għandhom jiġu eżaminati flimkien, filwaqt madankollu li għandha ssir distinzjoni, wara li jsiru osservazzjonijiet preliminari, bejn il-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ użu esklużiv tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves mill-intervenjenti (l-ewwel u t-tielet oġġezzjoni mqajma fl-ilment) u dik iddedikata għall-eżami tal-kundizzjoni ta’ applikazzjoni tat-taxxa T 9 għall-intervenjenti minħabba l-okkupazzjoni tagħha tal-infrastrutturi portwali ta’ Puerto de Las Nieves (it-tieni oġġezzjoni mqajma fl-ilment).

Osservazzjonijiet preliminari

76

Meta bħal f’dan il-każ, ir-rikors huwa intiż sabiex jikkontesta l-fondatezza ta’ deċiżjoni li tiċħad l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat skont il-proċedura ta’ eżami preliminari, hija l-Qorti Ġenerali li skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 48 sa 51 iktar ’il fuq, għandha tevalwa l-indizji bbażati fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ eventwali diffikultà serja (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2012, CBI vs Il-Kummissjoni, T-137/10, EU:T:2012:584, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

F’dan il-każ, qabel xejn hemm lok li jiġi rrilevat li ebda element tal-proċess ma jissuġġerixxi li s-servizzi kummerċjali ta’ trasport marittimu pprovduti mill-intervenjenti minn Puerto de Las Nieves jinkludu l-eżekuzzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Konsegwentement, l-eżami tal-miżuri inkwistjoni ma jistax isir b’riferiment għall-ġurisprudenza li tipprovdi li ma jaqax taħt l-Artikolu 107(1) TFUE intervent statali meqjus bħala kumpens rappreżentanti korrispettiv għall-provvisti mwettqa mill-impriża benefiċjarja sabiex jiġu eżegwiti l-obbligi ta’ servizz pubbliku, peress li din l-impriża ma tiksibx, fil-verità, f’dan il-każ, vantaġġ finanzjarju li jpoġġiha f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabbla mal-impriżi f’kompetizzjoni magħha (sentenzi tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C-280/00, EU:C:2003:415, punt 87, u tas-6 ta’ April 2017, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T-219/14, EU:T:2017:266, punt 91).

78

Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li l-attività tal-intervenjenti f’Puerto de Las Nieves li kienet li dwarha sar l-ilment li wassal għal din il-kawża tikkonsisti fl-użu ta’ infrastruttura portwali li taqa’ taħt il-qasam pubbliku għal skopijiet kummerċjali. Għalhekk, l-intervenjenti hija impriża li teżerċita attività ekonomika suġġetta għall-Artikolu 107(1) TFUE, iddefinita bħal kull attività li toffri oġġetti jew servizzi f’suq partikolari (ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C-49/07, EU:C:2008:376, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

Finalment, minkejja li ebda element miġjub għall-konoxxenza tal-Qorti Ġenerali ma jippermetti li jiġi konkluż li l-intervenjenti, fi kwalunkwe mument matul l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ trasport marittimu minn Puerto de Las Nieves, ibbenefikat minn konċessjoni jew minn kwalunkwe dritt esklużiv ieħor għall-użu tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves għall-finijiet ta’ trasport kummerċjali, għandu jiġi rrilevat li fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, din kienet sa mill-1994 l-unika waħda li setgħet tuża din l-infrastruttura għal tali skopijiet, peress li t-talbiet għall-awtorizzazzjoni għall-ittrakkar magħmula minn kumpanniji oħra, inkluż mir-rikorrenti, kienu kollha miċħuda mid-DGPC sal-organizzazzjoni ta’ sejħa għal offerti fl-2014 u li r-riżultat ta’ din tal-aħħar kien ġie ssuġġettat għad-digriet ta’ sospensjoni tas-27 ta’ Frar 2015. Din il-konstatazzjoni, li tirrigwarda l-użu tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves speċifikament għall-finijiet ta’ trasport kummerċjali ta’ persuni u ta’ merkanzija, ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Kummissjoni, repetut fis-seduta, li l-intervenjenti fl-ebda mument ma bbenefikat minn użu esklużiv tal-imsemmi port peress li dan jilqa’ wkoll attivitajiet tas-sajd u tad-divertiment.

Fuq l-eżami tal-kundizzjonijiet għall-użu esklużiv tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves mill-intervenjenti (l-ewwel u t-tielet oġġezzjonijiet imqajma fl-ilment)

80

Ir-rikorrenti tikkontesta l-erba’ motivi li fuqhom hija bbażata l-konstatazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-użu esklużiv tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves mill-intervenjenti ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat (ara l-punti 21 sa 31 iktar ’il fuq). Għalhekk għandhom jiġu eżaminati suċċessivament l-oġġezzjonijiet diretti kontra kull wieħed minn dawn il-motivi, sabiex jiġi evalwat jekk dawn jurux d-diffikultajiet serji mqajma mill-eżami tal-kundizzjonijiet għall-użu esklużiv tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves mill-intervenjenti.

– Fuq l-oġġezzjonijiet miġjuba diretti kontra l-ewwel motiv, relattiv għas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T-128/98)

81

Fir-rigward tal-ewwel motiv, li jinsab fil-paragrafu 43 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-awtoritajiet Kanarji kellhom jikkunsidraw l-użu tal-infrastruttura portwali bħala attività ekonomika biss sa mis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T-128/98, EU:T:2000:290). Madankollu, l-interpretazzjoni tal-portata tal-Artikolu 107(1) TFUE mogħtija mill-qorti tal-Unjoni Ewropea f’dik is-sentenza kellha valur purament dikjaratorju u barra minn hekk hija koerenti mal-ġurisprudenza preċedenti li tipprovdi li l-finanzjament pubbliku ta’ attivitajiet ekonomiċi jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Konsegwentement, il-fatt waħdu li l-adattament tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves għat-traffiku kummerċjali seħħ qabel ma ngħatat is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T-128/98, EU:T:2000:290), ma jeħlisx lill-awtoritajiet kompetenti milli jiżguraw sa minn dik l-epoka aċċess miftuħ u nondiskriminatorju għal dan il-port, sabiex jevitaw li l-kundizzjonijiet għall-użu tiegħu ma jwasslux għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat. Fi kwalunkwe każ, ir-raġunament segwit mill-Kummissjoni ma huwiex ta’ natura li jiġġustifika l-għoti ta’ għajnuna lill-intervenjenti sa minn dik is-sentenza u barra minn hekk din tal-aħħar ma hijiex rilevanti peress li tirrigwarda l-klassifikazzjoni ta’ attività ekonomika tal-amministrazzjoni ta’ infrastruttura u mhux, bħal f’dan il-każ, l-użu ta’ din l-infrastruttura għal finijiet kummerċjali.

82

Il-Kummissjoni ssostni li l-paragrafu 43 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonstata biss l-antikità tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves u l-adattament progressiv tagħha għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi. Hemm lok li ssir distinzjoni bejn l-għoti ta’ konċessjoni esklużiva lil utent minn sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, fejn operatur juża biss infrastruttura minħabba l-kapaċitajiet limitati tagħha. Dan l-użu bl-ebda mod ma jista’ jkun pparagunat mal-għoti ta’ dritt esklużiv. Ladarba l-ħolqien u l-iżvilupp tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves huma preċedenti għas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T-128/98, EU:T:2000:290), il-fatt waħdu li l-awtoritajiet Spanjoli ma nnotifikawx dawn il-miżuri relattivi għal din l-infrastruttura ma kellu joħloq ebda diffikultà serja matul il-proċedura ta’ eżami preliminari.

83

F’dan ir-rigward, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza tad-distinzjoni ratione temporis magħmula mill-Kummissjoni fil-paragrafu 43 tad-deċiżjoni kkontestata b’riferiment għas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T-128/98, EU:T:2000:290), huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat, kif ġustament tenfasizza r-rikorrenti, li f’dan il-każ il-benefiċjarju tal-miżuri kkontestati ma huwiex l-amministratur tal-infrastruttura, bħal fis-sitwazzjoni li tat lok għall-imsemmija sentenza, iżda utent tal-imsemmija infrastruttura. Konsegwentement, il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ din is-sentenza fid-deċiżjoni kkontestata ma kinux ta’ natura li jipprekludu l-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, u għalhekk, ma jeliminawx kull diffikultà serja fl-eżami tal-imsemmija miżuri.

– Fuq l-oġġezzjonijiet diretti kontra t-tieni motiv, dwar il-fatt li l-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves la kienet ippjanata u lanqas żviluppata għall-benefiċċju speċifiku tal-intervenjenti jew ta’ kwalunkwe kumpannija tat-tbaħħir oħra

84

Fir-rigward tat-tieni motiv, li jinsab fil-paragrafu 44 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tikkontesta essenzjalment il-konstatazzjoni li tipprovdi li l-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves la kienet żviluppata għall-benefiċċju speċifiku tal-intervenjenti u lanqas mogħtija lilha jew lil kwalunkwe impriża oħra fil-mument tal-kostruzzjoni tagħha. B’hekk, il-Kummissjoni marret kontra n-natura oġġettiva tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Huwa rilevanti biss il-fatt li l-intervenjenti tgawdi monopolju tal-użu tal-infrastruttura portwali inkwistjoni u għalhekk minn vantaġġ evidenti fuq il-kompetituri tagħha. Fi kwalunkwe każ, l-intenzjoni tal-awtoritajiet Kanarji li jiffavorixxu lill-intervenjenti hija evidenti f’dan il-każ u tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ għajnuna li minnha hija tibbenefika. Il-ġurisprudenza teskludi fil-fatt li l-ispejjeż tal-infrastruttura pubblika li minnha jibbenefika operatur partikolari għandhom jkunu sostnuti mill-komunità. Fir-rigward tal-prinċipju prior in tempore, potior in jure, ir-rikorrenti targumenta li fi kwalunkwe każ ma jistax ikun iġġustifikat l-għoti ta’ dritt esklużiv ta’ użu tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves lill-intervenjenti. In-nuqqas ta’ riferiment għal dan il-prinċipju fid-deċiżjoni kkontestata huwa spjegat mill-fatt li huwa manifestament inkompatibbli mal-prinċipji bażiċi li jirregolaw id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, b’tali prijorità tikkostitwixxi pjuttost indizju tal-għoti ta’ għajnuna mill-Istat. Ir-rikorrenti tiċħad f’dan ir-rigward l-analoġija magħmula mill-Kummissjoni mal-protezzjoni li joffri d-dritt tal-Unjoni lill-interessi leġittimament miksuba mill-kumpanniji tal-ajru fil-qasam tal-iskedi, peress li fis-settur tat-trasport marittimu ma hijiex prevista protezzjoni paragunabbli.

85

Il-Kummissjoni ssostni li fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, ebda element ma jindika li l-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves kienet żviluppata għall-benefiċċju speċifiku tal-intervenjenti, u li din tal-aħħar kienet sempliċement l-ewwel waħda li użat dan il-port għal finijiet kummerċjali fl-1994 sakemm intlaħqet il-kapaċità massima tagħha. Iċ-ċaħda tat-talbiet għal aċċess ippreżentati minn operaturi oħra hija spjegata essenzjalment minn kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà u mhux minn volontà li l-użu esklużiv ta’ din l-infrastruttura jkun rriżervat għall-intervenjenti. Issa, mis-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C-518/13, EU:C:2015:9, punt 45), jirriżulta li tali ċirkustanza hija rilevanti fid-dawl tal-esklużjoni tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ infrastruttura pubblika lill-operaturi ekonomiċi.

86

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 107(1) TFUE ma jagħmilx distinzjoni fost l-interventi statali skont ir-raġunijiet jew l-għanijiet tagħhom, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (sentenzi tad-19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni et u Il-Kummissjoni vs Franza et, C-399/10 P u C-401/10 P, EU:C:2013:175, punt 102, u tat-30 ta’ Ġunju 2016, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-270/15 P, EU:C:2016:489, punt 40), u b’hekk il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jikkostitwixxi kunċett oġġettiv li jiddependi, b’mod partikolari, mill-kwistjoni dwar jekk miżura tal‑Istat tagħtix jew le vantaġġ lil impriża waħda jew iktar (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T-228/99 u T-233/99, EU:T:2003:57, punt 180 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Settembru 2010, Il-Greċja et vs Il-Kummissjoni, T-415/05, T-416/05 u T-423/05, EU:T:2010:386, punt 211 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

Għalhekk vantaġġ jista’ jingħata bi ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE anki meta ma jkunx stabbilit speċifikament għall-benefiċċju ta’ impriża waħda jew iktar partikolari.

88

F’dan il-każ, mill-prinċipji msemmija fil-punti 86 u 87 iktar ’il fuq jirriżulta li anki jekk tiġi preżunta li hija stabbilita l-konstatazzjoni magħmula fil-paragrafu 44 tad-deċiżjoni kkontestata li tipprovdi li l-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves la kienet żviluppata għall-benefiċċju speċifiku tal-intervenjenti u lanqas attribwita lilha jew lil kwalunkwe impriża oħra fil-mument tal-kostruzzjoni tagħha, din il-konstatazzjoni ma hijiex ta’ natura li teskludi li l-kundizzjonijiet li fihom din l-infrastruttura tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-intervenjenti għal finijiet ta’ użu kummerċjali setgħu jimplikaw l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lilha.

89

Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-punt 45 tas-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C-518/13, EU:C:2015:9), iċċitat fil-paragrafu 44 tad-deċiżjoni kkontestata u li għalih il-Kummissjoni tagħmel riferiment fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, il-qorti tar-rinviju titlob essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-fatt li tingħata awtorizzazzjoni sabiex tinħoloq sistema ta’ trasport sigura u effettiva, lit-taxis ta’ Londra sabiex isuqu fil-karreġġjati għall-karozzi tal-linja fit-toroq pubbliċi fis-sigħat li fihom il-limitazzjonijiet ta’ moviment fir-rigward ta’ dawn il-karreġġjati japplikaw, filwaqt li jipprojbixxu lill-minicabs (VTC) milli jiċċirkulaw fuqhom, ħlief biex jieħdu u jwaqqfu xi passiġġieri li rriżervaw minn qabel din il-vettura, jinvolvix l-użu ta’ riżorsi tal-Istat u jagħtix lil dawn it-taxis vantaġġ ekonomiku selettiv fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

90

Huwa minnu li fil-punt 45 tas-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C-518/13, EU:C:2015:9) il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li mill-proċess li hija kellha kien jirriżulta mingħajr ekwivoku li l-karreġġjati tal-karozzi tal-linja ta’ Londra (r-Renju Unit) ma kinux ikkostruwiti għall-benefiċċju ta’ impriża speċifika u lanqas ta’ kategorija partikolari ta’ impriżi, bħal dik tat-taxis ta’ Londra, jew il-fornituri tas-servizzi tal-karozzi tal-linja, u ma kinux ngħataw lil dawn wara l-kostruzzjoni tagħhom, iżda pjuttost kienu ġew ikkostruwiti bħala element tan-netwerk tat-toroq ta’ Londra u, qabel kollox, sabiex jiġi ffaċilitat it-trasport pubbliku li jitwettaq permezz tal-karozzi tal-linja. Madankollu, fil-punti 54 sa 61 tas-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C-518/13, EU:C:2015:9), il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-qorti tar-rinviju li kienet ressqet id-domandi preliminari quddiemha sabiex tivverifika preliminarjament jekk it-taxis ta’ Londra jibbenefikawx minn vantaġġ ekonomiku selettiv, minħabba l-użu bla ħlas tal-karreġġjati tal-karozzi tal-linja li l-użu tagħhom huwa pprojbit għall-VTC. Ċerti elementi tal-proċess wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li t-taxis u l-VTC kienu f’sitwazzjonijiet suffiċjentement differenti, b’mod partikolari fid-dawl tal-obbligi leġiżlattivi li għandhom it-taxis, u sabiex teskludi vantaġġ ekonomiku għall-benefiċċju ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, f’dan il-każ, peress li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti u dik tal-intervenjenti ma jippreżentawx tali differenzi, il-Kummissjoni kellha fi kwalunkwe każ teżamina jekk elementi oħra barra l-fatt li l-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves ma kinitx ippjanata u lanqas żviluppata għall-benefiċċju speċifiku tal-intervenjenti, kellhomx natura li jeskludu l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat għall-benefiċċju ta’ din tal-aħħar.

– Fuq l-oġġezzjonijiet magħmula kontra t-tielet u r-raba’ motivi, relattivi għall-portata tal-argument tar-rikorrenti fl-ilment kif ukoll għall-kriterji ta’ identifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat għall-benefiċċju tal-utent ta’ infrastruttura portwali iffinanzjata permezz ta’ fondi pubbliċi

91

Fir-rigward tat-tielet motiv, li jinsab fil-paragrafu 45 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ssostni li, għall-kuntrarju ta’ dak hemm iddikjarat, l-esklużività li minnha tibbenefika l-intervenjenti għall-użu tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves tikkostitwixxi fiha nnifisha, vantaġġ mogħti b’mod selettiv permezz ta’ riżorsi tal-Istat anki jekk jiġi preżunt li din l-impriża ħallset it-taxxi leġiżlattivi kollha dovuti. Minn naħa, hija tirreferi għall-ġurisprudenza kif ukoll għall-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU 2012, C 8, p. 4), sabiex issostni li l-għoti ta’ drittijiet esklużivi fuq beni tal-qasam pubbliku, mingħajr proċedura trasparenti u nondiskriminatorja, jista’ jimplika abbandun tar-riżorsi tal-Istat u jagħti vantaġġ lill-benefiċjarji. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li, skont il-leġiżlazzjoni Spanjola, l-għoti lill-intervenjenti dritt ta’ użu esklużiv bħala konċessjoni kellu jippreżumi li din tħallas tariffa. Il-valur ekonomiku tad-dritt tal-użu tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves, indipendentement mit-taxxi portwali, joħroġ mill-ammonti ta’ tariffi proposti kemm mir-rikorrenti kif ukoll mill-intervenjenti fir-risposta tagħhom għas-sejħa għal offerti mnedija mid-DGPC fl-2014.

92

Id-deċiżjoni kkontestata hija għalhekk ivvizzjata minn żbalji, peress li l-Kummissjoni naqset milli tivverifika li t-taxxi portwali imħallsa mill-intervenjenti kienu jkopru l-ispejjeż sostnuti mid-DGPC u jiġġenerawlu profitt raġonevoli, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-valur tas-suq tal-użu esklużiv tal-infrastruttura inkwistjoni.

93

Ir-rikorrenti żżid, fir-replika, li d-deċiżjoni kkontestata tidentifika problema ta’ aċċess għall-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves għall-kompetituri tal-intervenjenti, li tista’ turi l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Madankollu l-Kummissjoni tipprova tikteb mill-ġdid din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata billi tibqa’ tippretendi li r-raba’ motiv eżaminat fiha kien aċċessorju għall-konstatazzjoni li l-użu esklużiv tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves mill-intervenjenti ma jistax ikun analizzat bħala vantaġġ mogħti permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Madankollu mill-prattika deċiżjonali stabbilita tal-Kummissjoni jirriżulta li, sabiex jiġi evitat ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, l-utenti potenzjali tal-infrastrutturi portwali għandu jkollhom aċċess miftuħ u nondiskriminatorju għalihom u jħallsu għal dan taxxi stabbiliti f’livell paragunabbli għal dak tas-suq.

94

Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, ma huwiex il-lanjant li għandu juri li l-elementi kollha li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat huma ssodisfatti, peress li hija l-Kummissjoni stess li għandha teżamina l-konformità tal-miżuri kkontestati mal-Artikolu 107(1) TFUE.

95

Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti kellha turi l-użu ta’ riżorsi tal-Istat inkwistjoni. Għalhekk, l-ewwel nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-konċessjoni esklużiva ta’ infrastruttura pubblika lil impriża waħda tista’ timplika rinunzja ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, l-intervenjenti kellha tibbenefika mid-dritt ta’ użu tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves mingħajr ma tħallas tariffa. Skont ir-rikorrenti, investigazzjoni korretta u diliġenti kellha tippermetti lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-għoti ta’ konċessjoni permezz ta’ sejħa għal offerti, meħtieġa fil-prinċipju mill-Artikolu 43 tal-Ley 14/2003 de Puertos de Canarias (il-Liġi 14/2003, dwar il-portijiet tal-Canarias), tat-8 ta’ April 2003 (BOC Nru 85, tas-6 ta’ Mejju 2003), kellha timplika l-ħlas ta’ tariffa. Dan kellu jkun ikkonfermat mill-kundizzjonijiet tekniċi partikolari tas-sejħa għal offerti mnedija mid-DGPC f’Lulju 2014. It-tielet u l-aħħar nett, il-Kummissjoni sostniet b’mod żbaljat li t-taxxi portwali imħallsa mill-intervenjenti kienu stabbiliti fil-livell tal-prezzijiet tas-suq għar-raġuni li d-DGPC japplika taxxi portwali identiċi u kkalkolati bl-istess mod fil-portijiet kollha li jaqgħu fil-kompetenza tiegħu. Il-punt 227 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” imsemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE (ĠU 2016, C 262, p. 1), jipprovdi ċertament li l-evalwazzjoni tal-kriterju li l-operatur jaġixxi f’ekonomija tas-suq tista’ ssir fid-dawl tal-kundizzjonijiet għall-użu ta’ infrastruttura paragunabbli mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-operaturi privati paragunabbli f’sitwazzjonijiet paragunabbli, sakemm dan il-paragun huwa possibbli. Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma eżaminatx it-taxxi applikati għal infrastrutturi paragunabbli għal dawk ta’ Puerto de Las Nieves jew lanqas ħadet bħala referenza t-taxxi miġbura għall-użu ta’ portijiet privati. Hija lanqas ma wettqet analiżi tal-istruttura tal-ispejjeż tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves, u barra minn hekk xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li t-taxxi portwali imħallsa mill-intervenjenti jkopru l-ispejjeż tal-operat u l-ispejjeż ta’ deprezzament tal-infrastruttura ta’ din l-infrastruttura.

96

Il-Kummissjoni tenfasizza essenzjalment li, irrispettivament mill-eventwali żbalji ta’ evalwazzjoni tal-fatti allegati mir-rikorrenti, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-użu esklużiv tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves mill-intervenjenti jimplika l-għoti lil din tal-aħħar vantaġġ mogħti permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Fl-ilment ir-rikorrenti ma allegatx li l-livell ta’ taxxi portwali dovuti fir-rigward ta’ dan l-użu jimplika l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, u b’hekk din il-parti tal-ilment ma identifikat ebda vantaġġ mogħti permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Barra minn hekk, tali vantaġġ ma jistax jirriżulta mill-fatt waħdu li de facto l-intervenjenti kienet l-unika kumpannija tat-tbaħħir li tuża l-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves.

97

Il-Kummissjoni terġa’ tirreferi għall-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, minn naħa, għall-punti 113 sa 122 tas-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Salzgitter vs Il-Kummissjoni (T-308/00 RENV, EU:T:2013:30), u min-naħa l-oħra, għall-punt 137 tas-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2015, Il-Greċja u Ellinikos Chrysos vs Il-Kummissjoni (T-233/11 u T-262/11, EU:T:2015:948), sabiex tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha li ladarba r-rikorrenti fl-ebda mument matul il-proċedura amministrattiva ma allegat li t-taxxa mħallsa mill-intervenjenti għall-użu tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves kienu stabbiliti f’livell li jimplika għajnuna mill-Istat, hija ma kinitx marbuta twettaq dan l-eżami ex officio fid-deċiżjoni kkontestata.

98

F’dan ir-rigward, qabel xejn hemm lok li jiġi rrilevat li t-testi ta’ dawn is-sentenzi li għalihom tirreferi l-Kummissjoni u msemmija fil-punt 97 iktar ’il fuq jirrigwardaw problema differenti minn dik oġġett ta’ din il-kawża, jiġifieri l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, li twassal għal deċiżjoni li tikklassifika ċerti vantaġġi mogħtija lil impriża bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni.

99

Dwar dan il-punt, minn ġurisprudenza stabbilita li tinkludi s-sentenzi li għalihom għamlet riferiment il-Kummissjoni, jirriżulta ċertament li fil-każ fejn tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, huwa l-Istat Membru u l-benefiċjarju potenzjali tal-għajnuna mill-Istat li għandhom jagħmlu l-argumenti tagħhom intiżi sabiex juru li l-proġett ta’ għajnuna jikkorrispondi għall-eċċezzjonijiet previsti b’applikazzjoni tat-Trattat FUE, peress li l-għan tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali huwa preċiżament li tinforma lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha tal-kawża (ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Wam Industriale vs Il-Kummissjoni, T-303/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:505, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, minkejja li l-Artikolu 108(2) TFUE jimponi fuq il-Kummissjoni li tirċievi l-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha, dan ma jipprojbixxix milli tikkonkludi, fin-nuqqas ta’ tali osservazzjonijiet, li għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni. Huwa f’dan il-kuntest li kien deċiż li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma tkunx ħadet inkunsiderazzjoni punti eventwali ta’ fatt u ta’ liġi li setgħu jitressqu quddiemha matul il-proċedura amministrattiva, iżda li ma tressqux, peress li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata teżamina, ex officio u tippreżumi l-informazzjoni li setgħet ġiet sottomessa quddiemha (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2012, Wam Industriale vs Il-Kummissjoni, T-303/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:505, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-28 ta’ Jannar 2016, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, T-427/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:41, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100

Madankollu din il-ġurisprudenza tikkjarifika biss l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali f’kawżi li fihom kienet inkwistjoni l-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna u ma tippreċiżax il-portata tal-eżami li għandha tagħmel il-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami preliminari sabiex tikklassifika ċerti miżuri bħala għajnuna mill-Istat, u b’mod partikolari meta jkollha ilment quddiemha.

101

F’dan ir-rigward, kien deċiż li l-Kummissjoni tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun marbuta tinvestiga ilment billi tmur lil hinn mill-eżami biss tal-elementi ta’ fatt u ta’ liġi miġjuba għall-konoxxenza tagħha mil-lanjant. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, twettaq eżami diliġenti u imparzjali tal-ilment, u dan għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mill-Kummissjoni, jista’ jirrendi neċessarju li hija twettaq l-eżami ta’ elementi li ma tqajmux espressament mil-lanjant (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, EU:C:1998:154, punt 62, u tas-17 ta’ Marzu 2015, Pollmeier Massivholz vs Il-Kummissjoni, T-89/09, EU:T:2015:153, punt 106 (mhux ippubblikata); ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C-290/07 P, EU:C:2010:480, punt 90).

102

B’hekk, kemm mir-rekwiżit ta’ eżami diliġenti u imparzjali mill-Kummissjoni tal-ilmenti magħmula lilha kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament Nru 659/1999, riprodott essenzjalment fl-Artikolu 12(1) u (2) tar-Regolament Nru 2015/1589, jirriżulta li hija din l-istituzzjoni, li meta jkollha quddiemha ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u li jidentifika b’mod inekwivoku u ċirkustanzjali miżuri fl-oriġini ta’ dan il-ksur, għandha teżamina b’attenzjoni jekk dawn il-miżuri jistgħux jikklassifikaw bħala għajnuna mill-Istat, f’każ ta’ bżonn billi titlob il-kooperazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi li ma tqajmux espressament mil-lanjant. Din is-soluzzjoni tidher iktar neċessarja meta, bħal ma r-rikorrenti stess irrilevat essenzjalment fl-ilment, lanjant ma jkollux la s-setgħat ta’ investigazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 108 TFUE, u lanqas fil-prinċipju, kapaċitajiet ta’ investigazzjoni paragunabbli ma’ dawk li din tibbenefika minnhom.

103

F’dan il-każ, minn eżami tal-proċess jirriżulta li r-rikorrenti argumentat b’mod partikolari fl-ilment li l-intervenjenti kienet ibbenefikat għal diversi snin minn għajnuna mill-Istat minħabba kundizzjonijiet li fihom hija kienet awtorizzata tuża b’mod esklużiv l-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves għal finijiet kummerċjali, mingħajr ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti u mingħajr kontribuzzjoni għal finanzjament ta’ din l-infrastruttura.

104

B’mod iktar partikolari fir-rigward tal-kundizzjoni li tirrigwarda l-għoti ta’ vantaġġ, ir-rikorrenti speċifikat b’mod partikolari fl-ilment, essenzjalment li dan jirriżulta mill-“konċessjoni ta’ drittijiet esklużivi mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti pubblika, transparenti u nondiskriminatorja, rigward l-okkupazzjoni jew l-użu ta’ post pubbliku portwali (jew it-tgawdija ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi oħra b’valur ekonomiku), li twassal fil-prattika, għal vantaġġ għall-benefiċjarji, li [kienu] ffavoriti meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom”. Hija indikat ukoll, wara li enfasizzat li l-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves kienet iffinanzjata permezz ta’ fondi pubbliċi, li mill-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni jirriżulta li “jekk l-infrastruttura [kellha] bħala għan uniku s-sodisfazzjon tal-bżonnijiet ta’ impriża privata, din [għandha] tassumi l-finanzjament” u li f’dan il-każ, “[l]-eżenzjoni minn dawn l-ispejjeż [kienet] [tikkostitwixxi] wkoll vantaġġ għall-[intervenjenti]”. Hija ddeduċiet li “[kien] evidenti li l-miżuri pubbliċi (għajnuna mill-Istat) [inkwistjoni] [kienu] jiffavorixxu [lill-intervenjenti], billi jagħtuha vantaġġ bl-eżenzjoni mill-ħlas għal infrastruttura għal użu privat li kellha tkun iffinanzjata minnha stess”.

105

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kriterju tal-assenjazzjoni ta’ riżorsi pubbliċi, fl-ilment ir-rikorrenti fakkret qabel xejn, li skont il-ġurisprudenza u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għall-kumpens mogħti għall-provvista ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, “l-għoti ta’ drittijiet esklużivi fuq beni tad-dominju pubbliku, mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti pubblika, trasparenti u nondiskriminatorja, [jista’] jippreżumi abbandun manifest tar-riżorsi tal-Istat”. Imbagħad hija speċifikat b’mod partikolari li“l-finanzjament pubbliku totali jew parzjali ta’ infrastrutturi ta’ kull tip intiżi għall-użu privat ta’ operatur partikolari, li jissodisfaw l-interessi u l-bżonnijiet tiegħu, mingħajr ebda għan ta’ interess ġenerali, [jissodisfa] l-kriterju ta’ ‘assenjazzjoni ta’ riżorsi pubbliċi’”.

106

Finalment ir-rikorrenti tenfasizza li hija ma kellhiex il-kapaċità li tipproduċi provi li juru l-eżistenza u l-estensjoni tal-allegata għajnuna mill-Istat, peress li dawn jirrigwardaw jew informazzjoni finanzjarja miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi, jew data ekonomika ta’ natura privata li tirrigwarda kompetitur. Għalhekk hija stiednet lill-Kummissjoni tagħmel lir-Renju ta’ Spanja talbiet għal informazzjoni, u jekk ikun il-każ tuża l-mekkaniżmi ta’ koerżjoni għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tiżgura l-aħjar struzzjoni tal-proċess.

107

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li fl-ilment ir-rikorrenti kienet indikat mingħajr ekwivoku li l-intervenjenti kienet ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat, billi essenzjalment din tal-aħħar ma kellhiex tħallas korrispettiv korrispondenti għal valur ekonomiku reali tad-dritt tagħha ta’ użu esklużiv tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves għal finijiet ta’ trasport kummerċjali. Għalhekk għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mill-Kummissjoni, fl-ilment ir-rikorrenti kienet identifikat fi grad ta’ preċiżjoni suffiċjenti għaliex hija qieset li l-kundizzjonijiet għall-użu ta’ din l-infrastruttura mill-intervenjenti kienu taw lil din tal-aħħar vantaġġ fiskali permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

108

Għalhekk, huwa żbaljat li l-Kummissjoni qieset, fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet naqset milli tidentifika fl-ilment vantaġġ mogħti permezz ta’ riżorsi tal-Istat għar-raġuni li hija ma kkontestatx fih il-livelli ta’ taxxi portwali dovuti mill-intervenjenti fir-rigward tal-użu tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves għall-finijiet ta’ trasport kummerċjali.

109

Bl-istess mod, fir-rigward tal-konklużjoni magħmula fil-punt 107 iktar ’il fuq, il-fatt li matul il-proċedura amministrattiva r-rikorrenti ma allegatx li l-intervenjenti ma ħallsitx it-taxxi leġiżlattivi dovuti mill-utenti uniċi tal-infrastrutturi portwali fl-arċipelagu tal-Canarias ma huwiex rilevanti.

110

Għalhekk f’dawn iċ-ċirkustanzi hija l-Kummissjoni li għandha, skont id-dmir tagħha li twettaq eżami diliġenti u imparzjali tal-ilment li jkollha quddiemha, tivverifika, billi tuża l-kriterji xierqa, jekk l-intervenjenti bbenefikatx minn vantaġġ mogħti permezz ta’ riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, minħabba kundizzjonijiet li fihom hija użat l-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves għal finijiet ta’ trasport kummerċjali sa minn nofs is-snin 1990. Madankollu, kif essenzjalment sostniet ir-rikorrenti fl-argument espost fil-punt 92 iktar ’il fuq, jidher li l-Kummissjoni ma vverifikatx jekk it-taxxi portwali imħallsa mill-intervenjenti jkoprux l-ispejjeż supportati mid-DGPC u jagħtux lil dan tal-aħħar profitt raġonevoli.

111

Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti permezz ta’ riżorsi tal-Istat ma hijiex ssodisfatta f’dan il-każ, iktar u iktar għaliex l-eżami ta’ din il-parti tal-ilment ma tqajjem fi kwalunkwe każ, ebda diffikultà serja. F’dan ir-rigward, hija targumenta, minn naħa, li l-intervenjenti ħallset it-taxxi leġiżlattivi kollha dovuti għall-użu tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves, u min-naħa l-oħra, li d-DGPC kien, skont ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 41(1) tal-Liġi dwar il-portijiet tal-Canarias, ikkalkola dawn it-taxxi b’mod li jkopri l-ispejjeż u d-deprezzament u ġġenera profitt raġonevoli. Dwar il-fatt, enfasizzat mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-intervenjenti ma kinitx obbligata tħallas tariffa, hija tiġġustifikah bil-fatt li din tal-aħħar bl-ebda mod ma tista’ tkun ikkunsidrata bħala konċessjonarja esklużiva tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves, iżda bħala utent tiegħu biss. Il-Kummissjoni tirrileva wkoll, essenzjalment, li l-fatt waħdu li ma kinitx organizzata sejħa għal offerti ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi konkluża l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti permezz tar-riżorsi tal-Istat, b’mod partikolari meta l-Istat jamministra riżorsi tal-qasam pubbliku jew riżorsi pubbliċi rari, li jimplikaw l-eżistenza ta’ limiti fiżiku jew ratione temporis għall-għoti ta’ aċċess simultanju lil diversi utenti.

112

F’dan ir-rigward, għandu qabel xejn jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat jew li jikkostitwixxu piż addizzjonali għall-Istat li huma kkunsidrati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2014, Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português vs Il-Kummissjoni, T-487/11, EU:T:2014:1077, punt 50; ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 1978, van Tiggele, 82/77, EU:C:1978:10, punti 2425). Għalhekk, miżura statali li ma tinkludix trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi tal-Istat ma tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, anki jekk hija tissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra previsti mill-imsemmija dispożizzjoni (ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Asociación de Estaciones de Servicio de Madrid u Federación Catalana de Estaciones de Servicio vs Il-Kummissjoni, T-95/03, EU:T:2006:385, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’, jekk ikun il-każ, tikklassifika ilment skont l-eżami preliminari meta hija tkun f’pożizzjoni li teskludi minn qabel il-klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat wara li tkun ikkonstatat li waħda mill-kundizzjonijiet essenzjali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE ma tkunx issodisfatta (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2006, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T-351/02, EU:T:2006:104, punt 104).

114

Madankollu, fl-ewwel lok, il-fatt waħdu li minħabba l-karatteristiċi tiegħu stess beni tal-qasam pubbliku jista’ biss jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ numru limitat ta’ utenti, jew anki ta’ utent wieħed, ma huwiex suffiċjenti sabiex jeskludi li tali tqegħid għad-dispożizzjoni jista’ jkun ikkunsidrat bħala vantaġġ selettiv mogħti permezz tar-riżorsi tal-Istat, inkluż meta din il-limitazzjoni toriġina minn kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà.

115

Fil-fatt, l-Artikolu 107(1) TFUE għandu l-għan li jipprekludi li l-kummerċ bejn Stati Membri jkun affettwat minn vantaġġi mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi, li taħt forom diversi, twassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew produtturi. Il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jista’ għalhekk jkopri mhux biss provvisti pożittivi bħal sussidji, self jew parteċipazzjoni fil-kapital ta’ impriżi, iżda wkoll interventi, li taħt forom differenti, itaffu l-piżijiet li normalment itaqqlu l-baġit ta’ impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2003, Italie u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni, C-328/99 u C-399/00, EU:C:2003:252, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C-518/13, EU:C:2015:9, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Lulju 2015, BVVG, C-39/14, EU:C:2015:470, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116

Bl-istess mod, kif tfakkar fil-punt 86 iktar ’il fuq, mill-Artikolu 107(1) TFUE jirriżulta li l-kunċett ta’ għajnuna huwa kunċett oġġettiv li jiddependi, b’mod partikolari, fuq il-kwistjoni dwar jekk miżura statali tagħtix vantaġġ lil impriża waħda jew iktar.

117

Għalhekk, sabiex jiġi evalwat jekk miżura statali tikkostitwixxix għajnuna, għandu b’mod partikolari jiġi ddeterminat jekk l-impriża benefiċjarja tirċevix vantaġġ li hija ma kinitx ser tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C-39/94, EU:C:1996:285, punt 60, u tad-29 ta’ April 1999, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-342/96, EU:C:1999:210, punt 41; ara wkoll is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Sarc vs Il-Kummissjoni, T-488/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:497, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa għalhekk li skont ġurisprudenza diġà stabbilita, il-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi b’kundizzjonijiet preferenzjali tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C-39/94, EU:C:1996:285, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-1 ta’ Lulju 2010, ThyssenKrupp Acciai Speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T-62/08, EU:T:2010:268, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-28 ta’ Frar 2012, Land Burgenland vs Il-Kummissjoni, T-268/08 u T-281/08, EU:T:2012:90, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118

L-implimentazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq jikkonsisti f’paragun bejn l-aġir tal-awtoritajiet pubbliċi u dak li kien ikollu operatur privat ta’ qies paragunabbli fl-istess ċirkustanzi. Fil-każ fejn fir-realtà l-Istat aġixxa biss bħal ma kien jaġixxi operatur privat fl-istess kundizzjonijiet normali tas-suq (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Electrabel u Dunamenti Erőmű vs Il-Kummissjoni, C-357/14 P, EU:C:2015:642, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata), ma jeżistix vantaġġ marbut mal-intervent tal-Istat, għaliex bħala prinċipju l-entità benefiċjarja kien ser ikollha l-istess benefiċċji fil-funzjonament sempliċi tas-suq (ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Tisza Erőmű vs Il-Kummissjoni, T-468/08, mhux ippubblikata, EU:T:2014:235, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Land Burgenland vs Il-Kummissjoni, T-268/08 u T-281/08, EU:T:2012:90, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119

Madankollu, f’dan il-każ, kif ikkonfermat il-Kummissjoni waqt is-seduta bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, l-attività li permezz tagħha d-DGPC jamministra l-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves u jqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ kumpannija tat-tbaħħir utenti, suġġett għall-ħlas ta’ taxxi portwali, tikkostitwixxi attività “ekonomika” (ara b’analoġija, fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-infrastrutturi tal-ajruporti, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, T-128/98, EU:T:2000:290, punti 121125, u tal-24 ta’ Marzu 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen–Anhalt vs Il-Kummissjoni, T-443/08 u T-455/08, EU:T:2011:117, punt 93). F’dak il-każ, huwa għalhekk fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat li jaġixxi f’ekonomija tas-suq li l-Kummissjoni għandha tivverifika jekk l-aġir tad-DGPC tax lill-intervenjenti vantaġġ li hija ma kinitx ser tirċievi f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2008, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T-196/04, EU:T:2008:585, punt 85).

120

Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija kkonfermata fil-punt 225 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” previst fl-Artikolu 107(1) TFUE, li essenzjalment jipprovdi li l-impriżi li jużaw infrastrutturi pubbliċi jistgħu jibbenefikaw minn vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, sa fejn il-modalitajiet ta’ użu ta’ din l-infrastruttura ma jkunux konformi mal-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq, jiġifieri meta l-infrastruttura titqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom f’kundizzjonijiet tas-suq. Din hija kkorroborata wkoll mill-punti 226 u 228 ta’ din l-istess komunikazzjoni, li fihom il-Kummissjoni speċifikat, minn naħa, li l-eżistenza ta’ tali vantaġġ jista’ madankollu jkun eskluż meta t-tariffi mħallsa għall-użu tal-infrastruttura kienu stabbiliti permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti trasparenti u nondiskriminatorja, u min-naħa l-oħra, li l-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq jista’ jkun issodisfatt għal finanzjament pubbliku ta’ infrastrutturi miftuħa mhux rriżervati għal utent wieħed partikolari jew iktar meta l-utenti jikkontribwixxu progressivament, minn perspettiva ex ante, għall-profittabbiltà tal-proġett jew tal-operat.

121

Fit-tieni lok, il-fatt enfasizzat mill-Kummissjoni, li l-intervenjenti setgħet tuża l-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves mingħajr ebda kuntratt ta’ konċessjoni u li għalhekk hija ma kinitx marbuta tħallas tariffa jirrigwarda biss il-forma legali li fiha jaqa’ dan l-użu u mhux il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-imsemmi użu ppermettewx li l-intervenjenti tibbenefika minn vantaġġ li hija ma kinitx ser tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Fid-dawl tal-prinċipji mfakkar fil-punti 116 u 117 iktar ’il fuq, dan il-fatt waħdu ma huwiex tan-natura li jeskludi li l-kundizzjonijiet għall-użu tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves mill-intervenjenti, għal finijiet ta’ trasport kummerċjali, setgħu jagħtuha vantaġġ ffinanzjat permezz tar-riżorsi tal-Istat. F’dan il-kuntest, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar l-argument tar-rikorrenti li l-użu mill-intervenjenti tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves mingħajr ebda kuntratt ta’ konċessjoni, u għalhekk mingħajr ħlas ta’ tariffa, imur kontra l-Artikolu 43 tal-Liġi dwar il-portijiet tal-Canarias, peress li din il-kwistjoni taqa’ biss taħt d-dritt nazzjonali.

122

Għall-istess raġuni, l-argument tal-intervenjenti li essenzjalment, l-awtorizzazzjoni għall-ittrakkar f’Puerto de Las Nieves li minnha hija ilha tibbenefika għal iktar minn għoxrin sena u l-użu mhux interrott tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves sa minn dakinhar joħloq favur tagħha dritt suġġettiv għaż-żamma ta’ tali kundizzjonijiet għall-użu ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, anki jekk jiġi preżunt li tali dritt suġġettiv huwa stabbilit skont id-dritt nazzjonali applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni, l-imsemmi dritt ma jostakolax konstatazzjoni li dawn il-kundizzjonijiet għall-użu taw lill-intervenjenti vantaġġ iffinanzjat permezz tar-riżorsi tal-Istat.

123

Fit-tielet lok, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li l-assenza ta’ vantaġġ mogħti lill-intervenjenti permezz ta’ riżorsi tal-Istat tirriżulta mill-fatt li din ħallset it-taxxi leġiżlattivi kollha dovuti għall-użu tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves, li dawn it-taxxi huma identiċi fil-portijiet kollha li jaqgħu fil-kompetenza tad-DGPC u li barra minn hekk, skont il-Liġi dwar il-portijiet tal-Canarias, dawn huma kkalkolati b’mod li jkopri l-ispejjeż u d-deprezzament u li jiġġenera profitt raġonevoli.

124

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 117 sa 119 iktar ’il fuq, jirriżulta li fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, l-eżami dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lill-intervenjenti permezz ta’ riżorsi tal-Istat minħabba l-kundizzjonijiet li fihom hija kienet awtorizzata tuża l-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves għal finijiet ta’ trasport kummerċjali jippreżumi li l-Kummissjoni tevalwa b’mod konkret jekk it-taxxi portwali imħallsa mill-intervenjenti, assimilabbli għal tariffi miġbura għall-użu tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves, humiex ta’ ammont tal-inqas ekwivalenti għall-kumpens li operatur privat, li jaġixxi f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali, seta’ jikseb bħala korrispettiv għal tali tqegħid għad-dispożizzjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Sarc vs Il-Kummissjoni, T-488/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:497, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125

Madankollu, la l-fatt li l-intervenjenti ħallset it-taxxi leġiżlattivi kollha imposti fuqha għall-użu tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves, u lanqas il-fatt, enfasizzat fil-paragrafi 47 u 62 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-DGPC japplika fil-portijiet kollha li jaqgħu fil-kompetenza tiegħu l-istess taxxi leġiżlattivi, ikkalkolati bl-istess mod, ma huma ta’ natura li jeżentaw lill-Kummissjoni milli twettaq tali evalwazzjoni konkreta.

126

Bl-istess mod, l-argument li l-Kummissjoni tibbaża fuq l-Artikolu 41(1) tal-Liġi dwar il-portijiet tal-Canarias, li minnu jirriżulta li t-taxxi leġiżlattivi applikabbli għall-utenti tal-portijiet Kanarji għandhom ikunu kkalkolati b’mod li jkopri l-ispejjeż u d-deprezzament u li jiġġenera profitt raġonevoli, ma jistax iwassal li tkun eżentata mill-verifika konkreta msemmija fil-punt 124 iktar ’il fuq, li hija għandha tiżgura, ikkunsidrata r-responsabbiltà fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 108 TFUE. Fil-fatt, tali regola dwar l-ammont ta’ taxxi leġiżlattivi dovuti għall-użu tal-portijiet fl-arċipelagu tal-Canarias, li taqa’ taħt dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, ma hijiex suffiċjenti, waħedha, sabiex tistabbilixxi li t-taxxi leġiżlattivi imposti fuq l-intervenjenti mid-DGPC għall-użu esklużiv tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves għal finijiet ta’ trasport kummerċjali jkopru tal-inqas il-korrispettiv li operatur privat seta’ jikseb, f’kundizzjonijiet normali tas-suq, minn kumpannija tat-tbaħħir li tuża din l-infrastruttura fl-istess kundizzjonijiet.

127

Barra minn hekk, lanqas ma huwa stabbilit li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti permezz ta’ riżorsi tal-Istat ma kinitx fi kwalunkwe każ issodisfatta f’dan il-każ. Għalhekk, peress li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-analiżi konkreta li għaliha sar riferiment fil-punti 117 u 124 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-eżami tal-ewwel u t-tielet oġġezzjonijiet tal-ilment waqt il-proċedura ta’ eżami preliminari kien ivvizzjat minn lakuna importanti. Din il-lakuna tikkostitwixxi, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 iktar ’il fuq, indizju fis-sens li l-eżami tal-miżura kkontestata fil-kuntest ta’ dawn l-oġġezzjonijiet iqajjem diffikultà serja.

128

Għall-kuntrarju ta’ dak li jargumentaw il-Kummissjoni u l-intervenjenti, mill-proċess ma jirriżultax li r-rikorrenti setgħet tibbenefika mill-kundizzjonijiet għall-użu simili għal dawk ikkontestati fl-ilment f’port ieħor tal-arċipelagu tal-Canarias. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt li dan il-fatt ġie stabbilit, waħdu dan ma jistax, mingħajr eżami tas-sitwazzjoni fattwali u ġuridika tal-kumpanniji tat-tbaħħir li jiżguraw rotta lejn Tenerife fil-portijiet differenti ta’ gżejjer oħra tal-Canarias, jipprekludi l-klassifikazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-użu tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves mill-intervenjenti bħala għajnuna mill-Istat.

129

Bl-istess mod, il-konklużjoni li tinsab fil-punt 127 iktar ’il fuq ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-Kummissjoni ibbażat, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha fuq is-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C-518/13, EU:C:2015:9), u tal-4 ta’ Lulju 2007, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni (T-475/04, EU:T:2007:196), u fis-seduta fuq is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2014, Sarc vs Il-Kummissjoni (T-488/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:497), li jipprovdi li t-twettiq ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti ma hijiex indispensabbli sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ għajnuna fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jamministra riżorsi pubbliċi.

130

Fil-fatt, huwa biżżejjed li f’dan ir-rigward jiġi kkonstatat li l-argumenti magħmula fil-punti 112 sa 128 iktar ’il fuq bl-ebda mod ma huma bbażati fuq il-premessa li l-klassifikazzjoni ta’ vantaġġ mogħti lill-intervenjenti bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tirriżulta mill-fatt waħdu li din tal-aħħar setgħet tuża biss l-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves għal finijiet ta’ trasport kummerċjali mingħajr ebda sejħa għal offerti organizzata mid-DGPC. Il-punti 112 sa 128 iktar ’il fuq japplikaw mill-banda l-oħra għal din il-kawża l-ġurisprudenza stabbilita msemmija fil-punt 86 iktar ’il fuq li tipprovdi li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jiddependi biss mill-kwistjoni dwar jekk miżura statali tagħtix vantaġġ lil impriża waħda jew iktar, iffinanzjat permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

131

B’hekk, hemm lok li jiġi speċifikat li l-fatt li l-użu esklużiv tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves għal finijiet ta’ trasport kummerċjali li minnu ilha tibbenefika l-intervenjenti sa min-nofs is-snin 1990 ma joriġinax minn proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa u nondiskriminatorja, iżda mir-regola prior in tempore, potior in jure, jirrendi iktar neċessarju li l-Kummissjoni twettaq f’dan il-każ l-evalwazzjoni konkreta li għaliha sar riferiment fil-punt 124 iktar ’il fuq. Fil-fatt, minn dan il-fatt jirriżulta li sal-organizzazzjoni mid-DGPC ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti fl-2014, ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti ma ppermettiet li jitqies, f’kundizzjonijiet normali tas-suq, il-valur ekonomiku tad-dritt li kumpannija tat-tbaħħir tuża waħedha l-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves għal finijiet ta’ trasport kummerċjali, u għalhekk il-korrispettiv finanzjarju li jista’ jinkiseb minn operatur li jaġixxi f’tali kundizzjonijiet għal tali tqegħid għad-dispożizzjoni tal-imsemmija infrastruttura.

132

Finalment, il-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li l-awtoritajiet Spanjoli rrikonoxxew l-isforzi neċessarji sabiex jiżguraw f’terminu raġonevoli aċċess għall-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves fuq bażi miftuħa u nondiskriminatorja, sa mill-mument li fih ir-rikorrenti uriet ix-xewqa li titrakka fih permezz ta’ lanċa veloċi (ir-raba’ motiv), lanqas ma jista’ jikkontesta l-konklużjoni magħmula fil-punt 127 iktar ’il fuq.

133

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar mill-ġdid li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa kunċett oġġettiv li jiddependi, b’mod partikolari, fuq il-kwistjoni dwar jekk miżura statali tagħtix vantaġġ lill-impriża waħda jew iktar (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 86 iktar ’il fuq).

134

Isegwi li l-isforzi reċenti tal-awtoritajiet Spanjoli li għalihom tirreferi l-Kummissjoni u li jokkupaw post essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata ma kinux, fihom infushom, ta’ natura li jeskludu li l-intervenjenti setgħet tibbenefika minn għajnuna mill-Istat minħabba l-kundizzjonijiet oġġettivi li fihom din kienet awtorizzata tuża waħedha, għal diversi snin, l-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves għal finijiet ta’ trasport kummerċjali u konsegwentement lanqas jippermettu lill-Kummissjoni teskludi kull diffikultà serja fl-eżami tal-ewwel u t-tielet oġġezzjoni tal-ilment.

135

Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ġustament targumenta li r-raba’ motiv tad-deċiżjoni kkontestata li fuqu hija bbażata l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-użu esklużiv tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves ma wassalx għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat (ara l-punt 25 iktar ’il fuq) huwa vvizzjat minn żewġ żbalji ta’ evalwazzjoni.

136

L-ewwel nett, kif tammetti l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, fil-paragrafu 49 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonstatat b’mod żbaljat li ebda kumpannija kompetitriċi tal-intervenjenti ma kienet uriet b’mod formali interess sabiex topera f’Puerto de Las Nieves permezz ta’ laneċ veloċi sat-talba ppreżentata mir-rikorrenti fit-3 ta’ Lulju 2013.

137

Fil-fatt mill-eżami tal-proċess jirriżulta li t-talba għal awtorizzazzjoni għall-ittrakkar f’dan il-port ippreżentata sa mill-2004 minn Transmediterránea, kumpannija tat-tbaħħir terza, tirrigwarda lanċa veloċi u mhux, kif indikat fil-paragrafu 50 tad-deċiżjoni kkontestata, lanċa konvenzjonali. Kif ġustament tenfasizza r-rikorrenti, il-karatteristiċi tekniċi tal-vapur li għalih Transmediterránea kienet talbet din l-awtorizzazzjoni huma, għal dak li jirrigwarda t-tul u l-veloċità tiegħu, qrib ħafna ta’ dawk tal-laneċ veloċi li bihom l-intervenjenti topera f’Puerto de Las Nieves.

138

Isegwi li għaddew madwar għaxar snin bejn it-talba ppreżentata fl-2004 minn Trasmediterránea u l-organizzazzjoni minn DGPC ta’ sejħa għal offerti f’Lulju 2014. F’dawn iċ-ċirkustanzi u mingħajr preġudizzju għall-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 128, 133 u 134 iktar ’il fuq, huwa għalhekk żbaljat li l-Kummissjoni essenzjalment ikkonkludiet, fil-paragrafu 58 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-DGPC kien ħa l-passi meħtieġa f’terminu raġonevoli sabiex jiżgura aċċess miftuħ u nondiskriminatorju għall-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves.

139

Dan l-iżball ta’ evalwazzjoni tal-fatti bl-ebda mod ma huwa kkontestat mill-argument tal-Kummissjoni, ippreżentat fil-kontroreplika, li l-analiżi magħmula fid-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda biss il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Spanjoli sa mit-talba għall-aċċess ippreżentata mir-rikorrenti matul is-sena 2013 u ma tirrigwardax għalhekk il-kwistjoni dwar jekk iċ-ċaħda tat-talba magħmula matul is-sena 2004 tfissirx li f’dik l-epoka ma kienx żgurat aċċess miftuħ u nondiskriminatorju tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li mill-paragrafu 50 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta mingħajr ambigwità li l-analiżi tal-Kummissjoni tas-sitwazzjoni inkwistjoni qabel it-3 ta’ Lulju 2013 kienet ibbażata fuq il-premessa żbaljata li t-talba għal aċċess magħmula minn Trasmediterránea fl-2004 tirrigwarda lanċa konvenzjonali.

140

It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-konsegwenzi tad-digriet ta’ sospensjoni tas-27 ta’ Frar 2015 fid-deċiżjoni kkontestata hija wkoll ivvizzjata minn żball.

141

F’dan ir-rigward, minn naħa, hemm lok li jiġi rrilevat li fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, id-digriet ta’ sospensjoni tas-27 ta’ Frar 2015 kien jostakola l-attribuzzjoni mid-DGPC tal-ewwel lott tal-iskedi lill-intervenjenti u t-tieni lott lir-rikorrenti. Din is-sospensjoni, ċertament temporanja min-natura tagħha, kellha għalhekk l-effett li żżomm l-istess l-kundizzjonijiet li fihom l-intervenjenti tuża waħedha l-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves, u tipprekludi hija stess l-aċċess għal din l-infrastruttura mitlub mir-rikorrenti għal finijiet ta’ trasport kummerċjali. Din is-sospensjoni kellha għalhekk l-effett li żżomm il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ din l-infrastruttura kkontestati mir-rikorrenti fl-ilment.

142

Min-naħa l-oħra, kif ġustament issostni r-rikorrenti, in-natura temporanja ta’ din is-sospensjoni bl-ebda mod ma teskludi li r-riżultat tas-sejħa għal offerti organizzata mid-DGPC kien finalment ser jiġi iddikjarat invalidu mill-qrati nazzjonali. Din l-eventwalità tidher inqas ipotetika, peress li kif jikkonferma r-raġunament segwit fid-digriet ta’ sospensjoni tas-27 ta’ Frar 2015, din is-sospensjoni tippreżumi neċessarjament ir-rikonoxximent mill-qorti nazzjonali ta’ rikors prima facie fondat (fumus boni juris) ippreżentat dwar il-mertu mill-intervenjenti kontra s-sejħa għal offerti inkwistjoni.

143

F’dawn iċ-ċirkustanzi u indipendentement anki mill-eventwali klassifikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ma setgħetx b’mod validu, kif għamlet fil-paragrafu 61 tad-deċiżjoni kkontestata, tintrabat mal-karattru “intrinsikament temporanju” tad-digriet ta’ sospensjoni tas-27 ta’ Frar 2015 sabiex essenzjalment tikkonkludi li l-istatus quo li jirriżulta minnu fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-użu tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves mill-intervenjenti ma jikkontestax l-isforzi tad-DGPC sabiex jiżgura aċċess miftuħ u nondiskriminatorju għall-imsemmija infrastruttura. Għall-kuntrarju, din iċ-ċirkustanza tikkostitwixxi indizju addizzjonali tad-diffikultajiet serji mqajma mill-eżami tal-imsemmija kundizzjonijiet fir-rigward tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE.

144

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Kummissjoni li essenzjalment ir-rikorrenti tista’ fil-futur tressaq ilment ġdid skont ir-riżultat tal-mertu tar-rikors tal-intervenjenti quddiem it-Tribunal Superior de Justicia, Sala de lo Contencioso-Administrativo, Sección Primera de Santa Cruz de Tenerife (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja, l-Awla ta’ Tilwim Amministrattiv, l-Ewwel Sezzjoni ta’ Santa Cruz de Tenerife, Spanja). Fil-fatt, f’dan ir-rigward huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li dan ir-riżultat, ikun x’ikun, ma huwa ser ikollu ebda effett fuq il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 141 iktar ’il fuq li fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, id-digriet ta’ sospensjoni tas-27 ta’ Frar 2015 kellu l-effett li jżomm il-kundizzjonijiet għall-użu tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves, ikkontestati fl-ewwel u t-tielet oġġezzjoni tal-ilment.

145

Fid-dawl tal-iżviluppi preċedenti u mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti li jikkontestaw l-eżami mill-Kummissjoni tal-kundizzjonijiet għall-użu esklużiv tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves mill-intervenjenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-assenza ta’ evalwazzjoni konkreta mill-Kummissjoni tal-kwistjoni dwar jekk it-taxxi portwali imħallsa mill-intervenjenti bħala korrispettiv għall-użu esklużiv tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves għal finijiet ta’ trasport kummerċjali jikkorrispondux għall-korrispettiv li investitur privat seta’ jikseb għal tali użu f’kundizzjonijiet normali tas-suq, kif ukoll it-tul partikolari tal-proċedura ta’ eżami preliminari, flimkien barra minn hekk, mal-ostakolu għall-implimentazzjoni tar-riżultat tas-sejħa għal offerti organizzata mid-DGPC fl-2014 li jirriżulta mid-digriet ta’ sospensjoni tas-27 ta’ Frar 2015, jikkostitwixxux indizji fis-sens li l-eżami tal-użu esklużiv tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves iqajjem diffikultajiet serji fid-dawl tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE.

146

Għalhekk mill-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punti 46 u 47 iktar ’il fuq, jirriżulta li fil-preżenza ta’ dawn id-diffikultajiet, il-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista mill-Artikolu 108(2) TFUE, sabiex tevalwa jekk l-intervenjenti kinitx ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat fir-rigward ta’ dan l-użu esklużiv.

147

Għaldaqstant il-motiv uniku tar-rikors għandu jiġi milqugħ sa fejn huwa magħmul kontra l-parti tad-deċiżjoni kkontestata li fiha l-Kummissjoni, mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ikkonkludiet li l-kundizzjonijiet għall-użu tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves mill-intervenjenti għal finijiet ta’ trasport kummerċjali, ikkontestati mir-rikorrenti fl-ewwel u t-tielet oġġezzjoni tal-ilment, ma taw lill-intervenjenti ebda għajnuna mill-Istat. Għalhekk hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata f’dan ir-rigward.

Fuq l-eżami tal-Kummissjoni tat-taxxa T 9 imposta lill-intervenjenti minħabba l-okkupazzjoni tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves (it-tieni oġġezzjoni mqajma fl-ilment)

148

Ir-rikorrenti targumenta li huwa żbaljat li l-Kummissjoni ma kkonstatatx li l-intervenjenti kienet irċeviet għajnuna mill-Istat matul iktar minn 20 sena fil-forma ta’ eżenzjoni parzjali mill-ħlas tat-taxxa T 9, li timplika tnaqqis tar-riżorsi pubbliċi.

149

Qabel xejn ir-rikorrenti ssostni li l-bażi għall-kalkolu tat-taxxa T 9 kellu, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, jikkorrispondi għat-totalità taż-żona portwali okkupata mill-intervenjenti b’mod esklużiv u mhux biss għas-superfiċju tal-art okkupata mir-rampi tal-ittrakkar. Fil-fatt l-intervenjenti kienet tokkupa b’mod esklużiv l-infrastruttura portwali kollha ta’ Puerto de Las Nieves li jaqa’ fid-dominju pubbliku, u barra minn hekk din iż-żona kienet magħluqa u l-aċċess għaliha kkontrollat mill-impjegati tal-intervenjenti. Ir-rikorrenti tispeċifika f’dan ir-rigward li ladarba l-leġiżlazzjoni portwali hija simili fit-territorju Spanjol kollu, il-Kummissjoni ma setgħetx, bl-effett li teskludi l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, tillimita ruħha sabiex tikkonstata li t-taxxa T 9 kienet tinġabar bl-istess mod fil-portijiet Kanarji kollha. Fi kwalunkwe każ, is-sitwazzjoni tal-infrastruttura portwali kollha ta’ Puerto de Las Nieves kienet partikolari, peress li din kienet tirrigwarda biss il-port tal-arċipelagu tal-Canarias okkupat b’mod esklużiv minn kumpannija ta’ trasport marittimu mingħajr konċessjoni, u għalhekk mingħajr ħlas ta’ tariffa, u li l-intervenjenti kienet barra minn hekk, l-unika operatur f’dan l-arċipelagu li nstallat rampi fissi li jokkupaw iż-żona ta’ manuvra kollha, għall-użu esklużiv tal-vapuri tagħha. Din is-sitwazzjoni hija pereżempju differenti b’mod sinjifikattiv minn dik tal-port ta’ Morro Jable (Spanja), fejn topera r-rikorrenti u li għaliha tirreferi l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

150

Sussidjarjament, ir-rikorrenti tikkontesta l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli matul il-proċedura amministrattiva u aċċettati mill-Kummissjoni li s-superfiċju okkupat mir-rampi fissi kien diġà kopert mit-taxxi T 2, T 3 u T 4 u għalhekk ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-taxxa T 9 ukoll. Min-naħa l-oħra, it-taxxa T 2 tirrigwarda biss is-superfiċju tal-linja tal-ittrakkar, li ma tkoprix iż-żona ta’ manuvra u lanqas żoni oħra ta’ servizz li fuqhom jinsabu r-rampi tal-intervenjenti. Min-naħa l-oħra, huwa possibbli li r-rampi tal-intervenjenti jkopru parti miż-żona ta’ manuvra jew miż-żona ta’ servizz mhux koperti mit-taxxi T 3 u T 4, li min-naħa tagħhom jirrigwardaw l-użu tal-ilmijiet portwali u tal-baċiri, l-aċċess għall-art, ir-rotot tat-traffiku, iż-żoni ta’ manipulazzjoni, l-istazzjonijiet marittimi u s-servizzi tal-pulizija. Ir-rikorrenti żżid, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent, li t-taxxi T 2, T 3 u T 4 huma dovuti biss bejn il-mument fejn il-vapur jimbarka fil-port u l-mument fejn il-persuni u l-merkanzija jinżlu minn fuqu, filwaqt li t-taxxa T 9 tirrigwarda t-tqegħid għad-dispożizzjoni taż-żona portwali għat-tul mixtieq mill-operatur ikkonċernat.

151

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti. Fl-ewwel lok hija targumenta li l-intervenjenti ħallset it-taxxa T 9 għas-superfiċji kollha li hija tokkupa b’mod esklużiv u t-taxxi T 2, T 3 u T 4 għall-użu tal-art u tal-isqaqien maġenb il-linja tal-ittrakkar. Fit-tieni lok, hija tirrileva li r-rikorrenti stess użat il-port ta’ Morro Jable b’mod esklużiv għal ħmistax-il sena mingħajr ma ħallset it-taxxa T 9 għas-superfiċju portwali kollha, iżda biss għall-użu ta’ ċerti żoni bħall-uffiċċji, imħażen jew installazzjonijiet oħra li jeħtieġu użu privat tal-art. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni, essenzjalment sostnuta mill-intervenjenti, tenfasizza li r-rikorrenti ma tikkontestax il-konklużjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata, li t-taxxa T 9 kienet imposta b’mod korrett fuq l-intervenjenti billi eskludiet l-użu tas-superfiċji portwali intiżi għall-użu tar-rampi tal-ittrakkar li jappartjenu lill-intervenjenti. Fil-fatt, kwalunkwe konklużjoni oħra twassal għal sovrappożizzjoni kunsiderevoli bejn din it-taxxa u serje ta’ taxxi portwali oħra, u tagħti għalhekk lok għal tassazzjoni doppja, u barra minn hekk matul il-proċedura amministrattiva l-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li l-metodu ta’ kalkolu tat-taxxi T 2, T 3, T 4 u T 9 ma kien jimplika ebda rinunzja ta’ riżorsi pubbliċi. Dwar dan il-punt l-intervenjenti żżid li t-titolu nnifsu tat-taxxa T 9 (“Servizz ta’ ħażna, ta’ postijiet u ta’ bini”) huwa indizju fis-sens li ż-żona okkupata mir-rampa li hija tuża ma hijiex suġġetta għaliha, filwaqt li din iż-żona taqa’ taħt il-kunċetti ta’ “xogħol ta’ trakkar”, “ilma portwali u baċiri” u “ilma portwali u baċiri, mollijiet, u żoni ta’ manipulazzjoni” li skont id-deskrizzjoni fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 1/1994, jaqgħu bħala fatti taxxabbli taħt it-taxxi T 2, T 3 u T4. Fl-aħħar lok, il-Kummissjoni tfakkar fil-konstatazzjoni magħmula fid-deċiżjoni kkontestata li ma huwiex ikkontestat li t-taxxa T 9 kienet imposta bl-istess mod fil-portijiet kollha li jaqgħu taħt il-kompetenza tad-DGPC, inkluż il-portijiet użati minn operatur wieħed. Għalhekk, fid-dawl tal-informazzjoni kollha disponibbli, il-Kummissjoni ssostni li minn din il-konstatazzjoni seta’ jiġi dedott b’mod validu li l-intervenjenti ma kinitx ibbenefikat minn ebda vantaġġ meta mqabbla ma’ kumpanniji oħra ta’ trasport marittimu, u għalhekk jiġi meqjus li ebda diffikultà serja dwar dan il-punt ma kienet teħtieġ il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

152

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-konstatazzjoni, li tinsab fil-paragrafu 63 tad-deċiżjoni kkontestata, li tal-inqas mill-2005, l-intervenjenti ħallset it-taxxi kollha imposti fuqha mid-DGPC minħabba l-użu tagħha tal-infrastruttura portwali kollha ta’ Puerto de Las Nieves għal finijiet ta’ trasport marittimu kummerċjali.

153

Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li t-tieni oġġezzjoni tal-ilment tirrigwarda kemm it-taxxa T 2 kif ukoll it-taxxa T 9 u li dawn iż-żewġ taxxi ġew eżaminati f’partijiet distinti tad-deċiżjoni kkontestata, fil-paragrafi 63 sa 70 tagħha (ara l-punti 32 sa 34 iktar ’il fuq). Madankollu, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti tikkontesta din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata għal dak li jirrigwarda t-taxxa T 9 biss.

154

Permezz tat-tieni oġġezzjoni tagħha mqajma fl-ilment, ir-rikorrenti kienet sostniet b’mod partikolari li l-intervenjenti bbenefikat għal diversi snin minn eżenzjoni parzjali tat-taxxa T 9. Għalhekk, hija kienet argumentat, essenzjalment, li l-intervenjenti kellha, skont l-Artikolu 115 bis tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 1/1994, tħallas din it-taxxa mhux biss għas-superfiċju okkupat mir-rampi tagħha stess, iżda b’mod iktar wiesa’, għall-okkupazzjoni esklużiva tal-kważi-totalità tas-superfiċju ta’ Puerto de Las Nieves.

155

Bid-differenza għall-ewwel u t-tielet oġġezzjoni li jirrigwardaw ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, din il-parti tal-ilment ma tirrigwardax għalhekk il-kisba mill-intervenjenti ta’ vantaġġ li jirriżulta, fih innifsu, mill-valur ekonomiku tal-użu tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves, iżda tikkontesta b’mod speċifiku, il-vantaġġ li minnu tibbenefika l-intervenjenti minħabba eżenzjoni minn parti mit-taxxa T 9 li kellha titħallas minnha skont il-leġiżlazzjoni Spanjola applikabbli. Fil-paragrafu 66 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, wara li fakkret essenzjalment li ma hijiex hi li għandha tevalwa kif jiġu applikati t-taxxi portwali u fir-rigward ta’ liema fatt taxxabbli, ċaħdet dan l-argument għar-raġuni li mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet Spanjoli jirriżulta li t-taxxa T 9 kienet tinġabar bl-istess mod mid-DGPC fil-portijiet kollha li jaqgħu fil-kompetenza tiegħu. Għalhekk, l-eżami preliminari ma jippermettix li jiġi identifikat ebda vantaġġ selettiv għall-intervenjenti li jirriżulta mill-allegata eżenzjoni parzjali ta’ din it-taxxa.

156

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet segwenti kollha jkunu ssodisfatti. L-ewwel nett, din għandha tirrigwarda intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, din għandha tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tagħha. Ir-raba’ nett, din għandha toħloq distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C-20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

157

Għal dak li jirrigwarda l-kundizzjoni dwar is-selettività tal-vantaġġ li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni timponi li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, il-miżura nazzjonali inkwistjoni hijiex ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li, fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u li għaldaqstant jirċievu trattament differenzjat li essenzjalment jista’ jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju (ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C-20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C-518/13, EU:C:2015:9, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

158

Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ miżuri nazzjonali li jagħtu vantaġġ fiskali, għandu jitfakkar li miżura ta’ din in-natura li minkejja li ma fiha ebda trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni iktar favorevoli mill-persuni taxxabbli l-oħra tista’ tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji u għaldaqstant tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għall-kuntrarju, ma jikkostitwixxix tali għajnuna fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni vantaġġ fiskali li jirriżulta minn miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha (ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C-20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

159

F’dan il-każ, il-miżura inkwistjoni tikkonsisti, skont ir-rikorrenti, f’eżenzjoni parzjali u individwali mit-taxxa T 9 li minnha tibbenefika l-intervenjenti, peress li sa minn meta l-imsemmija intervenjenti bdiet tuża l-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves d-DGPC fl-ebda mument ma impona fuqha t-taxxa T 9 billi ħa bħala bażi t-totalità jew kważi-totalità tas-superfiċju ta’ din l-infrastruttura.

160

Madankollu, ebda argument imqajjem mir-rikorrenti ma jista’ jikkontesta l-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li essenzjalment, ir-rikorrenti ma ressqet ebda element li juri li l-modalitajiet tal-kalkolu tat-taxxa T 9 imposta fuq l-intervenjenti taw lil din tal-aħħar xi vantaġġ selettiv fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 157 iktar ’il fuq.

161

Qabel xejn, ir-rikorrenti targumenta li ladarba l-leġiżlazzjoni portwali hija simili fi Spanja kollha, il-livell territorjali normali li kellu jintuża għal finijiet komparattivi kellu jkun dak ta’ dan il-pajjiż u mhux tal-gżejjer tal-Canarias biss. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li permezz ta’ dan l-argument ir-rikorrenti ma tressaq ebda indizju konkret ta’ natura li jistabbilixxi li l-modalitajiet tal-kalkolu tat-taxxa T 9 applikati għall-intervenjenti kienu tawha vantaġġ meta mqabbla ma’ kumpanniji marittimi oħra suġġetti għal din l-istess taxxa u li jinsabu fir-rigward tagħha f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli għal dik tal-intervenjenti.

162

Għalhekk, l-argument ibbażat fuq iċ-ċirkustanza li l-intervenjenti kienet l-unika kumpannija tat-tbaħħir tal-gżejjer tal-Canarias li r-rampi ta’ aċċess tagħha huma fissi mal-art u li tokkupa t-totalità taż-żona ta’ manuvra u topera f’port b’mod esklużiv mingħajr ma għandha f’dan ir-rigward konċessjoni u li jipprovdi li eżenzjoni tat-taxxa T 9 tkun iġġustifikati biss meta kumpannija tat-tbaħħir konċessjonarja tħallas tariffa ta’ okkupazzjoni, ma jistax jiġi milqugħ.

163

Fil-fatt, bilfors għandu jiġi kkonstatat li, minbarra li ma huwa sostnut minn ebda element ta’ prova, dan l-argument huwa bbażat fuq paragun bejn is-sitwazzjoni tal-intervenjenti f’Puerto de Las Nieves u dik ta’ kumpanniji marittimi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali, li fir-rigward tat-taxxa T 9, ma hijiex paragunabbli. Għalhekk dan l-argument ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 157 iktar ’il fuq, li l-modalitajiet ta’ kalkolu tat-taxxa T 9 applikati lill-intervenjenti taw lil din tal-aħħar vantaġġ selettiv meta mqabbla ma’ kumpanniji oħra li jinsabu, fir-rigward tagħha, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli.

164

Finalment, għal din l-istess raġuni, hemm lok li jiġi miċħud ukoll, minn naħa l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li s-sitwazzjoni tal-kumpanniji tat-tbaħħir li joperaw f’portijiet oħra tal-gżejjer tal-Canarias u jaqgħu fil-kompetenza tad-DGPC ma hijiex paragunabbli għal dik tal-użu mill-intervenjenti tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves peress li dawn il-kumpanniji jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’sistema ta’ kompetizzjoni u jaqsmu għalhekk flimkien ma’ kumpanniji oħra l-użu ta’ infrastrutturi pubbliċi, bħar-rampi mobbli, u min-naħa l-oħra l-argument sussidjarju, imfakkar fil-punt 150 iktar ’il fuq, li permezz tiegħu r-rikorrenti tikkontesta li l-okkupazzjoni tas-superfiċju minn rampi fissi kien diġà kopert mit-taxxi T 2, T 3 u T 4 u għalhekk ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll għall-kalkolu tat-taxxa T 9.

165

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti li kellha turi l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji (ara l-punt 51 iktar ’il fuq), ma urietx indizji li jistgħu jistabbilixxu li l-eżami tat-tieni oġġezzjoni mressqa fl-ilment fir-rigward ta’ ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE jqajjem tali diffikultajiet, li jeħtieġu l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali.

166

Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat sa fejn dan jirrigwarda l-annullament tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata, separata minn dik eżaminata fil-punti 80 sa 147 iktar ’il fuq, li fiha mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni kkonkludiet essenzjalment li l-kalkolu mid-DGPC tat-taxxa T 9 għal dak li jirrigwarda l-intervenjenti ma kien, fih innifsu, wassal għall-għoti ta’ ebda għajnuna mill-Istat lil din tal-aħħar u għal din ir-raġuni ċaħdet it-tieni oġġezzjoni tal-ilment imressqa mir-rikorrenti.

Konklużjonijiet dwar ir-rikors kollu

167

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors għandu jiġi milqugħ sa fejn jirrigwarda l-annullament tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata li fiha mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għall-użu esklużiv tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves mill-intervenjenti għal finijiet ta’ trasport kummerċjali, ikkontestati mir-rikorrenti fl-ewwel u t-tielet oġġezzjoni tal-ilment, ma kienu taw lill-intervenjenti ebda għajnuna mill-Istat. Il-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

168

Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jew taqsam l-ispejjeż. Peress li r-rikors ntlaqa’ parzjalment, iċ-ċirkustanzi tal-kawża jiġu evalwati b’mod ġust jekk jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha tbati kwart tal-ispejjeż tagħha u l-Kummissjoni għandha tbati l-kumplament tal-ispejjeż tagħha, u din tal-aħħar kif ukoll l-intervenjenti għandhom barra minn hekk ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni C(2015) 8655 finali tal-Kummissjoni, tat-8 ta’ Diċembru 2015, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.36628 (2015/NN) (ex 2013/CP) – Spanja – Fred Olsen, hija annullata sa fejn ġie kkonstatat, fit-tmiem tal-proċedura ta’ eżami preliminari, li l-użu esklużiv tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves minn Fred Olsen, SA ma kien iwassal għall-għoti ta’ ebda għajnuna mill-Istat lil din tal-aħħar.

 

2)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

 

3)

Naviera Armas, SA għandha tbati kwart mill-ispejjeż tagħha u l-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-kumplament tal-ispejjeż tagħha.

 

4)

Il-Kummissjoni u Fred Olsen ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Gervasoni

Madise

da Silva Passos

Mogħtija f’qorti fil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Marzu 2018.

Firem

Werrej

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Trasport marittimu kummerċjali li jitlaq minn Puerto de Las Nieves (Gran Canaria)

 

Proċedura amministrattiva u żvilupp tas-sitwazzjoni inkwistjoni matul l-imsemmija proċedura

 

Id-deċiżjoni kkontestata

 

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

Kunsiderazzjonijiet preliminari

 

Fuq l-argumenti dwar il-proċedura ta’ eżami preliminari

 

Fuq l-argumenti relattivi għall-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

 

Osservazzjonijiet preliminari

 

Fuq l-eżami tal-kundizzjonijiet għall-użu esklużiv tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves mill-intervenjenti (l-ewwel u t-tielet oġġezzjonijiet imqajma fl-ilment)

 

– Fuq l-oġġezzjonijiet miġjuba diretti kontra l-ewwel motiv, relattiv għas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (T-128/98)

 

– Fuq l-oġġezzjonijiet diretti kontra t-tieni motiv, dwar il-fatt li l-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves la kienet ippjanata u lanqas żviluppata għall-benefiċċju speċifiku tal-intervenjenti jew ta’ kwalunkwe kumpannija tat-tbaħħir oħra

 

– Fuq l-oġġezzjonijiet magħmula kontra t-tielet u r-raba’ motivi, relattivi għall-portata tal-argument tar-rikorrenti fl-ilment kif ukoll għall-kriterji ta’ identifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat għall-benefiċċju tal-utent ta’ infrastruttura portwali iffinanzjata permezz ta’ fondi pubbliċi

 

Fuq l-eżami tal-Kummissjoni tat-taxxa T 9 imposta lill-intervenjenti minħabba l-okkupazzjoni tal-infrastruttura portwali ta’ Puerto de Las Nieves (it-tieni oġġezzjoni mqajma fl-ilment)

 

Konklużjonijiet dwar ir-rikors kollu

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

( 1 ) Fil-punt 48 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika wara li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.