SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

28 ta’ Novembru 2024 ( *1 )

“Appell – Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra importazzjonijiet issussidjati minn pajjiżi terzi – Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) – Artikoli 1 u 2 – Regolament (UE) 2016/1037 – Artikoli 2 sa 4 – Kunċetti ta’ ‘sussidju’, ta’ ‘gvern’, ta’ ‘speċifiċità’ u ta’ ‘vantaġġ’ – Kontribuzzjonijiet finanzjarji mogħtija minn korpi pubbliċi Ċiniżi lil impriżi rregolati mid-dritt Eġizzjan li huma proprjetà ta’ entitajiet Ċiniżi u stabbiliti fiż-Żona ta’ Kooperazzjoni Ekonomika u Kummerċjali ta’ Suez – Possibbiltà li tali kontribuzzjonijiet finanzjarji jiġu kklassifikati bħala sussidji mogħtija mill-Gvern Eġizzjan, fid-dawl tal-aġir ta’ dan tal-aħħar – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Kontribuzzjoni finanzjarja li tikkonsisti f’abbandun ta’ dħul pubbliku normalment dovut – Vantaġġ mogħti lill-impriżi benefiċjarji – Għażla tas-sitwazzjoni ta’ referenza rilevanti sabiex tiġi kkaratterizzata l-eżistenza ta’ din il-kontribuzzjoni finanzjarja u ta’ dan il-vantaġġ – Artikoli 5 u 6 – Kalkolu tal-vantaġġ – Kunċetti ta’ ‘benefiċjarju’ u ta’ ‘impriża’”

Fil-Kawżi magħquda C‑269/23 P u C‑272/23 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fil‑25 u fis‑27 ta’ April 2023 rispettivament,

Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics SAE, stabbilita f’Ain Soukhna (l-Eġittu) (C‑269/23 P),

Jushi Egypt for Fiberglass Industry SAE, stabbilita f’Ain Soukhna (C‑269/23 P u C‑272/23 P),

appellanti,

irrappreżentati minn V. Crochet u B. Servais, avocats,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Kienapfel, G. Luengo u P. Němečková, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Tech-Fab Europe eV, stabbilita fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja),

intervenjenti fl-ewwel istanza (C‑269/23 P),


Association des producteurs de fibres de verre européens (APFE), stabbilita f’Ixelles (il-Belġju),

intervenjenti fl-ewwel istanza (C‑272/23 P),

irrappreżentati minn J. Beck, advocaat, u L. Ruessmann, avocat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Ħames Awla, u J. Passer (Relatur), Imħallef,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Mejju 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom fil-Kawża C‑269/23 P, Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics SAE (iktar ’il quddiem “Hengshi”) u Jushi Egypt for Fiberglass Industry SAE (iktar ’il quddiem “Jushi”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑1 ta’ Marzu 2023, Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics u Jushi Egypt for Fiberglass Industry vs Il‑Kummissjoni (T‑480/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza T‑480/20”, EU:T:2023:90), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament, sa fejn kien jikkonċernahom, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/776 tat‑12 ta’ Ġunju 2020 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/492 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti materjali tal-fibra tal-ħġieġ minsuġa u/jew meħjuta li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Eġittu (ĠU 2020, L 189, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż fil-Kawża T‑480/20”).

2

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑272/23 P, Jushi titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑1 ta’ Marzu 2023, Jushi Egypt for Fiberglass Industry vs Il‑Kummissjoni (T‑540/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza T‑540/20” u, meħuda flimkien mas-sentenza T‑480/20, is-“sentenzi appellati”, EU:T:2023:91), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament, sa fejn kien jikkonċernaha, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/870 tal‑24 ta’ Ġunju 2020 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju kumpensatorju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mill-Eġittu, u li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mill-Eġittu (ĠU 2020, L 201, p. 10, iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż fil-Kawża T‑540/20” u, flimkien mar-Regolament kontenzjuż fil-Kawża T‑480/20, ir-“Regolamenti kontenzjużi”).

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

3

Il-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil‑15 ta’ April 1994, ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80, iktar ’il quddiem il-“Ftehim li jistabbilixxi l-WTO”). L-Anness 1A ta’ dan il-ftehim jinkludi b’mod partikolari Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens.

4

L-Artikolu 1 tal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens, li huwa intitolat “Definizzjoni ta’ sussidju”, jistipula:

“1.1.   Għall-għan ta’ dan il-ftehim, sussidju jitqies li jeżisti jekk:

(a)

(1)

Gvern jew korp pubbliku ieħor qed jagħti kontribuzzjoni finanzjarja fit-territorju ta’ Membru (indikat f’dan il-ftehim bħala ‘gvern’), billi:

(i)

prattika ta’ gvern jinvolvi trasferiment dirett ta’ fondi (per eżempju derogi, self, u infużjoni ta’ ekwità’), il-potenzalità ta’ trasferimenti diretti ta’ fondi jew obbligi (per eżempju garanziji ta’ self);

(ii)

id-dħul tal-flus tal-gvern li huwa dovut mod ieħor jiġi minsi jew ma jinġabarx (per eżempju inċentivi fi skali bħal krediti tat-taxxa) […]

(iii)

gvern jipprovdi oġġetti jew servizzi għajr mill-infrastruttura ġenerali, jew jixtri oġġetti;

(iv)

gvern jagħmel pagamenti għal mekkaniżmu ta’ fużjoni, jew iħalli f’idejn jew jidderiġi entità privata sabiex jagħmel wieħed jew iktar tat-tipi ta’ funzjonijiet hawn fuq illustrati fil-paragrafi (i) u (ii) li normalment jiġu vestiti fil-gvern u fil-prattika, u f’ebda sens, ma’ huma differenti mill-prattika normali li tiġi segwita mill-gvernijiet;

[…]

u

(b)

benefiċċju jingħata hekk,

[…]”

5

L-Artikolu 2 ta’ dan il-ftehim, li huwa intitolat “Speċifiċità”, jipprovdi:

“2.1.   Sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit jekk sussidju, kif definit fil-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 1, huwa speċifiku dwar intrapriża jew industrija jew grupp ta’ intrapriżi jew industriji (indikati bħala ‘ċerti intrapriżi’ f’dan il-Ftehim) fil-ġurisdizzjoni ta’ l-awtorità li tkun qed tagħti dan, il-prinċipji li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

Billi l-awtorità li qed tagħti s-sussidju, jew fuq bażi tal-leġislazzjoni li tiġi segwita mill-awtorità li qed tagħti s-sussidju sabiex din tkun tista topera, espliċitatament tillimita l-aċċess lis-sussidju lil ċerti intrapriżi, liema sussidju jkun speċifikat.

(b)

billi l-awtorità li qed tagħti s-sussidju, jew il-leġislazzjoni segwita minnha sabiex din tkun tista topera, tistabbilixxi kriterji oġġettivi jew kondizzjonijiet […] li jikkonċernaw l-eliġibbilità ghal u l-ammont ta’ sussidji, l-ispeċifiċità ma tkunx teżisti, iżda jinħtieġ li l-eġibbilità tkun awtomatika u li dawn it-tipi ta’ kriterji u kondizzjonijiet jkunu strettament osservati. […]

(ċ)

Jekk, minkejja d-dehra ta’ riżultati derivanti minn nuqqas ta’ speċifiċità riżultanti mill-applikazzjoni tal-prinċipji mniżżla fis-sub-paragrafi (a) u (b), hemm raġunijiet ghalxiex wieħed jemmen li s-sussidji jistgħu fil-fatt ikunu speċifiċi, jistgħu jitqiesu fatturi oħra. […]

2.2.   Sussidju limitat lil ċerti intrapriżi ġeografikament lokalizzati f’reġjun nominat fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni ta’ l-awtorità li qed tagħti s-sussidju ikun wieħed speċifiku. […]

[…]”

6

L-Artikolu 5 tal-imsemmi ftehim, li huwa intitolat “Effetti Kuntrarji”, jipprovdi:

“L-ebda Membru għandu jikkawża, permezz ta’ l-użu ta’ kwalunkwe sussidju b’referenza għal paragrafi 1 u 2 ta’ l-Artiklu 1, effetti avversi fil-konfront ta’ l-interessi tal-Membri l-oħra, jiġifieri:

[…]”

7

L-Artikolu 11 tal-istess ftehim, li huwa intitolat “Bidu u Investigazzjoni Sussegwenti”, jipprevedi, fil-paragrafu 8 tiegħu:

“F’każijiet meta prodotti mhumiex impurtat direttament mill-pajjiż ta’ oriġini iżda huma esportati mill-Membru li qed jimporta mill-pajjiż intermedjarju, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim japplikaw bi sħiħ u t-transazzjoni jew transazzjonijiet għandhom, għall-għan ta’ dan il-Ftehim, jitqiesu bħallikieku seħħew bejn pajjiż ta’ oriġini u membru li qed jimporta.”

Id‑dritt tal‑Unjoni

8

Il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet issussidjati minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea kienet suċċessivament irregolata, mill‑1968 sal‑1994, minn sensiela ta’ regolamenti komuni għal dan il-qasam u għal dak tad-dumping, imbagħad minn sensiela ta’ regolamenti speċifiċi. L-aħħar wieħed minn dawn ir-regolamenti speċifiċi huwa r-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 55), kif emendat bir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 (ĠU 2018, L 143, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament 2016/1037”).

9

Il-premessi 2 sa 5 tar-Regolament 2016/1037 jipprovdu:

“(2)

L-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ […] jinkludi, fost l-oħrajn, […] Ftehim dwar Sussidji u Miżuri Kumpensatorji […]

(3)

Sabiex tkun żgurata applikazzjoni korretta u trasparenti tar-regoli stabbiliti fil-Ftehim dwar is-Sussidji [u l-Miżuri ta’ Kumpens], il-lingwaġġ ta’ dak il-Ftehim għandu kemm jistà jkun jiġi rifless fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(4)

Barra minn hekk, jidher xieraq li tingħata spjegazzjoni, b’dettalji adegwati, meta sussidju għandu jkun meqjus li jeżisti, skont liema prinċipji għandu jkun kumpensabbli (partikolarment jekk is-sussidju kienx mogħti speċifikament), u skont liema kriterji għandu jiġi kkalkulat l-ammont tas-sussidju kumpensabbli.

(5)

Biex tiġi determinata l-eżistenza ta’ sussidju, huwa meħtieġ li jintwera li kien hemm kontribuzzjoni finanzjarja minn gvern jew korp pubbliku fit-territorju ta’ pajjiż, […], u li b’hekk ingħata benefiċċju lill-intrapriża li tkun irċevietu.”

10

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, li huwa intitolat “Prinċipji”, jipprovdi:

“1.   Jista’ jkun impost dazju kumpensatorju għat-tpaċija ta’ kwalunkwe sussidju mogħti, direttament jew indirettament, għall-manifattura, il-produzzjoni, l-esportazzjoni jew it-trasport ta’ kwalunkwe prodott li r-rilaxx tiegħu għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni tikkawża dannu.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, fejn il-prodotti ma jkunux importati direttament mill-pajjiż tal-oriġini iżda jkunu esportati lejn l-Unjoni minn xi pajjiż intermedju, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu applikabbli bis-sħiħ u t-transazzjoni jew transazzjonijiet għandhom, fejn ikun il-każ, ikunu meqjusa bħala li seħħew bejn il-pajjiż tal-oriġini u l-Unjoni.”

11

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jipprevedi, b’mod partikolari, li, għall-finijiet tiegħu:

“(a)

prodott huwa meqjus li jkun sussidjat jekk jibbenefika minn sussidju kumpensabbli kif definit fl-Artikoli 3 u 4. Tali sussidju jista’ jingħata mill-gvern tal-pajjiż tal-oriġini tal-prodott importat, jew mill-gvern ta’ pajjiż intermedju li minnu tkun saret l-esportazzjoni lejn l-Unjoni, magħruf għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament bħala ‘l-pajjiż tal-esportazzjoni’;

(b)

‘gvern’ tfisser gvern jew kull korp pubbliku fit-territorju tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-esportazzjoni”.

12

L-Artikolu 3 tal-istess regolament, li huwa intitolat “Definizzjoni ta’ sussidju”, huwa fformulat kif ġej:

“Sussidju għandu jkun meqjus li jeżisti jekk:

1.

(a)

ikun hemm kontribuzzjoni finanzjarja minn gvern fil-pajjiż tal-oriġini jew tal-esportazzjoni, jiġifieri, fejn:

(i)

teżisti prattika tal-gvern li tinvolvi trasferiment dirett ta’ fondi (per eżempju, għoti, self, equity infusion), trasferimenti diretti potenzjali ta’ fondi jew ta’ passiv (per eżempju, garanziji għal xi self);

(ii)

introjtu tal-gvern, li b’xi mod ieħor ikun dovut, ikun ġie stabbilit bħala mhux eżiġibbli jew ma jinġabarx (per eżempju, inċentivi fiskali bħal krediti ta’ taxxa). […]

(iii)

il-gvern jipprovdi oġġetti jew servizzi apparti mill-infrastruttura ġenerali, jew jixtri oġġetti;

(iv)

il-gvern:

jagħmel ħlasijiet lil mekkaniżmu ta’ fondi, jew

jinkariga jew jidderieġi korp privat biex iwettaq waħda jew iktar mit-tip ta’ funzjonijiet deskritti fil-punti (i), (ii) u (iii) li normalment ikunu responsabbiltà tal-gvern, u l-prattika, fl-ebda sens, ma tkun differenti mill-prattiċi normali segwiti minn gvernijiet;

[…]

[…] u

2.

b’hekk jingħata benefiċċju.”

13

L-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/1037, intitolat “Sussidji kumpensabbli”, jipprovdi:

“1.   Is-sussidji għandhom ikunu soġġetti għal miżuri kumpensatorji biss jekk ikunu speċifiċi, kif definiti fil-paragrafi 2, 3 u 4.

2.   Sabiex jiġi determinat jekk xi sussidju jkunx speċifiku għal xi intrapriża jew industrija jew grupp ta’ intrapriżi jew industriji (‘ċerti intrapriżi’) fil-ġurisdizzjoni tal-awtorità li tagħtihom, għandhom ikunu applikabbli l-prinċipji li ġejjin:

(a)

fejn l-awtorità li tagħtihom, jew il-leġiżlazzjoni li taħtha topera l-awtorità li tagħtihom, tillimita espliċitament l-aċċess għal sussidju lil ċerti intrapriżi, tali sussidju għandu jkun speċifiku;

(b)

fejn l-awtorità li tagħtihom, jew il-leġiżlazzjoni li taħtha topera l-awtorità li tagħtihom, tistabbilixxi kriterji jew kondizzjonijiet oġġettivi li jirregolaw l-eliġibbiltà għal, u l-ammont ta’, sussidju, l-ispeċifiċità m’għandiex teżisti, sakemm tali eliġibbiltà tkun awtomatika u li tali kriterji u kondizzjonijiet ikunu strettament osservati;

(ċ)

jekk, minkejja kwalunkwe dehra ta’ non-speċifiċità li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fil-punti (a) u (b), ikun hemm raġunijiet li wieħed jemmen li s-sussidju jista’ fil-fatt ikun speċifiku, jistgħu jiġu kkunsidrati fatturi oħra. Tali fatturi huma: l-użu ta’ programm ta’ sussidju minn numru limitat ta’ ċerti intrapriżi; l-użu predominanti minn ċerti intrapriżi; l-għoti ta’ ammonti kbar b’mod sproporzjonat ta’ sussidju lil ċerti intrapriżi; il-mod li bih id-diskrezzjoni ġiet eżerċitata mill-awtorità li tagħtihom fid-deċiżjoni tal-għoti ta’ sussidju. […]

[…]

3.   Sussidju li jkun limitat għal ċerti intrapriżi li jinsabu f’reġjun ġeografiku magħżul, fil-ġurisdizzjoni tal-awtorità li tagħtihom, għandu jkun speċifiku. […]

[…]”

14

Skont l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, li huwa intitolat “Kalkolu tal-ammont ta’ sussidju kumpensabbli”:

“L-ammont ta’ sussidji kumpensabbli għandu jiġi kalkulat fit-termini tal-benefiċċji mogħtija lill-benefiċjarju, li jinstabu li jkunu jeżistu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni dwar is-sussidjar. Normalment dan il-perjodu għandu jkun l-aktar sena fiskali riċenti għar-reċipjent, iżda jista’ jkun kwalunkwe perjodu ieħor ta’ mill-inqas sitt xhur qabel il-bidu tal-investigazzjoni li għalih ikun hemm disponibbli data finanzjarja affidabbli u data oħra relevanti.”

15

L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, li huwa intitolat “Kalkolu tal-benefiċċju lir-reċipjent”, jipprovdi:

“Fir-rigward tal-kalkolu ta’ benefiċċju lir-reċipjent, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

għotja minn gvern ta’ equity capital m’għandhiex titqies li tagħti xi benefiċċju, sakemm l-investiment jista’ jkun meqjus bħala inkonsistenti mal-prattika ta’ investiment tas-soltu, inkluż għall-għotja ta’ kapital ta’ riskju, ta’ investituri privati fit-territorju tal-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni;

(b)

self minn gvern m’għandux jitqies li jagħti xi benefiċċju, sakemm ma jkunx hemm differenza bejn l-ammont li d-ditta li tkun tirċievi s-self tħallas fuq is-self tal-gvern u l-ammont li d-ditta jkollha tħallas għal self kummerċjali komparabbli li d-ditta setgħet effettivament tikseb fis-suq. F’dak il-każ, il-benefiċċju għandu jkun id-differenza bejn dawk iż-żewg ammonti;

(c)

garanzija ta’ self minn gvern m’għandhiex titqies li tagħti xi benefiċċju, sakemm ma jkunx hemm differenza bejn l-ammont li d-ditta li tirċievi l-garanzija tħallas fuq self garantit mill-gvern u l-ammont li d-ditta jkollha tħallas għal self kummerċjali komparabbli fin-nuqqas tal-garanzija governattiva. F’dak il-każ il-benefiċċju għandu jkun id-differenza bejn dawk iż-żewġ ammonti, b’aġġustament għal xi differenzi fil-miżati;

(d)

l-għoti ta’ oġġetti jew servizzi jew xiri ta’ oġġetti minn gvern m’għandux jitqies bħala għoti ta’ xi benefiċċju, sakemm l-għoti jsir għal remunerazzjoni li tkun anqas minn dik adegwata jew li x-xiri jsir għal remunerazzjoni li tkun aktar milli adegwata. L-adegwatezza ta’ remunerazzjoni għandha tiġi determinata b’referenza għall-kondizzjonijiet tas-suq prevalenti għall-prodott jew servizz in kwistjoni fil-pajjiż tal-għoti jew tax-xiri, inkluż il-prezz, il-kwalità, id-disponibbiltà, kemm hu kummerċabbli, it-trasport u kondizzjonijiet oħra tax-xiri jew tal-bejgħ.

[…]”

16

Barra minn hekk, diversi dispożizzjonijiet tal-istess regolament, b’mod partikolari l-Artikolu 9(3) tiegħu, l-Artikolu 10(7) u (13) tiegħu, l-Artikolu 11(6), (7) u (10) tiegħu, l-Artikolu 13(1) sa (3) tiegħu, l-Artikolu 18(3) tiegħu, l-Artikolu 29a(1) tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 30(1) u (2) tiegħu, jipprevedu diversi possibbiltajiet għall-benefiċċju, b’mod partikolari, tal-“pajjiż tal-oriġini jew tal-esportazzjoni”, tal-“gvern tal-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni”, tal-“gvern tal-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni” kif ukoll tal-“gvern li jkun ikkonċeda s-sussidji kumpensabbli”.

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

17

Il-fatti li wasslu għal dan it-tilwim, kif esposti fis-sentenzi appellati, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

18

Hengshi u Jushi huma żewġ kumpanniji stabbiliti fl-Eġittu u kkostitwiti skont il-liġijiet ta’ dak il-pajjiż. Kull waħda minnhom hija s-sussidjarja ta’ kumpannija omm stabbilita fiċ-Ċina. Dawn iż-żewġ kumpanniji omm huma huma stess miżmuma u kkontrollati kompletament minn kumpannija holding stabbilita wkoll fiċ-Ċina, imsejħa “China National Building Materials Co. Ltd”. Din tal-aħħar hija kumpannija tal-Istat miżmuma indirettament u kkontrollata kompletament mill-Kummissjoni għas-Superviżjoni u għall-Amministrazzjoni tal-Assi Pubbliċi tal-Kunsill tal-Istat, fejn din l-awtorità hija hija stess marbuta mal-imsemmi Kunsill tal-Istat u hija kkontrollata minnu.

19

Hengshi u Jushi huma attivi, b’diversi modi, fis-settur tal-manifattura, tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-esportazzjoni, b’mod partikolari lejn l-Unjoni, ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ użati, fost l-oħrajn, sabiex joħolqu materjali komposti ħfief li jintużaw f’oqsma bħall-industrija tal-karozzi, bħall-industrija navali, bħall-industrija tal-avjazzjoni, bħall-enerġija mir-riħ u bħall-bini.

20

Huma stabbiliti f’reġjun ġeografiku msejjaħ “Żona ta’ Kooperazzjoni Ekonomika u Kummerċjali Sino-Eġizzjana ta’ Suez” (iktar ’il quddiem iż-“żona CECS”).

21

Konformement ma’ ftehim ta’ kooperazzjoni ffirmat fil‑21 ta’ Jannar 2016 bejn il-Gvern Ċiniż u l-Gvern Eġizzjan, wara suċċessjoni ta’ inizjattivi konġunti, iż-żona CECS hija amministrata u żviluppata b’mod konġunt. Għal dan l-għan, l-awtoritajiet pubbliċi Eġizzjani jagħtu ċerti eżenzjonijiet fiskali lill-impriżi miżmuma minn entitajiet Ċiniżi jew Sino-Eġizzjani li huma stabbiliti f’din iż-żona u jipprovdulhom artijiet kif ukoll ħaddiema, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Eġizzjana applikabbli. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Ċiniż iqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dawn l-impriżi diversi mezzi finanzjarji, direttament jew indirettament, fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ proġett globali intitolat “One Belt, One Road”, li b’rabta miegħu hija prevista b’mod partikolari l-possibbiltà, għall-impriżi Ċiniżi li ser jistabbilixxu ruħhom f’pajjiżi terzi, li jibbenefikaw minn diversi miżuri fiskali u finanzjarji fil-forma, pereżempju, ta’ self, ta’ investimenti u ta’ assigurazzjoni tal-kreditu.

22

Matul Mejju u Ġunju 2019, il-Kummissjoni Ewropea fetħet, skont l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament 2016/1037, żewġ proċeduri ta’ investigazzjoni li kellhom bħala suġġett il-possibbiltà ta’ sussidji li jibbenefikaw minnhom l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-fibra tal-ħġieġ fl-Unjoni, wara lmenti mressqa, rispettivament, mill-kumpannija Tech-Fab Europe eV (iktar ’il quddiem “Tech-Fab Europe”) u mill-Association des producteurs de fibres de verre européens (l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Produtturi tal-Fibra tal-Ħġieġ) (APFE).

23

Fi tmiem dawn l-investigazzjonijiet, il-Kummissjoni suċċessivament adottat, matul Ġunju 2020, ir-Regolament kontenzjuż fil-Kawża T‑480/20 u r-Regolament kontenzjuż fil-Kawża T‑540/20. Ir-Regolamenti kontenzjużi jistabbilixxu t-tnejn li huma dazji kumpensatorji fuq il-prodotti tal-fibra tal-ħġieġ koperti mill-imsemmija investigazzjonijiet li huma importati fl-Unjoni, rispettivament, minn Hengshi u Jushi, fir-rigward tal-ewwel, u minn Jushi, fir-rigward tat-tieni. F’dawn ir-regolamenti, il-Kummissjoni qieset li Hengshi u Jushi kienu bbenefikaw, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-diversi inizjattivi msemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, minn numru ta’ sussidji mogħtija mill-Gvern Eġizzjan. Uħud mill-miżuri li ġew ikklassifikati b’dan il-mod huma essenzjalment, skont dik l-istituzzjoni, ir-riżultat ta’ kooperazzjoni bejn dan il-gvern u l-Gvern Ċiniż.

Il‑kawżi quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenzi appellati

24

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Lulju 2020, Hengshi u Jushi ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tar-Regolament kontenzjuż fil-Kawża T‑480/20. Insostenn ta’ dan ir-rikors, huma invokaw sitt motivi bbażati fuq il-ksur tar-Regolament 2016/1037 u, fir-rigward ta’ wieħed minnhom, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

25

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Ottubru 2020, Tech-Fab Europe talbet li tintervjeni fil-kawża, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

26

Permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ Jannar 2021, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dan l-intervent.

27

Fl‑1 ta’ Marzu 2023, il-Qorti Ġenerali adottat is-sentenza T‑480/20, li permezz tagħha ċaħdet ir-rikors bħala infondat.

28

Fl-istess ħin, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Awwissu 2020, Jushi ppreżentat rikors intiż għall-annullament tar-Regolament kontenzjuż fil-Kawża T‑540/20. Insostenn ta’ dan ir-rikors, hija invokat ħames motivi bbażati fuq il-ksur tar-Regolament 2016/1037 u, fir-rigward ta’ tnejn minnhom, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża tal-Gvern Eġizzjan. Bla ħsara għal dan l-aħħar aspett, dawn il-motivi huma essenzjalment identiċi għat-tieni sas-sitt motiv invokat fil-Kawża T‑480/20.

29

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Diċembru 2020, l-APFE talbet li tintervjeni fil-kawża, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

30

Permezz ta’ digriet tat‑28 ta’ April 2021, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dan l-intervent.

31

Fl‑1 ta’ Marzu 2023, il-Qorti Ġenerali adottat is-sentenza T‑540/20, li permezz tagħha ċaħdet ir-rikors bħala infondat.

32

Il-motivi tal-ewwel istanza rilevanti għall-finijiet ta’ dawn l-appelli huma dawn li ġejjin. Fl-ewwel lok, permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv fil-Kawża T‑480/20 kif ukoll permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv fil-Kawża T‑540/20, ir-rikorrenti kienu sostnew, b’termini identiċi, li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 2(a) u (b), kif ukoll il-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/1037 billi qieset, essenzjalment, li ċerti kontribuzzjonijiet finanzjarji li kienu ngħatawlhom mill-Gvern Ċiniż kellhom ukoll jitqiesu bħala sussidji li ngħataw mill-Gvern Eġizzjan jew li setgħu jiġu attribwiti jew imputati lil dan tal-aħħar. Insostenn ta’ dan l-argument, huma kienu ressqu tliet ilmenti distinti li skonthom ir-raġunament tal-Kummissjoni kien ibbażat, l-ewwel nett, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/1037 kif ukoll tal-kuntest tagħhom, it-tieni nett, fuq it-teħid inkunsiderazzjoni żbaljat tal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament u, it-tielet nett, jekk jitqies li dan il-ftehim għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ dan tal-aħħar fid-dawl tal-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati tat‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”), kif ukoll tal-Artikolu 11 tal-Artikoli dwar ir-Responsabbiltà tal-Istati għal Atti Internazzjonalment Illegali, imfassla mill-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet dawn l-argumenti kollha fil-punti 71 sa 103 tas-sentenza T‑480/20 u fil-punti 38 sa 70 tas-sentenza T‑540/20.

33

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar it-tieni parti tat-tieni motiv invokat minn Hengshi u Jushi fil-Kawża T‑480/20 kif ukoll dwar it-tielet parti tal-ewwel motiv invokat minn Jushi fil-Kawża T‑540/20. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti kienu sostnew, b’termini identiċi, li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament 2016/1037 billi qieset li ċerti kontribuzzjonijiet finanzjarji li kienu ngħatawlhom mill-Gvern Ċiniż kienu jikkostitwixxu sussidji speċifiċi fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Insostenn ta’ dan l-argument, huma kienu sostnew, essenzjalment, li, fid-dawl tal-kliem tagħhom u tal-kuntest tagħhom, l-imsemmija dispożizzjonijiet kellhom jiġu interpretati fis-sens li, sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala speċifiku, sussidju għandu jkun ingħata, għalhekk, minn awtorità partikolari lil impriżi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħha. Barra minn hekk, huma kienu sostnew li, f’dan il-każ, tali rekwiżit kien jeskludi li kontribuzzjonijiet finanzjarji mogħtija mill-Gvern Ċiniż lil impriżi stabbiliti fiċ-Ċina u trażmessi mill-ġdid minnhom lis-sussidjarji tagħhom stabbiliti fl-Eġittu, kif ukoll kontribuzzjonijiet finanzjarji mogħtija direttament minn dan il-gvern lil dawn is-sussidjarji, setgħu jiġu kklassifikati bħala sussidji speċifiċi mogħtija minn awtorità Eġizzjana. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmija argumenti fil-punti 106 sa 109 tas-sentenza T‑480/20 u fil-punti 73 sa 76 tas-sentenza T‑540/20.

34

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar ir-raba’ motiv invokat minn Hengshi u Jushi fil-Kawża T‑480/20 kif ukoll dwar it-tielet motiv invokat minn Jushi fil-Kawża T‑540/20. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti kienu sostnew, b’termini identiċi, li l-Kummissjoni kienet kisret il-punt 1(a)(ii) u l-punt 2 tal-Artikolu 3 kif ukoll l-Artikolu 5 tar-Regolament 2016/1037 billi qieset li l-Gvern Eġizzjan kien tahom sussidju u, b’dan il-mod, tahom vantaġġ, billi ma rċeviex ċerti dazji doganali normalment dovuti mal-importazzjoni fl-Eġittu, minn Jushi, ta’ materjali li huma intiżi li jintużaw, bħala inputs, għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ intiżi għall-esportazzjoni minn Hengshi lejn l-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument fil-punti 162 sa 171 tas-sentenza T‑480/20 u fil-punti 129 sa 138 tas-sentenza T‑540/20.

35

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar il-ħames motiv invokat minn Hengshi u Jushi fil-Kawża T‑480/20 kif ukoll dwar ir-raba’ motiv invokat minn Jushi fil-Kawża T‑540/20. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti kienu sostnew, b’termini identiċi, li l-Kummissjoni kienet kisret il-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(2)(c) tar-Regolament 2016/1037 billi qieset li t-trattament fiskali tal-Gvern Eġizzjan għat-telf mill-kambju minħabba l-iżvalutazzjoni tal-lira Eġizzjana li seħħet matul l‑2016 kien jikkostitwixxi sussidju li jagħti de facto vantaġġ speċifiku lil numru limitat ta’ impriżi orjentati lejn l-esportazzjoni u li jwettqu l-parti l-kbira tal-attivitajiet tagħhom f’muniti barranin, fosthom Hengshi u Jushi. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument fil-punti 175 sa 179 tas-sentenza T‑480/20 u fil-punti 142 sa 146 tas-sentenza T‑540/20.

36

Fil-ħames u l-aħħar lok, fil-Kawża T‑480/20, il-Qorti Ġenerali tat deċiżjoni dwar l-ewwel parti tal-ewwel motiv invokat minn Hengshi u Jushi. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti kienu sostnew li l-Kummissjoni kienet kisret, b’mod partikolari, l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 5 u l-Artikolu 6 tar-Regolament 2016/1037 meta kkalkolat l-ammont ta’ sussidji suġġetti għal miżuri ta’ kumpens mogħtija lil kull waħda minnhom. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument fil-punti 32 sa 58 tas-sentenza T‑480/20.

It‑talbiet tal‑partijiet u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

37

Permezz tal-appell tagħhom fil-Kawża C‑269/23 P, Hengshi u Jushi jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza T‑480/20;

tannulla r-Regolament kontenzjuż fil-Kawża T‑480/20, wara li dik il-kawża tiġi invokata, u

tikkundanna lill-Kummissjoni u lil kull intervenjent għall-ispejjeż kemm tal-ewwel istanza kif ukoll fl-istadju tal-appell.

38

Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑272/23 P, Jushi titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza T‑540/20;

tannulla r-Regolament kontenzjuż fil-Kawża T‑540/20, wara li dik il-kawża tiġi invokata, u

tikkundanna lill-Kummissjoni u lil kull intervenjent għall-ispejjeż kemm tal-ewwel istanza kif ukoll fl-istadju tal-appell.

39

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad iż-żewġ appelli u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

40

Tech-Fab Europe titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell fil-Kawża C‑269/23 P u tikkundanna lil Hengshi u lil Jushi għall-ispejjeż.

41

L-APFE titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell fil-Kawża C‑272/23 P u tikkundanna lil Jushi għall-ispejjeż.

42

Permezz ta’ deċiżjoni adottata mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Diċembru 2023, wara li nstemgħu l-partijiet, iż-żewġ kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tas-sentenza.

Fuq l‑appell

43

Insostenn tat-talbiet tagħhom fil-Kawża C‑269/23 P, Hengshi u Jushi jinvokaw ħames aggravji.

44

Insostenn tat-talbiet tagħha fil-Kawża C‑272/23 P, Jushi tinvoka erba’ aggravji, li huma identiċi, essenzjalment, għat-tieni sar-raba’ aggravju fil-Kawża C‑269/23 P.

Fuq l‑ewwel aggravju komuni għaż‑żewġ kawżi

L‑argumenti tal‑partijiet

45

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom fil-Kawża C‑269/23 P, ibbażat, essenzjalment, fuq interpretazzjoni u fuq applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 2(a) u (b) kif ukoll tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/1037, Hengshi u Jushi jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 81 sa 103 tas-sentenza T‑480/20. Dan l-aggravju huwa identiku għall-ewwel aggravju fil-Kawża C‑272/23 P, li permezz tiegħu Jushi tikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 48 sa 70 tas-sentenza T‑540/20.

46

Permezz ta’ dan l-aggravju komuni għaż-żewġ kawżi, li jikkorrispondi għall-motivi tal-ewwel istanza miġbura fil-qosor fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni setgħet tqis li ċerti kontribuzzjonijiet finanzjarji li kienu ngħataw lilhom mill-Gvern Ċiniż, kemm direttament jew permezz tal-kumpanniji omm tagħhom, kellhom ukoll jitqiesu bħala sussidji li ngħataw mill-Gvern Eġizzjan jew li setgħu jiġu attribwiti jew imputati lil dan tal-aħħar.

47

F’dan ir-rigward, huma jsostnu, fl-ewwel lok, li din il-klassifikazzjoni ġuridika u l-interpretazzjoni li hija l-bażi tagħha, kif stabbiliti fil-punti 81 sa 85 u 92 sa 95 tas-sentenza T‑480/20 kif ukoll fil-punti 48 sa 52 u 59 sa 62 tas-sentenza T‑540/20, huma inkompatibbli mat-termini tal-Artikolu 2(a) u (b) kif ukoll tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/1037, mifhuma fid-dawl tal-kuntest li fih jinsabu dawn id-dispożizzjonijiet u tal-għan li għandu jintlaħaq mill-imsemmi regolament.

48

Fil-fatt, qabelxejn, l-Artikolu 2(a) u (b), kif ukoll il-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/1037 jistabbilixxu b’mod ċar u preċiż, fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tagħhom, li l-kunċett ta’ “sussidju” jinkludi biss kontribuzzjonijiet finanzjarji li joriġinaw “minn gvern fil-pajjiż tal-oriġini jew tal-esportazzjoni”, mifhum, bħala regola ġenerali, bħala li jinkludi “gvern jew kull korp pubbliku fit-territorju” ta’ dan il-pajjiż, bla ħsara għal eċċezzjoni waħda, marbuta mas-sitwazzjoni li fiha tali korpi jinkarigaw “korp privat” sabiex iwettaq funzjonijiet li normalment huma r-responsabbiltà tagħhom jew jordnawlu jagħmel dan. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet ma jippermettux li jiġu inklużi f’dan il-kunċett il-kontribuzzjonijiet finanzjarji li joriġinaw minn gvern ta’ pajjiż ieħor. Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjonijiet jirreferu għas-sussidji li huma “mogħtija minn” il-gvern inkwistjoni u mhux għal dawk li huma “attribwibbli” jew “imputibbli” lilu. L-imsemmi kunċett jista’ għalhekk jinkludi biss sussidji li jirriżultaw direttament minn dan il-gvern, bla ħsara għall-eċċezzjoni prevista, b’mod espress u limitattiv, fil-preżenza ta’ korpi privati li jaġixxu għan-nom ta’ dan tal-aħħar.

49

Sussegwentement, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest li jagħmlu parti minnu l-Artikolu 2(a) u (b), kif ukoll il-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/1037. B’mod partikolari, l-Artikolu 10(7) u l-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament jagħtu sensiela ta’ drittijiet u ta’ possibbiltajiet lill-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni. Min-naħa l-oħra, xejn minn dan ma huwa previst għall-benefiċċju ta’ pajjiżi oħra, fil-każ fejn l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali kellha tiġi aċċettata.

50

Fl-aħħar nett, il-premessa 4 tar-Regolament 2016/1037 tindika li dan l-att għandu b’mod partikolari l-għan li jispjega, f’forma suffiċjentement iddettaljata, il-kundizzjonijiet li jiddeterminaw l-eżistenza ta’ sussidju, li fosthom ma hemmx dik dwar il-possibbiltà li tiġi attribwita jew imputata kontribuzzjoni finanzjarja mill-gvern tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni, b’hekk mogħtija minnu, lill-gvern ta’ pajjiż ieħor. B’mod iktar ġenerali, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jkopri l-investimenti barranin diretti b’dan ir-regolament.

51

Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni tar-Regolament 2016/1037 adottata mill-Qorti Ġenerali lanqas ma tista’ titqies li hija ġġustifikata fid-dawl tal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens.

52

Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li stabbilixxiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 96 sa 100 tas-sentenza T‑480/20 u fil-punti 63 sa 67 tas-sentenza T‑540/20, il-kliem tal-Artikolu 2(a) u (b) kif ukoll dak tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/1037 huma parzjalment differenti minn dak tal-Artikolu 1 ta’ dan il-ftehim. B’mod partikolari, b’differenza minn dan tal-aħħar, li jipprevedi li l-kunċett ta’ “gvern” jinkludi b’mod ġenerali “korp pubbliku ieħor qed jagħti kontribuzzjoni finanzjarja fit-territorju ta’ Membru”, l-ewwel jiddikjaraw li dan il-kunċett jinkludi biss “gvern jew kull korp pubbliku fit-territorju tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-esportazzjoni”. Issa, din id-differenza fir-redazzjoni għandha tingħata sinjifikat.

53

Fi kwalunkwe każ, kuntrarjament għal dak li ddikjarat il-Qorti Ġenerali fil-punti 101 u 102 tas-sentenza T‑480/20 kif ukoll fil-punti 68 u 69 tas-sentenza T‑540/20, l-Artikolu 1 tal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens, li t-termini tiegħu għandhom jiġu interpretati konformement mar-regoli previsti fl-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, juri b’mod ċar li dan il-ftehim lanqas ma jippermetti li kontribuzzjoni finanzjarja li tirriżulta mill-gvern ta’ membru tal-WTO tiġi kklassifikata bħala sussidju imputabbli lill-gvern ta’ membru ieħor tal-WTO. Fil-fatt, minn dan l-Artikolu 1 jirriżulta li tikkostitwixxi sussidju “[mill-g]vern’ [ta’] Membru” kontribuzzjoni finanzjarja li “ġejja” minn korp eżekuttiv jew minn korp pubbliku “fit-territorju” ta’ dan il-membru. Barra minn hekk, l-imsemmi artikolu ma jipprevedix il-possibbiltà li tali kontribuzzjoni finanzjarja tiġi imputata lill-gvern ta’ membru ieħor. Fl-aħħar nett, il-kuntest li fih dawn it-termini għandhom jinftiehmu u l-għan imfittex mill-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens jikkorroboraw tali interpretazzjoni.

54

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-APFE u minn Tech-Fab Europe, tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti kollha.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

– Kunsiderazzjonijiet preliminari

55

Sa fejn l-appellanti jsostnu li s-sentenzi appellati huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi li jikkonsistu essenzjalment, għall-Qorti Ġenerali, fl-istħarriġ tal-legalità tar-Regolamenti kontenzjużi billi bbażat ruħha mhux biss fuq interpretazzjoni żbaljata tar-Regolament 2016/1037, iżda wkoll fuq interpretazzjoni żbaljata tar-relazzjoni ġuridika li teżisti bejn dan ir-regolament u l-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens kif ukoll fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ dan il-ftehim, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat, preliminarjament, jekk u, fl-affermattiv, b’liema mod l-imsemmi ftehim għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

56

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, hija ġurisprudenza stabbilita li d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali li fir-rigward tiegħu l-Unjoni hija parti jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ rikors għall-annullament ta’ att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, ta’ eċċezzjoni bbażata fuq l-invalidità ta’ tali att jew inkella ta’ rikors għad-danni biss bil-kundizzjoni doppja li, minn naħa, in-natura u l-istruttura ta’ dan il-ftehim internazzjonali ma jipprekludux dan u, min-naħa l-oħra, li dawn id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi ftehim internazzjonali li huma invokati jidhru, mil-lat tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi (sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punti 4345; tal‑4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 84, kif ukoll tat‑28 ta’ Settembru 2023, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni, C‑123/21 P, EU:C:2023:708, punt 69).

57

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod kostanti li, fid-dawl tan-natura tagħhom u tal-istruttura tagħhom, il-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO u l-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1 sa 4 ta’ dan il-ftehim ma jikkostitwixxux, bħala prinċipju, regoli li fid-dawl tagħhom tista’ tiġi mistħarrġa l-legalità tal-atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Rusal Armenal, C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 85, kif ukoll tat‑28 ta’ Settembru 2023, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni, C‑123/21 P, EU:C:2023:708, punt 71).

58

Għaldaqstant, il-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens, li jinsab fl-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO, ma jikkostitwixxix, bħala prinċipju, tali regola.

59

Madankollu, f’żewġ sitwazzjonijiet eċċezzjonali, li juru r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jillimita l-marġni ta’ manuvra tiegħu fl-applikazzjoni tar-regoli tal-WTO, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tistħarreġ il-legalità ta’ att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jew tal-atti li japplikawh fid-dawl tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO jew tal-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1 sa 4 ta’ dan il-ftehim. Dan huwa, l-ewwel nett, il-każ fejn l-Unjoni kellha l-intenzjoni timplimenta, f’dan l-att, obbligu partikolari assunt fil-kuntest ta’ dawn il-ftehimiet u, it-tieni nett, il-każ fejn l-imsemmi att jirreferi espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-imsemmija ftehimiet (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Rusal Armenal, C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punti 4041; tal‑4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International u Puma, C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 87, kif ukoll tat‑28 ta’ Settembru 2023, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni, C‑123/21 P, EU:C:2023:708, punti 7475).

60

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rieda possibbli tal-Unjoni li teżegwixxi obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-ftehimiet inkwistjoni hija distinta mid-dmir ta’ kull membru tal-WTO li jiżgura, fil-kuntest tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu u fit-territorju kollu tiegħu, l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-WTO (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Edukazzjoni Ogħla), C‑66/18, EU:C:2020:792, punt 85). Din ir-rieda u l-obbligu partikolari li hija tirreferi għalih għandhom, konsegwentement, jirriżultaw minn dispożizzjoni speċifika tal-att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li huwa kkonċernat f’każ partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Rusal Armenal, C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punti 4546, kif ukoll tat‑28 ta’ Settembru 2023, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni, C‑123/21 P, EU:C:2023:708, punt 79).

61

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/1037 li jinvokaw l-appellanti fil-kuntest ta’ dan l-aggravju ma turi kwalunkwe rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jeżegwixxi, f’dan l-att, obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens jew, b’mod iktar wiesa’, tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO u tal-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1 sa 4 tiegħu.

62

Sussegwentement, l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tirreferi espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi ta’ dawn il-ftehimiet.

63

Fl-aħħar nett, għalkemm huwa minnu li l-premessa 3 tar-Regolament 2016/1037 tindika li “il-lingwaġġ [tal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens] għandu kemm jistà jkun jiġi rifless fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni”, din l-espressjoni għandha tinftiehem fis-sens li, jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jimplimenta d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim meta adotta dan ir-regolament, huwa madankollu ma riedx jagħmel l-imsemmi ftehim standard li fid-dawl tiegħu l-legalità tal-atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni tista’ tiġi mistħarrġa (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Rusal Armenal, C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punt 52, kif ukoll tat‑28 ta’ Settembru 2023, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kummissjoni, C‑123/21 P, EU:C:2023:708, punt 78).

64

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet, fil-punt 99 tas-sentenza T‑480/20 u fil-punt 66 tas-sentenza T‑540/20, li l-punt 1(a) tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/1037 kien intiż li jeżegwixxi obbligu partikolari assunt mill-Unjoni fil-kuntest tal-WTO. Madankollu, peress li din l-evalwazzjoni, introdotta bl-espressjoni “barra minn hekk”, saret mill-Qorti Ġenerali b’mod superfluwu, l-iżball ta’ liġi mwettaq b’dan il-mod ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.

65

Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma jirriżulta li s-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq l-atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni teżiġi li dawn tal-aħħar jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, b’mod konformi ma’ dawn il-ftehimiet, b’mod partikolari meta tali atti jkunu intiżi li jimplimentaw tali ftehimiet, sakemm id-dispożizzjonijiet tagħhom ikunu sostanzjalment identiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2015, Philips Lighting Poland u Philips Lighting vs Il‑Kunsill, C‑511/13 P, EU:C:2015:553, punti 6063, kif ukoll tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punti 3031). Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni għandha ssir, sa fejn huwa possibbli, b’mod konformi mar-regoli u mal-prinċipji rilevanti tad-dritt internazzjonali ġenerali, skont liema l-Unjoni hija obbligata teżerċita l-kompetenzi tagħha meta tadotta l-imsemmija atti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 291, u tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Sea Watch,C‑14/21 u C‑15/21, EU:C:2022:604, punt 92).

66

B’mod partikolari, il-prinċipju tad-dritt internazzjonali ġenerali ta’ osservanza u ta’ eżekuzzjoni bona fide tat-Trattati (pacta sunt servanda) stabbilit fl-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jimplika li l-qorti tal-Unjoni għandha, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO u tal-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1 sa 4 tiegħu, tieħu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet mogħtija mill-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim (DSB) tal-WTO. Fl-assenza ta’ tali interpretazzjoni, hija l-Qorti tal-Ġustizzja biss li għandha tinterpreta l-imsemmija ftehimiet konformement mar-regoli konswetudinarji ta’ interpretazzjoni tad-dritt internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Edukazzjoni Ogħla), C‑66/18, EU:C:2020:792, punt 92, u tal‑20 ta’ Jannar 2022, Il‑Kummissjoni vs Hubei Xinyegang Special Tube, C‑891/19 P, EU:C:2022:38, punt 32).

67

F’dan il-każ, il-kliem tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/1037 huwa sostanzjalment identiku, f’diversi aspetti, għal dak tal-Artikolu 1 tal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens, filwaqt li jinkludi differenzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi żgurat, sa fejn huwa possibbli, li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tkun konformi ma’ dan l-artikolu jew, fir-rigward tal-punti li fuqhom l-imsemmija dispożizzjoni tinkludi differenzi meta mqabbla mal-imsemmi artikolu, li din ma tmurx kontra l-obbligi tal-Unjoni taħt il-WTO (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1988, Fediol vs Il‑Kummissjoni, 188/85, EU:C:1988:400, punt 13).

68

Barra minn hekk, peress li, kif il-partijiet jaqblu li jirrikonoxxu, id-DSB għadu ma ppreċiżax is-sens u l-portata tal-Artikolu 1 tal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens fil-preżenza ta’ sitwazzjoni bħal dik prevista mis-sentenzi appellati u, qabilhom, mir-Regolamenti kontenzjużi, hija l-Qorti tal-Ġustizzja waħedha li għandha tinterpreta dan l-artikolu, skont il-modalitajiet indikati fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, sa fejn huwa neċessarju sabiex tagħti deċiżjoni fuq l-aggravji mqajma mill-appellanti.

– Fuq l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 2(a) u (b) kif ukoll tal‑punt 1 tal‑Artikolu 3 tar‑Regolament 2016/1037

69

In-nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet jirrigwarda, essenzjalment, l-identità tal-persuni li minnhom għandu joriġina sussidju sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala tali skont ir-Regolament 2016/1037. Huwa għalhekk neċessarju li jiġi ddeterminat jekk u, fl-affermattiv, b’liema mod din l-identità hija rregolata minn dan l-att, filwaqt li jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi att għandhom jiġu interpretati, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Sea Watch, C‑14/21 u C‑15/21, EU:C:2022:604, punt 115), kif fakkret il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 78 tas-sentenza T‑480/20 u fil-punt 45 tas-sentenza T‑540/20.

70

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/1037, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-punt 1(a) tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “sussidju” minn perspettiva kemm materjali kif ukoll personali.

71

Minn perspettiva materjali, jirriżulta, essenzjalment, minn dan il-punt 1(a) tal-Artikolu 3 li sussidju huwa kkostitwit minn kontribuzzjoni finanzjarja li tista’ tkun prattika li tinkludi trasferiment dirett ta’ fondi, abbandun jew nuqqas ta’ ġbir ta’ dħul pubbliku normalment eżiġibbli, provvista jew xiri ta’ oġġetti jew ta’ servizzi, jew ukoll ħlas lil mekkaniżmu ta’ finanzjament.

72

Minn perspettiva personali, l-imsemmi Artikolu 3(1)(a) jippreċiża essenzjalment, fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tiegħu, li, tkun xi tkun il-forma u n-natura tiegħu, din il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha toriġina, fil-każijiet kollha, mill-“gvern” tal-“pajjiż tal-oriġini” jew “tal-esportazzjoni” (jew fih), bla ħsara għal eċċezzjoni waħda, fid-dawl tal-ipoteżi li fiha dan il-gvern jinkariga lil korp privat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja f’ismu jew jordnalu jagħmel dan. Minn dan isegwi li, bla ħsara għal din l-eċċezzjoni, tista’ tiġi kklassifikata bħala sussidju, fis-sens tar-Regolament 2016/1037, biss kontribuzzjoni finanzjarja li tkun ipprovduta mill-gvern tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-pajjiż ta’ esportazzjoni, u għalhekk toriġina minn aġir ta’ dan tal-aħħar.

73

Sussegwentement, l-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/1037 jiddefinixxi, fost kunċetti oħra, dak ta’ “gvern” u jippreċiża n-natura tar-rabta li għandha torbtu mad-diversi forom ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji msemmija fil-punt 1(a) tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “sussidji”, sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra li jippermettu li tinżamm tali klassifikazzjoni jkunu ssodisfatti. F’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “gvern”, l-Artikolu 2(b) tal-imsemmi regolament jispeċifika li dan jinkludi “gvern jew kull korp pubbliku fit-territorju” tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-pajjiż ta’ esportazzjoni, fejn dan tal-aħħar jikkorrispondi għall-pajjiż intermedju li lejh ġie esportat prodott mill-pajjiż ta’ oriġini, u li minnu ġie importat fl-Unjoni. Fir-rigward tar-rabta li għandha tgħaqqad lill-gvern ta’ wieħed jew ta’ ieħor minn dawn il-pajjiżi ma’ kontribuzzjoni finanzjarja f’każ partikolari, l-Artikolu 2(a) tal-istess regolament jistabbilixxi li dan jikkonsisti, għal dan il-gvern, f’li “[t]ingħata” din il-kontribuzzjoni finanzjarja. Fid-dawl tal-frażi li fil-kuntest tagħha tintuża din il-kelma, hija għandha tinftiehem, konformement mas-sens normali tagħha, bħala li tirreferi għal aġir li permezz tiegħu persuna tagħti jew tassenja oġġett lil persuna oħra, kemm jekk ikun formalment mogħti lilha jew billi fil-prattika tkun permessa li tibbenefika minnu.

74

Fl-aħħar nett, l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, u l-ebda dispożizzjoni oħra tar-Regolament 2016/1037, la tippreċiża u lanqas ma tirregola espliċitament, minn perspettiva oħra, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet legali u prattiċi li fihom kontribuzzjoni finanzjarja tista’ jew għandha titqies li ngħatat mill-gvern tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni.

75

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 2(a) u (b) u tal-punt 1(a) tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/1037, għandu jitqies li, sabiex kontribuzzjoni finanzjarja tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “sussidju”, dawn id-diversi dispożizzjonijiet jimponu li jintwera, fi kwalunkwe każ, li din il-kontribuzzjoni finanzjarja tkun ingħatat lil persuna waħda jew iktar iddeterminati mill-gvern tal-pajjiż ta’ oriġini jew mill-pajjiż ta’ esportazzjoni ta’ prodott partikolari, fis-sens li korp pubbliku tat-territorju ta’ wieħed jew ta’ ieħor minn dawn il-pajjiżi jkun adotta aġir li jikkonsisti jew fl-għoti formali tal-imsemmija kontribuzzjoni finanzjarja lil dawn il-persuni, jew li jippermettilhom fil-prattika li jibbenefikaw minnha. Fiż-żewġ każijiet, dan l-aġir għandu jkollu rwol determinanti fl-allokazzjoni ta’ tali kontribuzzjoni finanzjarja.

76

Min-naħa l-oħra, la l-Artikolu 2(a) u (b) u lanqas il-punt 1(a) tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/1037 ma jinkludu indikazzjoni jew indizju li jimponi jew anki li jippermetti li jitqies li l-eżistenza ta’ sussidju għandu jkollha tali aġir bħala oriġini esklużiva.

77

B’mod partikolari, minn perspettiva personali, dawn id-dispożizzjonijiet ma jinkludu l-ebda element li jipprojbixxi li tinżamm il-klassifikazzjoni ta’ sussidju fil-preżenza ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-gvern ta’ pajjiż li ma huwiex il-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni, sakemm jintwera, fid-dawl tal-aġir tal-gvern tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni, li dan tal-aħħar jista’ jitqies li ta din il-kontribuzzjoni finanzjarja.

78

Barra minn hekk, minn perspettiva materjali, ċerti tipi ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji elenkati fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament 2016/1037 jistgħu jiġu kkaratterizzati mill-eżistenza ta’ tali sitwazzjoni, bħal dawk li jikkonsistu, għall-gvern tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni, f’li jippermetti, permezz tal-aġir tiegħu, il-provvista lil persuna speċifika waħda jew iktar ta’ fondi jew ta’ oġġetti li joriġinaw minn gvern ta’ pajjiż ieħor. L-istess japplika għal ċerti tipi ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji elenkati fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, kemm jekk dawn ikunu, pereżempju, akkwist ta’ ishma, self kif ukoll garanzija ta’ self.

79

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kuntest li jagħmlu parti minnu l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament 2016/1037, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi, kif jirriżulta mit-titolu tiegħu stess, żewġ prinċipji li għandhom importanza trażversali għall-finijiet tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

80

Għalhekk, il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 1 jipprovdi li dazju kumpensatorju jista’ jiġi impost sabiex jikkumpensa għal “kwalunkwe sussidju mogħti, direttament jew indirettament”, għall-manifattura, għall-produzzjoni, għall-esportazzjoni jew għat-trasport ta’ prodott. Din id-dispożizzjoni għandha definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “sussidju”, attestata mill-użu mhux biss tat-terminu “kwalunkwe” iżda wkoll tal-kliem “direttament jew indirettament”, li jistgħu jirrigwardaw kemm il-mod kif jingħata s-sussidju kif ukoll il-persuna li tibbenefika minnu u l-persuna li tagħtih. L-imsemmija dispożizzjoni tikkorrobora, f’dan ir-rigward, l-idea li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “sussidju” użat fir-Regolament 2016/1037 jista’ jinkludi, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni li fiha l-gvern tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni jagħti formalment kontribuzzjoni finanzjarja lil persuna waħda jew iktar, jew li fil-prattika jippermettilhom jibbenefikaw minnha, liema kontribuzzjoni toriġina, totalment jew parzjalment, mill-gvern ta’ pajjiż ieħor.

81

Barra minn hekk, mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament 2016/1037 jirriżulta li dan tal-aħħar huwa applikabbli fil-preżenza ta’ sussidju mogħti kemm mill-gvern tal-pajjiż ta’ oriġini ta’ prodott kif ukoll minn dak tal-pajjiż ta’ esportazzjoni ta’ dan il-prodott. Minkejja li dan il-prinċipju jeskludi l-possibbiltà li tiġi kklassifikata bħala sussidju, bħala tali, kontribuzzjoni finanzjarja li toriġina minn pajjiż ieħor, huwa jippermetti, għall-kuntrarju, li tinżamm tali klassifikazzjoni jekk ir-rekwiżit deskritt fil-punt 77 ta’ din is-sentenza jiġi osservat.

82

Min-naħa l-oħra, il-premessa 5 tar-Regolament 2016/1037, li fid-dawl tagħha l-Artikoli 1 sa 3 ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati, tiddikjara, hija wkoll, li l-karatterizzazzjoni tal-eżistenza ta’ sussidju teħtieġ li jintwera, b’mod partikolari, “li kien hemm kontribuzzjoni finanzjarja minn gvern jew korp pubbliku fit-territorju ta’ pajjiż”, li jista’ jsir, fost l-oħrajn, billi jiġi pprovat li, bl-aġir tiegħu, dan il-gvern ta formalment jew ippermetta fil-prattika lil persuna waħda jew iktar li jibbenefikaw minn kontribuzzjoni finanzjarja li toriġina, totalment jew parzjalment, mill-gvern ta’ pajjiż ieħor.

83

Fir-rigward, fit-tielet u l-aħħar lok, tal-għan tar-Regolament 2016/1037, mill-punt 80 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Unjoni tista’ tikkumpensa kull sussidju mogħti, direttament jew indirettament, mill-gvern ta’ pajjiżi terzi li minnu joriġinaw jew li minnhom hija importata merkanzija, skont il-kundizzjonijiet previsti minn dan ir-regolament.

84

B’mod partikolari, għandu jitqies, fid-dawl tal-kliem użat fl-Artikoli 2 u 6 tal-imsemmi regolament, li tali sussidju jista’ jieħu l-forma ta’ investiment barrani, imwettaq mill-gvern ta’ pajjiż terz partikolari, f’impriża jew f’diversi impriżi stabbiliti f’pajjiż terz ieħor, sakemm l-aġir ta’ dan il-gvern jippermetti li jitqies li huwa ta din il-kontribuzzjoni finanzjarja lil din jew lil dawn l-impriżi, billi tahielhom formalment jew billi ppermettielhom fil-prattika li jibbenefikaw minnha.

85

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-investimenti barranin, jiġifieri l-investimenti ta’ kull natura li investituri stabbiliti f’pajjiż terz partikolari jwettqu f’impriżi jew f’korpi li jeżerċitaw attività ekonomika f’pajjiżi oħra, sabiex jistabbilixxu, jiżviluppaw jew iżommu relazzjonijiet fit-tul ma’ dawn l-impriżi jew ma’ dawn il-korpi, jekk ikun il-każ billi jikkontrollawhom jew jinfluwenzawhom, jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, u b’mod iktar speċifiku taħt il-politika kummerċjali komuni, li taħtha jaqa’ r-Regolament 2016/1037, meta dawn ikunu diretti u taħt il-kompetenza kondiviża tagħha meta dawn ma jkunux diretti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Daiichi Sankyo u Sanofi-Aventis Deutschland, C‑414/11, EU:C:2013:520, punt 45, kif ukoll tat‑2 ta’ Settembru 2021, Ir‑Repubblika tal‑Moldova, C‑741/19, EU:C:2021:655, punt 26).

86

Konsegwentement, l-Artikolu 2(a) u (b), kif ukoll il-punt 1(a) tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/1037 għandhom jiġu interpretati, fid-dawl tal-kliem tagħhom, tal-kuntest li jagħmlu parti minnu u tal-għan li għandu jintlaħaq minn dan ir-regolament, fis-sens li jippermettu lill-Kummissjoni tapplika l-klassifikazzjoni ġuridika ta’ “sussidju” għal kontribuzzjoni finanzjarja li toriġina, totalment jew parzjalment, mill-gvern ta’ pajjiż terz li ma huwiex il-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni ta’ prodott partikolari, fil-każ fejn jintwera li din il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ titqies li ngħatat mill-gvern ta’ dan il-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni, fid-dawl tal-aġir tiegħu stess. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, essenzjalment, f’dan is-sens fil-punti 81 sa 84 u 95 tas-sentenza T‑480/20 kif ukoll fil-punti 48 sa 51 u 62 tas-sentenza T‑540/20.

87

Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument li l-appellanti jisiltu mill-Artikolu 10(7) u mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament 2016/1037. Fil-fatt, f’kull sitwazzjoni li taqa’ taħt dan ir-regolament, il-gvern tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni li jista’ jitqies li ta sussidju jista’ jeżerċita d-diversi possibbiltajiet previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet, bl-istess mod, barra minn hekk, bħal dawk previsti fid-dispożizzjonijiet l-oħra elenkati fil-punt 16 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, huwa jista’, għat-twettiq ta’ dan l-eżerċizzju jew b’rabta miegħu, jikkonsulta mal-gvern tal-pajjiż terz li minnu toriġina l-kontribuzzjoni finanzjarja kollha jew parti minnha li tista’ tiġi kklassifikata bħala “sussidju”. Fl-aħħar nett, huwa dan il-gvern li għandu jelimina jew jillimita dan is-sussidju, pereżempju billi jbiddel l-aġir tiegħu, jew inkella jieħu miżuri oħra dwar l-effetti tiegħu.

– Fuq l‑interpretazzjoni tal‑Ftehim dwar is‑Sussidji u l‑Miżuri ta’ Kumpens

88

Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 65 u 66 ta’ din is-sentenza, sabiex tiġi vverifikata l-konformità tal-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 86 ta’ din is-sentenza mal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens kif ukoll mal-obbligi li jirriżultaw għall-Unjoni mid-dritt tal-WTO, għandu jiġi ddeterminat jekk din l-interpretazzjoni hijiex, jekk mhux konsistenti, tal-inqas kompatibbli ma’ dan il-ftehim u ma’ dawn l-obbligi. Peress li l-Unjoni hija parti f’dan il-ftehim internazzjonali, l-interpretazzjoni tiegħu għandha ssir, hija stess, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, bl-użu tar-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, kif riflessi fl-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku ta’ din tal-aħħar (sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK, C‑266/16, EU:C:2018:118, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89

Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 31, trattat għandu jiġi interpretat in bona fide skont is-sens ordinarju tat-termini tiegħu, fil-kuntest tagħhom, kif iddefinit fil-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, kif ukoll fid-dawl tal-iskop u tal-għan tiegħu.

90

F’dan ir-rigward, għandu, l-ewwel nett, jiġi rrilevat, bħalma essenzjalment issostni l-Qorti Ġenerali fil-punt 98 tas-sentenza T‑480/20 u fil-punt 65 tas-sentenza T‑540/20, li l-punt 1.1(a) tal-Artikolu 1(1)(a) tal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens huwa fformulat f’termini sostanzjalment identiċi għal dawk tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/1037, bla ħsara għal punt partikolari. Fil-fatt, b’differenza minn dan ir-regolament, il-punt 1.1(a) tal-Artikolu 1(1), fil-verżjoni tiegħu bil-lingwa Franċiża, jiddefinixxi l-kunċett ta’ “subvention” bħala li jikkorrispondi għal kull “contribution financière des pouvoirs publics ou de tout organisme public du ressort territorial d’un Membre”. Il-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola u dik Ingliża tal-imsemmi artikolu, li huma ugwalment awtentiċi, huma fformulati b’mod identiku. Fi kliem ieħor, fid-dawl tal-kliem tiegħu, dan, moqri waħdu, jista’ jiġi interpretat, b’differenza mill-punt 1 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/1037, fis-sens li kull kontribuzzjoni finanzjarja li tirriżulta mill-gvern ta’ pajjiż membru tal-WTO, tkun xi tkun, tista’ tiġi kklassifikata bħala sussidju, indipendentement minn kull rabta bejn dan il-gvern u l-pajjiż li minnu joriġinaw jew li minnu huma esportati prodotti partikolari.

91

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-kuntest tal-punt 1.1(a)(1) tal-Artikolu 1 tal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-punti 2.1 u 2.2 tal-Artikolu 2 ta’ dan il-ftehim jipprevedu, fil-verżjoni tagħhom bil-lingwa Franċiża, li sussidju għandu, barra minn hekk, ikun speċifiku jew għal impriża, għal grupp ta’ impriżi, għal fergħa ta’ produzzjoni jew għal grupp ta’ fergħat ta’ produzzjoni “relevant de la juridiction de l’autorité qui accorde cette subvention”, jew għal “certaines entreprises situées à l’intérieur d’une région géographique déterminée relevant de la juridiction de l’autorité qui accorde cette subvention”. Il-verżjonijiet bl-Ispanjol u bl-Ingliż ta’ dan l-Artikolu 2 jużaw, min-naħa tagħhom, il-kliem “dentro de la jurisdicción de la autoridad otorgante” u “within the jurisdiction of the granting authority”. L-imsemmi Artikolu 2 jistabbilixxi, għalhekk, rabta bejn il-gvern li jagħti sussidju u l-impriża jew l-impriżi li lilhom jingħata tali sussidju kif ukoll, konsegwentement, il-prodotti li jirriżultaw minn din l-impriża jew minn dawn l-impriżi.

92

Mifhuma flimkien, il-punt 1.1(a)(1) tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens jidhru għalhekk, fir-realtà, li jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “sussidju” għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mogħtija mill-gvern tal-pajjiż ta’ oriġini ta’ dawn il-prodotti, sa fejn dan il-pajjiż huwa membru tal-WTO. L-Artikolu 11(8) ta’ dan il-ftehim jikkonferma din l-interpretazzjoni, filwaqt li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett għal kontribuzzjonijiet finanzjarji li jingħataw mill-gvern tal-pajjiż intermedjarju li lejh l-imsemmija prodotti jiġu esportati mill-pajjiż ta’ oriġini, u sussegwentement li minnu jiġu importati fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, kif jagħmel ir-Regolament 2016/1037.

93

Madankollu, l-ebda waħda mit-tliet dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ma tinkludi indikazzjoni jew indizju li jiġġustifikaw li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett il-kontribuzzjonijiet finanzjarji li, filwaqt li jistgħu jitqiesu bħala mogħtija minn tali gvern, fid-dawl tal-aġir ta’ dan tal-aħħar, xorta waħda joriġinaw, totalment jew parzjalment, mill-gvern ta’ pajjiż membru ieħor tal-WTO. F’dan ir-rigward ukoll, dawn id-dispożizzjonijiet jidhru konsistenti mal-elementi testwali u kuntestwali tar-Regolament 2016/1037 li fuqhom hija bbażata l-interpretazzjoni li tinsab fil-punt 86 ta’ din is-sentenza.

94

L-istess japplika, min-naħa l-oħra, għall-Artikolu 5 tal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens, li jipprovdi li l-ebda membru tal-WTO ma għandu jikkawża, permezz ta’ sussidju, effetti sfavorevoli għall-interessi ta’ membru ieħor tal-WTO. Fil-fatt, dan l-artikolu jista’ jiġi interpretat, huwa wkoll, fis-sens li tali membru huwa pprojbit milli jaġixxi b’dan il-mod mhux biss billi jagħti, waħdu, tali sussidju, iżda wkoll billi jadotta aġir li jippermetti lil impriża waħda jew iktar stabbiliti fit-territorju tiegħu jew li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu li jibbenefikaw minn sussidju li joriġina, totalment jew parzjalment, minn membru ieħor tal-WTO. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni, l-għoti ta’ awtorizzazzjoni jew l-użu ta’ kwalunkwe miżura oħra, minn membru tal-WTO, hija neċessarja sabiex tippermetti lil din l-impriża jew lil dawn l-impriżi jiksbu l-benefiċċju, fit-territorju tiegħu, ta’ kontribuzzjoni finanzjarja li tirriżulta minn dan il-membru l-ieħor, kemm jekk din in-neċessità tkun ta’ natura legali kif ukoll jekk tirriżulta mill-fatt li l-imsemmi membru ieħor fil-prattika jkun issuġġetta l-benefiċċju ta’ din il-kontribuzzjoni finanzjarja għal tali leġiżlazzjoni, deċiżjoni, awtorizzazzjoni jew miżura oħra.

95

Barra minn hekk, uħud mit-tipi ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji elenkati fil-punt 1.1(a)(1)(i) sa (iv) tal-Artikolu 1 tal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens, li jikkorrispondu għal dawk elenkati fil-punt 1(a) tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/1037, jistgħu jiġu kkaratterizzati mill-eżistenza ta’ tali sitwazzjoni, kif ġie rrilevat fil-punt 78 ta’ din is-sentenza.

96

Għaldaqstant jidher li l-kunċett ta’ sussidju, kif interpretat fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, ma jmurx kontra l-obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw mit-termini tal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens, ikkunsidrati fil-kuntest tagħhom.

97

It-tielet nett, minkejja li dan il-ftehim ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni li tistabbilixxi l-iskop u l-għan tiegħu, minn naħa, u minkejja li ma huwiex ippreċedut minn preambolu li jista’ jinkludi indikazzjonijiet f’dan ir-rigward, min-naħa l-oħra, mir-rapport tal-Korp tal-Appell tal-WTO tat‑28 ta’ Novembru 2002, intitolat “L-Istati Uniti – Dazji kumpensatorji fuq ċerti prodotti ċatti tal-azzar bil-karbonju ttrattat kontra l-korrużjoni li ġejjin mill-Ġermanja” (WT/DS213/AB/R, paragrafu 73), kif ukoll minn dak tal‑11 ta’ Marzu 2011, intitolat “L-Istati Uniti – Dazji antidumping u dazji kumpensatorji definittivi fuq ċerti prodotti miċ-Ċina” (WT/DS379/AB/R, paragrafu 543), li huma rapporti li ġew adottati mid-DSB, rispettivament, fid‑19 ta’ Diċembru 2002 u fil‑25 ta’ Marzu 2001, jirriżulta li l-iskop u l-għan prinċipali tal-imsemmi ftehim huma “li jiżdiedu u li jittejbu d-dixxiplini tal-GATT dwar l-użu ta’ sussidji u ta’ miżuri ta’ kumpens”, skont il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti minn dan l-istess ftehim.

98

Issa, dan l-iskop u dan l-għan ta’ tisħiħ u ta’ titjib tad-dixxiplina multilaterali fil-qasam tas-sussidji huma ta’ natura li jikkorroboraw l-interpretazzjoni testwali u kuntestwali tal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens li jinsabu fil-punti 90 sa 95 ta’ din is-sentenza iktar milli jikkontestawh. Fil-fatt, huma jipprivileġġaw interpretazzjoni tat-termini ta’ dan il-ftehim, u b’mod iktar partikolari tal-kunċett ta’ “sussidju mogħti mill-gvern”, li tieħu inkunsiderazzjoni ż-żieda fl-internazzjonalizzazzjoni tal-impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ dinji kif ukoll l-appoġġ, kultant deċiżiv, li huma jistgħu jibbenefikaw minnu f’dan il-kuntest, fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji li l-għoti tagħhom jirriżulta mill-għajnuna jew mill-azzjoni tal-gvern ta’ diversi pajjiżi membri tal-WTO.

99

Tal-inqas, l-imsemmi skop u l-imsemmi għan ma jmorrux kontra interpretazzjoni f’dan is-sens tar-Regolament 2016/1037.

100

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta tat deċiżjoni f’dan is-sens fil-punt 103 tas-sentenza T‑480/20 u fil-punt 70 tas-sentenza T‑540/20.

101

Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it‑tieni aggravju komuni għaż‑żewġ kawżi

L‑argumenti tal‑partijiet

102

Permezz tat-tielet aggravju tagħhom fil-Kawża C‑269/23 P, ibbażat, essenzjalment, fuq interpretazzjoni u fuq applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament 2016/1037, Hengshi u Jushi jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 106 sa 109 tas-sentenza T‑480/20. Dan l-aggravju huwa identiku għat-tieni aggravju fil-Kawża C‑272/23 P, li permezz tiegħu Jushi tikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 73 sa 76 tas-sentenza T‑540/20.

103

Permezz ta’ dan l-aggravju komuni għaż-żewġ kawżi, li jikkorrispondi għall-motivi tal-ewwel istanza miġbura fil-qosor fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni kellha dritt tqis li l-awtoritajiet Eġizzjani kellhom il-kwalità ta’ awtoritajiet li taw is-sussidji kontenzjużi, peress li dawn kienu kkostitwiti minn kontribuzzjonijiet finanzjarji li kienu ġew allokati lill-appellanti mill-gvern Ċiniż, direttament jew permezz tal-kumpanniji omm tagħhom stabbiliti fiċ-Ċina.

104

Fil-fatt, minkejja li l-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament 2016/1037 għandu l-għan li jippreċiża s-sens mhux tal-kunċett ta’ “sussidju” bħala tali, iżda tal-kundizzjoni ta’ “speċifiċità” li għandha tiġi ssodisfatta, fost l-oħrajn, sabiex sussidju jkun jista’ jagħti lok għall-impożizzjoni ta’ dazji kumpensatorji, dawn id-dispożizzjonijiet xorta waħda juru, huma wkoll, li kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mill-gvern ta’ pajjiż partikolari ma tistax tiġi kklassifikata bħala sussidju imputabbli jew attribwibbli lil awtorità li taqa’ taħt il-gvern ta’ pajjiż ieħor. B’mod partikolari, l-imsemmija dispożizzjonijiet jirreferu, fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tagħhom, għall-“awtorità li tagħti” tali sussidju, u għalhekk għal dik li tagħtih jew tallokah lil persuna waħda jew iktar. B’dan il-mod, huma jeskludu li awtorità tista’ titqies, permezz ta’ imputazzjoni jew permezz ta’ attribuzzjoni, bħala li tat sussidju f’sitwazzjoni fejn dan is-sussidju jkun ġie allokat jew mogħti mhux minn din l-awtorità, iżda minn awtorità oħra, li jaqgħu taħt il-gvern ta’ pajjiż ieħor. Issa, f’dan il-każ, huwa biss il-Gvern Ċiniż li seta’ jiġi kklassifikat b’dan il-mod, bl-esklużjoni ta’ awtoritajiet bħall-Gvern Eġizzjan.

105

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-APFE u minn Tech-Fab Europe, tikkontesta dawn l-argumenti.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

106

L-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/1037 jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li s-sussidji huma suġġetti għal miżuri ta’ kumpens biss meta dawn ikunu speċifiċi fis-sens tal-paragrafi 2 sa 4 ta’ din id-dispożizzjoni. L-Artikolu 4(2) u (3) b’hekk jistabbilixxi l-prinċipji u r-regoli li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi ddeterminat jekk sussidju huwiex speċifiku għal impriża, għal industrija, għal grupp ta’ impriżi jew ta’ industriji, jew ukoll għal ċerti impriżi li jinsabu f’reġjun ġeografiku speċifiku, billi jippreċiża, essenzjalment, li dawn it-tipi differenti ta’ benefiċjarji għandhom, fi kwalunkwe każ, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-awtorità li tagħti s-sussidju.

107

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li l-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/1037 juża l-kelma “awtorità”, għalhekk kelma li hija differenti mill-espressjoni “gvern” li tinsab fl-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament. Madankollu, sabiex tiġi ċċarata n-natura tar-rabta li għandha tgħaqqad kontribuzzjoni finanzjarja li tista’ tiġi kklassifikata bħala “sussidju” mal-gvern jew ma’ awtorità ta’ pajjiż terz partikolari, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jużaw l-istess verb, jiġifieri l-verb “ta”.

108

Dan il-verb għandu, għaldaqstant, jinftiehem bl-istess mod fir-rigward ta’ kull waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet, bħala li jirreferi għal aġir li permezz tiegħu persuna tagħti jew talloka xi ħaġa lil persuna oħra, kemm jekk tkun formalment mogħtija lilha jew billi tippermettilha fil-prattika li tibbenefika minnha, kif inhu indikat fil-punt 73 ta’ din is-sentenza.

109

Issa, mill-punti 86 u 94 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dan it-terminu għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi kemm l-aġir li permezz tiegħu l-gvern tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni ta’ prodott partikolari jagħti formalment lil persuna waħda jew iktar speċifiċi kontribuzzjoni finanzjarja li toriġina, totalment jew parzjalment, mill-gvern ta’ pajjiż terz ieħor kif ukoll l-aġir li permezz tiegħu l-gvern ta’ dan il-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni jippermetti fil-prattika lil dawn il-persuni jibbenefikaw minn din il-kontribuzzjoni finanzjarja, bħall-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni, l-għoti ta’ awtorizzazzjoni jew l-użu ta’ kull miżura oħra neċessarja għal dan l-għan.

110

L-imsemmi terminu japplika għalhekk ukoll għall-awtorità speċifika, fi ħdan il-gvern tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni kkonċernat, li hija l-awtur tal-aġir inkwistjoni.

111

Għaldaqstant, billi qieset, fil-punti 107 u 108 tas-sentenza T‑480/20 kif ukoll fil-punti 74 u 75 tas-sentenza T‑540/20, li awtoritajiet bħal, f’dan il-każ, il-Gvern Eġizzjan setgħu jiġu kklassifikati, mill-Kummissjoni, bħala awtoritajiet li taw is-sussidji kontenzjużi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi.

112

Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it‑tielet aggravju komuni għaż‑żewġ kawżi

L‑argumenti tal‑partijiet

113

Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom fil-Kawża C‑269/23 P, ibbażat, essenzjalment, fuq interpretazzjoni u fuq applikazzjoni żbaljati tal-punt 1(a)(ii) tal-Artikolu 3, tal-punt 2 tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 5 tar-Regolament 2016/1037, Hengshi u Jushi jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 167 sa 169 tas-sentenza T‑480/20. Dan l-aggravju huwa identiku għat-tielet aggravju fil-Kawża C‑272/23 P, li permezz tiegħu Jushi tikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 134 sa 136 tas-sentenza T‑540/20.

114

Permezz ta’ dan l-aggravju komuni għaż-żewġ kawżi, li jikkorrispondi parzjalment għall-motivi tal-ewwel istanza miġbura fil-qosor fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni setgħet tqis li l-Gvern Eġizzjan kien tahom sussidju u, b’hekk, tahom vantaġġ, billi ma rċeviex ċerti dazji doganali normalment dovuti waqt l-importazzjoni fl-Eġittu, minn Jushi, ta’ materjali li huma intiżi li jintużaw, bħala inputs, sabiex jiġu mmanifatturati prodotti tal-fibra tal-ħġieġ intiżi għall-esportazzjoni minn Hengshi lejn l-Unjoni.

115

Fil-fatt, kif ġustament fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 164 tas-sentenza T‑480/20 u fil-punt 131 tas-sentenza T‑540/20, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens li jikkorrispondu għall-punt 1(a)(ii) tal-Artikolu 3 u għall-punt 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/1037 għandhom jiġu interpretati mill-Korp tal-Appell tal-WTO fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat jekk dħul pubbliku “normalment dovut” ġiex abbandunat jew mhux miġbur u jekk dan l-abbandun jew dan in-nuqqas ta’ ġbir tax “vantaġġ” lil ċerti impriżi, huwa neċessarju li titqabbel is-sitwazzjoni ta’ dawn l-impriżi ma’ dik ta’ kontribwenti li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli. B’mod konsistenti, hemm lok li jitqies, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament 2016/1037, li huwa billi tittieħed bħala punt ta’ riferiment is-sitwazzjoni tal-imsemmija impriżi li għandu jiġi kkalkolat l-ammont ta’ dan il-vantaġġ. Issa, f’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni rraġunat fir-rigward ta’ sitwazzjoni ta’ referenza li għandha titqies bħala inadegwata fid-dawl, l-ewwel nett, tan-natura tat-tranżazzjonijiet li taw lok, fil-fehma tagħha, għal nuqqas ta’ ġbir ta’ dazji doganali, it-tieni nett, tas-sitwazzjoni legali u ekonomika tal-impriżi li allegatament ibbenefikaw minn dan in-nuqqas ta’ ġbir, it-tielet nett, tal-leġiżlazzjoni Eġizzjana rilevanti u, ir-raba’ nett, tal-prassi amministrattiva korrispondenti, jiġifieri dik ta’ impriża stabbilita fiż-żona CECS minflok dik ta’ impriża stabbilita barra minn din iż-żona.

116

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-APFE u minn Tech-Fab Europe, tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ parti minn dawn l-argumenti kif ukoll il-fondatezza tagħhom kollha kemm huma.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

117

Permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jikkontestaw, essenzjalment, wieħed mill-elementi li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti Ġenerali fis-sentenzi appellati, bħall-Kummissjoni fir-Regolamenti kontenzjużi, sabiex teżamina jekk kienx jeżisti, f’dan il-każ, sussidju fil-forma ta’ abbandun ta’ dħul pubbliku, kif previst fil-punt 1(a)(ii) tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/1037. Dan l-element huwa s-sitwazzjoni ta’ referenza li għandha tintuża għall-finijiet ta’ tali eżami.

118

F’dan ir-rigward, mill-punti 1 u 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/1037 jirriżulta li, sabiex tkun tista’ tiġi aċċettata l-klassifikazzjoni ta’ “sussidju”, huwa neċessarju li jintwera mhux biss li teżisti kontribuzzjoni finanzjarja mill-gvern tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni, iżda wkoll li jingħata vantaġġ b’dan il-mod.

119

Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, il-punt 1(a)(ii) tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li tali kontribuzzjoni finanzjarja tista’ b’mod partikolari tikkonsisti, għal dan il-gvern, f’li jabbanduna jew li ma jiġborx dħul pubbliku normalment dovut.

120

Peress li din id-dispożizzjoni hija fformulata f’termini identiċi għal dawk tal-punt 1.1(a)(1)(ii) tal-Artikolu 1 tal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens, din għandha tiġi interpretata, sa fejn huwa possibbli, b’mod li tiżgura l-konformità tagħha ma’ dan il-ftehim u billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-mod kif dan seta’ ġie interpretat mid-DSB, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 65 u 66 ta’ din is-sentenza.

121

Kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 164 tas-sentenza T‑480/20 u fil-punt 131 tas-sentenza T‑540/20, mir-rapporti tal-Korp tal-Appell tal-WTO tat‑12 ta’ Marzu 2012 u tat‑28 ta’ Marzu 2019, intitolati “L-Istati Uniti – Miżuri li Jaffettwaw il-Kummerċ f’Inġenji tal-Ajru Ċivili Kbar (it-tieni lment)” (WT/DS353/AB/R, paragrafi 806 sa 809 u 812, kif ukoll WT/DS353/AB/RW, paragrafi 5.146 u 5.147), li fihom dan il-korp ġabar fil-qosor u ppreċiża l-prassi deċiżjonali tiegħu f’dan ir-rigward, u li ġew adottati mid-DSB, rispettivament, fit‑23 ta’ Marzu 2012 u fil‑11 ta’ April 2019, b’mod partikolari jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk dħul pubbliku normalment dovut ġiex abbandunat jew le, huwa neċessarju, bħala regola ġenerali, li jsir paragun bejn it-trattament fiskali applikabbli għall-benefiċjarji allegati ta’ tali miżura u t-trattament fiskali ta’ dħul komparabbli ta’ kontribwenti li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli. L-imsemmi korp iddikjara wkoll, essenzjalment, li, anki jekk l-identifikazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ referenza li għandha tiġi adottata għall-finijiet ta’ tali paragun tista’ tkun ta’ natura kumplessa, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, tal-prattiki amministrattivi jew fiskali rilevanti possibbli kif ukoll tal-aġir konkret tal-awtoritajiet kompetenti, in-natura leġittima u razzjonali tas-sitwazzjoni ta’ referenza li hija adottata f’każ partikolari għandha xorta waħda tiġi mistħarrġa.

122

Barra minn hekk, kif ġustament ifakkru l-appellanti, din il-prassi deċiżjonali tal-Korp tal-Appell tal-WTO ġiet applikata, b’analoġija, għal miżuri li jikkonsistu fin-nuqqas ta’ ġbir allegat ta’ dazji doganali, li l-eżami tiegħu jinvolvi li jsir paragun bejn id-dħul effettivament miġbur fl-okkażjoni ta’ operazzjoni bħall-importazzjoni ta’ prodotti partikolari u d-dħul normalment dovut f’sitwazzjoni komparabbli, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mir-rapport tal-Bord tal-WTO tal‑31 ta’ Ottubru 2019, intitolat “Indja – Miżuri relatati mal-esportazzjoni” (WT/DS541/R, paragrafi 7.297 sa 7.302, 7.317 u 7.333).

123

Fid-dawl tal-imsemmija prassi deċiżjonali, għandu jitqies li, sabiex jiġi ddeterminat jekk teżistix kontribuzzjoni finanzjarja li tikkonsisti, għall-gvern tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni, f’li jabbanduna jew li ma jirċevix “dħul pubbliku normalment dovut”, fis-sens tal-punt 1(a)(ii) tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/1037, huwa neċessarju, bħala regola ġenerali, li jsir paragun bejn, minn naħa, it-trattament applikabbli għall-benefiċjarji allegati ta’ tali miżura kif ukoll id-dħul effettivament irċevut mill-gvern mingħandhom u, min-naħa l-oħra, it-trattament tad-dħul jew ta’ tranżazzjonijiet komparabbli kif ukoll id-dħul normalment dovut fil-preżenza ta’ dan id-dħul jew tranżazzjonijiet komparabbli. Dan il-paragun għandu jsir fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha li huma disponibbli.

124

Madankollu, peress li l-identifikazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ referenza li għandha tiġi adottata għall-finijiet ta’ tali paragun jista’ jkollha natura kumplessa, sa fejn din tista’ tiddependi mhux biss mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli iżda wkoll mill-prattiki amministrattivi, fiskali jew doganali rilevanti possibbli u mill-aġir konkret tal-awtoritajiet kompetenti, għalhekk minn diversi aspetti tas-sistema legali u istituzzjonali ta’ pajjiż terz, din l-operazzjoni għandha tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju li jieħu inkunsiderazzjoni din il-kumplessità.

125

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u b’mod partikolari tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u politiċi li huma għandhom jeżaminaw, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din is-setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, tal-assenza ta’ żball fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Il‑Kummissjoni vs Hansol Paper, C‑260/20 P, EU:C:2022:370, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

126

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-istħarriġ tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti, il-qrati tal-Unjoni għandhom mhux biss jivverifikaw l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom kif ukoll il-koerenza tagħhom, iżda għandhom ukoll jistħarrġu jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex tali li fuqhom ikunu bbażati l-konklużjonijiet misluta minnhom (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Il‑Kummissjoni vs Hansol Paper, C‑260/20 P, EU:C:2022:370, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

127

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 118 ta’ din is-sentenza, minkejja li l-punt 1(b) tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/1037 sempliċement jippreċiża li, sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “sussidju”, kontribuzzjoni finanzjarja għandha tagħti vantaġġ, mill-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-vantaġġ li għandu jiġi kkaratterizzat huwa dak li din il-miżura setgħet tagħti lill-impriża benefiċjarji ta’ din il-miżura. Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament jelenka numru ta’ regoli li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi kkalkolat l-ammont ta’ dan il-vantaġġ fil-preżenza ta’ diversi tipi ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji, li fosthom ma hemmx, madankollu, dik li tikkonsisti, għall-gvern tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni, f’li jabbanduna jew li ma jiġborx dħul pubbliku normalment dovut.

128

Madankollu, mill-prassi deċiżjonali tad-DSB, kif imfakkra, b’mod partikolari, fir-rapport tal-Bord tal-WTO tal‑31 ta’ Ottubru 2019, intitolat “Indja – Miżuri relatati mal-esportazzjoni” (WT/DS541/R, paragrafi 7.445 u 7.446), jirriżulta li, fil-preżenza ta’ tali miżura, il-vantaġġ mogħti minnha jista’ jiġi kkaratterizzat mill-mument li fih ikun ġie kkonstatat li dħul pubbliku normalment dovut kien ġie abbandunat jew mhux miġbur, u għalhekk li kien hemm kontribuzzjoni finanzjarja fis-sens tal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens. Fil-fatt, anki jekk il-kunċetti ta’ “kontribuzzjoni finanzjarja” u ta’ “vantaġġ” huma distinti, l-eżistenza rispettiva tagħhom tista’ tintwera, f’każ partikolari, fid-dawl ta’ elementi fattwali identiċi jew marbuta, sa fejn l-ammont tal-vantaġġ mogħti minn kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta’ abbandun jew ta’ nuqqas ta’ ġbir ta’ dħul pubbliku jikkorrispondi, bħala regola ġenerali, għad-differenza bejn id-dħul pubbliku li normalment ikun dovut fis-sitwazzjoni ta’ referenza adottata u dak li jkun inġabar, jekk ikun il-każ, mingħand l-impriża jew mingħand l-impriżi kkonċernati.

129

F’dan il-każ, fid-dawl ta’ dak li għadu kif tfakkar, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li, fil-punti 167 sa 169 tas-sentenza T‑480/20 u fil-punti 134 sa 136 tas-sentenza T‑540/20, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod korrett is-sens u l-portata tal-punt 1(a)(ii) tal-Artikolu 3, tal-punt 2 tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 5 tar-Regolament 2016/1037, billi fakkret, essenzjalment, li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni kinitx qieset ġustament li l-Gvern Eġizzjan kien irrinunzja milli jiġbor ċerti dazji doganali normalment dovuti waqt l-importazzjoni fl-Eġittu, minn Jushi, ta’ materjali maħsuba sabiex jintużaw, bħala inputs, għall-manifattura ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ maħsuba għall-esportazzjoni minn Hengshi lejn l-Unjoni, u jekk ingħatax vantaġġ, kien meħtieġ li tiġi identifikata s-sitwazzjoni ta’ referenza xierqa.

130

It-tieni nett, is-sitwazzjoni ta’ referenza li ġiet ikkunsidrata f’dan il-każ mill-Kummissjoni, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha disponibbli, tikkostitwixxi punt ta’ fatt. L-għażla li tiġi adottata din is-sitwazzjoni iktar milli oħra taqa’, min-naħa tagħha, taħt l-evalwazzjoni tal-fatti. Bħala tali, dawn iż-żewġ elementi għandhom ikunu s-suġġett, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, ta’ stħarriġ li jissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fil-punti 125 u 126 ta’ din is-sentenza u li għalhekk jimplika, b’mod partikolari, li dik il-qorti tivverifika li l-Kummissjoni ma wettqitx żball materjali jew żball manifest ta’ evalwazzjoni.

131

Barra minn hekk, mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti kif ukoll il-provi korrispondenti. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi għalhekk ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-iżnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi li tista’ tiġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Il‑Kummissjoni vs Hansol Paper, C‑260/20 P, EU:C:2022:370, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata).

132

Minn dan isegwi li l-appellanti, li ma jinvokawx l-eżistenza ta’ żnaturament tal-fatti jew tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jistgħux jikkontestaw l-evalwazzjonijiet ta’ dik il-qorti dwar is-sitwazzjoni ta’ referenza adottata mill-Kummissjoni f’dan il-każ, jiġifieri dik ta’ impriża li hija stabbilita fiż-żona CECS.

133

It-tielet nett, peress li l-argumenti tal-appellanti huma relatati esklużivament ma’ dawn l-evalwazzjonijiet, dawn ma jistgħux jikkontestaw il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li, essenzjalment, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti meta qieset li kien jeżisti sussidju, fis-sens tal-punt 1(a)(ii) tal-Artikolu 3 u tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2016/1037, moqrija flimkien mal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament.

134

Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondat.

Fuq ir‑raba’ aggravju komuni għaż‑żewġ kawżi

L‑argumenti tal‑partijiet

135

Permezz tal-ħames aggravju tagħhom fil-Kawża C‑269/23 P, ibbażat, essenzjalment, fuq interpretazzjoni u fuq applikazzjoni żbaljati tal-punt 2 tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 4(2)(c) tar-Regolament 2016/1037, Hengshi u Jushi jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 176 sa 179 tas-sentenza T‑480/20. Dan l-aggravju huwa identiku għar-raba’ aggravju fil-Kawża C‑272/23 P, li permezz tiegħu Jushi tikkontesta l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 143 sa 146 tas-sentenza T‑540/20.

136

Permezz ta’ dan l-aggravju komuni għaż-żewġ kawżi, li jikkorrispondi parzjalment għall-motivi tal-ewwel istanza miġbura fil-qosor fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, l-appellanti jikkritikaw l-evalwazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuqhom sabiex tqis li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, mingħajr ma tikser il-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(2)(c) tar-Regolament 2016/1037, li t-trattament fiskali tal-Gvern Eġizzjan għat-telf mill-kambju minħabba l-iżvalutazzjoni tal-lira Eġizzjana li seħħet matul l‑2016 kien jikkostitwixxi sussidju li jagħti de facto vantaġġ speċifiku lil numru limitat ta’ impriżi orjentati lejn l-esportazzjoni u li jwettqu il-parti l-kbira tal-attivitajiet tagħhom f’muniti barranin, fosthom Hengshi u Jushi.

137

F’dan ir-rigward, huma jaffermaw, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, żnaturat ir-Regolamenti kontenzjużi billi qieset li l-Kummissjoni kienet ikklassifikat bħala sussidju mhux ir-regoli fiskali u ta’ kontabbiltà adottati mill-Gvern Eġizzjan sabiex jippermetti lill-impriżi li għandhom dejn f’muniti barranin jillimitaw it-telf mill-kambju minħabba l-iżvalutazzjoni tal-lira Eġizzjana li seħħet matul l‑2016, meħuda bħala tali, iżda l-vantaġġ mogħti de facto minn dan il-gvern, abbażi ta’ dawn ir-regoli, lil kategorija speċifika ta’ impriżi. Fil-fatt, minn dawn ir-regolamenti jirriżulta, evidentement, li l-Kummissjoni ma pproċedietx b’dan il-mod. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, issostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni.

138

Fit-tieni lok, dan l-approċċ wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad b’mod żbaljat l-argumenti tal-appellanti dwar l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward kif ukoll dwar il-klassifikazzjonijiet ġuridiċi adottati fid-dawl ta’ dawn l-evalwazzjonijiet.

139

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-APFE u minn Tech-Fab Europe, tikkontesta l-ammissibbiltà u l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

140

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argumenti tal-appellanti dwar l-identifikazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-miżura li ġiet ikklassifikata bħala “sussidju” mill-Kummissjoni fir-Regolamenti kontenzjużi, għandu jiġi kkonstatat li l-qari ta’ dawn ir-regolamenti juri, evidentement, li l-Qorti Ġenerali la żnaturat il-kontenut tagħhom fis-sentenzi appellati u lanqas ma ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha u l-evalwazzjonijiet tagħha għal dawk tal-Kummissjoni.

141

Fil-fatt, għalkemm huwa minnu, bħalma jaffermaw l-appellanti, li l-Kummissjoni bdiet l-eżami tagħha ta’ din il-miżura billi semmiet l-eżistenza ta’ żewġ regoli tad-dritt Eġizzjan, waħda ta’ natura fiskali u l-oħra ta’ kontabbiltà, huwa wkoll manifest li dik l-istituzzjoni, immedjatament wara, ippreċiżat li dan l-eżami kien jirrigwarda l-mod kif dawn ir-regoli kienu ġew applikati, fil-kuntest konkret li wassal għall-adozzjoni tagħhom, li huwa kkaratterizzat, primarjament, mill-iżvalutazzjoni tal-lira Eġizzjana li seħħet matul l‑2016. Barra minn hekk, huwa manifest li l-imsemmija istituzzjoni kkonkludiet, fi tmiem l-imsemmi eżami, li l-applikazzjoni tal-imsemmija regoli, f’dan il-kuntest konkret, kienet tat vantaġġ lil ċerti impriżi u, bħala tali, kellha natura de facto speċifika. Fl-aħħar nett, huwa ċar ukoll li dawn l-impriżi, fosthom Hengshi u Jushi, ġew identifikati mill-Kummissjoni bħala dawk li huma orjentati lejn l-esportazzjoni u li jwettqu l-parti l-kbira tal-attivitajiet tagħhom f’muniti barranin.

142

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-argumenti tal-appellanti dwar l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar dan is-suġġett, minn naħa, u dwar il-klassifikazzjonijiet ġuridiċi adottati fid-dawl ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, kif jirriżulta mill-punt 131 ta’ din is-sentenza, l-appellanti ma jistgħux jikkontestaw evalwazzjonijiet fattwali fil-kuntest tal-appelli tagħhom.

143

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ġustament qieset, fid-dawl ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, wara l-Kummissjoni, l-eżistenza ta’ sussidju ta’ natura speċifika u li jagħti vantaġġ lil Hengshi kif ukoll lil Jushi, konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 3 u mal-Artikolu 4(2)(c) tar-Regolament 2016/1037.

144

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, b’mod partikolari, li l-Artikolu 4(2)(c) tar-Regolament 2016/1037 huwa intiż preċiżament sabiex jippermetti lill-Kummissjoni tistabbilixxi n-natura speċifika ta’ miżuri li jikkostitwixxu sussidji, b’mod partikolari ta’ natura leġiżlattiva, fiskali jew ta’ kontabbiltà, fil-każ fejn dawn il-miżuri, filwaqt li jkollhom apparenza ġenerali jew mhux speċifika, jistgħu jkunu, fil-fatt, speċifiċi. Għal dan l-għan, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi ċertu numru ta’ fatturi intiżi sabiex jiggwidaw l-eżami tal-Kummissjoni fil-preżenza ta’ tali miżuri. Dawn il-fatturi, li r-rilevanza individwali jew ikkombinata tagħhom tista’ tvarja f’kull każ partikolari skont, inter alia, il-miżura inkwistjoni, il-kuntest li fih din ġiet stabbilita u implimentata kif ukoll l-aġir tal-awtoritajiet li minnhom toriġina, jinkludu, fost oħrajn, “l-użu ta’ programm ta’ sussidju minn numru limitat ta’ ċerti intrapriżi” u “l-għoti ta’ ammonti kbar b’mod sproporzjonat ta’ sussidju lil ċerti intrapriżi”.

145

F’dan il-każ, huwa fuq l-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ fatturi li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, wara l-Kummissjoni, sabiex tadotta n-natura de facto speċifika tal-miżura inkwistjoni. Dan l-approċċ ma fihx żbalji ta’ liġi.

146

Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondat.

Fuq l‑ewwel aggravju fil‑Kawża C‑269/23 P

L‑argumenti tal‑partijiet

147

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom fil-Kawża C‑269/23 P, ibbażat fuq interpretazzjoni u fuq applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 1(1), tal-Artikolu 5 u tal-Artikolu 6 tar-Regolament 2016/1037, Hengshi u Jushi jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 32, 37, 42 u 43, 46 sa 48, 51 sa 55 u 58 tas-sentenza T‑480/20.

148

Permezz ta’ dan l-aggravju, li jikkorrispondi mal-motiv tal-ewwel istanza miġbur fil-qosor fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, l-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta approvat il-metodu adottat, fil-fehma tagħha, mill-Kummissjoni sabiex tikkalkola l-ammont ta’ sussidji suġġetti għal miżuri ta’ kumpens li kienu ngħataw lil kull waħda minnhom abbażi tad-diversi miżuri koperti mir-Regolament kontenzjuż fil-Kawża T‑480/20.

149

F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-motiv tal-ewwel istanza tagħhom billi qieset, b’mod żbaljat, li huma kkritikaw lill-Kummissjoni, fir-realtà, li kisret l-Artikolu 7 tar-Regolament 2016/1037 billi użat id-dħul mill-bejgħ akkumulat tagħhom, il-prodotti kollha flimkien, bħala denominatur sabiex tikkalkola l-ammont ta’ dawn is-sussidji. Fil-fatt, dan il-motiv tal-ewwel istanza, li kien ibbażat esklużivament fuq il-ksur tal-Artikoli 5 u 6 ta’ dan ir-regolament, moqrija flimkien mal-Artikolu 1(1) tal-imsemmi regolament, kien jikkonsisti f’li jingħad li l-Kummissjoni kellha tibbaża ruħha, fl-ewwel lok, fuq id-dħul mill-bejgħ individwali ta’ kull wieħed minnhom, il-prodotti kollha flimkien, sabiex tikkalkola l-ammont tas-sussidji rispettivi tagħhom.

150

Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li, indipendentement minn dan l-iżnaturament, l-imsemmi motiv tal-ewwel istanza ma jistax jiġi miċħud għar-raġuni, adottata barra minn hekk mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza T‑480/20, li huma jikkostitwixxu impriżi assoċjati jew li jappartjenu għall-istess grupp. Fil-fatt, mill-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament 2016/1037, moqrija flimkien mal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, jirriżulta b’mod ċar li l-ammont ta’ sussidji li għandu jiġi kkalkolat għandu jiġi kkalkolat “fit-termini tal-benefiċċji mogħtija lill-benefiċjarju” u għalhekk, f’sitwazzjoni bħal dik f’dan il-każ, lil kull waħda mill-impriżi “benefiċjarji” ta’ tali sussidji, anki jekk dawn l-impriżi huma assoċjati jew jappartjenu għall-istess grupp.

151

Il-Kummissjoni, sostnuta minn Tech-Fab Europe, tikkontesta dawn l-argumenti.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

152

Mill-Artikolu 5 tar-Regolament 2016/1037 jirriżulta li l-ammont ta’ sussidju suġġett għal miżuri ta’ kumpens għandu jiġi kkalkolat f’termini ta’ vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju ta’ dan is-sussidju. Barra minn hekk, mill-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-kalkolu ta’ dan il-vantaġġ għandu jsir billi jiġu applikati ċerti regoli, li huma differenti skont it-tip ta’ sussidju li huwa inkwistjoni f’każ partikolari iżda li kollha jirreferu, skont il-każ, għall-“benefiċjarju” ta’ dan is-sussidju, għall-“impriża benefiċjarja” tiegħu jew anki għall-“impriża”.

153

Min-naħa l-oħra, l-imsemmi regolament la jiddefinixxi l-kunċett ta’ “benefiċjarju” u lanqas dak ta’ “impriża”. Dawn il-kunċetti għandhom, għaldaqstant, jinftiehmu billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tagħhom kif ukoll l-għan li għandu jintlaħaq mid-dispożizzjonijiet li jużawhom u, b’mod iktar globali, mir-Regolament 2016/1037, li għandu, barra minn hekk, jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, b’mod konformi mal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens.

154

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 47 tas-sentenza T‑480/20, li, minkejja li dan il-ftehim lanqas ma jinkludi definizzjoni tal-persuni li jistgħu jibbenefikaw minn sussidju u li, konsegwentement, jingħataw vantaġġ, li l-ammont tiegħu għandu jservi bħala bażi għall-kalkolu ta’ dan is-sussidju, din il-kwistjoni ġiet analizzata fil-fond u kkjarifikata mill-Korp tal-Appell tal-WTO fir-rapport tiegħu tad‑9 ta’ Diċembru 2002, intitolat “L-Istati Uniti – Miżuri ta’ kumpens li jikkonċernaw ċerti prodotti li joriġinaw mill-Komunitajiet Ewropej” (WT/DS212/AB/R, punti 108 sa 119), li ġie adottat mid-DSB fit‑8 ta’ Jannar 2003.

155

Minn dan ir-rapport tal-Korp tal-Appell tal-WTO jirriżulta, essenzjalment, li l-identifikazzjoni tal-persuna jew tal-persuni benefiċjarji ta’ sussidju tiddependi miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ u li, fid-dawl tad-diversi dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmi ftehim, tal-istruttura tiegħu kif ukoll tal-għan tiegħu, għandu jitqies li dan ma jeskludix li jitqies, skont iċ-ċirkustanzi, li l-benefiċjarju ta’ sussidju jkun persuna fiżika, persuna ġuridika, grupp ta’ persuni fiżiċi, grupp ta’ persuni ġuridiċi jew anki grupp ta’ persuni fiżiċi u persuna fiżika waħda jew iktar u persuna ġuridika waħda jew iktar, pereżempju kumpanniji u l-proprjetarji tagħhom. Fil-fatt, il-fatt li dawn il-persuni huma legalment distinti ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-benefiċjarju ta’ sussidju, li jikkorrispondi għall-entità ekonomika li l-prodotti tagħha huma artifiċjalment megħjuna minn dan is-sussidju.

156

B’mod konsistenti mal-prassi deċiżjonali tad-DSB, mat-termini użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-Regolament 2016/1037 u mal-kuntest li fih dawn jaqgħu, il-kunċett ta’ “benefiċjarju”, imsemmi fl-Artikoli 5 u 6 tal-imsemmi regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi, f’każ partikolari, għal kull waħda mill-impriżi li lilhom jingħataw sussidji. Kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punt 90 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kunċett ta’ “impriża” jikkorrispondi huwa stess għall-unità ekonomika, li tista’ tiġbor fi ħdanha diversi persuni ġuridiċi legalment distinti, li teżerċita l-attività ekonomika ta’ manifattura, ta’ kummerċjalizzazzjoni, ta’ trasport jew ta’ esportazzjoni ta’ prodotti li lilha dan is-sussidju jagħti vantaġġ, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-unità ekonomika kif ukoll mill-mod ta’ finanzjament tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il‑Kummissjoni, 323/82, EU:C:1984:345, punt 11, kif ukoll tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:87, punt 103).

157

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ġustament ibbażat ruħha fuq din id-definizzjoni tal-kunċetti ta’ “benefiċjarju” u ta’ “impriżi”, fil-punti 48 u 51 tas-sentenza T‑480/20, sabiex tapprova l-metodu ta’ kalkolu applikat mill-Kummissjoni, fid-dawl tal-fatt li Henghsi u Jushi kienu jappartjenu għall-istess grupp, sabiex tikkalkola l-ammont tal-miżuri ta’ kumpens li setgħu jiġu imposti f’dan il-każ.

158

Fit-tielet u l-aħħar lok, l-appellanti ma jistgħux jikkontestaw, fl-appell, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar dan il-fatt, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fir-Regolament kontenzjuż u tal-argumenti ta’ fatt kif ukoll tal-provi li jinsabu fil-proċess tal-ewwel istanza.

159

Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondat, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar ir-riferiment magħmul mill-Qorti Ġenerali, sussidjarjament, għall-Artikolu 7 tar-Regolament 2016/1037.

160

Konsegwentement, l-appelli għandhom jiġu miċħuda.

Fuq l‑ispejjeż

161

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

162

Peress li Hengshi u Jushi tilfu fil-Kawża C‑269/23 P, u Jushi tilfet fil-Kawża C‑272/23 P, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż rispettivi f’dawn il-kawżi, kif mitlub mill-Kummissjoni, minn Tech-Fab Europe u mill-APFE.

163

L-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, meta intervenjent fl-ewwel istanza ma jkunx ippreżenta l-appell huwa stess, dan l-intervenjent jista’ jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedura tal-appell biss jekk ikun ipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Meta tali intervenjent jipparteċipa fil-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li l-intervenjent għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

164

F’dan il-każ, Tech-Fab Europe u l-APFE, intervenjenti fl-ewwel istanza li pparteċipaw fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appelli huma miċħuda.

 

2)

Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics SAE u Jushi Egypt for Fiberglass Industry SAE għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-Kawża C‑269/23 P.

 

3)

Jushi Egypt for Fiberglass Industry SAE għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-Kawża C‑272/23 P.

 

4)

Tech-Fab Europe eV għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha fil-Kawża C‑269/23 P.

 

5)

L-Association des producteurs de fibres de verre européens (APFE) għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha fil-Kawża C‑272/23 P.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.