SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

1 ta’ Awwissu 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni fil-periklu jew f’diffikultà fil-baħar, immexxija minn organizzazzjoni mhux governattiva (NGO) bi skop umanitarju – Sistema applikabbli għall-bastimenti – Direttiva 2009/16/KE – Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar – Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar – Kompetenzi u setgħat rispettivi tal-Istat tal-bandiera u tal-Istat tal-port – Spezzjoni u detenzjoni ta’ bastimenti”

Fil-Kawżi Magħquda C‑14/21 u C‑15/21

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sicilia, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑23 ta’ Diċembru 2020, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Jannar 2021, fil-proċeduri

SEA Watch eV

vs

Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti (C‑14/21 u C‑15/21),

Capitaneria di Porto di Palermo (C‑14/21),

Capitaneria di Porto di Porto Empedocle (C‑15/21),

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, E. Regan, I. Jarukaitis, N. Jääskinen, I. Ziemele u J. Passer (Relatur), Presidenti ta’ Awla, F. Biltgen, P. G. Xuereb, N. Piçarra, L. S. Rossi, N. Wahl u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑30 ta’ Novembru 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Sea Watch eV, minn C. L. Cecchini, G. Crescini, L. Gennari, E. Mordiglia u A. Mozzati, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. D’Ascia u A. Jacoangeli, avvocati dello Stato,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

għall-Gvern Norveġiż, minn V. Hauan, L.-M. Moen Jünge u K. Moe Winther, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouquet, C. Cattabriga u S. L. Kalėda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Frar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU 2009, L 131, p. 57, u rettifika fil-ĠU 2013, L 32, p. 23), kif emendata mid-Direttiva (UE) 2017/2110 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Novembru 2017 dwar sistema ta’ spezzjonijiet għall-operazzjoni bla periklu ta’ vapuri ro-ro tal-passiġġieri u inġenji ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri f’servizz regolari u li temenda d-Direttiva 2009/16/KE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE (ĠU 2017, L 315, p. 61) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2009/16”), kif ukoll tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, konkluża f’Londra fl‑1 ta’ Novembru 1974 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1185, Nru 18961, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, Sea Watch eV u l-Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti (il-Ministeru għall-Infrastruttura u għat-Trasport, l-Italja) kif ukoll il-Capitaneria di Porto di Palermo (l-Uffiċċju tal-Kap tal-Port ta’ Palermo, l-Italja) u, min-naħa l-oħra, l-istess Ministeru kif ukoll il-Capitaneria di Porto di Porto Empedocle (l-Uffiċċju tal-Kap tal-Port ta’ Porto Empedocle, l-Italja), dwar ordnijiet ta’ detenzjoni maħruġa minn kull wieħed minn dawn l-Uffiċċji tal-Kap tal-Port u li jirrigwardaw, rispettivament, il-bastimenti bl-isem “Sea Watch 4” u “Sea Watch 3”.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

Il‑Konvenzjoni dwar il‑Liġi tal‑Baħar

3

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, li ġiet konkluża f’Montego Bay fl‑10 ta’ Diċembru 1982 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1833, 1834 u 1835, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar”), daħlet fis-seħħ fis‑16 ta’ Novembru 1994. Il-konklużjoni tagħha ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat‑23 ta’ Marzu 1998 li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal‑10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat‑28 ta’ Lulju 1994 li għandu x’jaqsam ma’ l-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260 u rettifika fil-ĠU 2014, L 316, p. 69).

4

Il-Parti II tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, intitolata “Baħar territorjali u żona kontigwa”, tinkludi l-Artikoli 2 sa 33 tagħha.

5

L-Artikolu 2 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Is-sistema legali tal-baħar territorjali, tal-ispazju tal-ajru fuq il-baħar territorjali u l-qiegħ tal-baħar u l-istrata tal-art taħt dik tal-wiċċ”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Is-sovranità ta’ Stat kostali testendi, lil hinn mill-art territorjali tiegħu u mill-ilmijiet interni tiegħu u, fil-każ ta’ Stat arċipelagu, l-ilmijiet arċipelaġiċi tiegħu, lejn medda tal-baħar tal-biswit, deskritti bħala il-baħar territorjali [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

6

L-Artikolu 17 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Dritt ta’ passaġġ innoċenti”, jistipula:

“Bla ħsara għall-Konvenzjoni, il-vapuri ta’ l-Istati kollha, sew jekk kostali jew li m’għandhomx aċċess dirett għall-baħar, igawdu d-dritt tal-passaġġ innoċenti fil-baħar territorjali”.

7

L-Artikolu 18 tal-istess konvenzjoni, intitolat “Tifsira tal-kelma “passaġġ”, jipprevedi:

“1.   ‘Passaġġ’ tfisser il-fatt li wieħed ibaħħar fil-baħar territorjali għall-finijiet ta’:

a)

qsim mingħajr ma jidħol fl-ilmijiet interni jew mingħajr ma ssir waqfa f’rada jew f’impjant portwali li tinsab jew jinsab barra mill-ilmijiet interni; jew

b)

dħul mill-ilmijiet interni jew ħruġ minnhom, jew waqfa f’tali rada jew impjant portwali jew tluq minnhom.

2.   Il-passaġġ għandu jkun kontinwu u rapidu. Madankollu, il-passaġġ jinkludi l-waqfien u l-ankraġġ, iżda biss jekk dawn jikkostitwixxu inċidenti ordinarji ta’ navigazzjoni jew huma imposti minħabba każ ta’ forza maġġuri jew ta’ diffikultà jew bil-għan li tingħata għajnuna lil persuni, bastimenti jew ajruplani fil-periklu jew f’diffikultà”.

8

L-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, intitolat “It-tifsira tal-espressjoni ‘passaġġ innoċenti’”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, li l-passaġġ minn bastiment barrani huwa innoċenti sakemm ma jippreġudikax il-paċi, il-bon ordni jew sigurtà tal-Istat kostali u li dan il-passaġġ jitqies li jippreġudika wieħed minn dawn l-elementi jekk, fil-baħar territorjali, dan il-bastiment iwettaq sensiela ta’ attivitajiet speċifiċi. Skont il-paragrafu 2(g) ta’ dan l-artikolu, fost dawn l-attivitajiet hemm dik dwar l-imbark jew l-iżbark ta’ merkanzija, ta’ fondi jew ta’ persuni bi ksur tal-liġijiet u tar-regolamenti doganali, fiskali, sanitarji jew tal-immigrazzjoni tal-Istat kostali.

9

L-Artikolu 21 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Liġijiet u regolamenti tal-Istat kostali dwar il-passaġġ innoċenti”, jipprovdi:

“1.   L-Istat kostali jista’ jadotta, b’konformità mad-dispożizzjoniet ta’ din il-konvenzjoni u r-regoli l-oħrajn tad-dritt internazzjonali, liġijiet u regolamenti li jirrigwardaw il-passaġġ innoċenti matul il-baħar territorjali, fir-rigward ta’ dawn kollha jew uħud minnhom kif ġejjin:

a)

sigurtà tan-navigazzjoni […]

[…]

h)

prevenzjoni tal-ksur tal-liġijiet u tar-regolamenti doganali, fiskali, sanitarji jew tal-immigrazzjoni tal-Istat kostali.

2.   Dawn il-liġijiet u r-regolamenti ma għandhomx japplikaw għad-disinn, il-kostruzzjoni jew għall-forniment b’persunal jew b’tagħmir lill-bastimenti barranin, sakemm ma jkunux qegħdin jimplementaw regoli jew standards internazzjonali ġeneralment aċċettati.

[…]

4.   Il-bastimenti barranin li jeżerċitaw id-dritt ta’ passaġġ innoċenti fil-baħar territorjali għandhom ikunu konformi mal-liġijiet u r-regolamenti […]”.

10

L-Artikolu 24 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Obbligi tal-Istat kostali”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istat kostali ma għandux ifixkel il-passaġġ innoċenti tal-bastimenti barranin fil-baħar territorjali, barra mill-każijiet previsti mill-Konvenzjoni. B’mod partikolari, meta japplika l-Konvenzjoni jew kwalunkwe liġi jew regolament adottat skont il-Konvenzjoni, l-Istat kostali ma għandux:

a)

jimponi fuq il-bastimenti barranin obbligi li jkollhom bħala effett il-prevenzjoni jew ir-restrizzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ passaġġ innoċenti ta’ dawn il-bastimenti;

b)

jeżerċita diskriminazzjoni ta’ dritt jew ta’ fatt kontra l-bastimenti ta’ Stat partikolari jew il-bastimenti li jġorru merkanzija li tkun ġejja minn jew sejra lejn Stat partikolari jew f’isem Stat partikolari”.

11

Il-Parti VII tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, intitolata “Ibħra internazzjonali”, tinkludi l-Artikoli 86 sa 120 tagħha.

12

Skont l-Artikolu 86 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-parti”:

“Din il-parti tapplika għall-partijiet kollha tal-baħar li ma humiex inklużi fiż-żona ekonomika esklużiva, fil-baħar territorjali jew fl-ilmijiet interni ta’ Stat, u lanqas fl-ilmijiet arċipelaġiċi ta’ Stat arċipelagu. […]”

13

L-Artikolu 91 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Nazzjonalità tal-bastimenti”, jistipula:

“1.   Kull Stat għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għalihom jissuġġetta l-għoti tan-nazzjonalità tiegħu lill-bastimenti, il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-bastimenti fit-territorju tiegħu u l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex huma jkollhom id-dritt li jtajru l-bandiera tiegħu. Il-bastimenti għandhom in-nazzjonalità tal-Istat li tiegħu huma awtorizzati jtajru l-bandiera […]

2.   Kull Stat għandu joħroġ dokumenti għall-bastimenti li lilhom ikun ta d-dritt li jtajru l-bandiera tiegħu”.

14

L-Artikolu 92 ta’ din l-istess konvenzjoni, intitolat “Sistema legali tal-bastimenti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-bastimenti għandhom jinnavigaw billi jtajjru l-bandiera ta’ Stat wieħed biss u, ħlief għal każijiet eċċezzjonali previsti espressament fit-trattati internazzjonali jew f’din il-konvenzjoni, għandhom ikunu suġġetti, fl-ibħra internazzjonali, għall-ġurisdizzjoni esklużiva tal-imsemmi Stat. […]”

15

L-Artikolu 94 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, intitolat “Obbligi tal-Istat tal-bandiera”, jipprevedi:

“1.   Kull Stat għandu jeżerċita b’mod effettiv il-ġurisdizzjoni u l-kontroll tiegħu fi kwistjonijiet amministrattivi, tekniċi u soċjali fuq il-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu.

2.   B’mod partikolari, kull Stat:

a)

għandu jkollu reġistru marittimu li jinkludi l-ismijiet u l-karatteristiċi tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li, minħabba d-daqs żgħir tagħhom, ma humiex koperti mil-leġiżlazzjoni internazzjonali ġeneralment aċċettata;

b)

għandu jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu konformement mad-dritt intern tiegħu fuq kull bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu u fuq il-kaptan, l-uffiċjali u l-ekwipaġġ, fir-rigward tal-kwistjonijiet amministrattivi, tekniċi u soċjali relatati mal-bastiment.

3.   Kull Stat għandu jieħu, fir-rigward tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura s-sigurtà fuq il-baħar, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

a)

il-kostruzzjoni u t-tagħmir tal-bastiment u l-adegwatezza għall-baħar tiegħu;

b)

il-kompożizzjoni, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-taħriġ tal-ekwipaġġi, fid-dawl tal-istrumenti internazzjonali applikabbli;

[…]

4.   Dawn il-miżuri għandhom jinkludu dawk li huma neċessarji sabiex jiġi assigurat li:

a)

kull bastiment jiġi spezzjonat, qabel ma jiddaħħal fir-reġistru u, sussegwentement, f’intervalli xierqa, minn spettur marittimu kkwalifikat; […]

[…]

c)

il-kaptan, l-uffiċjali u, sa fejn ikun neċessarju, l-ekwipaġġ jagħfu perfettament u għandhom josservaw ir-regoli internazzjonali applikabbli dwar is-salvagwardja tal-ħajja umana fuq il-baħar […]

5.   Meta jieħu l-miżuri msemmija fil-paragrafi 3 u 4, kull Stat għandu jikkonforma mar-regoli, proċeduri u prattiċi internazzjonali ġeneralment aċċettati u jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżgura l-osservanza tagħhom.

6.   Kull Stat li għandu raġunijiet serji sabiex jaħseb li l-ġurisdizzjoni u l-kontroll adatti fuq bastiment ma ġewx eżerċitati jista’ jindika l-fatti lill-Istat tal-bandiera. Meta jiġi informat, dan għandu jwettaq investigazzjoni u, jekk ikun il-każ, jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jirrimedja s-sitwazzjoni.

[…]”

16

L-Artikolu 98 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Obbligu li tingħata assistenza”, jistipula:

“1.   Kull Stat għandu jobbliga lill-kaptan ta’ bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu, sa fejn dan ikun jista’ jagħmlu mingħajr ma jesponi lill-bastiment, lill-ekwipaġġ u lill-passiġġieri għal periklu serju:

a)

li jagħti assistenza lil kull persuna li tinsab fil-baħar u li tkun f’periklu;

b)

li jipproċedi bl-ikbar veloċità possibbli għas-salvataġġ tal-persuni f’diffikultà jekk huwa jkun infurmat bil-bżonn tagħhom ta’ assistenza, sa fejn tali azzjoni tista’ tkun raġonevolment mistennija minnu;

[…]

2.   L-Istati kostali kollha għandhom jiffaċilitaw il-ħolqien u l-funzjonament ta’ servizz permanenti ta’ riċerka u ta’ salvataġġ adegwat u effettiv sabiex tiġi żgurata s-sigurtà marittima u tal-avjazzjoni u, jekk ikun il-każ, jikkollaboraw għal dan il-għan mal-ġirien tagħhom fil-kuntest ta’ arranġamenti reġjonali”.

Il‑Konvenzjoni għas‑Salvagwardja tal‑Ħajja Umana fuq il‑Baħar

17

Il-Konvenzjoni għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar daħlet fis-seħħ fil‑25 ta’ Mejju 1980. L-Unjoni Ewropea ma hijiex parti f’din il-konvenzjoni, iżda l-Istati Membri kollha huma parti.

18

L-Artikolu I tal-Konvenzjoni għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, intitolat “Obbligi ġenerali li jirriżultaw mill-Konvenzjoni”, jipprevedi:

“a)

Il-Gvernijiet kontraenti jintrabtu li jagħtu effett lid-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni u tal-Anness tagħha, li jagħmel parti integrali minn din il-konvenzjoni. Kull riferiment għal din il-konvenzjoni jikkostitwixxi fl-istess ħin riferiment għall-Anness.

b)

Il-Gvernijiet kontraenti għandhom jimpenjaw ruħhom li jadottaw il-liġijiet, id-digrieti, l-ordnijiet u r-regolamenti kollha u li jieħdu l-miżuri l-oħra kollha neċessarji sabiex jagħtu lill-Konvenzjoni l-effett sħiħ tagħha, sabiex jiġi ggarantit li, mill-perspettiva tas-sigurtà umana, bastiment ikun idoneju għas-servizz li għalih huwa ddestinat”.

19

L-Artikolu II ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”, jipprovdi:

“Din il-konvenzjoni tapplika għall-bastimenti li huma awtorizzati jtajru l-bandiera ta’ Stat li l-gvern tiegħu huwa Gvern kontraenti”.

20

L-Artikolu IV tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Każijiet ta’ forza maġġuri”, jipprovdi, fil-punt (b) tiegħu:

“Il-persuni li jinsabu abbord bastiment minħabba forza maġġuri jew bħala riżultat tal-obbligu impost fuq il-kaptan li jittrasporta kemm persuni nawfragi jew lil persuni oħra, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tiġi vverifikata l-applikazzjoni għall-bastiment ta’ kwalunkwe preskrizzjoni ta’ din il-konvenzjoni”.

21

Il-partijiet għall-Konvenzjoni għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar ikkonkludew f’Londra, fil‑11 ta’ Novembru 1988, Protokoll dwar din il-konvenzjoni, li jifforma parti integrali minnha. Dan il-protokoll, li daħal fis-seħħ fit‑3 ta’ Frar 2000, jinkludi huwa stess anness li jifforma parti integrali minnu u li jinkludi erbatax-il kapitolu li jistabbilixxu sensiela vasta ta’ regoli dwar il-kostruzzjoni, it-tagħmir kif ukoll l-użu tal-bastimenti li għalihom tapplika l-imsemmija konvenzjoni.

22

Il-Kapitolu 1 tat-Taqsima B ta’ dan l-Anness jinkludi, b’mod partikolari, ir-regoli li ġejjin:

“Regola 11

Żamma tal-kundizzjonijiet wara żjarat

a)

L-istat tal-bastiment u tat-tagħmir tiegħu għandu jinżamm b’mod li josserva l-istipulazzjonijiet ta’ dawn ir-regoli u li jiġi ggarantit li l-bastiment, minn kull aspett, jibqa’ kapaċi li jmur fuq il-baħar mingħajr periklu għalih jew għall-persuni abbord.

[…]

Regola 17

Aċċettazzjoni taċ-ċertifikati

Iċ-ċertifikati maħruġa taħt l-awtorità ta’ Gvern Kontraenti għandhom jiġu aċċettati mill-Gvernijiet Kontraenti l-oħra għall-finijiet ta’ din il-konvenzjoni. Huma għandhom jiġu kkunsidrati mill-Gvernijiet Kontraenti l-oħra bħala li għandhom l-istess saħħa taċ-ċertifikati maħruġa minnhom.

[…]

Regola 19

Kontroll

(a)

Kull bastiment li jinsab fil-port ta’ Gvern Kontraenti ieħor huwa suġġett għall-kontroll tal-awtoritajiet debitament awtorizzati ta’ dan il-Gvern sa fejn dan il-kontroll huwa intiż li jivverifika li ċ-ċertifikati […] huma validi.

(b)

Tali ċertifikati, jekk ikunu validi, għandhom jiġu aċċettati sakemm ma jkunx hemm raġunijiet evidenti sabiex wieħed jemmen li l-istat tal-bastiment jew tat-tagħmir tiegħu ma jikkorrispondix essenzjalment mad-dettalji ta’ wieħed minn dawn iċ-ċertifikati jew li l-bastiment jew it-tagħmir tiegħu ma humiex konformi mal-istipulazzjonijiet tar-Regola 11 [(a) u (b)].

(c)

Fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-[punt] (b) […], l-awtorità li twettaq il-kontroll għandha tieħu miżuri sabiex tipprekludi lill-bastiment milli jinnaviga sakemm huwa jkun jista’ jmur fuq il-baħar jew jitlaq mill-port sabiex jipproċedi għal tarzna adegwata mingħajr periklu għalih jew għall-persuni abbord

[…]”.

Il‑Konvenzjoni dwar ir‑Riċerka u s‑Salvataġġ Marittimu

23

Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Riċerka u s-Salvataġġ Marittimu, li ġiet konkluża f’Hamburg fis‑27 ta’ April 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1405, Nru 23489, p. 133, iktar ’il quddiem “Konvenzjoni dwar ir-Riċerka u s-Salvataġġ Marittimu”), daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ Ġunju 1985. L-Unjoni ma hijiex parti f’din il-konvenzjoni. Huma biss uħud mill-Istati Membri, fosthom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Taljana, li huma.

Ir-Riżoluzzjoni tal‑OMI dwar il‑Kontroll mill‑Istat tal‑Port

24

Fl‑4 ta’ Diċembru 2019, l-Assemblea tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) adottat ir-Riżoluzzjoni A.1138 (31), intitolata “Proċeduri ta’ kontroll mill-Istat tal-port, 2019” (iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni tal-OMI dwar il-kontroll mill-Istat tal-port”), li magħha hemm mehmuż anness li għandu l-istess titolu.

25

Il-Kapitolu 1 ta’ dan l-anness, intitolat “Ġeneralitajiet”, jinkludi punt 1.3, intitolat “Introduzzjoni”, li jipprevedi:

“1.3.1 Skont id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet rilevanti msemmija fit-Taqsima 1.2 iktar ’il fuq, l-Amministrazzjoni (jiġifieri l-Gvern tal-Istat tal-bandiera) hija inkarigata li tadotta l-liġijiet u r-regolamenti u tieħu kull miżura oħra li tista’ tkun neċessarja sabiex tagħti lil dawn il-konvenzjonijiet effett sħiħ b’mod li tiggarantixxi li, mill-perspettiva tas-salvagwardja tal-ħajja umana fuq il-baħar u l-prevenzjoni tat-tniġġis, bastiment ikun adattat għas-servizz li għalih huwa intiż u li l-baħħara jkunu kkwalifikati u kapaċi biex iwettqu id-dmirijiet tagħhom.

[…]

1.3.3 Il-proċeduri ta’ kontroll deskritti iktar ’il quddiem għandhom jiġu kkunsidrati bħala komplementari għall-miżuri nazzjonali meħuda mill-Amministrazzjonijiet tal-Istat tal-bandiera fil-pajjiż tagħhom u barra mill-pajjiż tagħhom, u huma intiżi sabiex jipprovdu approċċ komuni u uniformi tal-prestazzjoni tal-miżuri ta’ spezzjoni u ta’ kontroll meħuda mill-Istat tal-port f’każ ta’ skoperta ta’ nuqqasijiet serji. Dawn il-proċeduri huma intiżi wkoll sabiex jipprovdu assistenza lill-Amministrazzjonijiet tal-Istat tal-bandiera sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet, sabiex tiġi salvagwardata s-sigurtà tal-ekwipaġġ, tal-passiġġieri u tal-bastimenti, kif ukoll sabiex tiġi ggarantita l-prevenzjoni tat-tniġġis”.

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2009/16

26

Id-Direttiva 2009/16 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 80(2) KE (li sar l-Artikolu 100(2) TFUE), bil-għan li titfassal mill-ġdid id-Direttiva tal-Kunsill 95/21/KE tad‑19 ta’ Ġunju 1995 dwar il-kontroll portwali tal-Istat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 263), li kienet is-suġġett ta’ diversi emendi sa mill-adozzjoni tagħha, u li jissaħħu l-mekkaniżmi implimentati minnha.

27

Il-premessi 2 sa 4, 6, 7, 11, 23 u 34 tad-Direttiva 2009/16 huma fformulati kif ġej:

“(2)

Il-Komunità hija serjament konċernata dwar l-inċidenti relatati mat-trasport marittimu u tinġis tal-ibħra u l-kosti tal-Istati Membri.

(3)

Il-Komunità hija ugwalment konċernata dwar il-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord.

(4)

Is-sikurezza, il-prevenzjoni ta’ tinġis u l-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord jistgħu jittejbu bi tnaqqis drastiku ta’ vapuri substandard minn ibħra tal-Komunità, billi tapplika b’mod strett Konvenzjonijiet u kodiċijiet internazzjonali, u riżoluzzjonijiet.

[…]

(6)

Il-monitoraġġ tal-konformità tal-vapuri mal-istandards internazzjonali għas-sikurezza, għall-prevenzjoni tat-tinġis u għall-kondizzjoniiet ta’ għajxien u tax-xogħol abbord huma l-aktar ir-responsabbiltà tal-Istat tal-bandiera. B’serħan, kif adatt, fuq organizzazzjonijiet rikonoxxuti, l-Istat tal-bandiera jiggarantixxi bis-sħiħ il-kompletezza u l-effiċjenza tal-ispezzjonijiet u l-istħarriġ imwettqin biex jinħarġu ċ-ċertifikati rilevanti. Iż-żamma tal-kondizzjoni tal-vapur u t-tagħmir tiegħu wara stħarriġ biex ikun hemm konformità mal-ħtiġiet tal-Konvenzjonijiet applikabbli għall-vapur hija responsabbiltà tal-kumpanija tal-vapur. Madankollu, kien hemm nuqqas serju min-naħa ta’ numru ta’ Stati tal-bandiera biex jimplimentaw u jinforzaw standards internazzjonali. Minn issa ‘l quddiem, bħala t-tieni linja ta’ difiża kontra tbaħħir substandard, il-monitoraġġ ta’ konformita mal-istandards internazzjonali għas-sikurezza, għall-prevenzjoni ta’ tinġis u għall-kondizzjonijiet tal-għixien u tax-xogħol abbord għandu wkoll jiġi żgurat mill-Istat tal-port, waqt li jkun rikonoxxut li l-ispezzjoni ta’ kontroll mill-Istat tal-port mhijiex stħarriġ u l-formoli rilevanti tal-ispezzjoni mhumiex ċertifikati ta’ adegwatezza għall-baħar.

(7)

Approċċ armonizzat għal infurzar effettiv ta’ dawn l-istandards internazzjonali mill-Istati Membri dwar vapuri li jbaħħru taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom u jużaw il-portijiet tagħhom għandhom jevitaw tgħawwiġ tal-kompetizzjoni.

[…]

(11)

Sistema effiċjenti ta’ kontroll mill-Istat tal-port għandu jfittex li jiżgura li l-vapuri kollha li jżuru portijiet u ankraġġi fil-Komunità jkunu spezzjonati regolarment. […]

[…]

(23)

In-non-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjonijiet rilevanti għandha tiġi retifikata. Il-vapuri li jeħtieġu li jkunu soġġetti għal azzjoni korrettiva għandhom, fejn in-nuqqasijiet osservati huma b’mod ċar ta’ periklu għas-sikurezza, is-saħħa jew l-ambjent, jinżammu sa meta jkunu irranġati n-nuqqasijiet.

[…]

(34)

Billi l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri t-tnaqqis ta’ tbaħħir substandard fl-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri permezz ta’ titjib tas-sistema ta’ spezzjoni tal-Komunità għal vapuri li jbaħħru u l-iżvilupp tal-mezzi biex tittieħed azzjoni preventiva fil-qasam tat-tinġis tal-ibħra, ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu, għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà […]”

28

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/16, intitolat “Skop”:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tgħin biex jitnaqqas drastikament tbaħħir substandard fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri, billi:

(a)

tiżdied il-konformita’ mal-leġislazzjoni internazzjonali u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Komunità dwar is-sikurezza marittima, is-sigurtà marittima, il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u l-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord vapuri tal-bnadar kollha;

(b)

jiġu stabbiliti kriterji komuni għal kontroll ta’ vapuri mill-Istat tal-port u proċeduri ta’ armonizzazzjoni dwar spezzjoni u detenzjoni […]

(c)

tiġi implimentata fil-Komunità ta’ sistema ta’ kontroll tal-Istat tal-port ibbażata fuq l-ispezzjonijiet imwettqin fil-Komunità […] bl-għan li jkunu spezzjonati l-vapuri kollha bi frekwenza li tiddependi mill-profil tagħhom tar-riskju, b’vapuri li jippreżentaw riskju ogħla jkunu s-soġġett ta’ spezzjoni aktar dettaljata mwettqa f’intervalli aktar frekwenti”.

29

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijet li ġejjin:

1)

‘Konvenzjonijiet’ tfisser il-Konvenzjonijiet li ġejjin, bil-Protokolli u l-emendi tagħhom u kodiċijiet relatati ta’ status mandatorju, fil-verżjoni aġġornata tagħhom:

[…]

b)

il‑Konvenzjoni [għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar];

[…]

5)

‘Vapur’ tfisser kull bastiment li jbaħħar li għalih tapplika waħda jew iktar mill-Konvenzjonijiet, li jtajjar bandiera barra minn dik tal-Istat tal-port;

6)

‘Ir-relazzjoni vapur/port’ tfisser l-interazzjonijiet li jseħħu meta vapur ikun direttament u minnufih affettwat minn azzjonijiet li jinvolvu l-moviment ta’ persuni jew oġġetti jew id-dispożizzjoni ta’ servizzi portwali lejn jew mill-vapur.

7)

‘Vapur f’ankraġġ’ tfisser vapur f’port jew żona oħra fil-ġurisdizzjoni ta’ xi port iżda mhux irmiġġat, li jkun qed iwettaq relazzjoni vapur/port.

[…]

12)

‘Spezzjoni aktar dettaljata’ tfisser spezzjoni fejn il-vapur, it-tagħmir u l-ekwipaġġ tiegħu fis-sħuħija tagħhom jew, kif xieraq, partijiet minmhom ikunu soġġetti, fiċ-ċirkostanzi speċifikati fl-Artikolu 13(3) għal eżami dettaljat li jkopri l-kostruzzjoni tal-vapur, tagħmir, persunal, kondizzjonijiet ta’ għajxien u ta’ xogħol u l-konformità ma’ proċeduri operazzjonali ta’ abbord.

[…]

15)

‘Detenzjoni’ tfisser il-projbizzjoni formali ta’ vapur milli jipproċedi lejn il-baħar minħabba nuqqasijiet stabbiliti, li, individwalment jew flimkien, jagħmlu lill-vapur mhux tajjeb għat-tbaħħir.

[…]

20)

‘Ċertifikat statutorju’ tfisser ċertifikat maħruġ minn jew f’isem Stat tal-bandiera skond Konvenzjonijiet.

21)

‘Ċertifikat ta’ klassifikazzjoni’ tfisser dokument maħruġ minn organizzazzjoni rikonoxxuta li jikkonferma l-konformità [mal-Konvenzjoni għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar];

[…]”

30

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull vapur u l-ekwipaġġ tiegħu li jieqaf f’port jew f’ankraġġ ta’ Stat Membru biex jiġi impenjat f’relazzjoni vapur/port.

[…]

Jekk Stat Membru jwettaq spezzjoni ta’ vapur f’ilmijiet fil-ġurisdizzjoni tiegħu, barra minn f’port, għandha tkun ikkunsidrata bħala spezzjoni għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

[…]

4.   Bastimenti tas-sajd, vapuri tal-gwerra, awżiljarji navali, vapuri [tal-injam] b’binja primittiva [, vapuri ta’ awtoritajiet pubbliċi] użati għal skopijiet mhux kummerċjali u jottijiet tad-divertiment li mhumiex użati għan-negozju għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

[…]”.

31

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Setgħat tal-ispezzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex ikunu legalment intitolati iwettqu l-ispezzjonijet imsemmija f’din id-Direttiva abbord vapuri barranin f’konformita’ mal-liġi internazzjonali”.

32

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/16, intitolat “Frekwenza ta’ spezzjonijiet”, jipprevedi:

“Il-vapuri li jżuru portijiet jew ankraġġi fil-Komunità għandhom ikunu soġġetti għal spezzjonijiet perijodiċi jew spezzjonijiet addizzjonali kif ġej:

a)

Il-vapuri għandhom ikunu soġġetti għal spezzjonijiet perijodiċi f’intervalli predeterminati skond il-profil tar-riskju tagħhom […]

(b)

Il-vapuri għandhom ikunu soġġetti għal spezzjonijiet addizzjonali irrispettivament mill-perijodu meta kellhom l-aħħar spezzjoni perijodika tagħhom kif ġej:

l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-vapuri li għalihom japplikaw il-fatturi prominenti elenkati fl-Anness I, parti II 2A, għandhom ikunu spezzjonati.

Il-vapuri li għalihom japplikaw il-fatturi mhux mistennijin elenkati fl-Anness I, parti II 2B, jistgħu jiġu spezzjonati. Id-deċiżjoni biex issir tali spezzjoni addizzjonali titħalla għall-ġudizzju professjonali tal-awtorità kompetenti”.

33

Skont l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għażla ta’ vapuri għal spezzjoni”:

“L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-vapuri jkunu magħżulin għal spezzjoni abbażi tal-profil tar-riskju […] u fejn ifiġġu fatturi prominenti jew mhux mistennijin skond l-Anness I, parti II 2A u 2B. […]

[…]”

34

L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Spezzjonijiet inizjali u aktar dettaljati”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vapuri magħżulin għal spezzjoni skond l-Artikolu 12 […] huma soġġetti għal spezzjoni inizjali jew spezzjoni aktar dettaljata kif ġej:

1)

ma’ kull spezzjoni inizjali ta’ vapur, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-ispettur, bħala minimu:

(a)

jikkontrolla ċ-ċertifikati […] li jinżammu abbord skond il-leġislazzjoni marittima Komunitarja u l-Konvenzjonijiet marbutin mas-saħħa u s-sigurtà;

[…]

(c)

ikun sodisfatt bil-kondizzjoni in ġenerali tal-vapur, inkluża l-iġjene tal-vapur, inkluża l-kamra tal-magna u l-akkomodazzjoni.

[…]

3)

Għandha titwettaq spezzjoni aktar dettaljata, inkluż aktar kontroll ta’ konformità mal- ħtiġiet operattivi ta’ abbord, kull meta hemm raġunijiet biex taħseb, wara l-ispezzjoni riferuta fil-punt 1, li l-kondizzjoni tal-vapur jew ta’ tagħmir tiegħu jew ekwipaġġ ma jissodisfax sostanzjalment il-ħtiġiet rilevanti ta’ Konvenzjoni.

‘Raġunijiet ċari’ għandhom jeżistu meta l-ispettur isib evidenza li fil-ġudizzju professjonali tiegħu teħtieġ spezzjoni aktar dettaljata tal-vapur, it-tagħmir jew l-ekwipaġġ tiegħu.

Eżempji ta’ ‘raġunijiet ċari’ huma stabbiliti fl-AnnessV”.

35

L-Artikolu 19 tal-istess direttiva, intitolat “Rettifikazzjoni u detenzjoni”, jipprovdi:

“1.   L-awtorità kompetenti għandha tkun sodisfatta li kull nuqqas ikkonfermat jew mikxuf mill-ispezzjoni msemmija, ġie jew sa jiġi, rretifikat skond il-Konvenzjonijiet.

2.   F’każ ta’ nuqqasijiet illi diġà huma perikolużi għas-sikurezza, is-saħħa jew l-ambjent, l-awtorità kompetenti tal-Istat tal-port fejn qiegħed jiġi spezzjonat il-vapur għandha tiżgura li l-vapur miżmum jew li l-operazzjoni li matulha ġew irrappurtati n-nuqqasijiet twaqqfet. L-ordni ta’ detenzjoni jew twaqqif ta’ operazzjoni ma tiqafx sakemm jitneħħa l-perikolu jew sakemm din l-awtorità tista’ tistabbilixxi illi l-vapur jista’ jkun soġġett għal kondizzjonijiet meħtieġa, jipproċedi lejn il-baħar jew titkompla l-operazzjoni mingħajr riskju għas-sikurezza u s-saħħa tal-passiġġieri jew l-ekwipaġġ, jew riskju lil vapuri oħra, jew mingħajr ma hemm theddida mhux raġjonevoli lill-ambjent tal-baħar.

[…]

3.   Waqt l-eżerċizzju tal-ġudizzju professjonali tiegħu dwar jekk vapur għandux jinżamm jew le, l-ispettur għandu japplika l-kriterji stabbiliti fl-Anness X.

6.   Fl-eventwalita’ ta’ detenzjoni, l-awtorità kompetenti għandha minnufih tavża, bil-miktub u tinkludi r-rapport tal-ispezzjoni, lill-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera jew, meta dan ma jkunx possibbli, il-Konslu jew, fin-nuqqas tiegħu, l-eqreb rappreżentant diplomatiku ta’ dak l-Istat, dwar iċ-ċirkostanzi kollha li minħabba fihom tkun qieset li l-intervent kien meħtieġ. B’żieda ma’ dan, periti maħtura jew organizzazzjonijiet rikonoxxuti responsabbli għall-ħruġ taċ-ċertifikati tal-klassifikazzjoni jew ċertifikati statutorji skond il-Konvenzjonijiet għandhom ukoll jiġu nnotifikati fejn dan huwa rilevanti. […]

[…]”

36

L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2009/16, intitolat “Segwitu ta’ spezzjonijiet u detenzjonijiet”, jipprevedi:

“1.   Fejn nuqqasijiet kif imsemmija fl-Artikolu 19(2) ma jistgħux jiġu rettifikati fil-port tal-ispezzjoni, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru tista’ tħalli l-vapur konċernat biex jipproċedi mingħajr dewmien mhux dovut lejn il-baċir tat-tiswija il-port tad-detenzjoni[, magħżula mill-kaptan u l-awtoritajiet konċernati,]fejn tista’ tittieħed azzjoni ta’ segwitu, kemm jitħarsu l-kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtorità kompetenti tal-Istat tal-bandiera u aċċettati minn dak l-Istat Membru. Dawn il-kondizzjonijiet għandhom jiżguraw li l-vapur jista’ jipproċedi mingħajr riskju għas-sikurezza u s-saħħa tal-passiġġieri jew l-ekwipaġġ, jew riskju lill-vapuri oħra, jew mingħajr ma jkun hemm theddida mhux raġjonevoli ta’ ħsara għall-ambjent tal-baħar.

[…]

3.   Fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafi 1, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fil-port ta’ spezzjoni tinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat fejn tkun qiegħda t-tarzna, il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 19(6) u kull awtorità oħra kif xieraq tal-kondizzjonijiet kollha għall-vjaġġ.

L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li tirċievi din in-notifika għandha tinforma lill-awtorità li nnotifikata bl-azzjoni li ttieħdet.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li jiċċaħħad l-aċċess għal kwalunkwe port jew ankraġġ fil-Komunità huwa miċħud lill-vapuri msemmijin fil-paragrafu 1 li jitilqu biex ibaħħru:

(a)

mingħajr ħarsien tal-kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fil-port ta’ spezzjoni; jew

(b)

li jirrifjutaw li josservaw ir-rekwiżiti applikabbli tal-Konvenzjonijiet billi ma jmorrux fit-tarzna indikata.

Tali ċaħda għandha tinżamm sakemm is-sid jew l-operatur jipproduċu evidenza għas-sodisfazzjon tal-Istat Membru fejn instab li l-vapur kien difettuż, li turi li l-vapur jikkonforma bis-sħiħ mar-rekwiżiti applikabbli tal-Konvenzjonijiet.

5.   Fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafi 4(a), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn instab difettuż il-vapur għandha tinfurma immedjatament lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha.

Fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafi 4(b), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tinsab it-tarzna immedjatament għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha.

Qabel ma jkun rifjutat id-dħul, l-Istat Membru jista’ jitlob konsultazzjonijiet mal-amministrazzjoni tal-bandiera tal-vapur konċernat.

6.   B’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, jista’ jiġi permess aċċess għal port jew ankraġġ speċifiku mill-awtorità rilevanti ta’ dak l-Istat tal-port fil-każ ta’ forza maġġuri jew konsiderazzjonijiet prevalenti ta’ sikurezza aktar importanti, jew biex jitnaqqas jew jiġi mminimizzat ir-riskju ta’ tinġis jew jiġu rretifikati n-nuqqasijiet, kemm-il darba miżuri adegwati għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru jkunu ġew implimentati mis-sid, l-operatur jew il-kaptan tal-vapur biex jiġi assigurat dħul sigur”.

37

L-Anness I ta’ din id-direttiva, intitolat “Elementi tas-Sistema tal-Ispejzzjoni Komunitarja għall-Istat tal-Port”, jinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“[…]

II. Spezzjoni ta’ vapuri

1. Spezzjonijiet perijodiċi

[…]

2. Spezzjonijiet addizzjonali

Il-vapuri li għalihom il-fatturi spikkanti jew mhux mistennijin li ġejjin huma soġġetti għal spezzjoni irrispettivament mill-perijodu mill-aħħar spezzjoni perijodika tagħhom. Madankollu, il-ħtieġa li titwettaq spezzjoni addizzjonali abbażi ta’ fatturi mhux mistennijin titħalla f’idejn il-ġudizzju professjonali tal-ispettur.

2A. Fatturi Dominanti

Il-vapuri li għalihom japplikaw il-fatturi spikkanti li ġejjin għandhom ikunu spezzjonati irrispettivament mill-perijodu mill-aħħar spezzjoni perijodika tagħhom.

Vapuri li kienu sospiżi jew imneħħijin mill-klassi tagħhom għal raġunijiet ta’ sikurezza sa mill-aħħar spezzjoni fil-Komunità […].

Vapuri li kienu s-suġġett ta’ rapport jew notifika minn Stat Membru ieħor.

Vapuri li ma jistgħux ikunu identifikati fil-ġabra ta’ data għall-ispezzjonijietl-ġabra ta’ data għall-ispezzjonijiet.

Vapuri li:

kienu involuti f’ħabta, ħbit mal-qiegħ jew inkaljar fi triqthom lejn il-port;

kienu akkużati bi vjolazzjoni allegata tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rimi ta’ sostanzi jew nixxigħat li jagħmlu l-ħsara, jew

kienu mmanuvrati f’manjiera erratika jew ta’ periklu li bihom il-miżuri dwar ir-rotot, adottati mill-IMO, jew prattiki ta’ navigazzjoni u proċeduri siguri ma kinux ġew segwiti.

2B. Fatturi mhux mistennijin

Vapuri li għalihom japplikaw il-fatturi mhux mistennijin li ġejjin jistgħu jkunu soġġetti għal spezzjoni irrispettivament mill-perijodu mill-aħħar spezzjoni perijodika tagħhom. Id-deċiżjoni li titwettaq tali spezzjoni addizzjonali titħalla f’idejn il-ġudizzju professjonali tal-awtorità kompetenti.

[…]

Vapuri li jġorru ċertifikati maħruġin minn organizzazzjoni li qabel kienet rikonoxxuta li r-rikonoxximent tagħha kien irtirat mill-aħħar spezzjoni fil-Komunità […]

Vapuri li kienu rrapportati minn piloti jew awtoritajiet jew korpi tal-port bħala li għandhom anomaliji apparenti li jistgħu jippreġudikaw in-navigazzjoni sigura tagħhom jew ikunu ta’ theddida ta’ ħsara lill-ambjent […]

Vapuri li naqsu milli jikkonformaw mal-ħtiġiet ta’ notifikazzjoni rilevanti […]

Vapuri li kienu s-suġġett ta’ rapport jew ta’ lment, inkluż ilment fuq l-art, mill-kaptan, membru tal-ekwipaġġ, jew xi persuna jew organizzazzjoni b’interess leġittimu fl-operat b’sikurezza tal-vapur, kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord jew il-prevenzjoni tat-tinġis, sakemm l-Istat Membru kkonċernat iqis li r-rapport jew l-ilment ikun manifestament mingħajr bażi.

Vapuri li nżammu preċedentement aktar minn tliet xhur ilu.

Vapuri li kienu rrappurtati b’ nuqqasijiet li jispikkaw, […]

Vapuri li kienu rrappurtati bi problemi rigward il-merkanzija tagħhom, partikolarment merkanziji noċivi u perikolużi.

Vapuri li kienu operati b’manjiera li jkunu ta’ periklu lil persuni, proprjetà jew ambjent.

Vapuri fejn informazzjoni minn sors li tista’ toqgħod fuqu saret magħrufa, li l-parametri tar-riskji tagħhom ivarjaw minn dawk irreġistrati u l-livell tar-riskju huwa għalhekk miżjud.

[…]”

38

L-Anness V tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eżempji ta’ ‘bażijiet ċari’”, jipprevedi, fil-punt A.1 tiegħu, li jinsabu fost “[e]żempji ta’ bażijiet ċari għal spezzjoni aktar dettaljata”“[v]apuri identifikati fl-Anness I, parti II 2A u 2B”.

39

L-Anness X tal-istess direttiva, intitolat “Kriterji għad-detenzjoni ta’ vapur”, huwa fformulat kif ġej:

“Qabel tistabbilixxi jekk xi nuqqasijiet misjuba waqt spezzjoni jeżiġux detenzjoni tal-vapur involut, l-ispettur irid japplika l-kriterji msemmija aktar ‘l isfel fil-punti1 u 2.

Il-punt 3 jinkludi eżempji ta’ nuqqasijiet li jistgħu minnhom infushom jesiġu detenzjoni tal-vapur involut (Ara l-Artikolu 19([3])).

[…]

1.

KRITERJI PRINĊIPALI

Meta jeżerċita ġudizzju professjonali tiegħu dwar jekk vapur għandux jinżamm jew le, l-ispettur irid japplika dawn il-kriterji:

[…]

Il-vapur jinżamm jekk in-nuqqasijiet tiegħu ikunu daqshekk serji li jimmeritaw ritorn ta’ spettur biex ikun ċert li dawn ġew ikkorreġuti qabel ma l-vapur isalpa.

Il-ħtieġa li l-ispettur jerġa lura fuq il-vapur hija kejl tal-gravità tan-nuqqasijiet. Madankollu, ma timponix tali obbligu għal kull każ. Timplika li l-awtorità trid tivverifika mod jew ieħor, preferibbilment bi żjara oħra, li n-nuqqasijiet ġew ikkoreġuti qabel it-tluq.

2.

APPLIKAZZJONI TAL-KRITERJI PRINĊIPALI

Meta jiddeċiedi jekk in- nuqqasijiet misjuba fil-vapur humiex daqshekk serji li jeħtieġu detenzjoni l-ispettur irid jiċċertifika jekk:

[…]

Waqt l-ispezzjoni l-ispettur irid jara jekk il-vapur u/jew l-ekwipaġġ hux kapaċi:

3.

ibaħħar b’mod sigur fil-vjaġġ li ġej;

[…]

8.

jabbandunaw il-vapur malajr u b’sikurezza u jagħmlu salvataġġ waqt il-vjaġġ li jmiss;

9.

jipprevienu tinġis tal-ambjent waqt il-vjaġġ li jmiss;

[…]

13.

jipprovdu kondizzjonijiet siguri u sani abbord waqt il-vjaġġ li jmiss;

[…]

Jekk ir-risposta għal xi waħda minn dawn il-valutazzjonijiet hija negattiva, wara li jkunu kkunsidrati n- nuqqasijiet kollha misjuba, il-vapur għandu jiġi kkunsidrat b’mod qawwi għad-detenzjoni. Kombinazzzjoni ta’ nuqqasijiet ta’ natura inqas serja tista’ wkoll tesiġi d-detenzjoni tal-vapur.

3.

Biex tassisti l-ispettur fl-użu ta’ dawn il-gwidi, hemm lista ta’ nuqqasijiet, raggruppati flimkien taħt Konvenzjonijiet rilevanti u/jew kodiċi, li huma kkunsidrati ta’ natura hekk serja li jistgħu jesiġu d-detenzjoni tal-vapur involut. Din il-lista mhix maħsuba biex tkun esklussiva.

[…]

3.2. Żoni taħt il-Konvenzjoni [għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar];

[…]

5.

Assenza, kapaċità insuffiċjenti jew deterjorazzjoni serja ta’ tagħmir ta’ salvataġġ, biċċiet tal-baħar għas-sopravivenza u dispożittivi għat-tpoġġija fl-ilma.

[…]

3.10. Żoni taħt [Konvenzjoni tax-Xogħol Marittimu, 2006]

[…]

8. Il-kondizzjonijiet abbord huma ta’ perikolu b’mod ċar għas-sikurezza, is-saħħa jew is-sigurtà tal-baħħara.

9. In-nuqqas ta’ konformità tikkostitwixxi ksur serju jew ripetut tar-rekwiżiti tal-[Konvenzjoni tax-Xogħol Marittimu, 2006](inklużi d-drittijiet tal-baħħara) li jirrigwardaw il-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-baħħara fuq il-vapur, kif stipulat fiċ-ċertifikat tax-xogħol marittimu tal-vapur u d-dikjarazzjonijiet tal-konformità tax-xogħol marittimu

[…]”.

Ir‑Rakkomandazzjoni tat‑23 ta’ Settembru 2020

40

Fit‑23 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1365 dwar il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri fir-rigward ta’ operazzjonijiet imwettqa minn bastimenti li huma proprjetà ta’ entitajiet privati jew imħaddma minnhom għall-fini ta’ attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ (ĠU 2020, L 317, p. 23, iktar ’il quddiem ir-“Rakkomandazzjoni tat‑23 ta’ Settembru 2020”).

41

Il-premessi 1 sa 8, 11, 12, 15, 16 u 18 ta’ din ir-rakkomandazzjoni jesponu l-motivi li wasslu għall-adozzjoni tagħha. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tindika li l-kuntest tal-kriżi migratorja li ġarrbet l-Unjoni b’effett mis-sena 2014 u, b’mod iktar partikolari, iż-żieda qawwija ħafna fin-numru ta’ persuni li pprovaw jaqsmu l-baħar Mediterran abbord vapuri mhux adegwati sabiex jaħarbu mill-Istat ta’ oriġini tagħhom u sabiex isibu rifuġju fl-Ewropa, wassal diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) li joperaw bastimenti sabiex jipparteċipaw f’attività kumplessa ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fil-baħar, sabiex jgħinuhom. Fit-tieni lok, hija tesponi, essenzjalment, li din l-attività, filwaqt li tista’ tinftiehem fid-dawl tal-obbligu, stabbilit mid-dritt internazzjonali konswetudinarju u konvenzjonali, li huwa impost fuq l-Istati Membri li jagħtu assistenza lil tali persuni, titlob koordinazzjoni u kooperazzjoni msaħħa kemm bejn dawn l-NGOs u l-Istati Membri kif ukoll bejn dawn tal-aħħar, kemm jekk dawn ikollhom il-kwalità ta’ Stat tal-bandiera tal-bastimenti użati, ta’ Stat tal-port fejn il-persuni li jkunu ġew salvati huma jew jistgħu jiġu żbarkati jew ukoll ta’ Stat ospitanti tal-imsemmija persuni. Fit-tielet u l-aħħar lok, il-Kummissjoni tqis, essenzjalment, li huwa xieraq, bla ħsara għall-obbligi li jirriżultaw mid-dritt internazzjonali u mid-dritt tal-Unjoni, li jinħoloq qafas adegwat għall-imsemmija attività, b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata s-sigurtà fuq il-baħar tal-persuni salvati kif ukoll tal-ekwipaġġ li jkun qiegħed joffri għajnuna lil dawn il-persuni u li dan il-proġett jimplika l-istabbiliment ta’ grupp ta’ kuntatt li jippermetti lill-Istati Membri jikkooperaw, jikkoordinaw ruħhom u jiżviluppaw prattiki tajbin, flimkien mal-partijiet interessati kollha.

42

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, l-imsemmija rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri, essenzjalment, iżidu l-kooperazzjoni tagħhom dwar l-attività privata ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fil-baħar, b’mod partikolari billi jistabbilixxu, mal-Kummissjoni u flimkien mal-partijiet interessati, grupp ta’ kuntatt f’dan il-qasam.

Id‑dritt Taljan

43

Id-Direttiva 2009/16 ġiet trasposta fid-dritt Taljan bid-decreto legislativo n. 53 – Attuazione della direttiva 2009/16/CE recante le norme internazionali per la sicurezza delle navi, la prevenzione dell’inquinamento e le condizione di vita e di lavoro a bordo per le navi che approdano nei porti comunitari e che navigano nelle acque sotto la giurisdizione degli Stati membri (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 53, li jirrigwarda l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/16/KE dwar regoli internazzjonali għas-sigurtà tal-bastimenti, il-prevenzjoni tat-tniġġis u l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord bastimenti li jieqfu fil-portijiet tal-Unjoni u li jinnavigaw fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri), tal‑24 ta’ Marzu 2011 (GURI Nru 96, tas‑27 ta’ April 2011, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 53/2011”).

44

L-Artikolu 3 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 53/2011 jipprovdi kif ġej:

“1.   Dan id-digriet japplika għall-bastimenti u għad-dgħajjes ta’ rikreazzjoni użati għal finijiet kummerċjali u li jtajru l-bandiera mhux Taljana, kif ukoll għall-ekwipaġġi tagħhom, li jieqfu jew jankraw f’port nazzjonali sabiex iwettqu attività partikolari ta’ relazzjoni bastiment/port. L-ispezzjoni ta’ bastiment imwettqa f’ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità nazzjonali hija kkunsidrata, għall-finijiet ta’ dan id-digriet, bħala ekwivalenti għal dik imwettqa f’port.

[…]

5.   Dan id-digriet ma japplikax għall-bastimenti tas-sajd, għall-bastimenti tal-gwerra, għall-bastimenti li jagħtu servizz, għall-vapuri tal-injam b’binja primittiva, għall-bastimenti tal-awtoritajiet pubbliċi użati għal finijiet mhux kummerċjali u għad-dgħajjes ta’ rikrejazzjoni mhux involuti fi traffiku kummerċjali”.

Il‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

45

Sea Watch hija organizzazzjoni umanitarja mingħajr skop ta’ lukru li għandha s-sede tagħha f’Berlin (il-Ġermanja). L-istatut tagħha jistipula li l-għan tagħha huwa, b’mod partikolari, is-salvataġġ ta’ persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fil-baħar kif ukoll iż-żamma u l-użu ta’ bastimenti u ta’ apparat tat-titjir għall-finijiet ta’ dan is-salvataġġ. B’konformità ma’ dan l-għan, hija teżerċita attivitajiet ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni fl-ilmijiet internazzjonali tal-Baħar Mediterran permezz ta’ bastimenti li tagħhom hija kemm is-sid kif ukoll l-operatriċi. Fost dawn il-bastimenti hemm żewġ bastimenti msejħa “Sea Watch 3” u “Sea Watch 4”, li jtajru l-bandiera Ġermaniża u li ġew iċċertifikati minn korp ta’ klassifikazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni stabbilit fil-Ġermanja bħala “bastiment tal-merkanzija ġenerali – polivalenti”.

46

Matul is-sajf tal‑2020, is-Sea Watch 3 u Sea Watch 4 wieħed wieħed telqu mill-port ta’ Burriana (Spanja) u wettqu s-salvataġġ ta’ diversi mijiet ta’ persuni li kienu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fl-ilmijiet internazzjonali tal-Baħar Mediterran. Sussegwentement, il-kmandanti rispettivi ta’ dawn il-bastimenti ġew informati mill-Italian Maritime Rescue Coordination Centre (iċ-Ċentru Taljan għall-Koordinazzjoni tas-Salvagwardja fil-Baħar), li jinsab f’Ruma (l-Italja), li l-Ministero degli Interni (il-Ministeru għall-Intern, l-Italja) kien awtorizza l-iżbark u t-trażbord tal-persuni kkonċernati fil-bastimenti li kienu jinsabu fil-port ta’ Palermo, fir-rigward tas-Sea Watch 4, u f’dak ta’ Porto Empedocle, fir-rigward tas-Sea Watch 3. B’hekk ingħataw struzzjonijiet biex jidderieġu l-bastiment tagħhom lejn dawn il-portijiet kif ukoll biex jipproċedu b’dawn l-operazzjonijiet.

47

Ladarba twettqu l-imsemmija operazzjonijiet, il-Ministro della Salute (il-Ministru tas-Saħħa, l-Italja) ordna li s-Sea Watch 4 u s-Sea Watch 3 jitfgħu l-ankri viċin il-portijiet inkwistjoni għal finijiet, l-ewwel, ta’ konfinament tal-ekwipaġġi intiżi għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-pandemija tal-COVID‑19 u, it-tieni, għat-tindif, għad-diżinfettar kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni sanitarja.

48

Wara l-proċeduri ta’ tindif u ta’ diżinfettar, l-Uffiċċju tal-Kap tal-Port ta’ Palermo u dak tal-Port ta’ Porto Empedocle wettqu spezzjonijiet abbord, abbażi tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 53/2011, imbagħad ordnaw id-detenzjoni, rispettivament, ta’ Sea Watch 4 u ta’ Sea Watch 3. Kif jirriżulta mir-rapporti li taw lok għalihom dawn l-ispezzjonijiet u mill-avviżi ta’ detenzjoni li sussegwentement ġew adottati, dawn l-Uffiċċji tal-Kap tal-Port qiesu, fl-ewwel lok, li dawn il-bastimenti kienu “impenjat[i] biex jassistu lill-migranti fil-baħar meta ma [kinux] iċċertifikat[i] għas-servizz maħsub”. Fit-tieni lok, huma rrilevaw iktar minn 20 “nuqqasijiet tekniċi u operattivi” meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u tal-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli, fejn 9 għandhom ikunu kkunsidrati “separatament jew flimkien, [bħala li huma] kjarament perikolużi għas-sigurtà, għas-saħħa jew għall-ambjent” u li huma ta’ gravità tali li jiġġustifikaw id-detenzjoni tal-imsemmija bastimenti, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2009/16.

49

Minn dak iż-żmien ’l hawn, Sea Watch temmet uħud minn dawn l-irregolaritajiet. Min-naħa l-oħra, hija tqis li l-irregolaritajiet li fadal ma humiex ippruvati. Dawn l-irregolaritajiet jirrigwardaw, essenzjalment, l-ewwel, il-fatt li, l-Uffiċċji tal-Kap tal-Port ta’ Palermo u ta’ Porto Empedocle, is-Sea Watch 4 u s-Sea Watch 3 ma humiex iċċertifikati sabiex jilqgħu abbord u jittrasportaw diversi mijiet ta’ persuni, kif għamlu matul is-sajf tal‑2020. Sussegwentement, dawn iż-żewġ bastimenti ma għandhomx tagħmir tekniku adegwat sabiex iwettqu tali attivitajiet, minkejja li fil-verità huma intiżi sabiex, u effettivament użati għall-finijiet esklużivi ta’, dawn. B’mod partikolari, l-installazzjonijiet ta’ trattament tal-ilma mormi u l-apparat ta’ salvataġġ li għandhom huma ddisinjati, rispettivament, għal 22 jew 30 persuna u mhux għal diversi mijiet ta’ persuni, u latrini kif ukoll showers addizzjonali li jarmu direttament fil-baħar ġew installati fuq il-gverta. Fl-aħħar, l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ imwettqa mill-membri tal-ekwipaġġ ma humiex ikkontabilizzati fis-sigħat ta’ xogħol tagħhom.

50

Sea Watch ippreżentat quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sicilia, l-Italja) żewġ rikorsi intiżi għall-annullament tal-avviżi ta’ detenzjoni ta’ Sea Watch 4 u ta’ Sea Watch 3, tar-rapporti ta’ spezzjoni li ppreċedew dawn l-avviżi u ta’ “kull att preċedenti ieħor, konness jew konsekuttiv” (iktar ’il quddiem il-“miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali”). Insostenn tar-rikorsi tagħha, hija ssostni, l-ewwel, li l-Uffiċċji tal-Kap tal-Port li minnhom joriġinaw dawn il-miżuri eċċedew is-setgħat tal-Istat tal-port, kif jirriżultaw mid-Direttiva 2009/16 interpretata fid-dawl tad-dritt internazzjonali konswetudinarju u konvenzjonali applikabbli, u b’mod partikolari tar-regola ta’ aċċettazzjoni reċiproka bejn l-Istati taċ-ċertifikati maħruġa mill-Istati tal-bandiera, billi wettqu spezzjonijiet li kellhom l-għan jew l-effett li jikkontestaw il-klassifikazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-bastimenti Sea Watch 4 u Sea Watch 3 imwettqa mill-awtoritatjiet Ġermaniżi kompetenti. It-tieni, dawn l-ispezzjonijiet twettqu filwaqt li l-kundizzjonijiet proċedurali u sostantivi li jippermettu li jitwettqu, kif previsti mid-Direttiva 2009/16, ma kinux issodisfatti. It-tielet, l-imsemmija spezzjonijiet jikkostitwixxu, fir-realtà, mezz li ma huwiex maħsub sabiex jintlaħaq għan li jikkonsisti fit-tfixkil tal-operazzjonijiet ta’ riċerka u ta’ salvataġġ organizzati minn Sea Watch fil-Baħar Mediterran. Fir-raba’ u f’kull każ, in-nuqqasijiet allegati, b’mod barra minn hekk ġeneriku, mill-Uffiċċji tal-Kap tal-Port inkwistjoni ma jiġġustifikawx li tiġi ordnata d-detenzjoni taż-żewġ bastimenti kkonċernati.

51

Barra minn hekk, Sea Watch żiedet ma’ dawn ir-rikorsi talbiet għal miżuri provviżorji, bl-għan li tikseb l-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji, li l-ħtieġa tagħhom hija ġġustifikat billi invokat l-eżistenza ta’ riskju ta’ dannu gravi u irreparabbli, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Taljan applikabbli f’dan il-qasam.

52

Fit-talbiet tagħha għal deċiżjoni preliminari, ippreżentati fil-kuntest, rispettivament, tal-kawża rigward Sea Watch 4 (Kawża C‑14/21) u dik rigward Sea Watch 3 (Kawża C‑15/21), il-qorti tar-rinviju tindika b’mod partikolari li l-elementi li jinsabu fil-proċessi rispettivi ta’ dawn il-kawżi juru li l-eżistenza tal-bqija tal-irregolaritajiet, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma s-suġġett ta’ teħid ta’ pożizzjoni diverġenti min-naħa mhux biss tal-partijiet f’dawn il-kawżi, iżda wkoll tal-awtoritajiet kompetenti fl-Italja, l-Istat tal-port, u fil-Ġermanja, l-Istat tal-bandiera. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, l-awtoritajiet Taljani jqisu, essenzjalment, li dawn l-irregolaritajiet huma stabbiliti u li għandhom jintemmu meta l-awtoritajiet Ġermaniżi jqisu li għandu jiġi konkluż, abbażi ta’ interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt internazzjonali pubbliku, li ma teżisti ebda irregolarità u, għaldaqstant, li s-sitwazzjoni ma teħtieġ, min-naħa ta’ Sea Watch, ebda azzjoni intiża li tirrimedjaha.

53

Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li s-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali teħtieġ li hija tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex din tal-aħħar tiċċara s-sistema legali applikabbli għall-bastimenti li huma operati minn organizzazzjonijiet mhux governattivi b’għan umanitarju bħal Sea Watch, sabiex twettaq attività sistematika ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fil-baħar.

54

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/16 u, b’mod iktar preċiż, dwar jekk l-Artikolu 3 tagħha għandux jiġi interpretat, fid-dawl tal-kliem tiegħu, tal-istruttura ta’ din id-direttiva u tal-għanijiet li hija tfittex, fis-sens li jinkludi jew le l-bastimenti li, filwaqt li jkunu ġew uffiċjalment ikklassifikati u ċċertifikati, minn korp awtorizzat mill-Istat tal-bandiera u approvat fil-livell tal-Unjoni, bħala “bastimenti tal-merkanzija” maħsuba biex jintużaw għal skopijiet kummerċjali jew ta’ merkanzija, huma, fil-prattika, maħsuba u assenjati, esklużivament u sistematikament, għal attività ta’ tfittxija u ta’ salvataġġ għal persuni f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fil-baħar.

55

Fuq dan il-punt, din il-qorti tindika li hija inklinata li taħseb li d-Direttiva 2009/16 għandha tiġi interpretata, fid-dawl tal-Artikolu 3(4) tagħha, tal-premessi 2 sa 4 u 6 tagħha kif ukoll tal-kuntest li fih jinsabu din id-dispożizzjoni u dawn il-premessi, fis-sens li hija ma tapplikax għal bastimenti li, bħas-Sea Watch 4 u Sea Watch 3, jintużaw għall-finijiet ta’ attività mhux kummerċjali jew mhux ta’ merkanzija, bħal attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fil-baħar, ħlief jekk dawn il-bastimenti jistgħu jiġu ttrattati bħala bastimenti tal-passiġġieri. Skont din l-interpretazzjoni, l-imsemmija bastimenti ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ spezzjoni li ssir abbażi tal-Artikoli 11 sa 13 tal-imsemmija direttiva. Madankollu, hija tqis possibbli li interpretazzjoni opposta għal din tal-aħħar tista’ wkoll tiġi aċċettata, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 3(1) tagħha. Jekk dan għandu jkun il-każ, hija tirrileva li madankollu jkun xieraq li tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 53/2011 mad-Direttiva 2009/16, li ġie adottat mir-Repubblika Taljana sabiex jittrasponi l-imsemmija direttiva fid-dritt intern tagħha.

56

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-isproporzjon manifest bejn in-numru massimu ta’ 22 jew ta’ 30 persuna li jistgħu jiġu ttrasportati mill-bastimenti Sea Watch 4 u Sea Watch 3 bis-saħħa taċ-ċertifikati rispettivi tagħhom u l-mijiet ta’ persuni effettivament ittrasportati minnhom matul l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ li wasslu għall-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jikkostitwixxi “fattur dominanti” jew “fattur mhux mistenni”, fis-sens tal-punti 2A u 2B tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2009/16, li jiġġustifika li dawn il-bastimenti huma suġġetti għal spezzjoni addizzjonali bbażata fuq l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva.

57

Il-qorti tar-rinviju tqis li dan l-isproporzjon manifest jikkostitwixxi “fattur mhux mistenni” u, b’mod iktar speċifiku, sitwazzjoni ta’ użu ta’ bastimenti “[li] tippreżenta periklu għall-persuni, għall-oġġetti jew għall-ambjent”. F’dan ir-rigward, hija tirrileva, l-ewwel nett, li l-obbligu impost fuq il-kaptani ta’ bastimenti li jipprovdu għajnuna lil kull persuna li tinsab f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fil-baħar, kif stabbilit fl-Artikolu 98 tal‑Konvenzjoni dwar il‑Liġi tal‑Baħar u mfakkar mill-Konvenzjoni dwar ir‑Riċerka u s‑Salvataġġ Marittimu, huwa impost biss, skont dawn il-konvenzjonijiet internazzjonali, meta dan jista’ jiġi implimentat mingħajr ma jinvolvi riskji serji għall-bastiment, għall-ekwipaġġ u għall-passiġġieri kkonċernati. Sussegwentement, minn dan hija tiddeduċi li l-akkoljenza abbord bastiment partikolari ta’ numru ta’ persuni li jidher manifestament sproporzjonat mal-kapaċità ta’ akkoljenza tiegħu u tat-tagħmir tiegħu, kif indikati fi jew riflessi fiċ-ċertifikati differenti tiegħu, kif ukoll mad-daqs tal-ekwipaġġ tiegħu, tista’ twassal għal tali riskji. Fl-aħħar nett, hija tikkonkludi li, fil-każ fejn din l-akkoljenza hija l-konsegwenza ta’ attività esklużiva u sistematika ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fil-baħar, imwettqa permezz ta’ bastimenti li ċ-ċertifikati tagħhom juru li dawn ma humiex adegwati għal din l-attività, jista’ jitqies li teżisti sitwazzjoni ta’ użu perikoluż li tiġġustifika l-organizzazzjoni ta’ spezzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/16.

58

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinvju tfittex li tiddetermina, b’mod ġenerali, l-estensjoni u l-portata tas-setgħat li jistgħu jiġu eżerċitati mill-Istat tal-port fil-kuntest ta’ spezzjoni ddettaljata tal-bastiment fejn dan ma huwiex l-Istat tal-bandiera, mwettqa abbażi tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16. B’mod iktar speċifiku, hi tistaqsi jekk dawn is-setgħat jinkludux il-possibbiltà li jiġi żgurat li, indipendentement mill-attivitajiet li għalihom dan il-bastiment huwa kklassifikat u ċċertifikat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-bandiera, jikkonforma, fil-każ fejn huwa jipprattika attività differenti li tikkonsisti fir-riċerka u salvataġġ b’mod esklużiv u sistematiku ta’ persuni li jinsabu fil-periklu jew f’diffikultà fil-baħar, mad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tas-sigurtà, tal-prevenzjoni tat-tniġġis kif ukoll tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord, bħal dawk li jirriżultaw mid-dritt sekondarju tal-Unjoni jew/u tad-dritt internazzjonali konswetudinarju jew konvenzjonali tal-baħar.

59

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesponi, qabelxejn, li, fil-fehma tagħha, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16 għandu jinftiehem, fid-dawl tal-kliem tiegħu, fis-sens li jippermetti lill-Istat tal-port iwettaq spezzjonijiet li ma humiex limitati għall-verifika formali tal-preżenza abbord taċ-ċertifikati kollha meħtieġa, iżda jinkludu wkoll kontroll materjali tal-istat reali tal-bastiment ikkonċernat. Sussegwentement, hija tenfasizza li dan il-kontroll materjali għandu madankollu jitwettaq, fid-dawl tal-kliem ta’ dan l-artikolu kif ukoll tal-istruttura tad-Direttiva 2009/16, kif iċċarata b’mod partikolari mill-premessa 6 tagħha u mill-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli, meta mqabbla mal-klassifikazzjoni u maċ-ċertifikazzjoni mwettqa mill-Istat tal-bandiera, u għalhekk huwa intiż li jivverifika biss li l-istat reali tal-bastiment ikkonċernat jikkorrispondi mad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-attivitajiet li għalihom huwa ġie kklassifikat u ċċertifikat minn dan l-Istat. Fil-fatt, tali kontroll iseħħ biss “sussegwentement” u għalhekk ma jistax jikkontesta, minħabba l-għan jew l-effetti tiegħu, il-kontroll u d-deċiżjonijiet li jkunu seħħew “inizjalment” fl-Istat tal-bandiera, li jkun il-każ kieku kien jippermetti lill-Istat tal-port li jiddetjeni bastiment minħabba li dan ma josservax dispożizzjonijiet oħra minbarra dawk li jikkorrispondu għall-attività li għaliha jkun ġie ċċertifikat. Fl-aħħar nett, filwaqt li tammetti li tali interpretazzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni tista’ tippermetti frodi, il-qorti tar-rinviju tosserva, essenzjalment, li l-attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni li hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex ta’ natura frawdolenti sa fejn hija, l-ewwel, konformi mal-għan segwit minn Sea Watch, it-tieni, magħrufa mill-awtoritajiet Ġermaniżi u Taljani kompetenti, u, it-tielet, irrikonoxxuta bħala prinċipju, kif turi r-Rakkomandazzjoni tat‑23 ta’ Settembru 2020.

60

Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fl-assenza ta’ possibbiltà għall-Istat tal-port li jwettaq, abbażi tad-Direttiva 2009/16, il-kontroll tal-osservanza, minn bastiment partikolari, tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tas-sigurtà, ta’ prevenzjoni tat-tniġġis kif ukoll tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord, fid-dawl tal-attività effettiva ta’ dan il-bastiment, tali setgħa tista’ tkun ibbażata jew fuq l-Artikolu I(b) tal-Konvenzjoni għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, imsemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li teħtieġ li l-gvernijiet kontraenti jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex “jiġi ggarantit li, mill-perspettiva tas-salvagwardja tal-ħajja umana fuq il-baħar, bastiment ikun adegwat għas-servizz li għalih huwa ddestinat”, jew fuq punt 1.3.1 tal-Anness tar‑Riżoluzzjoni tal‑IMO dwar il‑Kontroll mill‑Istat tal‑Port.

61

Fil-ħames u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, sa fejn u skont liema modalitajiet l-awtoritajiet tal-Istat tal-port għandhom id-dritt jeżiġu minn bastiment li jkun ġie ċċertifikat mill-Istat tal-bandiera bħala bastiment tal-merkanzija li huwa jkun, barra minn hekk, iċċertifikat sabiex iwettaq attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fil-baħar, u li josserva d-dispożizzjonijiet applikabbli għal din l-attività jew li jippermettu li din titwettaq f’kundizzjonijiet adegwati biex tiġi żgurata s-sigurtà fuq il-baħar. Hija tistaqsi, min-naħa l-oħra, jekk dawn l-awtoritajiet humiex awtorizzati li jiddetjenu tali bastiment skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2009/16 sakemm dan il-bastiment jitqiegħed f’konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet.

62

B’rabta ma’ dawn id-domandi kollha, il-qorti tar-rinviju tosserva, l-ewwel, li r-Rakkomandazzjoni tat‑23 ta’ Settembru 2020 tenfasizza l-importanza li l-Unjoni tagħti lill-osservanza, mill-bastimenti li jwettqu attività ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fil-Baħar Mediterran, tad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tas-sigurtà. It-tieni, hija tqis li madankollu ma teżistix leġiżlazzjoni internazzjonali jew tal-Unjoni li hija kjarament applikabbli u verament adegwata għall-bastimenti li jwettqu, b’mod esklużiv u sistematiku, din l-attività. It-tielet, hija tikkunsidra, essenzjalment, li, fl-assenza ta’ klassifikazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni idoneji, l-Istat tal-port la jista’ jeżiġi li tali bastimenti jkollhom ċertifikati oħra minbarra dawk maħruġa lilhom mill-Istat tal-bandiera u lanqas li josservaw dispożizzjonijiet oħra minbarra dawk li jikkorrispondu għal dawn iċ-ċertifikati.

63

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sicilia) iddeċidiet, f’kull waħda miż-żewġ kawżi prinċipali, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati f’termini identiċi waqt li jirreferu, fil-Kawża C‑14/21, għall-bastiment Sea Watch 4 u, fil-Kawża C‑15/21, għall-bastiment Sea Watch 3:

“1)

a)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-[Direttiva 2009/16] ikopri –u l-PSC [Port State Control, kontroll tal-bastimenti min-naħa tal-Istat tal-port] jista’ jitwettaq anki fir-rigward ta’ – bastiment ikklassifikat bħala bastiment għall-ġarr tal-merkanzija mill-korp ta’ klassifikazzjoni tal-Istat tal-bandiera iżda li effettivament iwettaq esklużivament u sistematikament attività mhux kummerċjali, jiġifieri l-attività imsejħa SAR [search and rescue, tiftix u salvataġġ] (kif imwettqa minn [Sea Watch] [permezz tal-bastimenti Sea Watch 4 u Sea Watch 3] abbażi tal-Istatut proprju tagħha)?

b)

Fil-każ li (…) il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li (…) huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/16 anki l-bastimenti [li ma jwettqux effettivament attività kummerċjali], leġiżlazzjoni bħal dik nazzjonali inkluża fl-Artikolu 3 tad-[Digriet Leġiżlattiv] Nru 53/2011, li ttrasponiet l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/16, iżda li, fil-paragrafu 1 [tal-Artikolu 3 tad-Digriet Leġiżlattiv iċċitat] espressament tispeċifika l-ambitu ta’ applikazzjoni tal-PSC billi tillimitah biss għall-bastimenti użati għal finijiet kummerċjali, u teskludi mhux biss id-dgħajjes tar-rikreazzjoni iżda wkoll il-bastimenti għall-ġarr tal-merkanzija li effettivament ma jwettqux – u għalhekk ma jintużawx għal – attività kummerċjali, tipprekludi din id-direttiva, interpretata f’dan is-sens?

ċ)

Finalment, jista’, għall-kuntrarju, jingħad b’mod fondat li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-[D]irettiva [2009/16], sa fejn dan ikopri wkoll il-bastimenti tal-passiġġieri, wara l-emendi li saru [lid-Direttiva 2009/16] fl‑2017, il-bastimenti għall-ġarr tal-merkanzija li sistematikament iwettqu attività imsejħa SAR ta’ persuni fil-periklu fil-baħar, b’tali mod li b’hekk it-trasport tal-persuni li ngħataw l-għajnuna fuq il-baħar wara li sabu ruħhom fil-periklu tal-mewt, jiġi meqjus ekwivalenti għat-trasport tal-passiġġieri?

2)

Iċ-ċirkustanza li l-bastiment ikun ittrasporta numru ta’ persuni ħafna ogħla minn dak stabbilit fiċ-ċertifikat tat-tagħmir tas-sigurtà, minkejja li għall-eżitu ta’ attività msejħa SAR jew, fi kwalunkwe każ, li l-bastiment ikollu ċertifikat tat-tagħmir ta’ sigurtà li jirreferi għal numru ta’ persuni li jkun ħafna inqas min-numru ta’ persuni effettivament ittrasportati – tista’ leġittimament taqa’ taħt fattur ta’ prijorità assoluta fis-sens tal-punt 2A tal-Parti II tal-Anness I jew taħt il-fattur mhux mistenni fis-sens tal-punt 2B tal-Parti II tal-Anness I, imsemmija fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/16[?]

3)

Is-setgħa ta’ spezzjoni PSC tat-tip l-iktar iddettaljata prevista fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16 fuq bastimenti li jtajjru l-bandiera ta’ Stati Membri tista’ u/jew għandha tinkludi wkoll is-setgħa li jiġi vverifikat liema hija b’mod konkret l-attività effettivament imwettqa mill-bastiment, indipendentement mill-attività li għaliha ġew maħruġa mill-Istat tal-bandiera u mill-korp ta’ klassifikazzjoni relattiv, iċ-ċertifikat tal-klassi u ċ-ċertifikati ta’ sigurtà konsegwenti, u, konsegwentement, is-setgħa li jiġi vverifikat li l-imsemmi bastiment għandu ċ-ċertifikati u, b’mod ġenerali, jissodisfa r-rekwiżiti u/jew speċifikazzjonijiet previsti mir-regoli adottati fil-livell internazzjonali fil-qasam tas-sigurtà, tal-prevenzjoni tat-tniġġiż u tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol fuq il-bastiment u, f’każ ta’ risposta pożittiva, l-imsemmija setgħa tista’ tiġi eżerċitata anki fir-rigward ta’ bastiment li konkretament iwettaq b’mod sistematiku attività [ta’ riċerka u ta’ salvataġġ]?

4)

a)

Kif għand[u] [j]iġi interpretat [l-Artikolu 1(b)] tal-Konvenzjoni [għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar] – li [huwa] riprodott espressament fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/16 u li fir-rigward [tiegħu], għalhekk, għandha tiġi ggarantita interpretazzjoni [tad-dritt tal-Unjoni] omogenja għall-finijiet u fil-kuntest tal-PSC – fil-parti li fih [j]ipprovdi li “l-Gvernijiet kontraenti għandhom jimpenjaw ruħhom li jadottaw il-liġijiet, id-digrieti, l-ordnijiet u r-regolamenti kollha u li jieħdu l-miżuri l-oħra kollha neċessarji sabiex jagħtu lill-Konvenzjoni l-applikazzjoni sħiħa tagħha, sabiex jiġi ggarantit li, mill-perspettiva tas-sigurtà umana, bastiment ikun idoneju għas-servizz li għalih huwa ddestinat”; b’mod partikolari, fir-rigward tal-evalwazzjoni dwar l-idonjetà tal-bastiment għas-servizz li għalih huwa ddestinat [,] li l-Istati tal-port huma obbligati li jwettqu permezz tal-ispezzjonijiet, għandhom jiġu adottati bħala kriterju esklużiv ta’ paragun l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti skont il-klassifikazzjoni u ċ-ċertifikati korrispondenti ta’ sigurtà li jkollu l-bastiment, miksuba abbażi tal-attività ddikjarata b’mod astratt jew inkella, għall-kuntrarju, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll is-servizz li għalih il-bastiment huwa effettivament iddestinat?

b)

Għalhekk, anki b’riferiment għall-imsemmija regola internazzjonali, l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati tal-port għandhom is-setgħa li jivverifikaw mhux biss li t-tagħmir abbord il-bastiment jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikati maħruġ[a] min-naħa tal-Istat tal-bandiera u li jirriżultaw mill-klassifikazzjoni astratta tal-bastiment, iżda wkoll is-setgħa li jevalwaw il-konformità taċ-ċertifikat u tat-tagħmir relattiv abbord u fil-pussess tal-bastiment inkonnessjoni mal-attività effettivament imwettqa, estranja u differenti minn dik indikata fiċ-ċertifikat ta’ klassifikazzjoni?

ċ)

Jgħoddu l-istess kunsiderazzjonijiet għall-punt 1.3.1 [tal-Anness] tar-rizoluzzjoni [tal‑IMO dwar il‑Kontroll mill‑Istat tal‑Port], fil-parti li fiha din tipprovdi li “[s]kont id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet rilevanti msemmija fit-Taqsima 1.2 iktar ’il fuq, l-Amministrazzjoni (jiġifieri l-Gvern tal-Istat tal-bandiera) hija inkarigata li tippromwovi l-liġijiet u r-regolamenti u tieħu kull miżura oħra li tista’ tkun neċessarja sabiex tagħti lil dawn il-konvenzjonijiet effett sħiħ b’mod li tiggarantixxi li, mill-perspettiva tas-salvagwardja tal-ħajja umana fuq il-baħar u l-prevenzjoni tat-tniġġis, bastiment ikun adattat għas-servizz li għalih huwa intiż u li l-baħħara jkunu kkwalifikati u kapaċi biex iwettqu id-dmirijiet tagħhom”.

5)

a)

Fl-aħħar, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma li l-Istat tal-port għandu s-setgħa li jivverifika l-pussess taċ-ċertifikat u tal-osservanza tar-rekwiżiti u/jew tal-ispeċifikazzjonijiet abbażi tal-attività li għaliha huwa ddestinat il-bastiment b’mod konkret: 1) l-Istat tal-port li jwettaq l-ispezzjoni jista’ jitlob il-pussess ta’ ċertifikat u l-osservanza tar-rekwiżiti u/jew ta’ speċifikazzjonijiet ta’ sigurtà u ta’ prevenzjoni tat-tniġġiż tal-baħar, addizzjonali għal dawk miżmuma u marbuta mal-attività imwettqa b’mod konkret, jiġifieri fil-każ odjern mal-attività msejħa SAR, sabiex jiġi evitat l-arrest tal-bastiment?

b)

f’każ li tingħata risposta pożittiva għall-punt [a)], it-talba tal-pussess ta’ ċertifikat u tal-osservanza tar-rekwiżiti u/jew speċifikazzjonijiet addizzjonali għal dawk miżmuma u marbuta mal-attività imwettqa b’mod konkret, jiġifieri, fil-każ odjern, mal-attività msejħa SAR, tista’ ssir, sabiex jiġi evitat l-arrest tal-bastiment, esklużivament fil-każ li jkun jeżisti qafas legali internazzjonali u/jew [tal-Unjoni] ċar u affidabbli fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-attività imsejħa SAR u taċ-ċertifikati relattivi u mar-rekwiżiti u/jew preskrizzjonijiet ta’ sigurtà u ta’ prevenzjoni tat-tniġġiż tal-baħar?

ċ)

f’każ li tingħata risposta negattiva għall-punt [b)], it-talba tal-pussess ta’ ċertifikat u tal-osservanza tar-rekwiżiti u/jew speċifikazzjonijiet addizzjonali għal dawk miżmuma u marbuta mal-attività imwettqa b’mod konkret, jiġifieri, fil-każ odjern, mal-attività msejħa SAR, għandha ssir abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat tal-bandiera u/jew abbażi ta’ dik tal-Istat tal-port u, għall-imsemmija finijiet, hija neċessarja leġiżlazzjoni ta’ natura primarja jew tkun idonja ukoll leġiżlazzjoni ta’ natura sekondarja jew anki sempliċiment regola amministrativa ta’ natura ġenerali?

d)

f’każ li tingħata risposta pożittiva għall-punt [ċ)], huwa kompitu tal-Istat tal-port li jindika waqt l-ispezzjoni, b’mod preċiż u speċifiku, abbażi ta’ liema legiżlazzjoni nazzjonali (individwata fis-sens tal-punt [ċ)], ta’ natura leġiżlattiva, regolamentari jew ibbażata fuq att amministrativ ta’ natura ġenerali għandhom jiġu individwati r-rekwiżiti u/jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ sigurtà u ta’ prevenzjoni tat-tniġġiż tal-baħar li għandhom ikunu ssodisfatti mill-bastiment suġġett għal spezzjoni sabiex iwettaq l-attività msejħa SAR u liema attività ta’ korrezzjoni/rettifika huma eżattament rikjesti sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-imsemmija leġiżlazzjoni?

e)

f’każ ta’ nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Istat tal-port u/jew tal-Istat tal-bandiera ta’ natura leġiżlattiva, regolamentari jew ibbażata fuq att amministrativ ta’ natura ġenerali, l-awtorità tal-Istat tal-port tista’ tindika, għall-każ konkret, ir-rekwiżiti u/jew il-preskrizzjonijiet tekniċi ta’ sigurtà, ta’ prevenzjoni tat-tniġgiż tal-baħar u ta’ protezzjoni tal-ħajja u tax-xogħol abbord li l-bastiment suġġett għal spezzjoni [minn dan l-Istat] għandu jissodisfa sabiex iwettaq l-attività imsejħa SAR?

f)

f’każ li tingħata risposta negattiva għall-punti [d)] u [e)], l-attività imsejħa SAR, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet speċifiċi tal-Istat tal-bandiera f’tali kuntest, tista’ titqies fil-frattemp awtorizzata u għalhekk mhux suxxettibbli għal inibizzjoni bl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ arrest meta l-bastiment suġġett għal spezzjoni mill-Istat tal-Port jissodisfa r-rekwiżiti u/jew l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ta’ kategorija oħra (jiġifieri ta’ bastiment għall-ġarr tal-merkanzija), li t-twettiq b’mod konkret tagħhom ikun ġie kkonfermat mill-Istat tal-bandiera[?]”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

64

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Frar 2021, il-Kawżi C‑14/21 u C‑15/21 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

65

Fid-deċiżjonijiet tar-rinviju tagħha, it-Tribunale Amministrativo Regionale per la Sicilia (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sicilia) talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta l-kawżi odjerni għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn ta’ din it-talba, hija rriferiet, l-ewwel, għall-importanza sinjifikattiva, b’mod partikolari matul ix-xhur tas-sajf, tal-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fil-Baħar Mediterran, imwettqa minn organizzazzjonijiet umanitarji għall-għajnuna ta’ bastimenti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tieni, għall-fatt li numru minn dawn il-bastimenti kienu s-suġġett, fil-mument tat-tressiq tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari kontra dawn il-kawżi, ta’ miżuri ta’ detenzjoni fil-portijiet Taljani u, it-tielet, għall-eżistenza ta’ rikorsi pendenti quddiem il-qrati amministrattivi Taljani kontra xi wħud minn dawn il-miżuri.

66

Permezz ta’ digriet tal‑25 ta’ Frar 2021, Sea Watch (C‑14/21 u C‑15/21, EU:C:2021:149), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad dawn it-talbiet minħabba li ċ-ċirkustanzi invokati insostenn tagħhom ma jiġġustifikawx, fihom infushom, li dawn il-kawżi jiġu suġġetti għal din il-proċedura mħaffa, bla ħsara għall-possibbiltà, għall-qorti tar-rinviju, li tadotta, skont il-bżonn, il-miżuri provviżorji neċessarji sabiex tiżgura l-effettività sħiħa tad-deċiżjonijiet li hija mitluba tagħti fil-kawżi prinċipali.

67

Madankollu, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja qies li ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dawn il-kawżi kienu jiġġustifikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwarhom bi prijorità, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

68

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, li tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/16, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk din id-direttiva għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija applikabbli għal bastimenti li, filwaqt li huma kklassifikati u ċċertifikati bħala bastimenti tal-merkanzija mill-Istat tal-bandiera, huma fil-prattika użati, b’mod sistematiku, minn organizzazzjoni umanitarja għall-finijiet ta’ attività mhux kummerċjali ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fil-baħar (iktar ’il quddiem il-“bastimenti privati ta’ assistenza umanitarja”). Fl-affermattiv, din il-qorti tistaqsi wkoll dwar jekk l-imsemmija direttiva għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tiżgura t-traspożizzjoni tagħha fid-dritt intern milli tillimita l-applikabbiltà tagħha biss għall-bastimenti li jintużaw għall-finijiet ta’ attività kummerċjali.

69

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/16 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, b’mod ġenerali u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari dwar ċerti kategoriji ta’ bastimenti, b’riferiment għal żewġ sensieli kumulattivi ta’ kriterji li jikkonċernaw, l-ewwel waħda, il-bastimenti li għalihom tapplika din id-direttiva u, it-tieni waħda, is-sitwazzjonijiet li fihom hija applikabbli għalihom.

70

Fir-rigward, minn naħa, tal-bastimenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/16, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tagħha jipprovdi li din tapplika għal “kull vapur”, peress li l-kelma “vapur” hija stess hija ddefinita fil-punt 5 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva bħala kull bastiment tal-baħar li, l-ewwel, huwa suġġett għal waħda jew iktar mill-konvenzjonijiet internazzjonali msemmija fil-punt 1 ta’ dan l-Artikolu 2 u li, it-tieni, itajjar bandiera li ma hijiex dik tal-Istat tal-port.

71

L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2009/16 jipprevedi, madankollu, li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha d-dgħajjes tas-sajd, il-bastimenti tal-gwerra, il-bastimenti li jagħtu servizz, il-vapuri tal-injam b’binja primittiva, il-bastimenti tal-awtoritajiet pubbliċi użati għal finijiet mhux kummerċjali u d-dgħajjes ta’ rikreazzjoni użati għal finijiet mhux ta’ merkanzija.

72

Peress li l-kategoriji differenti ta’ bastimenti hekk esklużi jikkostitwixxu wkoll eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/16, huma għandhom jiġu kkunsidrati bħala li huma ta’ natura limitattiva u interpretati b’mod strett.

73

Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li l-kliem “[vapuri ta’ awtoritajiet pubbliċi] użati għal skopijiet mhux kummerċjali” u “jottijiet tad-divertiment li mhumiex użati għan-negozju”, li jinsabu fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2009/16, ma jistgħux jinftiehmu fis-sens li jinkludu, b’analoġija, bastimenti li, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jintużaw fil-prattika għal finijiet “mhux kummerċjali” jew “mhumiex użati għan-negozju” mingħajr ma jkunu, madankollu, “vapuri ta’ awtoritajiet pubbliċi” jew “jottijiet tad-divertiment”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

74

Sakemm il-bastiment ikkonċernat ikun jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji esklużi b’mod eżawrjenti, skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2009/16, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, il-fatt li l-attività effettiva ta’ dan il-bastiment ma tikkoinċidix ma’ dik li għall-finijiet tagħha huwa ġie kklassifikat u ċċertifikat fl-Istat li jtajjar il-bandiera tiegħu ma jaffettwax l-applikabbiltà tal-imsemmija direttiva, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu. Huwa wkoll irrilevanti jekk l-attività effettiva ta’ bastiment bħal dan hijiex kummerċjali jew mhux kummerċjali. Fl-aħħar, huwa irrilevanti li t-trasport ta’ persuni li lilhom ingħatat assistenza fuq il-baħar, bħal dak li għalih tagħti lok l-attività sistematika ta’ riċerka u ta’ assistenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa, jew le, simili għal attività ta’ trasport ta’ passiġġieri.

75

F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/16, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tagħha jippreċiża li din tapplika, b’mod partikolari, għal kull bastiment kif ukoll għall-ekwipaġġ tiegħu “li jieqaf f’port jew f’ankraġġ ta’ Stat Membru biex jiġi impenjat f’relazzjoni vapur/port”. Kif jirriżulta mill-punt 6 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, tali attività tinkludi kull forma ta’ interazzjoni li sseħħ meta tali bastiment ikun direttament u immedjatament affettwat minn attivitajiet li jinvolvu l-moviment ta’ persuni, il-moviment tal-merkanzija jew il-provvista ta’ servizzi portwali.

76

Madankollu, id-Direttiva 2009/16 ma hijiex applikabbli biss f’din is-sitwazzjoni, kif jirriżulta mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tagħha, li jirreferi għall-possibbiltà, għal Stat Membru, li jwettaq l-ispezzjoni ta’ bastiment li jinsab fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu.

77

Għaldaqstant, mill-punti 69 sa 76 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-Direttiva 2009/16 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija applikabbli għal kull bastiment li, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jinsab f’port, f’ankraġġ jew fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru u li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stat terz, mingħajr ma jaqa’ taħt waħda mill-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva (iktar ’il quddiem il-“bastimenti suġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru tal-port”).

78

Din l-interpretazzjoni tal-kliem tad-Direttiva 2009/16 hija konformi mal-għan imfittex minn din id-direttiva, li jikkonsisti, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, f’li jiġu osservati aħjar l-istandards tad-dritt internazzjonali u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar in-nuqqas ta’ periklu fil-baħar u s-sigurtà marittima, il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord, permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ detenzjoni li huma bbażati fuq kriterji komuni u proċedura uniformi applikabbli, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet li huma espressament previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni, għal bastimenti kollha suġġetti għal ġurisdizzjoni tal-Istat Membru tal-port.

79

Barra minn hekk, l-imsemmija interpretazzjoni hija, konformi mal-Artikolu 80(2) KE, li sar l-Artikolu 100(2) TFUE, li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-Direttiva 2009/16. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tippermetti lil-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta dispożizzjonijiet ġenerali intiżi sabiex itejbu s-sigurtà tat-trasport u, għaldaqstant, tan-navigazzjoni marittima (ara, f’dan is-sens, sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑440/05, EU:C:2007:625, punti 5859 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), mingħajr ma dawn ikollhom ikunu limitati għal bastimenti maħsuba biss għal, jew fil-prattika użati għal, attività kummerċjali jew ta’ merkanzija.

80

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jiġi kkunsidrat li, meta l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 77 ta’ din is-sentenza jkunu sodisfatti, id-Direttiva 2009/16 hija applikabbli għal bastimenti privati ta’ assistenza umanitarja.

81

Fit-tieni lok, mid-Direttiva 2009/16 jirriżulta b’mod ċar li jaqgħu taħt il-mekkaniżmu ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ detenzjoni previst fl-Artikoli 11 sa 13 u 19 tagħha l-bastimenti kollha msemmija fl-Artikolu 3(1) tagħha.

82

Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi li l-Istati Membri huma obbligati jadottaw, skont id-Direttiva 2009/16, sabiex id-dritt intern tagħhom ikun konformi ma’ din id-direttiva, għandhom jipprevedu li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu jinkludi l-bastimenti kollha, inklużi dawk imsemmija fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, u b’hekk l-imsemmija direttiva tipprekludi li tali dispożizzjonijiet jillimitaw l-applikabbiltà tagħhom biss għall-bastimenti li jintużaw għall-finijiet ta’ attività kummerċjali.

83

Fid-dawl tad-domandi tal-qorti tar-rinviju esposti fil-punti 55 u 68 ta’ din is-sentenza, għandu jingħad ukoll li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponi fuq l-istanzi kollha tal-Istati Membri li jagħtu effett sħiħ lil dan id-dritt u, b’mod iktar speċifiku, lill-qrati nazzjonali li jinterpretaw, sa fejn huwa possibbli, id-dritt intern tagħhom b’mod konformi mal-imsemmi dritt. Dan il-prinċipju jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u li jiġu applikati metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tal-att tal-Unjoni li huwa kkonċernat f’każ partikolari u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-finalità mfittxija minnu (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 53, 54, 5777).

84

Madankollu, l-imsemmi prinċipju għandu ċerti limiti. B’mod partikolari, ma jistax iservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punti 7476 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

85

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta, sa fejn huwa possibbli, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tiżgura t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet li jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/16 u, b’mod partikolari, tal-mekkaniżmu ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ detenzjoni previst fl-Artikoli 11 sa 13 u 19 ta’ din id-direttiva b’mod konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi tapplika l-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnha, li wħud mill-persuni kkonċernati li pparteċipaw fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja qiesu li huwa possibbli.

86

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva 2009/16 għandha tiġi interpretata fis-sens li:

hija applikabbli għal bastimenti li, filwaqt li huma kklassifikati u ċċertifikati bħala bastimenti tal-merkanzija mill-Istat tal-bandiera, jintużaw, fil-prattika, b’mod sistematiku, minn organizzazzjoni umanitarja għall-finijiet ta’ attività mhux kummerċjali ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fil-baħar u

tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tiżgura t-traspożizzjoni tagħha fid-dritt intern li tillimita l-applikabbiltà tagħha biss għall-bastimenti li jintużaw għall-finijiet ta’ attività kummerċjali.

Fuq it‑tieni sal‑ħames domanda

Osservazzjonijiet preliminari

87

It-tieni sal-ħames domanda jirrigwardaw il-kundizzjonijiet tal-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ detenzjoni previst fl-Artikoli 11 sa 13 u 19 tad-Direttiva 2009/16 fir-rigward tal-bastimenti suġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru tal-port u, b’mod iktar speċifiku, tal-bastimenti privati ta’ assistenza umanitarja.

88

Din id-direttiva għandha l-għan, kif ġie rrilevat fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, li jiġu osservati aħjar l-istandards tad-dritt internazzjonali u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar in-nuqqas ta’ periklu fil-baħar u s-sigurtà marittima, il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord.

89

Għal dan il-għan, l-imsemmija direttiva hija intiża, b’mod iktar speċifiku, sabiex tippermetti lill-Unjoni u lill-Istati Membri jiżguraw ruħhom li l-bastimenti suġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru tal-port josservaw id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li huma elenkati fl-Artikolu 2(1) tagħha. Fosthom hemm il-Konvenzjoni għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, li għaliha huma partijiet l-Istati Membri kollha tal-Unjoni, iżda mhux l-Unjoni, kif indikat fil-punt 17 ta’ din is-sentenza.

90

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li, anki jekk l-Unjoni ma hijiex parti għal konvenzjoni internazzjonali u għalhekk din ma torbotx lill-Unjoni, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-konvenzjoni tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, fil-każ fejn l-Istati Membri kollha jkunu partijiet għaliha (sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punti 47 sa 52; tat‑23 ta’ Jannar 2014, Manzi u Compagnia Naviera Orchestra, C‑537/11, EU:C:2014:19, punt 45, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2018, Bosphorus Queen Shipping, C‑15/17, EU:C:2018:557, punt 45).

91

F’dan il-każ, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-Konvenzjoni għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, li għaliha l-Istati Membri kollha huma partijiet, fl-interpretazzjoni tad-Direttiva 2009/16. Fil-fatt, din id-direttiva tesprimi l-għażla, magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni jiġu osservati aħjar fi ħdan l-Unjoni, minkejja li din tal-aħħar ma tkunx hija stess parti fiha. Barra minn hekk, l-għan, imfakkar fil-punt 89 ta’ din is-sentenza, li l-leġiżlatur tal-Unjoni fittex meta adotta l-imsemmija direttiva huwa rifless fir-riproduzzjoni, essenzjalment, f’uħud mill-annessi tagħha, ta’ parti mir-regoli li jinsabu fil-Protokoll li jakkumpanja l-imsemmija konvenzjoni.

92

Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati, kemm jista’ jkun, f’konformità kemm mal-konvenzjonijiet internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni kif ukoll mar-regoli u l-prinċipji rilevanti tad-dritt internazzjonali ġenerali, skont liema l-Unjoni hija meħtieġa teżerċita l-kompetenzi tagħha meta tadotta tali dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 291, kif ukoll tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK, C‑266/16, EU:C:2018:118, punti 43 sa 47).

93

F’dan il-każ, id-Direttiva 2009/16 għandha tiġi interpretata, fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tagħha, billi tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-Konvenzjoni għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, iżda wkoll il-Konvenzjoni dwar il‑Liġi tal‑Baħar.

94

Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punt 3 ta’ din is-sentenza, il-Konvenzjoni dwar il‑Liġi tal‑Baħar ġiet konkluża mill-Unjoni, b’tali mod li torbot lil din tal-aħħar u li d-dispożizzjonijiet tagħha jiffurmaw parti integrali mis-sistema legali tagħha. Barra minn hekk, hija tieħu preċedenza, fi ħdan dan l-ordinament ġuridiku, fuq l-atti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, b’tali mod li dawn tal-aħħar għandhom jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda, C‑459/03, EU:C:2006:345, punt 82; tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punti 4253, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2018, Bosphorus Queen Shipping, C‑15/17, EU:C:2018:557, punt 44).

95

F’dan ir-rigward, żewġ sensieli ta’ kunsiderazzjonijiet huma rilevanti għall-finijiet tar-risposti li għandhom jingħataw għat-tieni sal-ħames domanda magħmula.

96

Fl-ewwel lok, il-Konvenzjoni dwar il‑Liġi tal‑Baħar għandha l-għan prinċipali li tikkodifika u tiżviluppa r-regoli tad-dritt internazzjonali ġenerali dwar il-kooperazzjoni paċifika tal-komunità internazzjonali fl-esplorazzjoni, fl-użu u fl-isfruttament tal-ispazji marittimi. Għal dan il-għan, hija tiddetermina s-sistema legali tad-diversi żoni marittimi li hija tidentifika, li jinkludu, b’mod partikolari, il-baħar territorjali u l-ibħra internazzjonali, billi tistabbilixxi l-limiti materjali u territorjali tad-drittijiet sovrani u tal-ġurisdizzjoni li l-Istati għandhom f’dawn iż-żoni marittimi differenti (ara, f’dan is-sens, sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punti 55, 5758).

97

Din is-sistema legali hija intiża li tistabbilixxi bilanċ ġust bejn l-interessi rispettivi u potenzjalment opposti tal-Istati fil-kwalitajiet tagħhom ta’ Stati kostali u ta’ Stati tal-bandiera (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 58, kif ukoll tal‑11 ta’ Lulju 2018, Bosphorus Queen Shipping, C‑15/17, EU:C:2018:557, punt 63).

98

Dan il-bilanċ ġust huwa kkaratterizzat, minn naħa, mill-kompetenza esklużiva mogħtija lil kull Stat, skont l-Artikolu 91 tal-Konvenzjoni dwar il‑Liġi tal‑Baħar, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti tan-nazzjonalità tiegħu lill-bastimenti, il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-bastimenti fit-territorju tiegħu u l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikollhom id-dritt li jtajru l-bandiera tiegħu. L-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza jimmaterjalizza ruħu, inter alia, mill-fatt, għall-Istat tal-bandiera, li jikklassifika u jiċċertifika, jew li jikklassifika u jiċċertifika permezz ta’ korp awtorizzat għal dan il-għan, il-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu, wara verifika tal-osservanza, minn dawn il-bastimenti, tar-rekwiżiti kollha previsti mill-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli (ara, f’dan is-sens, sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 59, kif ukoll tas‑7 ta’ Mejju 2020, Rina, C‑641/18, EU:C:2020:349, punti 43, 4446).

99

Barra minn hekk, kull Stat għandu, skont l-Artikolu 92 tal-Konvenzjoni dwar il‑Liġi tal‑Baħar, ġurisdizzjoni esklużiva fuq il-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu u li jkunu jinsabu f’ibħra internazzjonali. Minn dan jirriżulta, għall-Istat tal-bandiera, ċertu numru ta’ obbligi li, kif jirriżulta mill-Artikolu 94(1) sa (3) ta’ din il-konvenzjoni, jinkludu dawk li jeżerċitaw effettivament il-ġurisdizzjoni tiegħu u l-kontroll tiegħu fuq l-imsemmija bastimenti kif ukoll li jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżgura s-sigurtà fuq il-baħar, b’mod partikolari fir-rigward tat-tagħmir, l-adegwatezza, it-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Barra minn hekk, l-Istat tal-bandiera għandu, skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, jiżgura, fost affarijiet oħra, li l-kaptan, l-uffiċjali u, sa fejn ikun neċessarju, l-ekwipaġġ jaf u josserva r-regoli internazzjonali applikabbli dwar is-salvagwardja tal-ħajja umana fuq il-baħar.

100

Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li bastiment huwa suġġett, fl-ibħra internazzjonali, għall-ġurisdizzjoni esklużiva u għal-liġi tal-Istat tal-bandiera (sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation, C‑286/90, EU:C:1992:453, punt 22, kif ukoll tal‑25 ta’ Frar 2016, Stroumpoulis et, C‑292/14, EU:C:2016:116, punt 59), b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda s-sigurtà fil-baħar u s-salvagwardja tal-ħajja umana fil-baħar. B’mod iktar ġenerali, bastiment li jinsab f’żona marittima differenti mill-ibħra internazzjonali jibqa’ suġġett, f’din iż-żona, għall-ġurisdizzjoni tal-Istat tal-bandiera (ara, f’dan is-sens, sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2018, Deutscher Naturschutzring, C‑683/16, EU:C:2018:433, punti 5354), filwaqt li jkun jista’ jkun suġġett għal kontrolli mwettqa mill-Istat li jkollu sovranità jew ġurisdizzjoni fuq din iż-żona, fil-limiti tal-kompetenzi u tas-setgħat ta’ dan tal-aħħar.

101

Il-bilanċ ġust bejn l-interessi rispettivi tal-Istati kostali u tal-Istati tal-bandiera huwa kkaratterizzat, minn naħa, mill-fatt li s-sovranità tal-Istat kostali testendi, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni dwar il‑Liġi tal‑Baħar, lil hinn mit-territorju tiegħu, inklużi l-portijiet tiegħu u l-ilmijiet interni tiegħu (sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation, C‑286/90, EU:C:1992:453, punt 28, kif ukoll tal‑25 ta’ Frar 2016, Stroumpoulis et, C‑292/14, EU:C:2016:116, punt 59), saż-żona tal-baħar maġenb it-territorju tiegħu, imsejjaħ il-“baħar territorjali”.

102

Il-kunċett ta’ “Stat kostali”, fis-sens tal-Konvenzjoni dwar il‑Liġi tal‑Baħar, parzjalment jikkoinċidi mal-kunċett ta’ “Stat tal-port”, fis-sens tad-Direttiva 2009/16, li, minkejja li ma huwiex formalment iddefinit minn din id-direttiva, jkopri, skont il-kliem tal-ewwel, il-ħames u s-sitt subparagrafi tal-Artikolu 3(1) tagħha, kull Stat Membru tal-Unjoni li għandu port tal-baħar jew port fi xmara.

103

Is-sovranità li għandu l-Istat kostali fuq il-baħar territorjali tiegħu hija madankollu mingħajr preġudizzju għall-obbligu, impost fuq dan l-Istat mill-Artikolu 24(1) tal-Konvenzjoni dwar il‑Liġi tal‑Baħar, li ma jostakolax, ħlief fil-każijiet previsti minn din il-konvenzjoni, id-dritt ta’ passaġġ innoċenti tal-bastimenti barranin fil-baħar territorjali tiegħu, li permezz tiegħu hemm lok li jinftiehem b’mod partikolari, skont l-Artikoli 17 u 18 tal-imsemmija konvenzjoni, bħala d-dritt li wieħed ibaħħar f’dan il-baħar sabiex imur fl-ilmijiet interni tal-Istat kostali, li jieqaf f’wieħed mill-portijiet tiegħu kif ukoll li jitlaq minn dan il-port, dawn l-ilmijiet jew dan il-baħar (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation, C‑286/90, EU:C:1992:453, punt 25).

104

Madankollu, l-Istat kostali għandu s-setgħa li jadotta, skont l-Artikolu 21(1) u (4) tal‑Konvenzjoni dwar il‑Liġi tal‑Baħar, liġijiet u regolamenti dwar il-passaġġ innoċenti tal-bastimenti barranin fil-baħar territorjali tiegħu, u b’mod partikolari għas-sigurtà tan-navigazzjoni, li l-bastimenti li jwettqu dan il-passaġġ għandhom jikkonformaw magħhom. Barra minn hekk, sabiex titqies jitqies bħala “innoċenti”, l-imsemmi passaġġ għandu jissodisfa l-karatteristiċi msemmija fl-Artikolu 19 ta’ din il-konvenzjoni.

105

Fit-tieni lok, fil-Parti VII tagħha rigward l-ibħra internazzjonali, il‑Konvenzjoni dwar il‑Liġi tal‑Baħar tistabbilixxi, fl-Artikolu 98(1) tagħha, “obbligu li tingħata assistenza” li jsib is-sors tiegħu fid-dritt konswetudinarju tal-baħar, li permezz tiegħu kull Stat għandu jeżiġi minn kull kaptan ta’ bastiment li jtajjar il-bandiera tal-imsemmi Stat biex jagħti assistenza lill-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fil-baħar, sa fejn dan ikun possibbli għalih mingħajr ma jinvolvi riskji serji għal bastiment tiegħu, għall-ekwipaġġ jew għall-passiġġieri u li jista’ jkun raġonevolment mistenni li jagħmel dan (iktar ’il quddiem l-“obbligu ta’ assistenza marittima”). Barra minn hekk, din il-konvenzjoni tippreċiża, fl-Artikolu 18(2) tagħha, li l-fatt li bastiment ikun ipprovda għajnuna lil tali persuni jista’ jwassal għal passaġġ ta’ dan il-bastiment fil-baħar territorjali ta’ Stat kostali, inkluż il-waqfien jew l-ankraġġ f’tali żona, jekk dawn ikunu meħtieġa.

106

Minn dan jirriżulta li l-implimentazzjoni ta’ dan l-obbligu ta’ assistenza marittima għandha konsegwenzi legali fuq is-setgħat rispettivi tal-Istati tal-bandiera u tal-Istati kostali fil-qasam tal-kontroll tal-osservanza tar-regoli ta’ sigurtà fuq il-baħar, kif speċifikati fil-punti 99, 100, 103 u 104 ta’ din is-sentenza.

107

F’dan ir-rigward, konformement ma’ dak li ġie rrilevat fil-punti 90 u 91 ta’ din is-sentenza, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/16, l-Artikolu IV(b) tal-Konvenzjoni għas‑Salvagwardja tal‑Ħajja Umana fuq il‑Baħar, skont liema l-persuni li jinsabu abbord bastiment minħabba forza maġġuri jew bħala riżultat tal-obbligu impost fuq il-kaptan li jittrasporta jew persuni nawfragi jew lil persuni oħra, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tiġi vverifikata l-applikazzjoni għal dan il-bastiment ta’ kwalunkwe preskrizzjoni ta’ din il-konvenzjoni.

108

Minn dan isegwi li, fil-każ fejn il-kaptan ta’ bastiment li jtajjar bandiera ta’ Stat parti mill-Konvenzjoni għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar implimenta l-obbligu ta’ assistenza marittima msemmi fil-punt 105 ta’ din is-sentenza, la l-Istat kostali li huwa wkoll parti f’din il-konvenzjoni u lanqas, barra minn hekk, l-Istat tal-bandiera ma jistgħu jużaw is-setgħat rispettivi tagħhom ta’ kontroll tal-osservanza tar-regoli ta’ sigurtà fuq il-baħar, kif ippreċiżati fil-punti 99, 100, 103 u 104 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġi vverifikat jekk il-preżenza abbord tal-imsemmija persuni tistax twassal lill-bastiment inkwistjoni sabiex jinjora kwalunkwe preskrizzjoni tal-imsemmija konvenzjoni.

109

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għat-tieni sal-ħames domanda tal-qorti tar-rinviju.

Fuq it‑tieni domanda

110

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(b) tad-Direttiva 2009/16, moqri flimkien mal-Parti II tal-Anness I ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ bastimenti tal-merkanzija għall-finijiet ta’ attività sistematika ta’ tfittxija u ta’ salvataġġ ta’ persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fil-baħar jistax jitqies, minħabba li dan l-użu jwassal lil dawn il-bastimenti biex jittrasportaw numru ta’ persuni sproporzjonat mal-kapaċitajiet ta’ trasport tagħhom, kif dawn tal-aħħar jirriżultaw mill-klassifikazzjoni tagħhom u ċ-ċertifikati tat-tagħmir tagħhom, bħala fattur li jiġġustifika li l-imsemmija bastimenti jkunu suġġetti għal spezzjoni addizzjonali.

111

Kif ġie enfasizzat fil-punti 78 u 81 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2009/16 jagħmel parti integrali minn dispożittiv ġenerali ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ detenzjoni li jista’ jiġi applikat, ħlief għal eċċezzjonijiet, għall-bastimenti kollha suġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru tal-port, bil-għan li jiġu osservati aħjar l-istandards tad-dritt internazzjonali u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar in-nuqqas ta’ periklu fil-baħar u s-sigurtà marittima, il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord.

112

Għal dan il-għan, dan l-artikolu, moqri flimkien mal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2009/16, jimponi fuq l-Istati Membri li għandhom il-kwalità tal-Istat tal-port li jissottomettu tali bastimenti kemm għal spezzjonijiet perijodiċi, li għandhom jiġu organizzati f’intervalli speċifiċi skont il-profil ta’ riskju tagħhom, kif ukoll għal spezzjonijiet addizzjonali, ikun xi jkun il-perijodu li jkun għadda mill-aħħar spezzjoni perijodika tagħhom. L-imsemmi Artikolu 11 jippreċiża wkoll, fil-punt (b) tiegħu, li dawn l-Istati Membri huma obbligati jwettqu spezzjonijiet addizzjonali fir-rigward tal-bastimenti li jippreżentaw wieħed mill-“fatturi prominenti” elenkati fil-punt 2.A tal-Parti II tal-Anness I ta’ din id-direttiva u li huma għandhom il-fakultà li jirrikorru għalihom fir-rigward ta’ dawk li jissodisfaw wieħed mill-“fatturi mhux mistennijin” elenkati fil-punt 2.B tal-Parti II tal-Anness I tal-imsemmija direttiva.

113

F’dan il-każ, mill-motivi tad-deċiżjonijiet tar-rinviju, miġbura fil-qosor fil-punti 48, 56 u 57 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, filwaqt li qiesu li l-bastimenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu “impenjat[i] biex jassistu lill-migranti fil-baħar meta ma [kinux] iċċertifikat[i] għas-servizz maħsub”, l-awtoritajiet kompetenti kkonkludew, b’mod definittiv, li kien hemm numru ta’ nuqqasijiet li wħud minnhom kellhom jitqiesu, “separatament jew flimkien, [bħala li huma] kjarament perikolużi għas-sigurtà, għas-saħħa jew għall-ambjent”. Minn dan jirriżulta wkoll li, skont il-qorti tar-rinviju, dawn in-nuqqasijiet huma marbuta, fl-intier tagħhom, man-nuqqas ta’ adegwatezza manifesta li teżisti bejn in-numru ta’ persuni li jistgħu jiġu ttrasportati minn dawn il-bastimenti bis-saħħa taċ-ċertifikati rispettivi tagħhom u n-numru ta’ persuni li huma effettivament ittrasportati matul l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ li wasslu għall-kawżi prinċipali.

114

Fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni, fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, li tippermetti li din is-sitwazzjoni tintrabat ma’ “fattur prominenti”, fis-sens tal-punt 2.A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2009/16, bħall-eżistenza ta’ miżura ta’ sospensjoni jew ta’ rtirar ta’ klassi għal raġunijiet ta’ sigurtà, ta’ rapport, ta’ notifika jew ukoll ta’ akkuża ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli għar-rimi ta’ sustanzi jew ta’ nixxigħat li jagħmlu l-ħsara, tali sitwazzjoni tista’ tkun dovuta biss għal “fattur mhux mistenni”, fis-sens tal-punt 2.B tal-Parti II ta’ dan l-Anness. Barra minn hekk, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jirriżultax li l-awtoritajiet Taljani adottaw il-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jew wara twissija, rapport jew ilment dwar is-sigurtà tan-navigazzjoni, l-ambjent tal-baħar, il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord, jew minħabba l-fatt li l-bastimenti ta’ Sea Watch diġà kienu s-suġġett ta’ detenzjoni iktar minn tliet xhur qabel, jew fid-dawl ta’ informazzjoni ta’ sors sigur li tindika li l-parametri ta’ riskju ta’ dawn il-bastimenti huma differenti minn dawk li ġew irreġistrati u li l-profil tagħhom ta’ riskju huwa, minħabba dan il-fatt, ogħla. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, tali sitwazzjoni tidher li tista’ biss, f’dan il-każ, tiġi eżaminata fid-dawl tal-“fattur mhux mistenni” marbut maċ-ċirkustanza eventwali li dawn il-bastimenti “kienu operati b’manjiera li jkunu ta’ periklu lil persuni, proprjetà jew ambjent”, fis-sens tad-disa’ inċiż ta’ dan il-punt 2.B, li barra minn hekk huwa dak enfasizzat mill-qorti tar-rinviju fid-deċiżjonijiet ta’ rinviju tagħha.

115

Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan jistax ikun il-każ, jeħtieġ, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li minnu tifforma parti u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41, kif ukoll tal‑21 ta’ Jannar 2021, Il-Ġermanja vs Esso Raffinage, C‑471/18 P, EU:C:2021:48, punt 81).

116

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li mill-kliem stess tad-disa’ inċiż tal-punt 2.B tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2009/16 jirriżulta li l-fattur mhux mistenni previst minn din id-dispożizzjoni jista’ jiġi kkunsidrat, f’każ partikolari, biss jekk jiġi stabbilit li bastiment ġie użat b’mod li jippreżenta periklu għall-persuni, għall-oġġetti jew għall-ambjent.

117

Issa, fid-dawl tal-kuntest ġuridiku li fih tidħol l-imsemmija dispożizzjoni, l-użu ta’ bastimenti tal-merkanzija għall-finijiet ta’ attività sistematika ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fil-baħar ma jistax jiġi kkunsidrat, għas-sempliċi raġuni li dan iwassal lil dawn il-bastimenti jittrasportaw numru ta’ persuni sproporzjonat mal-kapaċitajiet tagħhom kif jirriżultaw mill-klassifikazzjoni u miċ-ċertifikazzjoni tagħhom, u indipendentement minn kull ċirkustanza oħra, bħala fattur mhux mistenni fis-sens tal-imsemmi inċiż, li jippermetti lill-Istat tal-port iwettaq spezzjoni addizzjonali.

118

Fil-fatt, tali interpretazzjoni tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il‑Liġi tal‑Baħar sa fejn hija ta’ natura li tostakola l-implimentazzjoni effettiva tal-obbligu ta’ assistenza marittima stabbilit fl-Artikolu 98 ta’ din il-konvenzjoni. Barra minn hekk, din ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu IV(b) tal-Konvenzjoni għas‑Salvagwardja tal‑Ħajja Umana fuq il‑Baħar.

119

Min-naħa l-oħra, il-kliem tal-Artikolu 11(b) tad-Direttiva 2009/16, moqri flimkien mad-disa’ inċiż tal-punt 2.B tal-Parti II tal-Anness I ta’ din id-direttiva ma jipprekludix, fid-dawl tal-ġeneralità tal-kliem tiegħu, li jkun jista’ jiġi kkunsidrat, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, li bastimenti li jeżerċitaw attività sistematika ta’ riċerka u ta’ salvataġġ u li jkunu jinsabu f’port jew f’ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru, wara li jkunu daħlu f’dawn l-ilmijiet u wara li jkunu tlestew l-operazzjonijiet kollha ta’ trażbord jew żbark ta’ persuni li lilhom il-kaptan rispettiv tagħhom ikun iddeċieda li jassisti waqt li jkunu fil-periklu jew f’diffikultà fuq il-baħar, ġew “operati b’mod li huwa ta’ periklu għall-persuni, għall-oġġetti jew għall-ambjent”, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 u 46 tal-konklużjonijiet tiegħu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, billi jippreċiżaw li d-deċiżjoni li titwettaq spezzjoni addizzjonali “titħalla għall-ġudizzju professjonali tal-awtorità kompetenti”, l-Artikoli 11 u 13 kif ukoll il-Parti II tal-Anness I tal-imsemmija direttiva jagħtu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn iċ-ċirkustanzi humiex ta’ natura li jikkostitwixxu “fattur mhux mistenni” li jiġġustifika tali spezzjoni.

120

Madankollu, id-deċiżjoni meħuda minn din l-awtorità għandha tkun immotivata u, fis-sustanza, iġġustifikata kemm fil-liġi kif ukoll fil-fatt. Biex tkun hekk iġġustifikata, din id-deċiżjoni trid tkun ibbażata fuq indizji serji ta’ natura li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ periklu għas-saħħa, is-sigurtà, il-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord jew l-ambjent, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt internazzjonali u tal-Unjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom l-użu inkwistjoni jseħħ. F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti. Fost l-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ din il-verifika, l-ewwel, l-attività li għaliha l-bastiment inkwistjoni huwa użat fil-prattika, it-tieni, l-eventwali differenza bejn din l-attività u dik li għaliha dan il-bastiment huwa ċċertifikat u mgħammar, it-tielet, il-frekwenza li biha titwettaq l-imsemmija attività u, ir-raba’, it-tagħmir tal-imsemmi bastiment fid-dawl tan-numru previst, iżda wkoll effettiv, ta’ persuni abbord.

121

Fir-rigward ta’ dan l-aħħar element, għandu jiġi rrilevat li n-natura b’mod ċar insuffiċjenti tat-tagħmir ta’ sigurtà jew ta’ salvataġġ li jinsab fuq il-bastiment ikkonċernat, fir-rigward tan-numru ta’ persuni li dan il-bastiment jista’ jintuża għas-salvataġġ tagħhom fil-kuntest ta’ attività sistematika ta’ riċerka u ta’ assistenza, jista’ jkollu piż determinanti, minnu nnifsu, sabiex jiġi evalwat jekk l-imsemmi bastiment ġiex użat b’mod li jippreżenta periklu għall-persuni, l-oġġetti jew l-ambjent. Min-naħa l-oħra, il-piż li għandu jingħata, kemm individwalment kif ukoll globalment, lil konstatazzjonijiet bħall-insuffiċjenza tal-installazzjonijiet ta’ trattament tal-ilma mormi, il-preżenza ta’ latrini u ta’ showers addizzjonali li jiżbokkaw direttament fil-baħar jew l-assenza ta’ kontabbiltà tal-operazzjonijiet ta’ salvataġġ fis-sigħat ta’ xogħol tal-ekwipaġġ jista’ jkun ftit jew wisq kbir f’kull każ partikolari. Fil-fatt, dan jista’ jvarja skont, b’mod partikolari, il-frekwenza tal-attività effettiva tal-bastiment inkwistjoni kif ukoll tal-importanza tad-differenza bejn in-numru ta’ persuni effettivament ttrasportati waqt operazzjonijiet ta’ riċerka u ta’ salvataġġ fil-baħar u n-numru ta’ persuni li dan il-bastiment jista’ jilqa’ skont iċ-ċertifikazzjonijiet maħruġa mill-Istat tal-bandiera.

122

Fit-tieni lok, il-kuntest ġuridiku li fih jinsabu l-Artikolu 11(b) u l-punt 2.B tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2009/16 juri li l-kontroll ta’ tali użu u l-ispezzjoni tal-bastiment ikkonċernat mill-Istat tal-port huma, f’sitwazzjoni bħal din, ta’ natura li jikkontribwixxu għall-osservanza effettiva tar-rekwiżiti tal-istandards tad-dritt internazzjonali rilevanti.

123

Fil-fatt, minn naħa, mir-Regola 11(a) li tinsab fil-Parti B tal-Kapitolu I tal-Anness tal-Protokoll li jakkumpanja l-Konvenzjoni għas‑Salvagwardja tal‑Ħajja Umana fuq il‑Baħar, jirriżulta li, wara li tkun saritlu żjara, jkun ġie kklassifikat u ċċertifikat taħt il-kontroll tal-Istat tal-bandiera, bastiment għandu jinżamm, minn kull aspett, f’kundizzjonijiet xierqa sabiex jiġi ggarantit li jibqa’ “kapaċi li jmur fuq il-baħar mingħajr periklu għalih jew għall-persuni abbord”. Barra minn hekk, mir-Regola 19(a) u (b) tal-istess kapitolu jirriżulta li din il-kapaċità tagħmel parti mill-elementi li l-Istat tal-port huwa awtorizzat jikkontrolla meta bastiment ikun jinsab f’wieħed mill-portijiet tiegħu, fil-każ fejn jeżistu raġunijiet evidenti sabiex wieħed jemmen li din iż-żamma ta’ kundizzjonijiet ma hijiex żgurata. Fl-aħħar nett, b’mod iktar ġenerali, l-Artikolu I(b) tal-imsemmija konvenzjoni jimponi fuq il-partijiet li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji “sabiex jiġi ggarantit li, mill-perspettiva tas-sigurtà umana, bastiment ikun idoneju għas-servizz li għalih huwa ddestinat”.

124

Min-naħa l-oħra, kif tfakkar fil-punt 107 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu IV(b) tal-Konvenzjoni għas‑Salvagwardja tal‑Ħajja Umana fuq il‑Baħar jirriżulta li, bħala tali, il-preżenza ta’ persuni abbord bastiment minħabba każ ta’ forza maġġuri jew tal-implimentazzjoni, mill-kaptan ta’ dan il-bastiment, tal-obbligu ta’ assistenza marittima li jaqa’ fuqu, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ verifikazzjoni ta’ osservanza, mill-imsemmi bastiment, tar-rekwiżiti ta’ din il-konvenzjoni. Madankollu, il-fatt jibqa’ li, skont l-Artikolu 98(1) tal-Konvenzjoni dwar il‑Liġi tal‑Baħar, dan l-obbligu jista’, kif ġie enfasizzat fil-punt 105 ta’ din is-sentenza, jiġi implimentat “sa fejn […] possibbli […] mingħajr ma jinvolvi riskji serji għal bastiment […], għall-ekwipaġġ jew għall-passiġieri”.

125

Fit-tielet u l-aħħar lok, l-interpretazzjoni li tinsab fil-punti 119 sa 124 ta’ din is-sentenza hija koerenti mal-għan imfittex mid-Direttiva 2009/16, kif ippreċiżat fil-punti 78, 88 u 89 ta’ din is-sentenza, sa fejn huwa preċiżament dan l-għan li wassal lil-leġiżlatur tal-Unjoni sabiex jafda lill-Istati Membri, fil-kwalità tagħhom ta’ Stati tal-port, ir-responsabbiltà li jiżguraw “it-tieni linja ta’ difiża” quddiem il-“vapuri substandard”, flimkien mar-responsabbiltà “prinċipali” tal-Istati tal-bandiera f’dan il-qasam, kif jirriżulta mill-premessa 6 ta’ din id-direttiva.

126

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 11(b) tad-Direttiva 2009/16, moqri flimkien mal-Parti II tal-Anness I ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat tal-port jista’ jissottometti għal spezzjoni addizzjonali bastimenti li jeżerċitaw attività sistematika ta’ riċerka u ta’ salvataġġ u li jinsabu f’wieħed mill-portijiet tiegħu jew fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu, wara li jkunu daħlu f’dawn l-ilmijiet u wara li jkunu tlestew l-operazzjonijiet kollha ta’ trażbord jew ta’ żbark ta’ persuni li lilhom il-kaptan rispettiv tagħhom iddeċieda li jassisti, meta dak l-Istat ikun stabbilixxa, abbażi ta’ elementi legali u fattwali ddettaljati, li kienu jeżistu indizji serji ta’ natura li jixhdu periklu għas-saħħa, is-sigurtà, il-kundizzjonijiet ta’ xogħol abbord jew l-ambjent, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-użu ta’ dawn il-bastimenti.

Fuq it‑tielet u r‑raba’ domanda

127

Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fl-okkażjoni ta’ spezzjonijiet dettaljati organizzati skont dan l-artikolu, l-Istat tal-port għandu s-setgħa, minn naħa, li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-bastimenti li jkunu ġew ikklassifikati u ċċertifikati bħala bastimenti ta’ merkanzija mill-Istat tal-port huma, fil-prattika, użati għall-finijiet ta’ attività sistematika ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fil-baħar u, min-naħa l-oħra, li jeżiġi prova li dawn il-bastimenti għandhom ċertifikati oħra li nħarġu mill-Istat tal-bandiera jew li huma josservaw ir-rekwiżiti applikabbli għal klassifikazzjoni oħra.

128

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16 jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-bastimenti magħżula għall-ispezzjoni skont l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva jkunu suġġetti għal spezzjoni inizjali jew għal spezzjoni ddettaljata. Dan l-Artikolu 13 jippreċiża, fil-punt 1 tiegħu, li l-ispezzjoni inizjali ta’ bastiment għandha tfittex, tal-inqas, li tikkontrolla ċ-ċertifikati li għandhom ikunu abbord konformement mad-dritt tal-Unjoni u mal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar n-nuqqas ta’ periklu u s-sigurtà kif ukoll li tiżgura l-istat ġenerali tal-bastiment inkwistjoni. L-imsemmi artikolu jipprevedi wkoll, fil-punt 3 tiegħu, li għandha ssir żjara dettaljata, li tinkludi kontroll fil-fond tal-konformità tal-bastiment mar-rekwiżiti relatati mal-proċeduri operattivi abbord, meta, wara l-ispezzjoni inizjali, “hemm raġunijiet biex taħseb […] li l-kondizzjoni tal-vapur jew ta’ tagħmir tiegħu jew ekwipaġġ ma jissodisfax sostanzjalment il-ħtiġiet rilevanti ta’ Konvenzjoni”. L-imsemmi artikolu jirreferi fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ eżempji ta’ tali raġunijiet evidenti, għall-Anness V tal-imsemmija direttiva.

129

Dan l-Anness V jinkludi b’mod partikolari, fil-lista ta’ eżempji ta’ raġunijiet evidenti li jiġġustifikaw spezzjoni dettaljata, “Vapuri identifikati fl-Anness I, parti II 2A u 2B”, tad-Direttiva 2009/16, jiġifieri dawk li huma kkaratterizzati mill-preżenza ta’ wieħed mill-fatturi prominenti jew mhux mistennija msemmija, rispettivament, f’dan il-punt 2.A u f’dan il-punt 2.B.

130

Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li s-setgħa li tiġi organizzata spezzjoni ddettaljata prevista fl-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2009/16 tikkonkretizza l-obbligu jew il-fakultà tal-Istati Membri li għandhom il-kwalità ta’ Stati tal-port li jwettqu, skont l-Artikoli 11 u 12 ta’ din id-direttiva, spezzjoni addizzjonali tal-bastimenti suġġetti għall-ġurisdizzjoni tagħhom, fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt 112 ta’ din is-sentenza. Bħal kull spezzjoni addizzjonali, tali spezzjoni dettaljata tista’ għalhekk tiġi organizzata, fir-rigward ta’ bastimenti privati ta’ assistenza umanitarja li jwettqu attività sistematika ta’ riċerka u ta’ salvataġġ, biss fi tmiem l-operazzjonijiet deċiżi mill-kaptan tal-bastiment ikkonċernat, kif indikat fil-punt 119 ta’ din is-sentenza.

131

Fit-tieni lok, mill-kliem ċar tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16 jirriżulta li l-implimentazzjoni ta’ din is-setgħa ta’ spezzjoni ddettaljata tippresupponi, minn naħa, li l-Istat tal-port wettaq spezzjoni inizjali skont il-punt 1 ta’ dan l-artikolu u, min-naħa l-oħra, li, fi tmiem din tal-aħħar, huwa qies li kien hemm “raġunijiet biex taħseb […] li l-kondizzjoni tal-vapur jew ta’ tagħmir tiegħu jew ekwipaġġ ma jissodisfax sostanzjalment il-ħtiġiet rilevanti ta’ Konvenzjoni”. Kif jirriżulta mill-punt 114 ta’ din is-sentenza, tali raġunijiet jinkludu l-fatt li bastiment intuża b’mod li jippreżenta periklu għall-persuni, l-oġġetti jew l-ambjent.

132

Minn dan jirriżulta li l-ispezzjoni ddettaljata ta’ bastiment hija intiża neċessarjament sabiex tippermetti lill-Istat tal-port li jwettaq kontroll ta’ dan il-bastiment li huwa kemm wiesa’ kif ukoll iktar approfondit minn dak li twettaq fil-kuntest tal-ispezzjoni inizjali. Dan il-kontroll jista’ għalhekk jirrigwarda, kif jirriżulta mill-punt 3 tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16, moqri flimkien mal-punt 12 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li jiddefinixxi l-“[i]spezzjoni aktar dettaljata”, “[dak kollu] li jkopri l-kostruzzjoni tal-vapur, tagħmir, persunal, kondizzjonijiet ta’ għajxien u ta’ xogħol u l-konformità ma’ proċeduri operazzjonali ta’ abbord”.

133

Minn dan isegwi li, fil-każ fejn tiġi organizzata spezzjoni dettaljata għaliex ikun hemm raġunijiet evidenti sabiex wieħed jemmen li bastiment “intuża b’mod li jippreżenta periklu għall-persuni, l-oġġetti jew l-ambjent”, dawn l-elementi kollha jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Istat tal-port sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali periklu, fid-dawl tar-rekwiżiti tal-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli.

134

Kif ġie rrilevat fil-punti 120 u 121 ta’ din is-sentenza, fost l-imsemmija elementi hemm l-attività li għaliha l-bastiment ikkonċernat huwa użat fil-prattika, l-eventwali differenza bejn din l-attività u dik li għaliha dan il-bastiment ġie ċċertifikat u mgħammar, il-frekwenza li biha titwettaq l-imsemmija attività kif ukoll il-konsegwenzi li jirriżultaw minnha fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ użu tal-imsemmi bastiment, fid-dawl, b’mod partikolari, tat-tagħmir li dan għandu.

135

Konsegwentement, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li bastimenti mogħtija huma, fil-prattika, użati għall-finijiet ta’ attività sistematika ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fil-baħar, filwaqt li ġew ikklassifikati u ċċertifikati bħala bastimenti ta’ merkanzija mill-Istat tal-bandiera. Madankollu, huwa l-Istat tal-port li għandu jindika elementi legali u fattwali ddettaljati li jistgħu jistabbilixxu r-raġunijiet li għalihom din iċ-ċirkustanza toħloq, waħedha jew flimkien ma’ elementi oħra, periklu għas-saħħa, għas-sigurtà, għall-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord jew għall-ambjent.

136

Fit-tielet u l-aħħar lok, l-elementi ta’ natura kuntestwali u teleoloġiċi esposti fil-punti 123 sa 125 ta’ din is-sentenza juru li tali interpretazzjoni hija konformi mar-regoli tad-dritt internazzjonali li fil-kuntest tagħhom id-Direttiva 2009/16 tinsab u li hija intiża li ssaħħaħ l-effikaċja tagħhom.

137

Fil-fatt, il-fatt li l-kontroll li jista’ jsir mill-Istat tal-port jiġi suġġett għall-eżistenza ta’ raġunijiet evidenti sabiex wieħed jemmen li bastiment jew it-tagħmir tiegħu ma josservawx ir-regola li tgħid li bastiment għandu jinżamm, minn kull aspett, f’kundizzjonijiet xierqa sabiex jiġi ggarantit li jibqa’ kapaċi jmur il-baħar mingħajr periklu għalih nnifsu jew għall-persuni abbord, huwa konformi mar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw it-tqassim tal-kompetenzi bejn dan l-Istat u l-Istat tal-bandiera.

138

Min-naħa l-oħra, kontroll li jmur kontra dan it-tqassim tal-kompetenzi, bħall-fatt, għall-Istat tal-port, li jeżiġi li l-bastimenti li huma s-suġġett ta’ spezzjoni dettaljata għandhom ċertifikati oħra minbarra dawk li nħarġu lilhom mill-Istat tal-bandiera jew li josservaw ir-rekwiżiti kollha applikabbli għall-bastimenti li jaqgħu taħt klassifikazzjoni oħra, imur kontra mhux biss ir-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali, kif jirriżulta mill-punti 98 sa 100 ta’ din is-sentenza, iżda wkoll id-Direttiva 2009/16. Fil-fatt, tali kontroll iwassal, b’mod definittiv, għall-kontestazzjoni tal-mod li bih l-Istat tal-bandiera eżerċita l-kompetenza tiegħu fil-qasam tal-għoti tan-nazzjonalità tiegħu lill-bastimenti, kif ukoll ta’ klassifikazzjoni u ta’ ċertifikazzjoni tagħhom.

139

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-okkażjoni ta’ spezzjonijiet iddettaljati organizzati skont dan l-artikolu, l-Istat tal-port għandu s-setgħa li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-bastimenti li ġew ikklassifikati u ċċertifikati bħala bastimenti tal-merkanzija mill-Istat tal-bandiera huma, fil-prattika, użati għall-finijiet ta’ attività sistematika ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fil-baħar, fil-kuntest ta’ kontroll intiż għall-evalwazzjoni, abbażi ta’ elementi legali u fattwali ddettaljati, tal-eżistenza ta’ periklu għall-persuni, l-oġġetti jew l-ambjent, fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ użu ta’ dawn il-bastimenti. Min-naħa l-oħra, l-Istat tal-port ma għandux is-setgħa li jeżiġi l-prova li l-imsemmija bastimenti jkollhom ċertifikati oħra minbarra dawk maħruġa mill-Istat tal-bandiera jew li josservaw ir-rekwiżiti kollha applikabbli għal klassifikazzjoni oħra.

Fuq il‑ħames domanda

140

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2009/16 għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’każ li jiġi stabbilit li bastimenti li huma, fil-prattika, użati għall-finijiet ta’ attività sistematika ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fil-baħar, li jkunu ġew ikklassifikati u ċċertifikati bħala bastimenti tal-merkanzija mill-iStat Membru li għandu l-kwalità ta’ Stat tal-bandiera, ikunu ġew użati b’mod li jippreżenta periklu għall-persuni, l-oġġetti jew l-ambjent, l-Istat Membru li għandu l-kwalità ta’ Stat tal-port jista’ jissuġġetta l-assenza ta’ detenzjoni ta’ dawn il-bastimenti jew it-tneħħija ta’ tali detenzjoni għall-kundizzjoni li dawn ikollhom ċertifikati adattati għal din l-attività u li josservaw ir-rekwiżiti korrispondenti, jew, fin-nuqqas, għar-rekwiżit li jirrispettaw il-miżuri korrettivi determinati fil-qasam ta’ sigurtà, ta’ prevenzjoni tat-tniġġis kif ukoll tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord.

141

F’dan ir-rigward, għandu, fl-ewwel lok, jiġi rrilevat li l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2009/16 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-awtorità kompetenti tal-Istat tal-port għandha tiżgura li kull anomalija li tkun ġiet ikkonfermata jew żvelata permezz tal-ispezzjonijiet li tkun wettqet tkun tneħħiet jew ser titneħħa skont il-konvenzjonijiet internazzjonali.

142

Dan l-artikolu jipprovdi wkoll, fil-paragrafu 2 tiegħu, li, meta anomaliji bħal dawn jippreżentaw riskju manifest għas-sigurtà, għas-saħħa jew għall-ambjent, din l-awtorità għandha tiżgura li l-bastiment ikkonċernat ikun miżmum taħt detenzjoni jew li l-użu li matulu dawn l-anomaliji jkunu nkixfu jiġi mwaqqaf, qabel ma jiġi miżjud li d-detenzjoni jew it-twaqqif tal-użu jitneħħa biss jekk kull periklu jkun sparixxa jew jekk l-imsemmija awtorità tikkonstata li dan il-bastiment jista’, bla ħsara għall-kundizzjonijiet li hija tqis li huwa neċessarju li timponi, joħroġ mill-port jew li l-użu tiegħu jista’ jerġa’ jibda mingħajr riskju għas-sigurtà u għas-saħħa tal-passiġġieri jew tal-ekwipaġġ, mingħajr riskju għall-bastimenti l-oħra jew mingħajr ma jikkostitwixxi theddida mhux raġonevoli għall-ambjent tal-baħar.

143

Barra minn hekk, l-imsemmi artikolu jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li, fl-eżerċizzju tal-ġudizzju professjonali tagħha sabiex tiddetermina jekk bastiment għandux jiġi miżmum taħt detenzjoni jew le, l-awtorità kompetenti tal-Istat tal-port għandha tapplika l-kriterji stabbiliti fl-Anness X. Dan l-anness jippreċiża, fil-punt 2 tiegħu, li tali eżerċizzju jimponi li jiġi vverifikat, b’mod partikolari, jekk huwiex possibbli li “jabbandunaw il-vapur malajr u b’sikurezza u jagħmlu salvataġġ waqt il-vjaġġ li jmiss”, li “jipprevienu tinġis tal-ambjent waqt il-vjaġġ li jmiss” u li “jipprovdu kondizzjonijiet siguri u sani abbord waqt il-vjaġġ li jmiss”. Barra minn hekk, l-imsemmi anness jinkludi fil-lista mhux eżawrjenti ta’ anomaliji li jistgħu fihom infushom jiġġustifikaw id-detenzjoni tal-bastiment ikkonċernat, fost l-oħrajn, l-“assenza, [il-]kapaċità insuffiċjenti jew [id-]deterjorazzjoni serja ta’ tagħmir ta’ salvataġġ, biċċiet tal-baħar għas-sopravivenza u dispożittivi għat-tpoġġija fl-ilma”, kif ukoll in-nuqqas ta’ osservanza serja jew ripetuta tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-baħħara abbord.

144

Mill-kliem u mill-istruttura ta’ dawn id-diversi dispożizzjonijiet jirriżulta b’mod ċar li, għalkemm l-Istat tal-port huwa obbligat jiżgura ruħu li l-anomaliji kollha li ġew ikkonfermati jew żvelati permezz ta’ spezzjoni mwettqa skont l-Artikoli 11 sa 13 tad-Direttiva 2009/16, b’mod partikolari dawk relatati mat-tagħmir ta’ sigurtà abbord, tneħħew jew ser jitneħħew konformement mal-konvenzjonijiet internazzjonali li din id-direttiva hija intiża li ssaħħaħ l-effettività tagħhom, huwa jista’, min-naħa l-oħra, jżomm taħt detenzjoni bastiment biss meta tali anomaliji jkunu jippreżentaw riskju manifest għas-sigurtà, għas-saħħa jew għall-ambjent.

145

Jirriżulta wkoll li tali detenzjoni tista’ titwaqqaf biss meta kull periklu jkun sparixxa jew meta l-awtorità kompetenti tal-Istat tal-port tikkonstata jew li l-bastiment ikkonċernat jista’ jitlaq mill-port, bla ħsara għall-kundizzjonijiet li hija tqis li huwa neċessarju li timponi, jew li l-użu jista’ jerġa’ jibda mingħajr riskju għas-sigurtà u s-saħħa tal-passiġġieri jew tal-ekwipaġġ, mingħajr riskju għall-bastimenti l-oħra jew mingħajr theddida mhux raġjonevoli għall-ambjent tal-baħar.

146

Din l-interpretazzjoni tirriżulta wkoll mill-kunċett ta’ “detenzjoni”, kif iddefinit fil-punt 15 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/16, li jippreċiża li dan it-terminu jfisser il-projbizzjoni formali nnotifikata lil bastiment milli jipproċedi lejn il-baħar minħabba anomaliji li, waħedhom jew flimkien, iwasslu għall-impossibbiltà li jbaħħar, u mill-premessa 23 ta’ din id-direttiva, li tgħid li “l-vapuri li jeħtieġu li jkunu soġġetti għal azzjoni korrettiva għandhom, fejn in-nuqqasijiet osservati huma b’mod ċar ta’ periklu għas-sikurezza, is-saħħa jew l-ambjent, jinżammu sa meta jkunu irranġati n-nuqqasijiet”.

147

Minn dan isegwi li tali detenzjoni ma tistax tiġi ordnata għas-sempliċi raġuni li spezzjoni mwettqa skont l-Artikoli 11 sa 13 tad-Direttiva 2009/16 ippermettiet lill-Istat tal-port jistabbilixxi, b’mod preċiż, li bastiment kien ġie użat b’mod li jippreżenta periklu għall-persuni, l-oġġetti jew l-ambjent. Fil-fatt, jeħtieġ ukoll li dan l-Istat jistabbilixxi f’każ partikolari, minn naħa, li tali periklu jew riskju futur ikun ta’ natura manifesta u, min-naħa l-oħra, li l-anomaliji li wasslu għalih iwasslu, waħedhom jew flimkien, għall-impossibbiltà għall-bastiment ikkonċernat, li jbaħħar.

148

Dan l-aħħar rekwiżit għandu minnu nnifsu jiġi interpretat fid-dawl tar-regola mfakkra fil-punti 123, 124 u 137 ta’ din is-sentenza, li tipprovdi li l-bastimenti għandhom ikunu kapaċi għas-servizz li għalih huma intiżi, mill-perspettiva tas-sigurtà fuq il-baħar, kif ukoll li jmorru l-baħar mingħajr periklu għalihom infushom jew għall-persuni abbord. Għaldaqstant, hija għandha tinftiehem fis-sens li ma tirreferix għall-impossibbiltà assoluta għall-bastiment li jbaħħar, iżda, b’mod iktar ġenerali, għal impossibbiltà, għal dan il-bastiment, li jbaħħar, fid-dawl b’mod partikolari tal-attività ddikjarata tiegħu kif ukoll tal-attività effettiva tiegħu, f’kundizzjonijiet li jistgħu jiżguraw is-sigurtà fuq il-baħar għall-persuni, l-oġġetti u l-ambjent. Din is-sitwazzjoni tikkorrispondi, mill-bqija, għal dik li fiha r-Regola 19(c) tal-Parti B tal-Kapitolu I tal-Anness tal-Protokoll li jakkumpanja l-Konvenzjoni għas‑Salvagwardja tal‑Ħajja Umana fuq il‑Baħar tawtorizza lill-Istat li fil-port tiegħu jinsab il-bastiment sabiex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex dan ma jbaħħarx. Id-Direttiva 2009/16 għalhekk essenzjalment tirriproduċi, fuq dan il-punt, l-imsemmija regola.

149

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li r-rekwiżiti msemmija fiż-żewġ punti preċedenti ġew osservati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-port meta dawn ordnaw id-detenzjoni tal-bastimenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

150

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-miżuri korrettivi li tali awtoritajiet huma awtorizzati jimponu fil-każ fejn ikunu stabbilixxew l-eżistenza ta’ anomaliji li jippreżentaw periklu jew riskju manifest għas-sigurtà, għas-saħħa jew għall-ambjent u li jwasslu, waħedhom jew flimkien, għall-impossibbiltà ta’ navigazzjoni għall-bastiment ikkonċernat, għandu, qabel kollox, jitfakkar li r-regoli tad-dritt internazzjonali li fil-kuntest tagħhom taqa’ d-Direttiva 2009/16 u li hija intiża li tiżgura l-effettività tagħhom, jipprekludu li din id-direttiva tiġi interpretata fis-sens li Stat Membru li, skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, fi kwalità ta’ Stat ta’ port jista’ jeżiġi li bastimenti suġġetti għall-ġurisdizzjoni tiegħu jkollhom ċertifikati oħra li ġew mogħtija lilhom mill-Istat tal-bandiera jew li josservaw ir-rekwiżiti kollha applikabbli għall-bastimenti li jaqgħu taħt klassifikazzjoni differenti minn tagħhom, kif espost fil-punt 138 ta’ din is-sentenza.

151

Minn dan isegwi li l-Istat tal-port ma jistax jikkundizzjona l-assenza ta’ detenzjoni ta’ dawn il-bastimenti jew it-tneħħija ta’ tali detenzjoni għal tali rekwiżiti.

152

Wara li ġie ppreċiżat dan, għandu, sussegwentement, jiġi rrilevat li l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2009/16, moqri fid-dawl tal-premessa 23 ta’ din id-direttiva, jippermetti lill-Istat tal-port li jadotta l-miżuri korrettivi li huwa jqis neċessarji, li l-osservanza tagħhom tikkundizzjona l-possibbiltà, għall-bastiment li ġie miżmum taħt detenzjoni, li jitlaq mill-port jew li jerġa’ jibda l-operat tiegħu. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta wkoll li dawn il-miżuri korrettivi għandhom ikunu intiżi sabiex jiggarantixxu li dan il-bastiment ikun jista’ jitlaq mill-port jew ikompli l-operat tiegħu mingħajr ma jikkostitwixxi riskju għas-sigurtà u għas-saħħa tal-passiġġieri jew tal-ekwipaġġ, riskju għall-bastimenti l-oħra u theddida mhux raġonevoli għall-ambjent tal-baħar.

153

Il-miżuri korrettivi li jistgħu għalhekk jiġu adottati f’każ partikolari jiddependu neċessarjament miċ-ċirkustanzi fattwali u mir-raġunijiet legali li wasslu għall-ispezzjonijiet addizzjonali u ddettaljati kif ukoll id-detenzjoni tal-bastiment ikkonċernat. Madankollu, fi kwalunkwe każ, hija għandha tkun mhux biss adegwata u neċessarja sabiex tirrimedja għall-anomaliji li jippreżentaw riskju manifest għas-sigurtà, għas-saħħa jew għall-ambjent u li twassal għall-impossibbiltà għall-bastiment li jbaħħar, li ġġustifikaw din id-detenzjoni, iżda wkoll proporzjonati għal dan il-għan, li hija l-awtorità kompetenti li għandha tistabbilixxi, taħt il-kontroll tal-qorti nazzjonali kompetenti, billi tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 121 ta’ din is-sentenza.

154

Fl-aħħar nett, kemm mill-Artikolu 19(6) tad-Direttiva 2009/16 kif ukoll mill-Artikolu 21(1), (3) u (5) ta’ din id-direttiva u mir-regoli tad-dritt internazzjonali li fid-dawl tagħhom għandhom jiġu interpretati dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, qabel ma jiddetermina l-miżuri korrettivi li huwa għandu l-intenzjoni li jimponi, l-Istat tal-port għandu jinforma bil-miktub lill-Istat tal-bandiera biċ-ċirkustanzi u bir-raġunijiet li wasslu għall-ispezzjoni u għad-detenzjoni ta’ bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu, billi jikkomunikalu r-rapport jew ir-rapporti maħruġa wara din l-ispezzjoni. Dan ir-rekwiżit japplika irrispettivament mill-Istat tal-bandiera u għalhekk indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk huwiex Stat Membru ieħor jew Stat terz.

155

Fil-fatt, mill-Artikolu 94(6) tal-Konvenzjoni dwar il‑Liġi tal‑Baħar jirriżulta b’mod ċar li kull Stat li għandu raġunijiet serji sabiex jaħseb li l-qorti u l-kontroll xieraq ma ġewx eżerċitati fuq bastiment jista’ jindika l-fatti lill-Istat tal-bandiera, li għandu, ladarba jiġi avżat u fil-kuntest tal-kompetenzi kif ukoll tas-setgħat li għandu, iwettaq investigazzjoni u jieħu, jekk ikun hemm lok, il-miżuri neċessarji sabiex jirrimedja s-sitwazzjoni. Din id-dispożizzjoni timplika li l-Istat tal-bandiera għandu jieħu, fir-rigward tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu, il-miżuri kollha neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi tal-Istat kostali fl-oriġini tat-twissija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 62, kif ukoll tas‑26 ta’ Novembru 2014, Il-Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑103/12 u C‑165/12, EU:C:2014:2400, punt 63).

156

Barra minn hekk, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li jobbliga lill-Istati Membri, b’mod ġenerali u għalhekk, b’mod partikolari, fil-kuntest tas-sitwazzjonijiet irregolati mid-Direttiva 2009/16, li josservaw u li jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw mit-Trattati, li jieħdu kull miżura xierqa sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw b’mod partikolari mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll li jastjenu minn kull miżura li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni.

157

Fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif ukoll jikkooperaw lealment fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ kontroll rispettivi tagħhom, b’mod li l-obbligi tad-Direttiva 2009/16 jiġu osservati mill-Istat kompetenti billi jippreżervaw l-effett utli tagħhom. B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-każ fejn il-bastiment li ġie spezzjonat u miżmum taħt detenzjoni jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru ieħor għajr dik tal-Istat tal-port, dan tal-aħħar, li huwa l-uniku wieħed kompetenti, fil-kuntest tal-mekkaniżmu implimentat mid-Direttiva 2009/16, sabiex jadotta miżuri korrettivi fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 150 sa 153 ta’ din is-sentenza, għandu, meta jagħmel dan, josserva l-klassifikazzjoni u ċ-ċertifikazzjonijiet mogħtija mill-Istat tal-bandiera. Min-naħa tiegħu, l-Istat tal-bandiera għandu jieħu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li wasslu lill-Istat tal-port sabiex jispezzjona u sussegwentement iżomm taħt detenzjoni dan il-bastiment, u jassistih fir-riċerka tal-miżuri korrettivi l-iktar xierqa sabiex jirrimedja l-anomaliji kkonstatati kif ukoll il-perikoli jew ir-riskji manifesti li jirriżultaw minnhom. Dawn iż-żewġ Stati Membri għandhom jagħmlu ħilithom ukoll, it-tnejn li huma, sabiex jaslu għal pożizzjoni miftiehma fir-rigward tal-miżuri li għandhom jittieħdu minn kull wieħed minnhom, fil-kuntest tas-setgħat rispettivi tagħhom, kif ukoll fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

158

Dawn ir-rekwiżiti differenti għandhom importanza ikbar peress li ma jeżistux, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, dispożizzjonijiet li jirregolaw speċifikament l-attività sistematika ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fil-baħar li hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

159

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2009/16 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li jiġi stabbilit li bastimenti li huma, fil-prattika, użati għall-finijiet ta’ attività sistematika ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fil-baħar, filwaqt li ġew ikklassifikati u ċċertifikati bħala bastimenti tal-merkanzija minn Stat Membru li jkollu l-kwalità ta’ Stat tal-bandiera, ikunu ġew użati b’mod li jippreżenta periklu għall-persuni, l-oġġetti jew l-ambjent, l-Istat Membru li għandu l-kwalità ta’ Stat tal-port ma jistax jissuġġetta l-assenza ta’ detenzjoni ta’ dawn il-bastimenti jew it-tneħħija ta’ tali detenzjoni għall-kundizzjoni li dawn ikollhom ċertifikati adattati għal din l-attività u li josservaw ir-rekwiżiti korrispondenti kollha. Min-naħa l-oħra, dan l-Istat jista’ jimponi miżuri korrettivi speċifiċi fil-qasam tas-sigurtà, tal-prevenzjoni tat-tniġġis u tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord, sakemm dawn il-miżuri korrettivi huma ġġustifikati mill-eżistenza ta’ anomaliji li jippreżentaw riskju manifest għas-sigurtà, għas-saħħa jew għall-ambjent u li jwasslu għall-impossibbiltà ta’ tbaħħir f’kundizzjonijiet xierqa sabiex tiġi żgurata s-sigurtà fuq il-baħar. Tali miżuri korrettivi għandhom, barra minn hekk, ikunu adegwati, neċessarji u proporzjonati għal dan il-għan. Għandu jingħad ukoll li, l-adozzjoni tagħhom u l-implimentazzjoni tagħhom mill-Istat tal-port għandhom ikunu s-suġġett ta’ kooperazzjoni leali mal-Istat tal-bandiera, b’osservanza tas-setgħat rispettivi ta’ dawn iż-żewġ Stati.

Fuq l‑ispejjeż

160

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port, kif emendata mid-Direttiva (UE) 2017/2110 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑15 ta’ Novembru 2017 dwar sistema ta’ spezzjonijiet għall-operazzjoni bla periklu ta’ vapuri ro-ro tal-passiġġieri u inġenji ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri f’servizz regolari u li temenda d-Direttiva 2009/16/KE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE,

 

2)

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

hija applikabbli għal bastimenti li, filwaqt li huma kklassifikati u ċċertifikati bħala bastimenti tal-merkanzija mill-Istat tal-bandiera, jintużaw, fil-prattika, b’mod sistematiku, minn organizzazzjoni umanitarja għall-finijiet ta’ attività mhux kummerċjali ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fil-baħar u

hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tiżgura t-traspożizzjoni tagħha fid-dritt intern li tillimita l-applikabbiltà tagħha biss għall-bastimenti li jintużaw għall-finijiet ta’ attività kummerċjali.

 

3)

L-Artikolu 11(b) tad-Direttiva 2009/16, kif emendat mid-Direttiva 2017/2110, moqri flimkien mal-Parti II tal-Anness I ta’ din id-direttiva kif emendata, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat tal-port jista’ jissottometti għal spezzjoni addizzjonali bastimenti li jeżerċitaw attività sistematika ta’ riċerka u ta’ salvataġġ u li jinsabu f’wieħed mill-portijiet tiegħu jew fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu, wara li jkunu daħlu f’dawn l-ilmijiet u wara li jkunu tlestew l-operazzjonijiet kollha ta’ trażbord jew ta’ żbark ta’ persuni li lilhom il-kaptan rispettiv tagħhom iddeċieda li jassisti, meta dak l-Istat ikun stabbilixxa, abbażi ta’ elementi legali u fattwali ddettaljati, li kienu jeżistu indizji serji ta’ natura li jixhdu periklu għas-saħħa, is-sigurtà, il-kundizzjonijiet ta’ xogħol abbord jew l-ambjent, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-użu ta’ dawn il-bastimenti.

 

4)

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/16, kif emendat mid-Direttiva 2017/2110, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-okkażjoni ta’ spezzjonijiet iddettaljati organizzati skont dan l-artikolu, l-Istat tal-port għandu s-setgħa li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-bastimenti li ġew ikklassifikati u ċċertifikati bħala bastimenti tal-merkanzija mill-Istat tal-bandiera huma, fil-prattika, użati għall-finijiet ta’ attività sistematika ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fil-baħar, fil-kuntest ta’ kontroll intiż għall-evalwazzjoni, abbażi ta’ elementi legali u fattwali ddettaljati, tal-eżistenza ta’ periklu għall-persuni, l-oġġetti jew l-ambjent, fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ użu ta’ dawn il-bastimenti. Min-naħa l-oħra, l-Istat tal-port ma għandux is-setgħa li jeżiġi l-prova li l-imsemmija bastimenti jkollhom ċertifikati oħra minbarra dawk maħruġa mill-Istat tal-bandiera jew li josservaw ir-rekwiżiti kollha applikabbli għal klassifikazzjoni oħra.

 

5)

L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2009/16, kif emendat mid-Direttiva 2017/2110, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li jiġi stabbilit li bastimenti li huma, fil-prattika, użati għall-finijiet ta’ attività sistematika ta’ riċerka u ta’ salvataġġ ta’ persuni f’sitwazzjoni ta’ periklu jew ta’ diffikultà fil-baħar, filwaqt li ġew ikklassifikati u ċċertifikati bħala bastimenti tal-merkanzija minn Stat Membru li jkollu l-kwalità ta’ Stat tal-bandiera, ikunu ġew użati b’mod li jippreżenta periklu għall-persuni, l-oġġetti jew l-ambjent, l-Istat Membru li għandu l-kwalità ta’ Stat tal-port ma jistax jissuġġetta l-assenza ta’ detenzjoni ta’ dawn il-bastimenti jew it-tneħħija ta’ tali detenzjoni għall-kundizzjoni li dawn ikollhom ċertifikati adattati għal din l-attività u li josservaw ir-rekwiżiti korrispondenti kollha. Min-naħa l-oħra, dan l-Istat jista’ jimponi miżuri korrettivi speċifiċi fil-qasam tas-sigurtà, tal-prevenzjoni tat-tniġġis u tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol abbord, sakemm dawn il-miżuri korrettivi huma ġġustifikati mill-eżistenza ta’ anomaliji li jippreżentaw riskju manifest għas-sigurtà, għas-saħħa jew għall-ambjent u li jwasslu għall-impossibbiltà ta’ tbaħħir f’kundizzjonijiet xierqa sabiex tiġi żgurata s-sigurtà fuq il-baħar. Tali miżuri korrettivi għandhom, barra minn hekk, ikunu adegwati, neċessarji u proporzjonati għal dan il-għan. Għandu jingħad ukoll li l-adozzjoni tagħhom u l-implimentazzjoni tagħhom mill-Istat tal-port għandhom ikunu s-suġġett ta’ kooperazzjoni leali mal-Istat tal-bandiera, b’osservanza tas-setgħat rispettivi ta’ dawn iż-żewġ Stati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.